Proċedura : 2011/2112(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0442/2011

Testi mressqa :

A7-0442/2011

Dibattiti :

PV 02/02/2012 - 9
CRE 02/02/2012 - 9

Votazzjonijiet :

PV 02/02/2012 - 12.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0029

RAPPORT     
PDF 233kDOC 164k
9 ta' Diċembru 2011
PE 469.699v01-00 A7-0442/2011

dwar kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE b'appoġġ għall-objettiv ta' aċċess universali għall-enerġija sal-2030

(2011/2112(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp

Rapporteur: Norbert Neuser

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE b'appoġġ għall-objettiv ta' aċċess universali għall-enerġija sal-2030

(2011/2112(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra l-għażla tal-2012 bħala s-Sena Internazzjonali tal-Enerġija Sostenibbli għal Kulħadd mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti bħala rikonoxximent tal-importanza tal-aċċess għall-enerġija għal żvilupp ekonomiku sostenibbli u għall-ilħuq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju (MDGs)(1),

–    Wara li kkunsidra t-tnedija mis-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, ta’ Inizjattiva għal Enerġija Sostenibbli għal Kulħadd(2),

–    wara li kkunsidra t-twaqqif mis-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, ta’ Grupp Konsultattiv dwar l-Enerġija u t-Tibdil fil-Klima (AGECC) u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu tat-28 ta’ April 2010, fejn identifika bħala prijoritajiet il-mira internazzjonali ta’ aċċess universali għal servizzi moderni ta’ enerġija għal kulħadd sal-2030 u t-tnaqqis tal-intensità enerġetika globali b’40% sal-2030(3),

–    wara li kkunsidra l-Prospettiva tal-Enerġija Dinjija 2011 tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (IEA), li tenfasizza li madwar id-dinja madwar 1.3 biljun persuna m’għandhom l-ebda aċċess għall-elettriku u, barra minn hekk, li madwar 2.7 biljun persuna m’għandhomx faċilitajiet nodfa għat-tisjir,

–    wara li kkunsidra l-konferenza internazzjonali ta’ livell għoli dwar Enerġija għal Kulħadd – Il-Finanzjament tal-Aċċess għall-Foqra li saret f’Oslo, in-Norveġja, fl-10 u fil-11 ta’ Ottubru 2011 u t-tnedija tas-Sħubija Internazzjonali għall-Enerġija u l-Klima – l-Inizjattiva Energy+,

–    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-aċċess għal sorsi ta' enerġija sostenibbli fil-livell lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw tad-19 ta' Mejju 2009, li jfakkru li "l-aċċess għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli u għal servizzi moderni tal-enerġija huwa prerekwiżit għat-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp soċjali, kif ukoll biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs)" u li "l-iffokar fuq l-enerġija sostenibbli se jikkonsolida l-progress lejn l-MDGs u se jikkontribwixxi biex tiġi indirizzata l-kriżi globali u biex jittaffa t-tibdil fil-klima",

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Lulju 2002 dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw (COM(2002) 0408),

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Ottubru 2004 dwar l-iżvilupp fil-futur tal-Inizjattiva tal-UE għall-Enerġija u l-modalitajiet għall-istabbiliment ta’ Faċilità għall-Enerġija għall-pajjiżi ACP (COM(2004)0711),

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-13 ta' Ottubru 2011 bit-titolu "Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla” (COM(2011)0637),

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0442/2011),

A.  billi madwar id-dinja madwar 1.3 biljun persuna – li 84% minnhom jgħixu f’żoni rurali – m’għandhom l-ebda aċċess għall-elettriku; billi, barra minn hekk, 2.7 biljun persuna m’għandhomx faċilitajiet nodfa għat-tisjir(4), sitwazzjoni li tikkaġuna duħħan fuq ġewwa li hu responsabbli għal ’il fuq minn 1.4 miljun mewta prematura fis-sena, li tagħmilha, wara l-HIV/AIDS, it-tieni l-aktar raġuni frekwenti ta’ mwiet prematuri madwar id-dinja(5); billi n-nuqqas attwali ta' aċċess għal servizzi tal-enerġija moderni f'ħafna pajjiżi foqra rriżulta f'inugwaljanza tal-ġeneru u partikolarment fi żvantaġġi għan-nisa u t-tfal,

B.   billi l-aċċess għall-enerġija huwa essenzjali għar-realizzazzjoni ta' bosta drittijiet li jinsabu fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-1966 u fi strumenti ġuridiċi internazzjonali oħrajn fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent,

C.  billi l-MDGs mhux se jintlaħqu sakemm ma jsirx progress sostanzjali fir-rigward tat-titjib tal-aċċess għall-enerġija, liema progress jirrikjedi investiment annwali li hu stmat fil-livell ta’ USD 48 biljun sal-2030, li hu ekwivalenti għal madwar 3% tal-investiment globali fl-infrastruttura tal-enerġija previst għall-perjodu sal-2030 u li jwassal għal żieda modesta ta’ 0.7% fl-emissjonijiet tas-CO2 sal-2030(6);

D.  billi sorsi ta' enerġija rinnovabbli, u speċjalment soluzzjonijiet deċentralizzati żgħar, għandhom potenzjal enormi għall-provvista ta' servizzi tal-enerġija affidabbli, sostenibbli u bi prezzijiet raġonevoli għall-fqar, partikolarment f'żoni rurali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jinsabu f'żoni b'aċċess għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli b'abbundanza, speċjalment l-enerġija solari u tar-riħ; billi għad hemm ħafna sfidi biex tiġi garantita l-espansjoni tagħhom fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, fosthom il-finanzjament, il-bini ta' kapaċità, it-trasferiment tat-teknoloġija u r-riforma tal-governanza,

E.   billi l-użu ta' teknoloġiji ta' enerġija rinnovabbli huwa essenzjali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex inaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq l-importazzjonijiet ta' fjuwils fossili u l-volatilità tal-prezzijiet relatata; billi l-proġetti tal-enerġija rinnovabbli fuq skala kbira (bħal pereżempju l-idroelettriku u l-għelejjel għall-enerġija) jaf ikollhom ukoll konsegwenzi soċjali u ambjentali gravi għall-popolazzjoni lokali, jiġifieri fuq is-sigurtà tal-ilma jew dik alimentari; billi valutazzjoni bir-reqqa tal-impatti ambjentali tat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli hija għalhekk prerekwiżit importanti għall-finanzjamenti minn donaturi,

F.   billi l-aċċess għal servizzi tal-enerġija moderni u sostenibbli għal kulħadd ifisser aċċess għal firxa sħiħa ta’ servizzi tal-enerġija (mhux biss elettriku) li wieħed jeħtieġ u jkun irid, pereżempju t-tidwil, it-tisjir u t-tisħin tal-ilma, it-tisħin tal-ispazji, l-aċċess għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni u l-enerġija għal użi produttivi u għall-ġenerazzjoni tal-introjtu;

G.  billi 8% biss tal-USD 409 biljun mogħtija f’sussidji għall-fjuwils fossili fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-2010 marru għall-20% tal-popolazzjoni bl-iktar introjtu baxx(7);

H.  billi r-riżultati tal-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Enerġija jikkorelataw b’mod qawwi ma’ dawk tal-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem fl-istennija tal-għomor, l-edukazzjoni, il-PGD per capita u indikaturi oħra tal-istandard tal-għajxien;

I.    billi fl-Afrika Sub-Saħarjana, kważi 70 % tat-total tal-abitanti ma għandhomx aċċess għall-elettriku; billi ż-żieda demografika sebqet l-elettrifikazzjoni u l-għadd ta' nies mingħajr aċċess għall-elettriku żdied,

J.    billi fl-LDCs b’mod partikolari, minoranza żgħira biss tal-popolazzjoni għandha aċċess għall-grilja; billi l-aċċess għall-grilja mhux se jilħaq il-popolazzjoni kollha fil-futur qarib, li jfisser li soluzzjonijiet deċentralizzati bħal soluzzjonijiet tal-enerġija fuq skala żgħira, mhux kollegati mal-grilja jew ma’ grilja żgħira huma l-uniku mod vijabbli kif jiġi provdut aċċess universali għall-enerġija fis-snin li ġejjin;

K.  billi r-rispett għall-istat tad-dritt u governanza b'saħħitha huma fatturi fundamentali li għandhom ikunu promossi sabiex ikun attirat l-investiment privat meħtieġ biex jinkiseb bis-sħiħ l-aċċess universali għall-enerġija,

L.   billi l-aħħar komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni dwar is-suġġett tal-enerġija fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp inħarġu fl-2002 u fl-2004;

1.   Jenfasizza li minkejja li ma jeżisti l-ebda Għan ta' Żvilupp tal-Millennju relatat speċifikament mal-enerġija, l-aċċess għal servizzi tal-enerġija moderni u sostenibbli għal kulħadd (minn hawn 'il quddiem "aċċess universali għall-enerġija") huwa prerekwiżit biex jintlaħqu l-MDGs; jemmen għalhekk li l-enerġija għandha tingħata prijorità fid-dibattitu dwar il-qerda tal-faqar, filwaqt li jiġi garantit li iżjed aċċess għas-servizzi tal-enerġija moderni jkun konsistenti mal-iżvilupp sostenibbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħroġ komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp f'appoġġ għall-aċċess universali għall-enerġija għas-sena 2012, li ġiet iddedikata għal din il-kwistjoni min-NU;

2.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri japprovaw u jimpenjaw ruħhom li jappoġġaw il-mira internazzjonali (maħluqa min-NU) ta’ aċċess universali għall-enerġija sal-2030, u jallinjaw il-politiki tagħhom u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp ma’ dan l-objettiv;

3.   Jenfasizza li l-massimizzazzjoni tal-użu tar-riżorsi tal-enerġija rinnovabili tirrappreżenta s-soluzzjoni ideali li l-komunità internazzjonali għandha tadotta biex tikseb l-aċċess universali għas-servizzi tal-enerġija moderni, filwaqt li tiġġieled kontra t-tibdil fil-klima; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa pjan ta’ azzjoni biex tintegra l-objettiv tal-aċċess universali għall-enerġija fil-politiki rilevanti tal-UE, kif ukoll fis-setturi kollha tal-politika għall-iżvilupp, bħall-agrikoltura, l-industrija, il-kummerċ, is-saħħa u l-ilma, u tiżgura li jkun hemm koerenza fil-politiki u s-setturi għall-objettiv tal-aċċess universali għall-enerġija;

4.   Jilqa' favorevolment il-fatt li l-enerġija tissemma bħala wieħed mill-punti fokali tal-“Aġenda għall-Bidla” u jistenna li l-Kummissjoni taġixxi f'dan is-sens; jistieden lill-Kummissjoni la tissubordina l-aċċess għall-enerġija għas-sigurtà tal-enerġija u t-tibdil fil-klima u lanqas ma tħawwadha magħhom, li jissemmew ukoll;

5.   Jinkoraġġixxi t-twaqqif ta’ programm speċifiku “enerġija u żvilupp”, b’iffukar speċjali fuq l-aċċess universali għall-enerġija, fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE;

6.   Josserva li l-esperjenzi wrew li l-kapaċità tal-elettriku ċentralizzata u l-objettivi tal-estensjoni tal-grilja spiss naqsu milli jtejbu s-servizzi tal-enerġija għall-foqra; jenfasizza, għalhekk, il-bżonn ta' sostenn favur soluzzjonijiet deċentralizzati rinnovabbli, bħal soluzzjonijiet tal-enerġija fuq skala żgħira, mhux kollegati mal-grilja jew ma' grilja żgħira, biex jintlaħqu l-partijiet kollha tal-popolazzjonijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, partikolarment il-popolazzjonijiet foqra u rurali; jistieden lill-UE tiffoka l-isforzi tagħha, finanzjarjament u teknikament, fuq dawn is-soluzzjonijiet fuq skala żgħira għall-faqar tal-enerġija f’żoni mbiegħda;

7.   Josserva l-potenzjal enormi għall-enerġija rinnovabbli f'ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw biex tiġi garantita provvista enerġetika sostenibbli u titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u b'hekk titnaqqas il-vulnerabbiltà għall-fluttwazzjonijiet fil-prezz tal-enerġija;

8.   Jenfasizza li l-Faċilità għall-Enerġija hija internazzjonalment waħda mill-ftit mekkaniżmi finanzjarji li jipprovdu finanzjament għal soluzzjonijiet tal-enerġija fuq skala żgħira, u jistieden lill-Kummissjoni tkompli u testendi l-finanzjament ta’ dan it-tip ta’ proġett fil-perjodu finanzjarju li jmiss mill-2014 ‘il quddiem;

9.   Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt tal-investimenti appoġġati mill-Faċilità għall-Enerġija rigward it-titjib tal-aċċess għal servizzi bażiċi tal-enerġija għal persuni li jgħixu fil-faqar, u ttejjeb l-effiċjenza u l-effikaċja tas-suċċessur tal-Faċilità għall-Enerġija fil-perjodu finanzjarju l-ġdid wara l-2013 f’dan is-sens;

10. Jenfasizza li, jekk jiġi implimentat korrettament, l-użu tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli biex jipprovdu servizzi tal-enerġija jistgħu joffru soluzzjoni ekonomika fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'benefiċċji għas-saħħa, l-ambjent u l-iżvilupp lokali; jisħaq, madankollu, fuq il-bżonn li jitqies l-impatt ambjentali tal-użu tal-enerġija rinnovabbli biex jitjieb l-aċċess universali għall-enerġija, speċjalment fil-każ tal-idroelettriku, il-bijomassa jew l-agrokarburanti;

11. Jistieden lill-UE tiżviluppa linji gwida ċari dwar il-kriterji tas-sostenibilità ambjentali għall-finanzjament ta' proġetti tal-enerġija rinnovabbli; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel mill-użu tal-enerġija rinnovabbli deċentralizzata jew minn bidla għal produzzjoni sostenibbli b’effiċjenza enerġetika għolja u bi ftit emissjonijiet tal-karbonju kundizzjoni prijoritarja għall-appoġġ għal proġetti ġodda tal-enerġija;

12. Jisħaq fuq ir-rwol li l-kumpaniji privati għandhom jiżvolġu biex jippermettu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jilħqu l-MDGs, filwaqt li jitqies b’mod partikolari l-aċċess universali għall-enerġija; jenfasizza barra minn hekk l-importanza ta' sostenn favur l-iżvilupp ta' riżorsi finanzjarji u ta' kompetenzi teknoloġiċi adattati għal swieq bi dħul baxx, partikolarment permezz ta' involviment iktar qawwi tal-kumpaniji privati fi sħubiji istituzzjonali nazzjonali kif ukoll internazzjonali;

13. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw, permezz tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-Faċilità għall-Enerġija, it-trasferiment tat-teknoloġiji, inklużi l-għarfien tekniku, l-informazzjoni u l-aħjar prattiki, li jkun xieraq għall-għoti ta' servizzi tal-enerġija moderni għall-persuni foqra, fost il-pajjiżi sħab fin-Nofsinhar u bejn l-Ewropa u n-Nofsinhar, iddedikati għall-iżvilupp tal-kapaċità, inklużi l-ġemellaġġi, l-iskambju tal-persunal u taħriġ prattiku, biex jiġu vvalutati u assorbiti l-għażliet teknoloġiċi; jinkoraġġixxi wkoll it-trasferiment tat-teknoloġija tal-effiċjenza enerġetika f'dan ir-rigward biex l-enerġija tkun tista' tintuża bl-aktar mod produttiv, bil-għan li jiġu massimizzati s-servizzi tal-enerġija li ċerta kwantità ta' enerġija tista' toffri;

14. Jappella biex tingħata attenzjoni speċjali lill-użi produttivi tal-enerġija fl-iżvilupp u fil-finanzjament ta' proġetti/programmi, bħala mekkaniżmu fundamentali għall-promozzjoni soċjoekonomika u l-ġenerazzjoni ta' dħul;

15. Jenfasizza li sħubiji effikaċi bejn is-settur privat, is-settur pubbliku, il-komunitajiet u l-gvernijiet lokali se jkunu meħtieġa għall-espansjoni tal-aċċess għas-servizzi tal-enerġija sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tuża, kull fejn ikun possibbli, approċċ tas-suq għal soluzzjonijiet tal-enerġija ġodda/innovattivi, pereżempju billi trawwem il-produzzjoni lokali, tiffaċilita l-introduzzjoni tagħhom fis-suq jew tipprovdi informazzjoni tas-suq, biex tiżgura l-appartenenza lokali u s-sostenibilità; jistieden, partikolarment, lill-Kummissjoni tippromwovi l-bini tal-kapaċità tal-governanza biex ikun possibbli li jiġu replikati proġetti fuq skala żgħira marbuta mas-servizzi tal-enerġija permezz tal-promozzjoni tal-SMEs;

16. Jemmen li l-investiment privat u l-parteċipazzjoni tiegħu huma fundamentali biex jintlaħaq għalkollox l-aċċess universali għall-enerġija; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tippromwovi l-istat tad-dritt fl-azzjonijiet kollha tagħha ta’ għajnuna, partikolarment fil-pajjiżi l-inqas żviluppati;

17. Jistieden lid-Delegazzjonijiet tal-UE jipprovdu informazzjoni dwar it-taxxi, l-inċentivi u r-rekwiżiti regolatorji fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw lil dawk il-kumpaniji tal-UE li jixtiequ jinvestu fis-settur tal-enerġija;

18. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki rigward l-aktar inċentivi effiċjenti biex tiġi faċilitata l-espansjoni tal-infrastruttura tal-enerġija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

19. Jinkoraġġixxi l-appoġġ għall-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ politika u oqfsa legali tajba u ta’ standards tekniċi li jsaħħu l-kapaċità lokali u jiġġeneraw il-fiduċja fost l-investituri tas-settur privat, inkluża l-mobilizzazzjoni ta’ sorsi ta’ investiment lokali;

20. Jenfasizza r-rwol ċentrali tal-fondi pubbliċi minn gvernijiet sħab, istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u l-ODA fil-mobilitazzjoni tal-investiment privat meħtieġ; jenfasizza wkoll il-fatt li l-għajnuna tal-UE għat-titjib tal-aċċess għall-enerġija għandha ssostni l-ekonomiji lokali, l-impjiegi ħodor u t-tnaqqis tal-faqar u ma tridx tkun marbuta mal-involviment tal-impriżi tal-UE jew użata biex tissussidjahom;

21. Jirrikonoxxi li s-settur pubbliku waħdu mhuwiex se jkun kapaċi jipprovdi l-bżonnijiet finanzjarji kollha meħtieġa għall-espansjoni tal-aċċess għall-enerġija; jindika, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-investituri privati u r-riformi orjentati lejn is-suq fis-settur tal-enerġija; jenfasizza, madankollu, li l-attenzjoni dejjem ikbar fuq l-użu tas-sħubiji bejn is-settur pubbliku u dak privat u fuq l-attrazzjoni ta' fondi mingħand finanzjaturi privati tista' tnaqqas negattivament l-attrattiva finanzjarja tal-proġetti lokali dwar l-enerġija rinnovabbli, billi tali proġetti huma inqas "bankabbli" mill-proġetti l-kbar kollegati mal-grilja, li spiss jaqdu lill-industriji l-kbar; jenfasizza, għalhekk, li r-responsabilità aħħarija biex jiġi żgurat aċċess għal servizzi universali, speċjalment enerġija għall-but ta' kulħadd għall-foqra u għall-popolazzjonijiet imbiegħda, tibqa’ tal-istat;

22. Jenfasizza l-fatt li hemm diversi modi għall-gvernijiet sħab kif jippromwovu l-aċċess universali għall-enerġija permezz tal-leġiżlazzjoni, ir-regolamentazzjoni, il-kuntratti jew il-liċenzjar, billi jimponu obbligi tas-servizz universali, imfassla apposta għall-ħtiġijiet u l-possibilitajiet tal-pajjiż, bħal:

–  miri ta’ kopertura fi ftehimiet ta’ konċessjoni jew ta’ liċenzjar,

–  trattament divrenzjat tal-konsumaturi abbażi tal-kapaċità finanzjarja,

–  sussidji jew fondi ffukati fuq kategoriji partikolari ta’ konsumaturi u żoni rurali mbiegħda,

–  rieżami ta’ sussidji, taxxi u dazji kontroproduttivi, pereżempju bidla minn fjuwils fossili għal enerġija rinnovabbli deċentralizzata biex jittejbu l-aċċess għall-enerġija u l-effiċjenza enerġetika,

–  il-liberalizzazzjoni tad-dħul tal-operaturi f’żoni mhux moqdija,

–  inċentivi fiskali biex tiġi ffaċilitata l-estensjoni tal-infrastruttura;

–  miżuri biex jiġi żgurat li l-enerġija disponibbli tintuża b'mod kemm jista' jkun effiċjenti;

23. Jistieden lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jimpenjaw ruħhom serjament fir-rigward tal-għan tal-aċċess universali għall-enerġija, u jirrakkomanda żieda fl-għajnuna għall-ministeri tal-enerġija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex ikunu jistgħu jiġġustifikaw l-appoġġ – fil-perjodu finanzjarju l-ġdid – għall-aċċess universali għall-enerġija, inkluż l-iżvilupp ta’ strateġiji tal-enerġija sostenibbli għat-tul taż-żmien u kooperazzjoni reġjonali mtejba fi kwistjonijiet tal-enerġija;

24. Jenfasizza l-importanza ta’ parteċipazzjoni trasparenti u demokratika mis-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet lokali u r-regolaturi fis-settur tal-enerġija, biex ikunu jistgħu jissorveljaw l-għoti ta’ aċċess universali għall-enerġija, u anke biex jiżguraw governanza tajba u kompetizzjoni ġusta u jrażżnu l-korruzzjoni;

25. Iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u lill-NGOs biex jaqdu r-rwol xieraq tagħhom fl-iżgurar u fis-sorveljanza tat-trasparenza, tal-proċessi demokratiċi u ta’ ambjent ġuridiku stabbli;

26. Josserva bi tħassib li s-Sħubija Afrika-UE fis-settur tal-enerġija (AEEP) u s-sottoprogramm tagħha għall-enerġija rinnovabbli tidher li qed tikkonċentra primarjament fuq proġetti kbar u interkonnetturi b'inqas enfasi fuq is-soluzzjonijiet tal-enerġija lokali; iħeġġeġ lill-UE tastjeni milli tiżviluppa approċċ minn fuq għal isfel fir-rigward tal-iżvilupp tal-infrastruttura enerġetika, billi tqis li l-infrastrutturi fuq skala kbira jafu ma jkunux adattati għall-istruttura ekonomika u soċjali tal-pajjiż u jonqsu milli jipprovdu aċċess għall-enerġija għall-foqra, li għalihom normalment is-sorsi tal-enerġija lokali iżgħar huma aktar adegwati;

27. Jinkoraġġixxi lill-UE tiddjaloga mal-gvernijiet sħab u mas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex tiżgura li kemm il-politiki tal-enerġija nazzjonali kif ukoll l-istrateġiji għat-tnaqqis tal-faqar iqisu l-aċċess universali għall-enerġija;

28. Jitlob li jkun hemm djalogu mal-pajjiżi sħab u mal-korpi reġjonali biex tiġi inkluża kunsiderazzjoni speċifika tal-benefiċċji tal-inklużjoni ta’ servizzi tal-enerġija għal skopijiet ta’ tisjir fi pjanijiet ta' żvilupp nazzjonali u reġjonali, u li l-pajjiżi sħab u l-korpi reġjonali jkunu inkoraġġiti jinvolvu ruħhom fi djalogu mal-awtoritajiet lokali u ma’ parteċipanti mhux statali involuti fil-qasam tal-enerġija tal-abitazzjonijiet (għal skopijiet ta’ tisjir) bil-ħsieb li jiġi ddeterminat kif l-aħjar jiġi żgurat titjib sinifikanti u jitnaqqas in-numru ta’ mwiet minn mard respiratorju; jinkoraġġixxi l-użu ta' tagħmir tat-tisjir aktar effiċjenti, billi l-ħruq tradizzjonali ta' kwantitajiet kbar ta' bijomassa b'nar fil-beraħ għandu impatt dannuż għas-saħħa, partikolarment għan-nisa u t-tfal, kif ukoll impatti negattivi għad-deforestazzjoni;

29. Jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta annwalment dwar il-progress lejn l-ilħuq tal-mira tal-aċċess universali għall-enerġija, wara li tkun stabbiliet indikaturi affidabbli, u dwar il-kontribut li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE tkun għamlet fir-rigward tiegħu;

30. Jipproponi li l-appoġġ tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri għall-iżvilupp tas-servizzi tal-enerġija għandu jkun ibbażat fuq valutazzjoni tal-ispiża finanzjarja relattiva u tal-prestazzjoni tal-għażliet kollha, filwaqt li jitqiesu l-kontributi għall-MDGs u l-objettivi nazzjonali ta’ żvilupp, kif ukoll il-kostijiet u l-benefiċċji relattivi ta’ sistemi ta’ enerġija deċentralizzati u ċentralizzati;

31. Jenfasizza l-importanza li l-MDGs– b’mod partikolari dawk relatati mal-faqar, peress li l-aċċess għal servizzi tal-enerġija għall-but ta’ kulħadd huwa possibbli biss billi jitnaqqas in-numru ta’ persuni li jgħixu b’USD 1 kuljum sal-2015 – jiġu integrati fl-istrateġiji nazzjonali tal-enerġija tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

32. Jitlob lill-Kummissjoni teżamina u konsegwentament tuża s-sorsi potenzjali ta’ finanzjament minn sorsi relatati mat-tibdil fil-klima u mas-suq tal-karbonju għal investiment f’aċċess sostenibbli universali għall-enerġija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju għall-foqra;

33. Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa approċċi ġodda bbażati fuq ir-riżultati fis-settur tal-enerġija, bħal finanzjament ibbażat fuq ir-riżultati, ħlas mal-akkwist u għajnuna bbażata fuq ir-riżultati, li bħalissa qed jiġu ttestjati wkoll minn donaturi oħrajn, b’mod li tiġi enfasizzata l-importanza ta’ għajnuna bbażata fuq id-domanda (“is-sieħeb jitlobha”) minflok għajnuna bbażata il-provvista (“id-donatur għandu espert disponibbli”);

34. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu li l-konsum tal-enerġija mill-foqra fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma jikkontribwixxix b’mod sinifikanti, u għall-futur qarib mhux se jikkontribwixxi b’mod sinifikanti, għall-emissjonijiet globali ta’ gassijiet b’effett ta’ serra (1.3% tal-emissjonijiet globali sal-2030, skont l-IEA), u li biex jintlaħaq standard ta’ għajxien minimu aċċettabbli, il-konsum per capita tagħhom ta’ servizzi moderni ta’ enerġija għandu jiżdied mingħajr ma jiġi limitat minn miżuri ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima li jkunu stretti wisq;

35. Josserva bi tħassib li l-infrastruttura l-kbira tal-idroelettriku għadha tingħata attenzjoni mill-Bank Dinji u mill-BEI; ifakkar li l-esperjenzi wrew li tali proġetti mhux neċessarjament iżidu l-aċċess għall-foqra, iżda li dan l-objettiv jintlaqa' aħjar permezz ta' unitajiet tal-idroelettriku żgħar jew mikro għad-domanda lokali, u b'hekk jiġu evitati l-iżvantaġġi soċjali u ambjentali tal-proġetti l-kbar;

36. Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ sensittività u kapaċità bankarja għal proġetti tal-enerġija fuq skala żgħira min-naħa tal-BEI, l-istituzzjonijiet Ewropej għall-finanzjament tal-iżvilupp u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, u jitlob li jqiegħdu l-aċċess universali għall-enerġija fil-qalba tal-involviment tagħhom fis-settur tal-enerġija, filwaqt li jappoġġaw ukoll proġetti fuq skala żgħira u li mhux kollegati mal-grilja, b'mod partikolari f'żoni rurali, u jintegraw obbligi tas-servizz universali għall-għoti ta' aċċess universali għall-enerġija fil-proġetti u fl-għotjiet tal-enerġija tagħhom;

37. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex la jiffinanzjaw u lanqas jinkoraġġixu b’xi mod ieħor l-użu tal-enerġija nukleari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, meta jitqiesu l-preokkupazzjonijiet serji relatati mas-sigurtà u mas-sostenibilità;

38. Jirrakkomanda l-ħidma tal-Inizjattiva tal-Enerġija tal-Unjoni Ewropea (EUEI), il-Faċilità ta’ Djalogu u ta’ Sħubija tal-EUEI (EUEI-PDF) u s-Sħubija tal-Enerġija Afrika-UE, jilqa’ l-Inizjattiva Energy+ u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw il-parteċipazzjoni u l-involviment f’dawn l-inizjattivi, biex b’hekk jippromwovu l-koordinament tal-għajnuna internazzjonali fil-qasam tal-enerġija;

39. Huwa tal-fehma li s-samit Rio+20 f'Ġunju 2012 jirrappreżenta opportunità biex jiġu proposti objettivi konkreti dwar il-mod kif jista' jiġi abolit il-faqar tal-enerġija u pjan direzzjonali dwar il-modalitajiet biex dawn jintlaħqu bħala strateġija dinjija għat-tħaddir tal-ekonomija; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu l-aċċess universali għall-enerġija fil-proċess Rio+20;

40. Jitlob l-inklużjoni tal-aċċess universali għall-enerġija fl-MDGs ta’ wara l-2015 li għad iridu jiġu fformulati;

41. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lis-SEAE u lill-Kunsill tal-Ministri tal-AKP-UE.

(1)

Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-ħamsa u sittin sessjoni, Riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali, 65/151, Sena Internazzjonali tal-Enerġija Sostenibbli għal Kulħadd, New York, 21 ta’ Jannar 2011.

(2)

NU, Segretarju Ġenerali, Ban Ki-moon, Il-prijoritajiet tiegħi bħala Segretarju Ġenerali; http://www.un.org/sg/priority.shtml#

(3)

NU, Segretarju Ġenerali, Ban Ki-moon, Il-prijoritajiet tiegħi bħala Segretarju Ġenerali; http://www.un.org/sg/priority.shtml#

(4)

Enerġija għal Kulħadd, Il-Finanzjament tal-Aċċess għall-Foqra, silta speċjali antiċipata mill-Prospettiva tal-Enerġija Dinjija 2011, ippreżentata għall-ewwel darba waqt il-Konferenza Enerġija għal Kulħadd f'Oslo, in-Norveġja, f'Ottubru 2011; OECD/IEA, Ottubru 2011 (http://www.iea.org/papers/2011/weo2011_energy_for_all.pdf), paġna 3.

(5)

Ibid, paġna 28.

(6)

Ibid, paġna 27.

(7)

Ibid, paġna 40.


NOTA SPJEGATTIVA

Ħarsa Ġenerali Kuntestwali

L-aċċess għal servizzi tal-enerġija moderni huwa prerekwiżit fundamentali għat-tnaqqis tal-faqar u għall-iżvilupp sostenibbli tal-bniedem. Is-servizzi tal-enerġija għandhom impatt fuq l-aspetti kollha tal-ħajja u tal-għajxien tal-persuni – mingħajr aċċess, komunitajiet sħaħ ikunu limitati għal ħajja ta’ faqar. L-importanza tal-aċċess għall-enerġija titlob attenzjoni akbar mill-komunità internazzjonali.

Biex din il-kwistjoni tibda tiġi indirizzata, f’Settembru 2010 s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Ban Ki Moon, nieda l-mira ta’ “aċċess universali għall-enerġija”. Enfasizza l-importanza tal-aċċess għall-enerġija fit-tnaqqis tal-faqar u r-rwol tas-servizzi tal-enerġija fl-ilħuq tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju (MDGs).

Għan 1: It-tnaqqis tal-faqar estrem u tal-ġuħ.(1)

L-aċċess għal enerġija moderna jiffaċilita l-iżvilupp ekonomiku billi jipprovdi mezzi aktar effiċjenti u li ma jagħmlux ħsara lis-saħħa biex jitwettqu kompiti bażiċi fid-dar u mezzi biex jitwettqu attivitajiet produttivi b’mod aktar ġenerali, ta’ spiss bi spiża anqas milli kieku jintużaw sostituti ineffiċjenti bħal xemgħat u batteriji. L-enerġija moderna tista’ tħaddem pompi tal-ilma, b’mod li tipprovdi l-ilma u żżid ir-rendiment agrikolu permezz tal-użu ta’ makkinarju u irrigazzjoni.

Għan 2: L-ilħuq ta’ edukazzjoni primarja universali.

F’komunitajiet foqra, ta’ spiss it-tfal iqattgħu ħafna ħin jiġbru injam għall-fjuwil, iġibu l-ilma u jsajru. L-aċċess għal fjuwils jew faċilitajiet għat-tisjir imtejba jiffaċilita l-attendenza fl-iskola. L-elettriku huwa importanti għall-edukazzjoni peress li jiffaċilita l-komunikazzjoni, b’mod partikolari permezz tat-teknoloġija tal-informazzjoni, iżda wkoll permezz tal-provvista ta’ ħtiġijiet bażiċi bħat-tidwil.

Għan 3: Il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-għoti tas-setgħa lin-nisa

Aċċess imtejjeb għall-elettriku u għal fjuwils moderni jnaqqas il-piż fiżiku assoċjat mal-ġarr tal-injam u jiffranka ħin utli, speċjalment għan-nisa, b'mod li jwessa’ l-opportunitajiet tagħhom ta' impjieg. Barra minn hekk, it-tidwil tat-toroq itejjeb is-sikurezza tan-nisa u tat-tfajliet matul il-lejl, b’mod li jippermettilhom jattendu l-iskejjel ta’ fil-għaxija u jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-komunità.

Għan 4, 5; u 6: It-tnaqqis tal-mortalità tat-tfal, It-titjib tas-saħħa materna; u l-Ġlieda kontra l-HIV/AIDS, il-malarja u mard ieħor.

Il-parti l-kbira tal-ikel bażiku jirrikjedi t-tisjir, u t-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja fid-djar permezz ta’ fjuwils u stufi mtejba għat-tisjir inaqqas ir-riskju ta’ infezzjonijiet respiratorji, mard ostruttiv tal-pulmun kroniku u kanċer tal-pulmun (meta jintuża l-faħam). Aċċess imtejjeb għall-enerġija jippermetti lill-unitajiet domestiċi jgħallu l-ilma, biex b’hekk inaqqsu l-inċidenza ta’ mard li jittieħed mill-ilma. Aċċess imtejjeb javvanza s-servizzi tal-komunikazzjoni u tat-trasport, li huma kritiċi għall-kura tas-saħħa fl-emerġenzi. L-elettriku u s-servizzi moderni tal-enerġija jappoġġaw il-funzjonament tal-kliniċi tas-saħħa u tal-isptarijiet.

Għan 7: L-iżgurar tas-sostenibilità ambjentali

Fjuwils moderni tat-tisjir u stufi għat-tisjir aktar effiċjenti jistgħu jtaffu l-pressjoni fuq l-ambjent ikkawżata mill-użu mhux sostenibbli tal-bijomassa. Il-promozzjoni ta’ enerġija rinnovabbli b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju hija kongruwenti mal-protezzjoni tal-ambjent lokalment u globalment, filwaqt li l-isfruttament mhux sostenibbli tal-injam għall-fjuwil jikkawża deforestazzjoni lokali u deradazzjoni u erożjoni tal-ħamrija. L-użu ta’ enerġija aktar nadifa jnaqqas ukoll l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u t-tisħin globali.

Għan 8: L-iżvilupp ta’ sħubija globali għall-iżvilupp.

L-elettriku huwa neċessarju biex jitħaddmu l-applikazzjonijiet tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.

Il-faqar tal-enerġija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw huwa kbir. Skont l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (IEA), bħalissa, biljun u nofs persuna mill-popolazzjoni dinjija m’għandhom l-ebda aċċess għall-elettriku u tliet biljun persuna jiddependu fuq bijomassa tradizzjonali (injam, rawt, residwi veġetali) għat-tisjir. Id-duħħan ta’ ġod-djar li jiġi minn tisjir b’dan il-mod jikkawża 1.4 miljun mewt fis-sena, li huwa 50% aktar mill-imwiet madwar id-dinja mill-malarja.

Sal-lum, l-aċċess għall-enerġija ma ddaħħalx bħala prijorità politika jew tal-iżvilupp. Fuq il-bażi tax-xejriet attwali, sal-2030, l-istess numru ta’ nisa, irġiel u tfal se jkunu qed jgħixu mingħajr enerġija moderna bħal-lum.

Filwaqt li saru gwadanji fl-aċċess għall-elettriku tul l-aħħar għoxrin sena, għad baqa’ lakuni kbar. Dan huwa partikolarment evidenti fl-Afrika Sub-Saħarjana, fejn ‘il fuq minn 70% tal-popolazzjoni m’għandhiex aċċess għall-elettriku. F’dan ir-reġjun ma sar l-ebda progress fir-rigward tal-aċċess għall-enerġija matul l-aħħar għaxar snin. Biex tinlaħaq mira kompatibbli mal-MDGs, ir-reġjun jeħtieġ li jnaqqas din iċ-ċifra bin-nofs. Mingħajr intervent drastiku biex tittejjeb is-sitwazzjoni, madwar 67% tal-popolazzjoni se tkun għadha mingħajr aċċess għall-elettriku fl-2015 u konsegwenza ta’ dan, il-progress lejn l-MDGs se jibqa’ limitat.

L-aċċess għal fjuwils moderni għat-tisjir jippreżenta sfida saħansitra akbar u aktar mifruxa. Filwaqt li kien hemm titjib modest fin-numri globali, ħafna biljuni ta’ persuni mhux se jilħqu l-miri tal-MDGs sempliċement għax m’għandhomx fjuwils adegwati biex isajru bihom.

Huwa previst investiment globali sinfikanti għas-settur tal-enerġija tul l-għoxrin sena li ġejjin, projettat li jilħaq total ta’ USD 26 triljun – 3% biss minn din is-somma tilħaq aċċess universali għall-enerġija sal-2030.

Il-kuntest fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw

Matul l-aħħar għaxar snin, l-istrateġija promossa biex iżżid l-aċċess għall-enerġija għall-foqra fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw kienet approċċ tas-suq. Matul dan il-perjodu saru sforzi sostanzjali biex jitrawwem l-investiment privat għall-aċċess għall-enerġija. Madankollu, apparti l-ekonomiji fi tranżizzjoni, ftit wisq pajjiżi li qed jiżviluppaw jistgħu juru progress fir-rigward tat-titjib tal-aċċess għall-enerġija għall-foqra. Jeħtieġ li jitqiesu l-lezzjonijiet mill-passat; l-istorja turi li l-istrateġiji tal-passat rigward l-aċċess għall-enerġija ġew implimentati b’impenn governattiv qawwi u b’investiment ta’ fondi pubbliċi kemm għall-elettrifikazzjoni rurali kif ukoll għall-fjuwils għal għal skopijiet ta’ tisjir, kif juru l-każijiet tal-elettrifikazzjoni rurali fl-Istati Uniti u fl-Ewropa.

Fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-abitazzjonijiet domestiċi ġeneralment jonfqu perċentwal għoli tal-baġit tal-familja fuq ix-xiri ta’ fjuwils tal-enerġija ta’ kwalità baxxa għat-tidwil u t-tisjir meta mqabbla ma’ abitazzjonijiet domestiċi b’aċċess għall-elettriku u għal fjuwils likwidi u ta’ gass. Fost raġunijiet oħra, dan huwa minħabba li l-persuni mingħajr aċċess għal fjuwils kummerċjali u għall-elettriku ma jibbenefikawx minn sussidji u minn benefiċċji soċjali oħra relatati ma’ dawk is-servizzi.

Wara kważi tliet deċenji ta’ riformi fis-settur tal-elettriku (mill-bidu tat-tmeninijiet ’il quddiem) f’ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw, li l-objettiv tagħhom kien li tiżdied il-kopertura tal-elettriku u jiġi attirat l-investiment privat, waħda mill-aktar lezzjonijiet importanti hija li riformi bħal dawn attirew investiment privat u kkontribwixxew għal żieda fil-provvista tal-elettriku għas-setturi produttivi u kummerċjali, iżda naqsu milli jżidu l-aċċess għall-enerġija għall-foqra. Fost ir-raġunijiet għal dan hemm li l-provvista tal-elettriku għall-aktar foqra mhijiex negozju li jħalli profitt sakemm ma jkunx hemm sussidji. Huma meħtieġa politiki li jiffavorixxu l-foqra rigward is-sussidji u riformi tas-settur li jiffavorixxu l-foqra fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u dawn jirrikjedu r-rieda politika tal-mexxejja tal-pajjiżi.

Hemm firxa ta’ teknoloġiji disponibbli biex titwassal enerġija nadifa u effiċjenti lil komunitajiet foqra mill-enerġija, kemm f’reġjuni rurali mbiegħda kif ukoll fi bliet u rħula. Apparti mezzi konvenzjonali għall-elettrifikazzjoni rurali u fjuwils fossili (bħal-LPG u ġeneraturi żgħar tad-diżil), teknoloġiji deċentralizzati li jużaw riżorsi lokali tal-enerġija, teknoloġiji bħal mikroimpjanti tal-idroelettriku, ġeneraturi żgħar tar-riħ u teknoloġiji tal-enerġija solari jistgħu jipprovdu b’mod effikaċi l-enerġija lil komunitajiet fqar. Peress li l-bijomassa se tkun il-fjuwil għal skopijiet ta’ tisjir għal parti kbira mill-popolazzjoni rurali għall-futur qarib, it-tqassim ta’ stufi mtejba għat-tisjir jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-faqar u għall-benessri.

Il-kwantità ta’ enerġija meħtieġa biex il-fqar jilħqu l-MDGs hija żgħira. Stimi juru li l-enerġija meħtieġa biex tiġi provduta l-enerġija lil kulħadd se żżid il-konsum totali tal-enerġija b’madwar 1% biss tal-konsum tal-enerġija kummerċjali attwali. Madankollu, l-aċċess għall-enerġija għall-foqra mhuwiex biss kwistjoni tal-kwantità tal-enerġija provduta f’pajjiż.

Rigward soluzzjonijiet għall-aċċess għall-enerġija, kien hemm tendenza li jiġu esklużi xi taħlitiet ta’ enerġija u għażliet teknoloġiċi abbażi tal-emissjonijiet tal-karbonju u tal-impatt tagħhom fuq it-tibdil fil-klima, promossa primarjament minn dawk li mhumiex konxji li l-għoti ta’ aċċess lill-foqra jinvolvi livell baxx ta’ emissjonijiet. Fl-agħar xenarju għall-provvista tal-enerġija – l-użu ta’ fjuwils fossili għal 100% tal-elettrifikazzjoni u 100% tat-tisjir għall-foqra – ma jkun previst xejn aktar minn żieda totali fl-emissjonijiet limitata għal 2% tal-emissjonijiet dinjija attwali.

Fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-implimentazzjoni ta’ aċċess għal enerġija sostenibbli għall-foqra taffaċċja numru ta’ ostakoli, notevolment:

-  nuqqas ta’ kapaċità mill-foqra li jħallsu għas-servizzi, l-ispejjeż ta’ investiment, l-ispejjeż ta’ konnessjoni, ix-xiri ta’ tagħmir, l-ispejjeż għolja tat-tranżazzjonijiet speċjalment għall-popolazzjonijiet rurali, u għalhekk mhumiex attraenti għall-investituri privati sakemm ma jkunx hemm sussidji;

-  nuqqas ta’ kapaċità nazzjonali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jipproduċu tagħmir għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u “spare parts”, u dan jispjega l-ispejjeż għolja tal-importazzjoni, l-implimentazzjoni u l-manutenzjoni tas-sistemi tal-enerġija;

-  nuqqas ta’ oqfsa legali xierqa għall-promozzjoni ta’ skemi deċentralizzati tal-enerġija, u mudelli ta’ ġestjoni komunitarji;

-  nuqqas ta’ politiki li jiffavorixxu lill-fqar fir-rigward tas-sussidji jfisser diffikultajiet fl-applikazzjoni ta’ sussidji effettivi għall-foqra;

-  nuqqas ta’ mekkaniżmi finanzjarji xierqa biex ikun possibbli l-aċċess tal-persuni għal krediti biex ikopru l-ispejjeż tal-implimentazzjoni, tal-konnessjoni, tal-ispare parts, tat-tiswijiet u tas-servizzi u tat-tagħmir;

-  nuqqas ta’ pussess fiż-żgur jew sjieda tal-art li jipprevjenu l-implimentazzjoni ta’ xi servizzi tal-enerġija, bħall-estensjoni tal-grilja.

Aċċess universali għall-enerġija se jkun possibbli biss jekk id-defiċit finanzjarju jiġi kopert u l-ostakoli hawn fuq imsemmija jiġu eliminati.

Id-defiċit tal-finanzjament

Matul l-aħħar għaxar snin l-għajnuna finanzjarja għall-aċċess għall-enerġija għall-foqra kienet modesta. L-għajnuna mill-KE, it-tielet l-akbar fond fid-dinja, ikkontribwixxiet ammonti modesti ta’ flus għall-aċċess għall-enerġija għall-foqra. Il-kooperazzjoni bilaterali fir-rigward tal-għajnuna fil-qasam tal-enerġija mill-pajjiżi tal-UE kellha l-iffukar primarju tagħha fuq it-tkabbir ekonomiku u l-objettivi ambjentali aktar milli fuq l-aċċess għall-enerġija għall-foqra, u kien hemm sitwazzjoni simili fir-rigward ta’ kooperazzjoni bilaterali oħra importanti fir-rigward tal-għajnuna (l-Istati Uniti, il-Kanada, eċċ.). Mekkaniżmi finanzjarji għat-tibdil fil-klima wkoll s’issa kkontribwixxew ftit wisq għall-aċċess għall-enerġija għall-foqra.

Id-distakk finanzjarju biex jingħata aċċess għall-enerġija għal kulħadd huwa kbir. L-IEA tgħid li l-investiment meħtieġ biex jingħata aċċess universali għall-enerġija sal-2030 jammonta għal USD 756 biljun (USD 36 biljun fis-sena). Filwaqt li din iċ-ċifra tinstema’ li ma tistax tintlaħaq, tirrappreżenta 3% biss tal-infiq totali projettat matul il-perjodu u tista’ tiġi ffinanzjata permezz tal-kooperazzjoni ta’ fondi internazzjonali, sħubijiet pubbliċi/privati, finanzjamenti bankarji fil-livelli multilaterali, bilaterali u lokali, mikrofinanza, self u sussidji ffukati.

In-NU tistma li l-investiment kapitali meħtieġ biex ikun possibbli l-aċċess universali għall-enerġija għal “ħtiġijiet umani bażiċi” huwa ta’ USD 35-40 biljun fis-sena sal-2030. Tistma wkoll li jeħtieġ medja ta’ finanzjament f’għotjiet ta’ USD 10-15 biljun u self ta’ USD 20-25 biljun, filwaqt li d-differenza tista’ tiġi ffinanzjata mill-pajjiżi nfushom.

Il-prospettiva tan-NU murija aktar ’il fuq tista’ tkun it-triq ’il quddiem, iżda dan jirrikjedi ħafna iktar impenn mill-parteċipanti kollha. Id-donaturi jeħtieġ li jżidu l-fondi b’mod sostanzjali, filwaqt li jiffukaw fuq il-foqra u dawk li huma iżolati; is-settur privat jeħtieġ li jagħmel sforzi biex jinvesti f’enerġija deċentralizzata fuq skala żgħira, u għallinqas inizjalment inaqqas il-marġni tal-profitt; u l-Gvernijiet iridu juru aktar rieda politika u azzjoni li tipprijoritizza l-aċċess għall-enerġija għall-foqra billi jinvestu aktar fl-aċċess għall-enerġija; il-Gvernijiet jistgħu wkoll jimmobilizzaw il-kapital lokali (kapital indiġenu) billi jtejbu l-qafas regolatorju u istituzzjonali u billi joħolqu sħubijiet ma’ intraprendituri lokali (raħħala, bdiewa, negozjanti żgħar).

Il-kooperazzjoni tal-UE u l-kontribut tagħha għall-finanzjament tal-aċċess għall-enerġija għall-foqra

Iż-żewġ mekkaniżmi prinċipali għall-kooperazzjoni tal-UE għall-aċċess għall-enerġija huma l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) u l-Faċilità għall-Enerġija tal-UE. Huwa importanti li jiġi nnutat li 90% tal-fondi tal-FEŻ huma allokati permezz tal-mekkaniżmu tal-Programmi Indikattivi Nazzjonali u Reġjonali (NIPs u RIPs) li jiġu nnegozjati mal-pajjiżi (u r-reġjuni) benefiċjarji. Il-Faċilità għall-Enerġija tal-UE, stabbilita fl-2005, hija strument ta’ kofinanzjament li jistieden proposti minn parteċipanti governattivi u mhux governattivi.

Permezz tal-mekkaniżmu NIP/RIP, il-FEŻ tradizzjonalment iddedikat aktar minn 50% tal-finanzjament lill-infrastruttura, iżda l-finanzjament mill-FEŻ naqas għal inqas minn 1% tal-attivitajiet matul id-disgħinijiet. Minkejja l-bidla fil-politika tal-UE rigward l-aċċess għall-enerġija mill-2002 ’l hawn, kien diffiċli li terġa’ tiddaħħal l-enerġija fl-attivitajiet tal-FEŻ. Fl-għaxar FEŻ, 7 pajjiżi Afrikani tal-AKP biss integraw l-enerġija fil-PINs tagħhom, għal total ta’ EUR 83 miljun biss. Ir-RIPs tal-ECOWAS u tas-CEMAC jinkludu l-enerġija, u l-fondi Intra-AKP kienu approvati għal erba’ attivitajiet reġjonali (għal EUR 7 miljun).

Il-proċess kien kajman wisq u diffiċli minħabba varjetà ta’ raġunijiet, inkluż nuqqas ta’ kunsens fost l-Istati Membri tal-UE dwar dak li kellu jsir dwar l-enerġija. Id-Delegazzjonijiet Ewropej fil-pajjiżi AKP li jinnegozjaw in-NIPS u r-RIPs ġeneralment m’għandhomx il-kompetenza esperta speċjalizzata biex jintroduċu bidliet kbar.

Il-Faċilità għall-Enerġija attwalment hija l-akbar mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-UE għall-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija, billi tipprovdi fondi għall-foqra f’żoni iżolati (żoni rurali, irħula, u persuni mxerrda mat-territorju) “b’ammont sostanzjali ta’ flus f’pakkett wieħed”, iżda meta d-daqs tagħha jitqabbel mad-defiċit fil-finanzjament għall-aċċess għall-enerġija jew mal-flus għall-għajnuna meħtieġa skont in-NU, il-Faċilità għall-Enerġija hija żgħira wisq.

Il-Faċilità għall-Enerġija rnexxielha tiġbor xi investiment privat u l-parteċipazzjoni sinifikanti tal-NGOs (kemm mill-pajjiżi tal-AKP kif ukoll minn tal-UE) biex tilħaq komunitajiet iżolati u setturi fqar ħafna tal-popolazzjoni. Madankollu, l-impatt fuq l-aċċess għall-enerġija għad irid jiġi vvalutat. Il-Mekkaniżmu l-ġdid għall-Ġbir tal-Faċilità għall-Enerġija, li se jieħu EUR 40 miljun mill-USD 200 miljun tat-tieni parti, huwa tentattiv biex jiżdied l-involviment tas-settur privat, iżda x’aktarx li jipprovdi għal proġetti akbar.

Rigward il-futur, globalment, il-Faċilità għall-Enerġija tipprovdi l-uniku fond speċifikatament iffukat fuq l-appoġġ għall-investimenti biex jiġi miġġieled il-faqar tal-enerġija. Madankollu, bħalissa m’hemm l-ebda impenn favur Faċilità għall-Enerġija futura, u lanqas m’hemm assigurazzjonijiet dwar jekk l-arranġamenti ta’ wara l-għaxar FEŻ hux se jiffinanzjaw parti oħra iktar sinifikanti.

Billi wieħed juri, u jsaħħaħ, kemm ir-rieda politika kif ukoll l-impenn finanzjarju, l-UE jista’ jkollha rwol fundamentali fl-ilħuq ta’ aċċess universali għall-enerġija sal-2030.

(1)

Sors: Adattat minn UN-Energy, 2005 f’”Energy Poverty - How to make modern energy access universal?, OECD/IEA 2010, Energy Poverty, How to make modern energy access universal?” Silta speċjali antiċipata tal-Prospettiva tal-Enerġija Dinjija 2010 għall-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju; OECD/ IEA, Settembru 2010, (http://www.sustainableenergyforall.org/images/content/Special_Excerpt_of_WEO_2010.pdf), paġna 15.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

5.12.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Véronique De Keyser, Leonidas Donskis, Charles Goerens, Catherine Grèze, Eva Joly, Filip Kaczmarek, Miguel Angel Martínez Martínez, Norbert Neuser, Maurice Ponga, Michèle Striffler, Alf Svensson, Anna Záborská, Iva Zanicchi, Gabriele Zimmer

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Fiona Hall, Eduard Kukan, Krzysztof Lisek, Linda McAvan, Judith Sargentini

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Vittorio Prodi

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Jannar 2012Avviż legali