Proċedura : 2011/2099(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0413/2011

Testi mressqa :

A7-0413/2011

Dibattiti :

PV 30/11/2011 - 13
CRE 30/11/2011 - 13

Votazzjonijiet :

PV 01/12/2011 - 6.23
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


RAPPORT     
PDF 218kDOC 130k
25 ta' Novembru 2011
PE 470.003v01-00 A7-0413/2011

dwar it-talba għall-ħarsien tal-immunità u l-privileġġi ta' Viktor Uspaskich

(2011/2099(IMM))

Kumitat għall-Affarijiet Legali

Rapporteur: Bernhard Rapkay

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-talba għall-ħarsien tal-immunità u l-privileġġi ta' Viktor Uspaskich

(2011/2099(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-talba ta' Viktor Uspaskich tal-5 ta' April 2011, imħabbra fis-seduta plenarja fid-9 ta' Mejju 2011, fid-dawl tal-ħarsien tal-immunità tiegħu, u għat-talba tiegħu tal-11 ta' April 2011, imħabbra fis-seduta plenarja tal-4 ta' Lulju 2011, għal rieżami tad-deċiżjoni tal-Parlament tas-7 ta' Settembru 2010 li ma jħarisx l-immunità tiegħu(1),

–   wara li sema' lil Viktor Uspaskich fis-10 ta' Ottubru 2011, bi qbil mal-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 7 u 9 tal-Protokoll tat-8 ta’ April 1965 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta’ Settembru 1976 rigward l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew permezz ta’ suffraġju universali dirett,

–   wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986, tal-15 u l-21 ta' Ottubru 2008 u tad-19 ta' Marzu 2010(2),

–   wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Parlament tas-7 ta' Settembru 2010 li ma jħarisx l-immunità ta' Viktor Uspaskich(3),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 6(3) u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0413/2011),

A. billi huwa xieraq li t-talbiet magħmulin minn Viktor Uspaskich fil-5 u l-11 ta' April 2011 jiġu trattati flimkien billi jirrelataw mal-istess proċedimenti legali;

B.  billi l-proċedimenti kriminali li tressqu kontra Viktor Uspaskich, Membru tal-Parlament Ewropew, li huwa akkużat fil-proċedimentipendenti fil-Qorti Reġjonali ta' Vilnjus b’offiżi kriminali skont l-Artikolu 24(4) flimkien mal-Artikolu 222(1), l-Artikolu 220(1), l-Artikolu 24(4) flimkien mal-Artikolu 220(1), l-Artikolu 205(1) u l-Artikolu 24(4) flimkien mal-Artikolu 205(1) tal-Kodiċi Kriminali Litwan;

C. billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, matul is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew il-Membri tiegħu jgawdu ‘fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-Parlament tagħhom’, billi ‘l-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt ta’ reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu’;

D. billi, skont l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni ta-Repubblika Litwana, Membru tal-Parlament nazzjonali (is-Semias) ma jistax jinżamm kriminalment responsabbli jew arrestat, lanqas m'għandu jkollu l-libertà tiegħu ristretta mod ieħor, mingħajr il-kunsens tal-Parlament;

E.  billi l-Artikolu 62 ikompli li Membru tas-Seimas ma jistax jiġi ppersegwitat għall-votazzjoni tiegħu jew għad-diskorsi tiegħu fis-Seimas, għalkemm jista' jitqies responsabbli skont il-proċedura ġenerali għal insulti personali jew inġurji;

F.  billi Viktor Uspaskich huwa essenzjalment akkużat b'reati ta' verifika falza fir-rigward tal-iffinanzjar ta' partit politiku waqt perjodu qabel l-elezzjoni tiegħu fil-Parlament Ewropew;

G. billi fis-7 ta' Settembru 2010 l-Parlament irrinunzja għall-immunità tà Viktor Uspaskich, billi ma tressqet l-ebda evidenza konvinċenti dwar l-eżistenza ta' xi fumus persecutionis u r-reati li bihom huwa akkużat is-Sur Uspaskich m'għandhomx x'jaqsmu xejn mal-attivitajiet tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

H. billi fit-28 ta' Ottubru 2010 Viktor Uspaskich ippreżenta rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament tas-7 ta' Settembru 2010 fil-Qorti Ġenerali, biex imbagħad irtiraha f'Lulju tal-2011;

I.   billi fl-ittra tiegħu tal-5 ta' April 2011 li talbet il-ħarsien tal-immunità tiegħu, Viktor Uspaskich jgħid li l-proċedimenti kriminali li nbdew mill-awtoritajiet Litwani jżommuh milli jaqdi d-dmirijiet parlamentari tiegħu, jew jagħmluha diffiċli għalih li jwettaqhom, billi jirrestrinġu l-libertà tiegħu ta’ moviment, ħaġa li tmur kontra tal-Artikolu 7 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet;

J.   billi l-Artikolu 7 tal-Protokoll għandu l-funzjoni li jħares lill-Membri kontra restrizzjonijiet fuq il-libertà tagħhom ta’ moviment, minbarra restrizzjonijiet ġudizzjarji, u konsegwentement fih mhux immunità iżda privileġġ, u ma jipproteġix kontra restrizzjonijiet ġudizzjarji fuq il-libertà ta’ moviment tal-Membri(4);

K. billi, konsegwentement, huwa impossibbli għall-Parlament li jaċċetta t-talba ta' Viktor Uspaskich tal-5 ta' April 2011 biex iħares l-immunità tiegħu fuq il-bażi tal-Artikolu 7 tal-Protokoll;

L.  billi fl-ittra tiegħu tal-11 ta’ April 2011 is-Sur Uspaskich jitlob li ssir reviżjoni tad-deċiżjoni tal-Parlament tas-7 ta' Settembru 2010 għar-raġuni li tqajmu allegati fatti ġodda mill-WikiLeaks, li hu jsostni li juru li kien vittma ta’ fumus persecutionis;

M. billi din l-allegazzjoni għandha tiġi miċħuda għar-raġuni li ma ġie stabbilit l-ebda ness suffiċjenti bejn l-allegati fatti ġodda u l-ftuħ ta’ proċedimenti kontra Viktor Uspaskich għal kontabilità falza;

N. billi barra minn hekk – u din tapplika ukoll għall-istqarrija ta' Viktor Uspaskich li d-dritt fundamentali tiegħu ta' difiża u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ġew miksura bit-teħid tad-deċiżjoni tas-7 ta' Settembru 2010 –, it-talba biex isir rieżami tad-deċiżjoni tal-Parlament tas-7 ta' Settembru 2010 ma tikkostitwixxix talba għad-difiża tal-immunità u l-privileġġi tiegħu skont it-tifsira tal-Artikoli 6 u 7;

1.  Jiddeċiedi li ma jħarisx l-immunità u l-privileġġi ta' Viktor Uspaskich;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità xierqa tar-Repubblika tal-Litwanja.

(1)

Testi adottati, P7_TA(2010)0296.

(2)

Kawża 101/63 Wagner v. Fohrmann and Krier [1964] ECR 195; Kawża 149/85 Wybot v. Faure and Others [1986] ECR 2391; Kawża T-345/05, Mote v. Parlament [2008] ECR II-2849; Kawżi Konġunti C-200/07 u C-201/07 Marra v. De Gregorio u Clemente [2008] ECR I-7929; Kawża T-42/06 Gollnisch v. Parlament.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2010)0296.

(4)

Kawża T-345/05 Mote v. Parlament [2008] ECR II-2849, Paragrafi 48-52.


NOTA SPJEGATTIVA

Fatti

Fl-14 ta’ Lulju 2009 l-Kap Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika tal-Litwanja talab it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta’ Viktor Uspaskich.

Waqt is-seduta tas-7 ta’ Ottubru 2009 l-President ħabbar, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, li kien irċieva ittra mibgħuta mill-awtoritajiet ġudizzjarji Litwani fl-14 ta’ Lulju 2009 li kienet titlob li titneħħa l-immunità parlamentari tas-Sur Uspaskich.

Il-President irrefera t-talba lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali skont l-Artikolu 6(2).

Il-Kap Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika tal-Litwanja ġie istruwit, b’deċiżjoni tal-Qorti Reġjonali ta’ Vilnius tad-29 ta' Ġunju 2009, li jitlob lill-Parlament Ewropew ineħħi l-immunità tal-Membru tiegħu Viktor Uspaskich, li tressqu proċedimenti kriminali kontrih fil-Kawża Nru 1-38/2009, bil-għan li l-proċedimenti kriminali mibdija kontrih ikunu jistgħu jitmexxew u l-ordni ta’ pleġġ maħruġa kontrih mill-qorti bħala miżura ta’ prekawzjoni tkun tista’ tiġi inforzata.

Viktor Uspaskich huwa akkużat fi proċedimenti pendenti fil-Qorti Reġjonali ta’ Vilnius b’offiżi kriminali skont l-Artikolu 24(4) konġuntament mal-Artikolu 222(1), l-Artikolu 220(1), l-Artikolu 24(4) konġuntament mal-Artikolu 220(1), l-Artikolu 205(1) u l-Artikolu 24(4) konġuntament mal-Artikolu 205(1) tal-Kodiċi Kriminali Litwan.

Il-kawża kontra Viktor Uspaskich huwa li f’Vilnius, bejn it-13 ta' Lulju 2004 u s-17 ta' Mejju 2006, bħala president tal-Partit Laburista, filwaqt li kien qed jaġixxi flimkien ma’ oħrajn għall-finijiet li (a) jipprova jiffinanzja partit politiku – jiġifieri l-Partit Laburista – illegalment u (b) jevadi s-superviżjoni xierqa tal-iffinanzjar tal-partit u tal-kampanji politiċi tiegħu, idderieġa grupp organizzat maħluq minnhom bil-għan li jikkommetti għadd ta’ offiżi kriminali. Għal dak il-għan, mill-2004 sal-2006, f’Vilnius, huwa dderieġa persunal biex iżomm kontijiet foloz illegali, bir-riżultat li ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit għalkollox għal kemm jammonta b'kollox l-attiv u l-passiv tal-partit jew l-istruttura tal-partit matul is-snin 2004, 2005 u 2006.

Viktor Uspaskich – li kien responsabbli, skont l-Artikolu 21 tal-Att tal-Kontabilità tar-Repubblika tal-Litwanja, mill-organizzazzjoni taż-żamma tal-kontijiet tal-partit u kien qed jaġixxi għall-benefiċċju u fl-interessi tal-Partit Laburista bħala persuna ġuridika – huwa akkużat mill-awtoritajiet Litwani li ta istruzzjonijiet lil persuna biex twettaq żamma tal-kotba ‘doppja’ għall-Partit Laburista fir-Rebbiegħa tal-2004. Barra minn hekk, huwa allegat li tranżazzjonijiet u attivitajiet kummerċjali li kien obbligatorju li jiġu rreġistrati fil-kontijiet, kif ukoll id-dħul u l-ħruġ ta' flejjes u assi f’konnessjoni mal-attivitajiet tal-Partit Laburista, kellhom jiġu rreġistrati f’mastri li mhumiex uffiċjali. Huwa jinsab akkużat ukoll li ħareġ istruzzjonijiet speċifiċi li ċerti operazzjonijiet kummerċjali u finanzjarji kellhom jitwettqu mingħajr ma jiġu rreġistrati fil-kontijiet tal-partit.

Fid-9 ta’ Diċembru 2008, il-Parlament Litwan (Seimas) qabel li jneħħi l-immunità tas-Sur Uspaskich fir-rigward tal-istess proċedimenti. Għandu jiġi nnutat barra minn hekk li s-Sur Uspaskich ma kienx Membru tal-Parlament Ewropew fiż-żmien meta l-offiżi li bihom huwa jinsab akkużat ġew allegatament kommessi.

Fis-27 ta’ Jannar 2010 s-Sur Uspaskich instema' skont l-Artikolu 7 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament.

Bħala riżultat ta’ dak is-smigħ, il-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali kiteb lill-President tal-Parlament fit-2 ta’ Frar 2010 fejn talbu jiċċara l-kwestjonijiet li ġejjin mal-awtoritajiet Litwani:

•         Jidher li d-deċiżjoni tal-Qorti Reġjonali ta’ Vilnius tad-29 ta’ Ġunju 2009 li tat istruzzjonijiet lill-Kap Prosekutur Pubbliku tal-Litwanja sabiex jitlob it-tneħħija tal-immunità, ġiet adottata minn imħallef wieħed. Huwa kompatibbli dan mal-liġi Litwana?

•         Fid-29 ta’ April 2008, il-Qorti Reġjonali ta’ Vilnius ordnat lil Viktor Uspaskich iħallas pleġġ li jammonta għal-LTL 1 500 000 (madwar EUR 436 000) bħala miżura ta' prekawzjoni. Viktor Uspaskich allega quddiem il-Kumitat li s-sanzjoni li tista’ tiġi imposta fuqu li kieku kellu jitlef il-każ hija multa ta’ EUR 14 000 biss. Huwa argumenta li l-pleġġ kien sproporzjonat u illegali skont il-liġi Litwana.

L-awtoritajiet Litwani wieġbu fid-dettall fis-27 ta’ April 2010.

Fit-2 ta’ Settembru 2009, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali sema' lis-Sur Uspaskich għat-tieni darba.

Fis-7 ta’ Settembru 2010, il-Parlament Ewropew iddeċieda li jneħħi l-immunità ta' Viktor Uspaskich (P7-TA (2010)0296) għar-raġunijiet li ġejjin:

‘A. billi nġabu proċedimenti kriminali kontra Viktor Uspaskich, Membru tal-Parlament Ewropew, li fil-proċedimenti pendenti fil-Qorti Reġjonali ta’ Vilnius huwa akkużat b’offiżi kriminali skont l-Artikolu 24(4) konġuntament mal-Artikolu 222(1), l-Artikolu 220(1), l-Artikolu 24(4) konġuntament mal-Artikolu 220(1), l-Artikolu 205(1) u l-Artikolu 24(4) konġuntament mal-Artikolu 205(1) tal-Kodiċi Kriminali Litwan,

B.  billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu ‘għandhom igawdu fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-Membri tal-Parlament tagħhom’, billi ‘l-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt ta’ reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunza għall-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu’,

C. billi l-akkużi miġjuba kontra s-Sur Uspaskich ma għandhomx x’jaqsmu ma’ opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa fil-qadi ta’ dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew,

D. billi, skont l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja, Membru tal-Parlament nazzjonali (is-Seimas) ma għandux jinżamm kriminalment responsabbli, arrestat, lanqas ma għandha l-libertà tiegħu tiġi b'xi mod ieħor ristretta mingħajr il-kunsens tal- Parlament,

E.  billi l-Artikolu 62 jkompli biex jipprevedi li Membru tas-Seimas ma għandux jiġi ppersegwitat minħabba l-ivvutar tiegħu jew minħabba t-taħdidiet tiegħu fis-Seimas, għalkemm jista' jinżamm responsabbli skont il-proċedura ġenerali għal insult personali jew kalunnja,

F.  billi s-Sur Uspaskich huwa essenzjalment akkużat b’offiżi ta’ kontabilità falza fir-rigward tal-iffinanzjar ta’ partit politiku matul perjodu qabel ma ġie elett għall-Parlament Ewropew,

G. billi ma nġabet l-ebda evidenza konvinċenti dwar l-eżistenza ta’ xi fumus persecutionis u l-offiżi li bihom huwa akkużat is-Sur Uspaskich ma għandhom x’jaqsmu xejn mal-attivitajiet tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew’,

Sussegwentement, fis-sessjoni plenarja tad-9 ta’ Settembru 2010, il-Parlament iddikjara li talba li saret mis-Sur Uspaskich għad-difiża tal-immunità tiegħu kienet bla suċċess għar-raġuni li t-talba kienet relatata mal-istess proċedimenti kriminali li għalihom kienet tneħħiet l-immunità. Is-Sur Uspaskich ġie mgħarraf permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Settembru 2010.

Fit-28 ta’ Ottubru 2010, is-Sur Uspaskich għamel kawża fil-Qorti Ġenerali għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament tas-7 ta’ Settembru 2010 u għal danni li jammontaw għal EUR 10 000 għal ħsara mhux materjali, li tniżżlet fil-lista tal-kawżi bħala l-Kawża T-507/10(1). Huma u għaddejjin il-proċedimenti, fis-17 ta’ Diċembru 2010, il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad applikazzjoni għal miżuri temporanji (jiġifieri għas-suspensjoni tal-applikazzjoni tad-deċiżjoni tal-Parlament tas-7 ta’ Settembru 2010)(2). Is-Sur Uspaskich għamel appell kontra l-ordni tal-President (Kawża C-66/11 P (R)).

Waqt is-seduta tad-9 ta’ Mejju 2011 il-President tal-Parlament ħabbar, skont l-Artikolu 6(3) tar-Regoli ta’ Proċedura, li huwa kien irċieva talba mis-Sur Viktor Uspaskich fil-5 ta’ April 2011 biex l-immunità u l-privileġġi tiegħu jiġu difiżi fir-rigward tal-Artikolu 7 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet (minn issa ’l quddiem ‘it-talba tal-5 ta’ April 2011’).

Il-President irrefera t-talba lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali skont l-Artikolu 6(3), permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Mejju 2011.

Sussegwentement, fl-1 ta’ Ġunju 2011, il-President tal-Parlament ittrasmetta lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali t-tieni ittra tas-Sur Uspaskich tal-11 ta’ April rigward l-evalwazzjoni tad-deċiżjoni tal-Parlament tas-7 ta’ Settembru 2010 Nru (P7_TA 2010/0296) li neħħiet l-immunità tiegħu. Il-President talab lill-kumitat ‘tqisu dan il-punt malli jkun possibbli u sussegwentement tgħarrfuni bl-eżitu tad-diskussjonijiet li jsiru fil-Kumitat għall-Affarijiet Legali’.

Waqt il-laqgħa tal-koordinaturi tal-20 ta’ Ġunju 2011, is-Sur Rapkay ħabbar li kien irċieva messaġġ mingħand is-Sur Uspaskich li għarrfu li kien iddeċieda li jirtira t-talba tiegħu kontra l-Parlament Ewropew fil-Qorti Ġenerali għar-raġuni li ġejja:

Huwa kien ‘talab lill-Parlament Ewropew, jiġifieri lill-koordinaturi tal-JURI jikkunsidraw mill-ġdid id-deċiżjoni dwar it-tneħħija tal-immunità fil-kawża tiegħi. Fid-9 ta’ April 2011 WikiLeaks żvela nota sigrieta tal-Ambaxxata tal-Istati Uniti tal-Amerika f’Vilnius, fejn huwa ddikjarat li s-Segretarju ta’ Stat tal-Gvern tal-Litwanja kien għarraf lid-diplomatiċi Amerikani li l-Gvern tal-Litwanja ‘inġenja’ it-tkeċċija tiegħi mil-Litwanja għar-raġuni tal-oriġini etnika tiegħi (Russu etniku jfisser spjun Russu).

Ibda mil-lum, ma hemmx aktar proċedimenti tiegħi kontra l-Parlament, u xejn ma jżomm lill-Parlament milli jikkunsidra l-kwestjoni għal darba oħra. Jekk jogħġbok għandek issib mehmuża 2 dokumenti: l-ittra tiegħi li tirtira t-talba indirizzata lill-President tal-Qorti Ġenerali tal-UE, u l-konferma mill-posta li l-ittra ntbagħtet tassew.’

Għaldaqstant, il-koordinaturi tal-kumitat iddeċidew li jitolbu lill-President tal-Parlament jagħmel l-arranġamenti biex din il-kwestjoni titħabbar fil-Parlament u tiġi rreferuta lill-kumitat skont l-Artikolu 6(3) tar-Regoli ta’ Proċedura. Il-President tal-Parlament għamel it-tħabbira kif dovut fl-4 ta’ Lulju 2011 (minn issa ’l quddiem ‘it-talba tal-11 ta’ April 2011’).

Fl-istess jum, is-Servizz Legali ġie nnotifikat mill-Qorti bl-irtirar tal-applikazzjoni tas-Sur Uspaskich (din id-darba magħmul kif suppost, bil-Litwan (il-lingwa tal-kawża) u mill-avukat tiegħu). Il-kawża tneħħiet mir-reġistru b’ordni tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Awwissu 2011. L-appell kontra l-ordni li tiċħad it-talba tas-Sur Uspaskich għal miżuri temporanji konsegwentement kien bla suċċess.

Is-Sur Uspaskich ġie mismugħ skont l-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu fl-10 ta’ Ottubru 2011.

It-talba għad-difiża tal-immunità

(a) It-talba tal-5 ta’ April 2011

Fit-talba tiegħu tal-5 ta' April 2011, is-Sur Uspaskich jitlob li l-immunità tiegħu tiġi difiża skont l-Artikolu 6(3) tal-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament.

Huwa jakkuża r-Repubblika tal-Litwanja bit-tmexxija ta’ attakk ikkoordinat kontrih u kontra l-Partit Laburista Litwan. Huwa jiddikjara li dan l-attakk irriżulta fi ‘vjolazzjoni ta' aspett tal-immunità bħala Membru tal-Parlament Ewropew:

il-privileġġ tal-libertà tal-moviment, li huwa ggarantit mill-Artikolu 7 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet’.

B'mod aktar speċifiku, hu jikkontendi li l-iskeda tas-seduti ta’ smigħ adottata mill-Qorti Reġjonali ta’ Vilnius iżżommu milli jattendi laqgħat fil-Parlament Ewropew ‘pereżempju nhar ta’ Tnejn filgħodu’ (fil-fatt huwa ċar mis-sottomissjonijiet ulterjuri li saru mis-Sur Uspaskich li hu qed jallega li s-seduti ta' smigħ huma skedati li jsiru kull nhar ta' Ħamis, sitwazzjoni li ġġiegħlu jitlef l-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa bħala ġranet tax-xogħol fil-Parlament Ewropew. Kien jippreferi kieku li s-seduti ta' smigħ jiġu skedati għat-Tnejn filgħodu kull ġimgħa).

Is-Sur Uspaskich, li kkwota l-ordni tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta' Marzu 2007 fil-Kawża T-345/05 R V. v Parlament(3), jiddikjara li l-Qorti Litwana qed tikser l-Artikolu 7 tal-Protokoll meta qed tiffissa l-iskeda tagħha tas-seduti ta’ smigħ.

Is-Sur Uspaskich barra minn hekk isostni li ma kellux l-opportunità li jressaq il-fehma tiegħu b’mod effikaċi qabel ma l-Parlament adotta d-deċiżjoni li tneħħi l-immunità tiegħu. Fl-asserzjoni tiegħu, dan jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali(4) u ksur tad-dritt fundamentali tiegħu ta' difiża. Huwa jilmenta li l-Kumitat għall-Affarijiet Legali ma tahx l-opportunità li jara jew jikkummenta dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni qabel ma ġie adottat u li ntbagħtu mistoqsijiet lill-Kap Prosekutur Pubbliku tal-Litwanja mingħajr ma kien jaf.

F’livell aktar dettaljat, is-Sur Uspaskich jilmenta li l-Parlament neħħielu l-immunità taħt l-impressjoni żbaljata li skont il-liġi Litwana l-immunità kellha titneħħa minħabba li l-allegati offiżi twettqu qabel ma ġie elett għall-Parlament Ewropew u mhumiex konnessi mal-attivitajiet tiegħu bħala MEP. Barra minn hekk jilmenta li l-Parlament injora l-allegazzjonijiet tiegħu ta’ persekuzzjoni politika u ma applikax il-fumus persecutionis fil-kawża tiegħu.

(b) It-talba tal-11 ta’ April 2011

Fit-tieni ittra tiegħu tal-11 ta’ April 2011, is-Sur Uspaskich jiddikjara li fid-9 ta’ April il-Wikileaks ippubblika nota diplomatika tal-Ambaxxata tal-Istati Uniti tal-Amerika f’Vilnius ta’ Ottubru 2006 indirizzata lid-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti, li fiha jissemma li s-Segretarju ta’ Stat fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Litwan ikkonferma li l-persekuzzjoni tal-Partit Laburista Litwan kienet organizzata mill-Gvern Litwan, minħabba s-suspett li s-Sur Uspaskich kellu relazzjonijiet mas-Servizz Russu tal-Intelliġenza Barranija. Is-Sur Uspaskich jikkontendi li din in-nota tagħti prova li huwa vittma ta’ persekuzzjoni politika u li, meta neħħielu l-immunità, il-Parlament Ewropew żbaljatament naqas li japplika l-fumus persecutionis.

Għal dawk ir-raġunijiet, Viktor Uspaskich jitlob ir-reviżjoni tad-deċiżjoni tal-Parlament tas-7 ta’ Settembru 2010 fuq il-bażi tal-Artikolu 6(2)(5) jew, fil-każ alternattiv, fuq il-bażi tal-Artikolu 6(3)(6).

Analiżi Legali

(a) It-talba tal-5 ta’ April 2011

Fir-rigward tat-talba li għamel fl-ittra tiegħu tal-5 ta’ April 2011 biex l-immunità tiegħu tiġi difiża għar-raġuni li l-proċedimenti kriminali li nbdew mill-awtoritajiet Litwani jżommuh milli jaqdi d-dmirijiet parlamentari tiegħu, jew jagħmluha diffiċli għalih li jwettaqhom, u jirrestrinġu l-libertà tiegħu ta’ moviment, kif hemm iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea(7), għandha ssir referenza għas-sentenza mogħtija fil-15 ta’ Ottubru 2008 fil-Kawża T345/05 Mote v. Parlament(8).

Il-Paragrafu 48 et seq. ta’ dik is-sentenza ta’ min jiċċitahom in extenso:

‘l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 [issa l-Artikolu 7] tal-Protokoll għandu bħala effett li jipprojbixxi lill-Istati Membri milli joħolqu, b’mod partikolari bil-prattiki tagħhom fejn tidħol it-tassazzjoni, xi restrizzjonijiet amministrattivi għal-libertà ta’ moviment tal-Membri (Kawża 208/80 Bruce of Donington [1981] ECR 2205, paragrafu 14) Kif tippreċiża din id-dispożizzjoni, il-privileġġ huwa intiż li jiggarantixxi l-eżerċizzju mill-Membri tal-libertà tagħhom li jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament.

49 Madankollu, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, minkejja li mhumiex elenkati b’mod eżawrjenti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Protokoll, li jirreferi għar-restrizzjonijiet ammnistrattivi ‘jew ta’ xort’oħra’, dawn ir-restrizzjonijiet ma jinkludux dawk li jirriżultaw minn proċeduri legali, peress li dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10 [issa l-Artikolu 9], li jiddefinixxi s-sistema ġuridika tal-immunitajiet, lil hinn mill-kamp speċifiku tal-voti u opinjonijiet mogħtija mill-Membri tal-Parlament fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom previst mill-Artikolu 9 [issa l-Artikolu 8]. Fil-fatt, il-proċeduri legali jissemmew espressament fis-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10 tal-Protokoll bħala proċeduri fost dawk li l-Membru huwa eżenti minnhom, fuq it-territorju ta’ kull Stat Membru ħlief dak ta’ residenza tiegħu, waqt is-sessjonijiet tal-Parlament. Bl-istess mod, skont is-subparagrafu (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10 tal-Protokoll, il-Membri jibbenefikaw, waqt l-istess perijodu, fuq it-territorju nazzjonali tagħhom, mill-immunitajiet rikonoxxuti għall-Membri tal-parlamenti fil-pajjiżi tagħhom, li wħud minnhom jipproteġu lill-Membri tal-parlamenti nazzjonali kontra l-proċeduri legali li jistgħu jkunu suġġetti għalihom. Fl-aħħar, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 jipprovdi li l-immunità tkopri lill-Membri anki waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament. L-eżistenza ta’ din id-dispożizzjoni, li, bħall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Protokoll, tipproteġi lill-Membri kontra l-ostakoli għal-libertà ta’ moviment tagħhom, tikkonferma li r-restrizzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar ma jinkludux l-ostakoli kollha possibbli għall-moviment liberu tal-Membri u li, kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 eżaminati iktar ’il fuq, il-proċeduri legali għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jaqgħu taħt is-sistema ġuridika stabbilita minn mill-Artikolu 10.

50 B’hekk, l-Artikolu 10 tal-Protokoll huwa intiż sabiex jiżgura l-indipendenza tal-Membri tal-Parlament billi jipprojbixxi li xi pressjoni, fil-forma tar-riskju ta’ arrest jew ta’ proċeduri legali, tkun eżerċitata fuqhom waqt il-perijodu tas-sessjonijiet tal-Parlament (ordni fil-Kawża T-17/00 R Rothley u Oħrajn v Parlament [2000] ECR II-2085, paragrafu 90).

51 Il-funzjoni tal-Artikolu 8 tal-Protokoll hija li jipproteġi lill-Membri kontra r-restrizzjonijiet, barra dawk ġudizzjarji, fuq il-libertà ta’ moviment tagħhom.

52 Peress li ma ġiex issostanzjat li r-riskji ta’ ostakolu għall-eżerċizzju mis-Sur Mote tal-funzjonijiet parlamentari tiegħu kienu jikkostitwixxu f’restrizzjonijiet ta’ natura oħra barra dawk li jirriżultaw mill-proċeduri mressqa mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat ta’ oriġini tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li l-Parlament ma wettaq ebda żball ta’ liġi meta ddeċieda li jneħħi l-immunità tas-Sur Mote mingħajr ma ħa pożizzjoni dwar il-privileġġ mogħti lilu fil-kwalità tiegħu ta’ Membru, u mingħajr ma ddeċieda li l-Artikol  8 ġie miksur fil-kawża preżenti.’(9)

Għandha tkun innotata li l-ordni tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta' Marzu 2007 fil-Kawża T-345/05 R V. v. Parlament(10), iċċitata mis-Sur Uspaskich, ingħatat fl-istess proċedimenti. Fil-paragrafi ċitati, il-Qorti Ġenerali sempliċement tosserva bħala sejba ta’ fatt li l-qorti kif ippjanat tas-Sur Mote ma jinterferix fis-sessjoni parzjali tal-Parlament.

F'Mote v. Parlament, il-Qorti Ġenerali sostniet b’mod ċar li l-Artikolu 7 tal-Protokoll ma fihx immunità imma privileġġ u ma jipproteġix kontra restrizzjonijiet ġudizzjarji fuq il-libertà ta’ moviment tal-Membri.

Konsegwentement, huwa impossibbli li l-Parlament jilqa’ t-talba tas-Sur Uspaskich tal-5 ta’ April 2011 biex jiddefendi l-immunità tiegħu fuq il-bażi tal-Artikolu 7 tal-Protokoll.

Fi kwalunkwe każ, il-kawża prossima tal-allegata inabilità tas-Sur Uspaskich li jattendi għal-laqgħat fil-Parlament nhar ta’ Erbgħa, nhar ta’ Ħamis u nhar ta’ Ġimgħa mhijiex il-fatt li l-Parlament neħħielu l-immunità, imma d-deċiżjoni tal-Qorti Litwana. Il-post xieraq fejn trid tiġi attakkata dik id-deċiżjoni huwa fil-qorti fil-Litwanja jew fil-Lussemburgu. Minkejja dan, ir-rapporteur jipproponi li l-President tal-Parlament jintalab biex jikteb lill-awtoritajiet Litwani fejn jitlobhom biex jiżguraw li l-proċess tas-Sur Uspaskich ikun organizzat kemm jista' jkun b'tali mod li ma jinterferixxix ma' xogħlu bħala Membru tal-Parlament Ewropew.

Is-Sur Uspaskich ikompli jallega li, bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru P7_TA(2010)0296, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali kiser ‘id-dritt tiegħu ta’ difiża – id-dritt li jinstema’ qabel ma tittieħed deċiżjoni li tirrigwardah li tista’ tikkaġunalu ħsara’. Imbagħad ikompli biex jilmenta li ma ngħata l-ebda opportunità biex jara jew jikkummenta fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-kumitat u l-ntbagħtu mistoqsijiet lill-Kap Prosekutur Pubbliku Litwan mingħajr ma kien jaf. Konsegwentement, ma setax jikkummenta dwarhom. Huwa jikkontendi li ċ-ċaħda li jitħalla jara l-abbozz ta’ deċiżjoni mhux biss kisret id-dritt fundamentali tiegħu ta’ difiża u l-Artikolu 41(1) u (2)(a) u (b)(11) tal-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali, imma wkoll irriżultat fin-nuqqas tal-Parlament li jikkonforma mas-sostanza tal-Kostituzzjoni Litwana.

Dawn huma kollha argumenti li jduru fuq il-legalità tad-deċiżjoni tal-Parlament li jneħħi l-immunità tas-Sur Uspaskich u ultimament fuq il-legalità tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, li ma jipprevedulux li jispezzjona u jikkummenta fuq l-abbozz ta' rapport tal-kumitat kompetenti. Il-post xieraq fejn iridu jitqajmu dawn il-kwestjonijiet huwa l-Qorti tal-Ġustizzja, mhux il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, li ma għandu l-ebda kompetenza skont ir-Regoli ta’ Proċedura li jirrieżamina d-deċiżjonijiet tiegħu stess.

Ir-rapporteur josserva li s-smigħ tas-Sur Uspaskich fl-10 ta' Ottubru 2011 ma qajjimx fatti ġodda f'an il-każ.

(b) It-talba tal-11 ta’ April 2011

Permezz ta’ din it-talba, Is-Sur Uspaskich jitlob ir-reviżjoni tad-deċiżjoni tal-Parlament tas-7 ta’ Settembru 2010 fuq il-bażi tal-Artikolu 6(2)(12) jew, fil-każ alternattiv, fuq il-bażi tal-Artikolu 6(3) għar-raġuni tal-allegati fatti ġodda mqajma minn WikiLeaks, li huwa jsostni li juru li kien vittma ta’ fumus persecutionis.

Ir-raġuni tiegħu biex jikseb rieżami hija li fid-9 ta’ April 2011 WikiLeaks ippubblika nota diplomatika tal-Ambaxxata tal-Istati Uniti tal-Amerika f’Vilnius ta’ Ottubru 2006 indirizzata lid-Dipartiment tal-Istat Uniti, li fiha hemm iddikjarat li s-Sotto-Segretarju Albinas Januska fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Litwan ‘allega li [il-Gvern tal-Litwanja] (u, b’estensjoni, hu stess) inġenja t-tluq tal-persuna l-aktar importanti tal-Partit Laburista Viktor Uspaskich mil-Litwanja minħabba r-rabtiet ta’ dan tal-aħħar mal-SVR Russu [Servizz tal-Intelliġenza Barranija].’

L-ewwel nett, ma hemm l-ebda konnessjoni bejn l-istqarrija li allegatament saret minn ex-uffiċjal fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Litwan wara r-riżenja tiegħu fl-2006 u proċedimenti legali li nġabu fl-2009 bil-ħsieb li jiġġustifikaw l-allegazzjoni li hemm fumus persecutionis. Anke jekk kien hemm xhieda li l-Gvern tal-Litwanja u Albinas Januska kienu inġenjaw it-tluq ta’ Viktor Uspaskich mil-Litwanja minħabba r-rabtiet ta’ dan tal-aħħar mal-SVR Russu, li ma hemmx, ma kien ikun hemm l-ebda ness bejn dak il-fatt u l-ftuħ ta’ proċedimenti kontra s-Sur Uspaskich għal kontabilità falza.

It-tieni nett, minbarra l-fatt li r-Regoli ta’ Proċedura ma jipprevedux rieżami mill-kumitat kompetenti ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-Parlament - għal dan, wara kollox, qiegħda hemm il-Qorti tal-Ġustizzja - ladarba l-Parlament ikun neħħa l-immunità ta’ Membru f’każ partikolari, il-Membru ma jibqagħlu l-ebda immunità x’titneħħielu f’dik il-kawża. Il-kunsiderazzjonijiet ta' ċertezza legali jfissru li, b'eċċezzjoni għal ċirkostanzi eċċezzjonali, ladarba tittieħed deċiżjoni mill-plenarja, din għandha tinżamm. Minkejja dan, f’dan il-każ, ladarba l-Kumitat għall-Affarijiet Legali kien ġie avżat dwar id-deċiżjoni tas-Sur Uspaskich li jirtira l-applikazzjoni tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, wettaq valutazzjononi legali u fattwali bir-reqqa kollha tal-allegazzjonijiet tal-Membru u għamel seduta ta’ smigħ tiegħu bil-għan li jara jekk kinux jiġġustifikaw id-difiża tal-immunità tiegħu.

Barra minn hekk huwa nnutat li l-awtoritajiet Litwani talbu t-tneħħija tal-immunità tas-Sur Uspaskich f’Lulju 2009 u li ħa aktar minn sentejn biex tiġi ttrattata t-talba li s-Sur Uspaskich kellu l-opportunatà li jikkontesta d-deċiżjoni tal-Parlament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa rtitra l-applikazzjoni tiegħu. Huwa issa għandu l-opportunità li jiġġieled l-proċeduri sostantivi quddiem il-qrati Litwani, bit-toroq possibbli kollha tal-appell miftuħa quddiemu - inklużi referenzi għal deċiżjonijiet preliminari għal-Lussemburgu u għall-appelli għal Strasburgu

Ir-rapporteur josserva li s-smigħ tas-Sur Uspaskich fl-10 ta' Ottubru 2011 ma qajjimx fatti ġodda f'an il-każ.

Konklużjoni

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq u skont l-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, u billi ma tqajjem xejn ġdid fis-smigħ tal-Membru fl-10 ta' Ottubru 2011, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, wara li eżamina r-raġunijiet favur u kontra d-difiża tal-immunità tal-Membru, jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew ma għandux jiddefendi l-immunità parlamentari ta’ Viktor Uspaskich.

(1)

ĠU C 13, 15. 01.2011, p.28, corrigendum fil-ĠU C 72, 05.03.2011, p.38.

(2)

ĠU C 55, 19.02.2011, p. 24.

(3)

[2007] Ġabra II-25, para 87 u 88.

(4)

1. Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b'mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni.

2. Dan id-dritt jinkludi:

(a) id-dritt ta’ kull persuna li tinstema', qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament;

(b) id-dritt ta' kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu rrispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju;

(c) l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha.

(5)

2. Kull talba indirizzata lill-President minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru sabiex titneħħa l-immunità ta' xi Membru għandha tiġi mħabbra fil-Parlament u rriferuta lill-kumitat responsabbli.

(6)

3. Kull talba indirizzata lill-President minn Membru jew ex-Membru biex jiddefendi privileġġi u immunitajiet għandha tiġi mħabbra fil-Parlament u rriferuta lill-kumitat responsabbli.

(7)

L-Artikolu 7 jipprevedi li “M'għandha tiġi imposta ebda restrizzjoni amministrattiva jew ta' xort’oħra fuq il-moviment liberu ta’ membri tal-Parlament Ewropew li jkunu qed jivvjaġġaw lejn jew mill-post fejn jiltaqa' l-Parlament Ewropew.

Il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom, fir-rigward ta' dwana u kontroll fuq il-kambju, jingħataw:

(a) mill-Gvern tagħhom stess, l-istess faċilitajiet bħal dawk mogħtija lil uffiċjali għolja li jkunu qed jivvjaġġaw barra l-pajjiż fuq missjonijiet uffiċjali temporanji; (b) mill-Gvernijiet ta' Stati Membri oħra, l-istess faċilitajiet bħal dawk mogħtija lil rappreżentanti ta’ Gvernijiet barranin fuq missjonijiet uffiċjali temporanji.

(8)

[2008] ECR II-2849.

(9)

Emfasi mogħtija.

(10)

[2007] ECR II-25, paragrafi bl-Enfasi mogħtija.87 u 88.

(11)

1. Kull persuna għandha d-dritt li jkollha l-affarijiet tagħha trattati b'mod imparzjali, b'mod ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni.

2. Dan id-dritt jinkludi:

a) id-dritt ta’ kull persuna li tinstema', qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament;

b) id-dritt ta' kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu rrispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju;

l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha. ...

(12)

2. Kull talba indirizzata lill-President minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru sabiex titneħħa l-immunità ta' xi Membru għandha tiġi mħabbra fil-Parlament u rriferuta lill-kumitat responsabbli.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

21.11.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

9

5

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Raffaele Baldassarre, Luigi Berlinguer, Françoise Castex, Klaus-Heiner Lehne, Alajos Mészáros, Bernhard Rapkay, Alexandra Thein, Diana Wallis, Cecilia Wikström, Zbigniew Ziobro

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Kurt Lechner, Eva Lichtenberger, Dagmar Roth-Behrendt

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jaroslav Paška

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Novembru 2011Avviż legali