Proċedura : 2011/2076(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0412/2011

Testi mressqa :

A7-0412/2011

Dibattiti :

PV 30/11/2011 - 13
CRE 30/11/2011 - 13

Votazzjonijiet :

PV 01/12/2011 - 6.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0525

RAPPORT     
PDF 173kDOC 84k
25 ta' Novembru 2011
PE 469.753v01-00 A7-0412/2011

dwar it-talba għall-ħarsien tal-immunità u l-privileġġi ta' Luigi de Magistris

(2011/2076(IMM))

Kumitat għall-Affarijiet Legali

Rapporteur: Bernhard Rapkay

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-talba għall-ħarsien tal-immunità u l-privileġġi ta' Luigi de Magistris

(2011/2076(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-talba ta' Luigi de Magistris tal-31 ta' Marzu 2011, imressqa fil-plenarja tas-6 ta' April 2011, għall-ħarsien tal-immunità tiegħu bi rbit ma' proċedimenti legali pendenti quddiem il-Qorti ta' Napli, fl-Italja,

–   wara li kkunsidra s-sottomissjonijiet bil-miktub ta' Luigi de Magistris bi qbil mal-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tal-Protokoll (Nru.7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,

–   wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Mejju 1964, tal-10 ta’ Lulju 1986, tal-15 u l-21 ta’ Ottubru 2008, tad-19 ta’ Marzu 2010 u tas-6 ta' Settembru 2011(1),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 6(3) u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0412/2011),

A. billi Membru tal-Parlament Ewropew, Luigi de Magistris, kien talab għall-ħarsien tal-immunità parlamentari tiegħu fir-rigward tal-proċedimenti quddiem qorti Taljana,

B.  billi t-talba ta' Luigi De Magistris tittratta taħrika li saret kontrih quddiem il-Qorti ta' Napli f'isem Bagnolifutura SpA, kumpanija bid-domiċilju tagħha f'Napli li taħdem fil-qasam tad-disinn u t-taqlib tal-ħamrija, f'konnessjoni mal-istqarrijiet għall-stampa maħruġa minnu u ppubblikati fil-websajt tiegħu,

C. billi skont it-taħrika, id-dikjarazzjonijiet li saru f'dawk l-istqarrijiet għall-istampa jikkostitwixxu libell, li jirriżulta f'rikors għal danni,

D. billi l-istqarrijiet għall-istampa ġew ippubblikati fuq il-websajt fi żmien meta Luigi de Magistris kien Membru tal-Parlament Ewropew, wara t-tlugħ tiegħu fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2009,

E.  billi f'dawk l-istqarrijiet għall-istampa Luigi de Magistris ippubblika informazzjoni relatata ma' mistoqsija ta' segwitu miktuba lill-Kummissjoni Ewropea, li fiha talab għal dettalji addizzjonali rigward l-irregolaritajiet tal-akkwist pubbliku nnutati f'Mejju 2009 mill-Kummissjoni, u billi huwa talab ukoll għal aktar dettalji dwar il-ħela allegata ta' fondi pubbliċi fiż-żona ta' Napli fejn Bagnolifutura għandha n-negozju tagħha,

F.  billi, skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri m’għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom,

G. billi, skont il-prattika stabbilita tal-Parlament, il-fatt li l-proċeduri legali jaqgħu taħt id-dritt ċivili jew amministrattiv, jew fihom ċerti aspetti li huma koperti mid-dritt ċivili jew amministrattiv, ma jeskludix per se li tapplika l-immunità mogħtija minn dak l-artikolu,

H. billi l-fatti tal-każ, kif ippreżentati fit-taħrika u fis-sottomissjonijiet bil-miktub ta’ Luigi de Magistris lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, jindikaw li d-dikjarazzjonijiet li saru għandhom konnessjoni diretta u ovvja mat-twettiq tad-dmirijiet ta’ Luigi de Magistris bħala Membru tal-Parlament Ewropew,

I.   billi Luigi de Magistris, meta ppubblika l-istqarrijiet għall-istampa kkonċernati, kien għalhek qiegħed jaġixxi fit-twettiq ta’ dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew,

1.  Jiddeċiedi li jiddefendi l-immunità u l-privileġġi ta’ Luigi de Magistris;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika Taljana u lil Luigi de Magistris.

(1)

Kawża 101/63 Wagner vs Fohrmann u Krier [1964] Ġabra 195, Kawża 149/85 Wybot vs Faure et [1986] Ġabra 2391, Kawża T-345/05 Mote vs Il-Parlament [2008] Ġabra II-2849, Kawżi Magħquda C-200/07 u C-201/07 Marra vs De Gregorio u Clemente [2008] Ġabra I-7929, u Kawża T-42/06 Gollnisch vs Il-Parlament (għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra) u Kawża C-163/10 Patriciello (għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra).


NOTA SPJEGATTIVA

1.        L-isfond

Waqt is-seduta tas-6 ta' April 2011, il-President avża, skont l-Artikolu 6(3) tar-Regoli ta' Proċedura, li fil-31 ta' Marzu 2011, huwa rċieva talba mis-Sur Luigi de Magistris dwar il-ħarsien tal-immunità parlamentari tiegħu b'referenza għall-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea u għall-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Taljana kif emendat mil-Liġi Kostituzzjonali Nru.3 tad-29 ta' Ottubru 1993. Il-President irrefera t-talba lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali skont l-Artikolu 6(3). Is-Sur De Magistris ċaħad id-dritt tiegħu li jkun mismugħ mill-Kumitat.

L-isfond għat-talba għal difiża hija kif ġej: Is-Sur De Magistris issejjaħ biex jidher quddiem il-Qorti ta' Napli minn Bagnoliafutura SpA, kumpanija mħallta bid-domiċilju tagħha f'Napli li taħdem fil-qasam tad-disinn u t-taqlib tal-ħamrija, f'konnessjoni mal-istqarrijiet għall-stampa maħruġa minnu u ppubblikati fil-websajt tiegħu

F'dawn l-istqarrijiet għall-istampa Luigi de Magistris ippubblika informazzjoni relatata ma' mistoqsija ta' segwitu miktuba lill-Kummissjoni Ewropea, li fiha talab għal dettalji addizzjonali rigward l-irregolaritajiet tal-akkwist pubbliku nnutati f'Mejju 2009 mill-Kummissjoni. Huwa talab ukoll għal aktar dettalji dwar il-ħela allegat ta' fondi pubbliċi fiż-żona ta' Napli fejn Bagnolifutura għandha n-negozju tagħha.

Bagnolifutura ssostni li fl-istqarrijiet għall-istampa Luigi de Magistris akkuża l-kumpanija b'dewmien u ħela ta' flus pubbliċi, b'passività u ineffiċjenza, u jargumenta li l-kumpanija hija involuta f'kondotta li hija l-aħjar deskritta bħala taħlita ta' politika u kriminalità. Luigi de Magistris abuża l-libertà tal-espressjoni, u ma kkonformax mar-rekwiżit importanti li jgħid il-verità. Ir-rikorrent argumenta li l-allegazzjonijiet ġabu lill-kumpanija f'diffikultajiet serji fis-suq u fir-relazzjonijiet ta' negozju tagħha mal-banek, l-aġenziji tal-gvern u l-fornituri.

Minn naħa tiegħu, Luigi de Magistris issottometta li fl-istqarrijiet għall-istampa huwa esprima l-opinjoni politika tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew u skontu hija assolutament normali u neċessarja li l-pubbliku jiġi infurmat dwar ir-riżultati ta' xogħlu. Għalhekk id-dikjarazzjonijiet li saru jikkostitwixxu espressjoni tal-attività politika ta' MPE li għandha tiġi mħarsa mill-Protokoll dwar il-privileġġi u l-Immunitajiet.

2.        Il-liġi u l-proċedura tal-immunità tal-Membri tal-Parlament Ewropew

L-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll (Nru.7) għat-TFUE dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jgħidu dan li ġej (enfasi miżjuda):

Artikolu 8

Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhomx ikunu soġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.

Artikolu 9

Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Membri tiegħu, għandhom igawdu:

a.  fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

b.  fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta' detenzjoni u minn proċeduri legali.

L-immunità għandha tapplika bl-istess mod għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.

L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fit-twettiq ta' reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jneħħi l-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu.

Il-proċedura fi ħdan il-Parlament Ewropew hi governata fl-Artikoli 6 u 7 tar-Regoli ta' Proċedura. Id-dispożizzjonijiet rilevanti huma dawn:

Artikolu 6 - Tneħħija tal-immunità

1.  Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam ma' privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu qabel kollox iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom. (...)

3.  Kull talba indirizzata lill-President minn Membru jew ex-Membru biex jiddefendi privileġġi u immunitajiet għandha tiġi mħabbra fil-Parlament u rriferuta lill-kumitat responsabbli.

4.  F'każ ta' urġenza, f'ċirkustanzi fejn Membru jiġi arrestat jew fejn tinżamm il-libertà ta' moviment tiegħu bi ksur apparenti tal-privileġġi u l-immunitajiet tiegħu, il-President, wara li jkun ħa l-parir tal-president u tar-rapporteur tal-kumitat responsabbli, jista' jieħu inizjattiva biex jikkonferma l-privileġġi u l-immunitajiet tal-Membru kkonċernat. Il-President għandu jinnotifika lill-kumitat b'dik l-inizjattiva u jgħarraf lill-Parlament.

Artikolu 7 - Proċedura dwar l-immunità

1.  Il-kumitat responsabbli għandu jikkunsidra mingħajr dewmien u skont l-ordni li fih tressqu t-talbiet għat-tneħħija tal-immunità jew it-talbiet għall-ħarsien tal-immunità u tal-privileġġi.

2.  Il-kumitat għandu jagħmel proposta għal deċiżjoni li sempliċement tirrakkomanda l-adozzjoni jew iċ-ċaħda tat-talba għat-tneħħija tal-immunità jew għall-ħarsien tal-immunità u tal-privileġġi.

3.  Il-kumitat jista' jitlob lill-awtorità kkonċernata għal informazzjoni jew spjegazzjoni li l-kumitat iqis li hija meħtieġa sabiex ikun jista' jifforma opinjoni dwar jekk l-immunità għandhiex tiġi mneħħija jew imħarsa. Il-Membru kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jinstema', jista' jippreżenta dokumenti jew evidenza bil-miktub li jħoss li huma meħtieġa. Huwa jista' jkun rappreżentat minn membru ieħor. (...)

6.  F'każi li għandhom x'jaqsmu mal-ħarsien tal-immunità jew tal-privileġġi, il-kumitat għandu jiddikjara jekk iċ-ċirkustanzi jkunux jikkostitwixxu xkiel amministrattiv jew xkiel ieħor mqiegħed għall-moviment ħieles tal-Membri li jivvjaġġaw lejn jew mill-postijiet fejn jiltaqa' l-Parlament jew opinjoni espressa jew vot mitfugħ fit-twettiq tal-mandat jew li jaqgħu fi ħdan l-Artikolu [9] tal-Protokoll dwar Privileġġi u Immunitajiet li ma jidħlux fl-ambitu tal-liġi nazzjonali, u għandu jagħmel proposta sabiex l-awtorità konċernata tiġi mistiedna tasal għall-konklużjonijiet meħtieġa.

7.  Il-kumitat jista' jagħti parir motivat dwar il-kompetenza tal-awtorità inkwistjoni u dwar l-ammissibiltà tat-talba, iżda fl-ebda ċirkustanza m'għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lilu jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jikkunsidra t-talba, jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ. (...)

3.        Ġustifikazzjoni għall-proposta ta' deċiżjoni

L-Artikolu 8 tal-protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea ġie invokat espliċitament minn Luigi De Magistris fit-talba tiegħu.

L-istqarrijiet għall-istampa ġew ippubblikati fi żmien meta Luigi de Magistris kien Membru tal-Parlament Ewropew, wara t-tlugħ tiegħu fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2009.

Skont il-prattika stabbilita tal-Parlament, il-fatt li l-proċedimenti legali huma ta’ natura ta’ dritt ċivili jew amministrattiv, jew fihom ċerti aspetti li huma koperti mid-dritt ċivili jew amministrattiv, ma jeskludix per se li tapplika l-immunità mogħtija minn dak l-Artikolu.

Kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-ambitu tal-immunità assoluta li jipprovdi l-Artikolu 8 “għandu jiġi stabbilit fuq il-liġi Komunitarja waħedha”(1). Madankollu, il-Qorti reċentement sostniet ukoll li “dikjarazzjoni magħmula minn Membru tal-parlament Ewropew lil hinn mill-bini ta’ din l-istituzzjoni u li tagħti lok għal prosekuzzjoni fl-Istat Membru tiegħu għall-offiża ta’ akkużi foloz ma tikkostitwixxix opinjoni espressa fil-qadi tad-dririjiet parlamentari tiegħu koperta mill-immunità pprodvduta minn dik id-dispożizzjoni sakemm dik id-dikjarazzjoni ma tammontax għal valutazzjoni soġġettiva li jkollha konnessjoni diretta u ovvja mal-qadi ta’ dawk id-dmirijiet(2) (enfasi miżjuda).

Quddiem dan kollu, il-Kumitat iqis li l-fatti tal-każ, kif jidhru mit-taħrika u mis-sottomissjonijiet bil-miktub ta’ Luigi de Magistris lill-Kumitat, jindikaw li d-dikjarazzjonijiet li saru għandhom konnessjoni diretta u ovvja mat-twettiq tad-dmirijiet ta’ Luigi de Magistris bħala Membru tal-Parlament Ewropew, b'mod partikolari minħabba l-fatt li l-informazzjoni ppubblikata tirrelata għal mistoqsija ta' segwitu miktuba lill-Kummissjoni Ewropea.

Il-Kumitat, għalhekk, iqis li meta ppubblika l-istqarrijiet għall-istampa kkonċernati, Luigi de Magistris kien qiegħed jaġixxi fit-twettiq ta’ dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew.

4.        Konklużjoni

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq u skont l-Artikolu 6(3) tar-Regoli ta' Proċedura, wara li kkunsidra r-raġunijiet favur u kontra d-difiża tal-immunità tal-Membru, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew għandu jiddefendi l-immunità parlamentari ta' Luigi de Magistris.

(1)

Marra, ikkwotat hawn fuq, fil-paragrafu 26.

(2)

Patriciello, ikkwotat hawn fuq, parti operattiva.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

21.11.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

15

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Raffaele Baldassarre, Luigi Berlinguer, Françoise Castex, Klaus-Heiner Lehne, Alajos Mészáros, Bernhard Rapkay, Alexandra Thein, Diana Wallis, Rainer Wieland, Cecilia Wikström, Zbigniew Ziobro

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Kurt Lechner, Eva Lichtenberger, Dagmar Roth-Behrendt

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jaroslav Paška

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Novembru 2011Avviż legali