dwar it-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1934/2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi u territorji industrijalizzati u oħrajn bi dħul għoli
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar it-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1934/2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi u territorji industrijalizzati u oħrajn bi dħul għoli
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tielet qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni u d-dikjarazzjonijiet rilevanti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (PE-CONS 00056/2011 – C7-0376/2011),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(1) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2009)0197),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fit-tieni qari(2) dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari(3),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-emendi tal-Parlament għall-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (COM(2011)0167),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fit-tieni qari,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(13) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 69 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tad-delegazzjoni tiegħu għall-Kumitat ta' Konċiljazzjoni (A7-0401/2011),
1. Japprova t-test konġunt;
2. Jikkonferma d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament u tal-Kunsill annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
5. Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att, flimkien mad-dikjarazzjonijiet relattivi tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Il-Kummissjoni adottat il-proposta tagħha għal regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1934/2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi u territorji industrijalizzati u oħrajn bi dħul għoli (Regolament ICI) fil-21 ta' April 2009. Il-proposta ġiet ippreżentata bħala parti mir-rieżami intermedju tal-istrumenti ta' finanzjament esterni. L-għan ewlieni huwa li jiġi estiż l-ambitu tar-Regolament ICI biex jinkludi wkoll il-kooperazzjoni ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw koperta bir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tat-18 ta' Diċembru 2006, l-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) għal kooperazzjoni ġeografika ma' pajjiżi fl-Asja, l-Asja Ċentrali u l-Amerika Latina, kif ukoll l-Iraq, l-Iran, il-Jemen u l-Afrika t'Isfel. Ir-Regolament ICI emendat jipprovdi bażi legali xierqa għal attivitajiet (ta' finanzjament) li ma jissodisfawx il-kriterji tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) kif stabbiliti mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (DAC/OECD) u li fuq dik il-bażi huma esklużi mir-Regolament DCI.
Ir-Regolament ICI emendat isaħħaħ aktar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea ma' pajjiżi kemm li qed jiżviluppaw kif ukoll li huma sħab ewlenin fl-ekonomija dinjija, bħaċ-Ċina, il-Brażil u l-Messiku u reġjuni bħall-Asja Ċentrali u l-Lvant Nofsani, l-Asja, l-Amerika Latina, kif ukoll l-Afrika t'Isfel. L-ammont ta' referenza miżjud huwa ta' EUR 176 miljun għall-perjodu 2010-2013.
I. Il-proċedura leġiżlattiva qabel il-konċiljazzjoni (l-ewwel u t-tieni qari)
Il-Parlament Ewropew adotta l-ewwel qari tiegħu fil-21 ta' Ottubru 2010. Dan ippropona li jittejjeb l-involviment tal-Parlament Ewropew fil-programmazzjoni, l-evalwazzjoni u r-rappurtar ta' programmi ta' kooperazzjoni multiannwali u daħħal xi emendi dwar il-finanzjament tal-istrument ICI.
Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fl-10 ta' Diċembru 2010. Ħafna emendi ġew aċċettati iżda l-Kunsill ma aċċettax it-talba tal-Parlament Ewropew biex l-atti delegati għall-adozzjoni ta' programmi ta' kooperazzjoni multiannwali (dokumenti ta' strateġija multiannwali) jitqiesu bħala atti mhux vinkolanti fl-opinjoni tal-Kunsill, li għalhekk għandhom jiġu adottati bħala miżuri implimentattivi. Ma aċċettax ukoll l-emendi għall-Artikolu 16 rigward il-finanzjament (il-Kunsill sostna li dan għandu jiġi deċiż miż-żewġ fergħat baġitarji (il-PE u l-Kunsill) fil-qafas tal-proċedura baġitarja annwali).
Il-Parlament adotta t-tieni qari tiegħu fit-3 ta' Frar 2011 (u kkonferma l-pożizzjoni fl-ewwel qari).
Il-Kunsill adottat t-tieni qari tiegħu fid-19 ta' Lulju 2011.
II. Konċiljazzjoni
Wara l-votazzjoni tat-tieni qari fit-3 ta' Frar u fid-dawl tar-rieda politika li l-konċiljazzjoni tiġi konkluża mill-aktar fis possibbli, il-laqgħa kostitwenti tad-delegazzjoni tal-PE għall-kumitat ta' konċiljazzjoni saret fi Strasburgu fil-15 ta' Frar 2011. Id-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew iddeċidiet li tinnegozja l-erba' fajls (DCI, DCI/BAM, ICI+ u EIDHR) ikkonċernati bħala pakkett. Waqt ir-rieżami intermedju ta' DCI u EIDHR, intlaħaq qbil li dawn kellhom jibqgħu invarjati u għalhekk ma hemm l-ebda dokument ta' strateġija previst sal-2013. Għalhekk in-negozjati komplew dwar il-fajl ICI+(1) (fadal dokument ta' strateġija wieħed) u l-fajl DCI/BAM(2) (fadal 10 dokumenti ta' strateġija).
Proċedura
Saru tmien trilogi fit-30 ta' Marzu, fil-11 ta' Mejju, fil-25 ta' Mejju, fit-22 ta' Ġunju, fil-5 ta' Lulju, fis-6 ta' Settembru (l-ewwel laqgħa tal-kumitat ta' konċiljazzjoni), fis-27 ta' Settembru u fid-19 ta' Ottubru. Saru seba' laqgħat tad-delegazzjoni tal-Parlament fil-15 ta' Frar, fit-12 ta' Mejju, fil-5 ta' Lulju, fis-6 ta' Settembru, fl-20 ta' Settembru, fil-11 ta' Ottubru u fil-25 ta' Ottubru. Il-qbil politiku ntlaħaq fil-31 ta' Ottubru 2011.
Kontenut
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu li jistabbilixxu d-deċiżjonijiet fundamentali (objettivi, prijoritajiet, allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi u riżultati mistennija) bil-kodeċiżjoni. Waqt it-trilogu tas-27 ta' Settembru, intlaħaq qbil provviżorju dwar proposta għal pakkett ta' kompromess (dwar ICI+, DCI/BAM u dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu futur tal-atti delegati). Dan il-pakkett ġie approvat mill-Coreper fid-29 ta' Settembru 2011. Fil-laqgħa tal-11 ta' Ottubru, id-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew iddeċidiet, madankollu, li n-negozjati kellhom jitkomplew, speċjalment dwar il-fajl DCI/BAM. Għalhekk fid-19 ta' Ottubru sar trilogu ieħor, fejn il-Kunsill żamm il-ftehim provviżorju milħuq fit-trilogu tas-27 ta' Settembru. Inqabel li l-ftehim provviżorju jerġa' jitressaq quddiem id-delegazzjoni tal-Parlament għal votazzjoni finali. Id-delegazzjoni tal-PE adottat il-ftehim fil-laqgħa tagħha tal-25 ta' Ottubru.
Il-konċiljazzjoni ntemmet bi skambju ta' ittri (l-24 u s-26 ta' Ottubru 2011).
Ir-riżultat kumplessiv tal-konċiljazzjoni huwa pożittiv. Intlaħaq qbil li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jiddeċiedu flimkien dwar deċiżjonijiet strateġiċi importanti bil-kodeċiżjoni.
Barra minn hekk, intlaħaq qbil dwar Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tal-atti delegati fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni għall-istrumenti finanzjarji futuri, li ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew fin-negozjati favur l-inklużjoni ta' atti delegati fl-istrumenti l-ġodda.
Dwar l-istrument ICI+
Il-qbil milħuq jippermetti lill-Unjoni Ewropea ssaħħaħ l-attivitajiet għajr l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp ma' pajjiżi kemm li qed jiżviluppaw kif ukoll li huma sħab ewlenin fl-ekonomija dinjija (bħall-Indja, il-Brażil u ċ-Ċina).
Il-Parlament Ewropew insista fuq Anness bl-allokazzjoni finanzjarja ta' fondi skont il-qasam ta' prijorità (Diplomazija Pubblika u Outreach, Promozzjoni tas-sħubija ekonomika u tal-kooperazzjoni kummerċjali, kuntatti bejn il-persuni) b'perċentwali minimi. L-istabbiliment ta' dawn l-allokazzjonijiet finanzjarji fl-att bażiku isaħħaħ il-pożizzjoni ta' negozjar tal-Parlament Ewropew għal atti delegati futuri.
Fi spirtu ta' kompromess il-Parlament Ewropew aċċetta Dikjarazzjoni dwar id-dispożizzjonijiet finanzjarji.
III. Konklużjoni
Id-delegazzjoni tal-PE ddeċidiet li tinnegozja l-erba' fajls leġiżlattivi bħala pakkett. Dan l-approċċ wassal għal titjib konsiderevoli. Il-pakkett kumpelssiv konkluż fi tmiem il-proċedura ta' konċiljazzjoni se jtejjeb il-pożizzjoni tal-Parlament dwar atti delegati fl-istrumenti li jmiss. Id-delegazzjoni tirrakkomanda li, fi spirtu ta' kompromess, jinżamm l-approċċ ibbażat fuq pakkett, u li l-Parlament japprova t-test konġunt fit-tielet qari.
Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1934/2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi u territorji industrijalizzati u oħrajn bi dħul għoli, 2009/0059(COD).
Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp, 2010/0059(COD).
PROĊEDURA
Taqsima
Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1934/2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi u territorji industrijalizzati u oħrajn bi dħul għoli
Data tal-ittra tal-Kunsill dwar iċ-ċaħda tal-emendi tal-PE
19.7.2011
Laqgħat tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni
6.9.2011
Data tal-votazzjoni tad-delegazzjoni tal-PE
25.10.2011
Riżultat tal-votazzjoni
+:
–:
0:
17
6
3
Membri preżenti
Alejo Vidal-Quadras, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Kinga Gál, Elmar Brok, Filip Kaczmarek, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Manfred Weber, Vital Moreira, Thijs, Berman, Ana Gomes, Richard Howitt, Gianluca Susta, Patrice Tirolien, Charles Goerens, Barbara Lochbihler, Eva Joly, Robert Sturdy, Helmut Scholz, Claudio Morganti
Sostitut(i) preżenti
Christofer Fjellner, Ioannis Kasoulides, Georgios Koumoutsakos, Eduard Kukan, Ria Oomen-Ruijten, Maurice Ponga, Kriton Arsenis, Ivo Vajgl, Bart Staes
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2) tar-Regoli ta' Proċedura) preżenti
Leonidas Donskis
Data tal-ftehim fil-Kumitat ta' Konċiljazzjoni
Ftehim permezz ta' skambju ta' ittri
24.10.2011
26.10.2011
Data meta l-kopresidenti stabbilew li t-test konġunt ġie approvat u ntbagħat lill-PE u lill-Kunsill
31.10.2011
Data tat-tressiq
24.11.2011
Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)