Proċedura : 2011/2046(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0008/2012

Testi mressqa :

A7-0008/2012

Dibattiti :

PV 02/02/2012 - 8
CRE 02/02/2012 - 8

Votazzjonijiet :

PV 02/02/2012 - 12.3
CRE 02/02/2012 - 12.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0019

ABBOZZ TA’ RAPPORT     
PDF 209kDOC 124k
9 ta' Jannar 2012
PE 472.373v02-00 A7-0008/2012

b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-14-il direttiva dwar il-Liġi tal-kumpaniji rigward it-trasferiment transkonfinali tas-sedi tal-kumpaniji

(2011/2046(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Legali

Relatur: Evelyn Regner

(Inizjattiva – Artikolu 42 tar-Regoli ta’ Proċedura)

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS MAL-MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
 RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI U L-KONTENTUT TAL-PROSPOSTA MRESSQA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-14-il direttiva dwar il-Liġi tal-kumpaniji rigward it-trasferiment transkonfinali tas-sedi tal-kumpaniji

(2011/2046(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 50 u 54 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Mejju 2003 dwar “L-Immodernizzar tal-Liġijiet tal-Kumpaniji u t-Titjib tal-Governanza tal-Kumpaniji fl-Unjoni Ewropea - Pjan biex nimxu ‘l quddiem” (COM(2003)0284),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bit-titolu: ‘Europa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv’ (COM(2010)2020),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Ottubru 2010 bit-titolu “Lejn Att dwar is-Suq Uniku - Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna - 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma’ xulxin” (COM(2010)608),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ April 2011 intitolata “L-Att dwar is-Suq Uniku - Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja - ‘Flimkien għal tkabbir ġdid’”(COM(2011)0206),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2157/2001 tal-Kunsill tat-8 ta’ Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta’ kumpanija Ewropea (SE)(1),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva Nru 2001/86/KE tal-Kunsill tat-8 ta’ Ottubru 2001 li tissupplimenta l-istatut ta’ kumpanija Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati(2),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva Nru 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar mergers transkonfinali ta’ kumpaniji b’responsabilità limitata(3),

–   wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Daily Mail(4), Centros(5), Überseering(6), Inspire Art(7), SEVIC Systems(8) , Cadbury Schweppes(9) u Cartesio(10),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Lulju 2006 dwar l-iżviluppi riċenti u l-prospetti fir-rigward tal-liġi tal-kumpanniji(11),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2007 dwar il-Kumpanija Privata Ewropea u l-Erbatax-il Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji dwar it-trasferiment tas-sede tal-kumpanij(12)a,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Frar 2009 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/14/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea (13),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2009 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar it-trasferiment transkonfinali tal-uffiċċju reġistrat ta’ kumpanija(14),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Novembru 2010 dwar aspetti tad-dritt ċivili, tad-dritt kummerċjali, tad-dritt tal-familja u tad-dritt internazzjonali privat tal-Pjan ta’ Azzjoni li jimplimenta l-Programm ta’ Stokkolma(15),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 42 u 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0008/2012),

A. billi l-Artikoli 49 u 54 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiggarantixxu l-libertà tal-istabbiliment tal-kumpaniji u l-azjendi kollha; billi l-migrazzjoni transkonfinali tal-kumpaniji hija fost l-elementi kruċjali fit-tlestija tas-suq intern, billi għandha tittieħed nota tan-nuqqas ta’ konsistenza fil-leġiżlazzjoni fil-qasam tat-trasferiment u l-proċeduri ta’ trasferiment tas-sede, dik irreġistrata jew dik reali, ta’ kumpanija jew ditta eżistenti rregolata mid-dritt nazzjonali minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor fi ħdan is-suq uniku, kif ukoll tar-riskji relatati fir-rigward tal-impjiegi, flimkien mad-diffikultajiet amministrattivi, l-ispejjeż iġġenerati, l-implikazzjonijiet soċjali u n-nuqqas ta' ċertezza legali;

B.  billi l-maġġoranza tal-parteċipanti fil-konsultazzjoni pubblika li għalqet fil-15 ta’ April 2004 kienu favorevoli għall-adozzjoni tad-direttiva tal-liġi tal-kumpaniji dwar it-trasferimenti tas-sedi tal-kumpaniji;

C. billi meta jitqiesu d-disparitajiet tar-rekwiżiti imposti mill-Istati Membri għall-migrazzjoni tal-kumpaniji, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-ħtieġa ta’ skema armonizzata li tirregola t-trasferiment transkonfinali tas-sedi tal-kumpaniji;

D. billi l-Qorti tal-Ġustizzja ma pprovditx il-kjarifika neċessarja fir-rigward tat-trasferiment tas-sede ta' kumpanija fis-sentenza tagħha Cartesio kif mistenni mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tal-impatt tal-2007 tagħha(16);

E.  billi huma l-leġiżlaturi u mhux il-Qorti li għandhom jistabbilixxu, fuq il-bażi tat-Trattat, il-miżuri rilevanti sabiex titwettaq il-libertà ta’ kumpanija li tittrasferixxi s-sede tagħha;

F.  billi, minħabba d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha tal-2007 li “l-għażla ta' ‘ebda azzjoni’ tidher aktar proporzjonata peress li mhijiex meħtieġa aktar azzjoni tal-UE”(17), il-mobilità tal-kumpaniji għadha tinvolvi piżijiet amministrattivi kbar kif ukoll spejjeż soċjali u fiskali;

G. billi l-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni tal-2007 ma tkoprix l-implikazzjonijiet fuq il-politiki soċjali u tal-impjiegi, bl-eċċezzjoni tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema;

H. billi jeħtieġ li ma jitħalliex isir l-abbuż ta' uffiċċji b’kaxxa postali biss u kumpaniji għall-apparenza (shell companies), maħsuba biex iduru ma’ kundizzjonijiet legali, soċjali u fiskali;

I.   billi t-trasferiment ta’ sede ta’ kumpanija għandu jkun newtrali mil-lat fiskali ;

J.   billi t-trasferiment tas-sede għandu jżomm il-kontinwità tal-personalità legali tal-kumpanija jew ditta kkonċernata, bil-għan li jiġi żgurat li din tiffunzjona sewwa;

K. billi t-trasferiment m’għandux jaffettwa d-drittijiet ta’ dawk interessati (azzjonisti minoritarji, impjegati u kredituri) li joriġinaw mit-trasferiment;

L.  billi l-proċedura ta’ trasferiment għandha tkun regolata b’regoli stretti għal dik li hi trasparenza u informazzjoni għal dawk interessati qabel ma jsir it-trasferiment;

M. billi d-drittijiet ta’ involviment tal-impjegati huma ta' importanza kbira waqt it-trasferiment tas-sede ta' kumpanija;

N. billi għandha tkun żgurata l-koerenza tal-proċeduri ta' involviment tal-impjegati bejn id-dispożizzjonijiet legali differenti li hemm fid-direttivi tal-liġi tal-kumpaniji;

1.  Jitlob lill-Kummissjoni tissottometti malajr abbażi tal-Artikolu 50(1) u (2)(g) tat-Trattat tal-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, proposta għal direttiva dwar it-trasferiment transkonfinali tas-sedi ta' kumpanija, skont ir-rakkomandazzjonijiet dettaljati stipulati fl-Anness mehmuż;

2.  Jikkonferma li r-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw il-prinċipji ta' solidarjetà u d-drittijiet fundamentali;

3.  Jikkunsidra li l-proposta mitluba m'għandhiex implikazzjonijiet finanzjarji;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati annessi magħha lill-Kummissjoni u lill-Kunsill kif ukoll lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1)

ĠU L 294, 10.11.2001, p. 1.

(2)

ĠU L 294, 10.11.2001, p. 22.

(3)

ĠU L 310, 25.11.2005, p. 1.

(4)

Kawża 81/87 Daily Mail [1988] Ġabra 5483.

(5)

Kawża C-212/97 Centros [1999] Ġabra I-1459.

(6)

Kawża C-208/00 Überseering [2002] Ġabra I-9919.

(7)

Kawża C-167/01 Inspire Art [2003] Ġabra I-10155.

(8)

Kawża C-411/03 SEVIC Systems [2005] Ġabra I-10805.

(9)

Kawża C-196/04 Cadbury Schweppes [2006] Ġabra I-7995.

(10)

Kawża C-210/06 Cartesio [2008] Ġabra I-9641.

(11)

ĠU C 303 E, 13.12.2006, p. 114.

(12)

ĠU C 263 E, 16.10.2008, p. 671.

(13)

ĠU C 76 E, 25.3.2010, p. 11.

(14)

ĠU C 87 E, 1.04.2010, p. 5.

(15)

Testi Adottati, P7_TA(2010)0426.

(16)

Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni: Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Valutazzjoni tal-impatt dwar id-Direttiva dwar it-trasferiment transkonfinali ta' uffiċċju reġistrat, SEC (2007) 1707, punt 3.5.2, pp. 24-25.

(17)

Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni: Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Valutazzjoni tal-impatt dwar id-Direttiva dwar it-trasferiment transkonfinali ta' uffiċċju reġistrat, SEC (2007)1707, punt 6.2.4, p. 39.


ANNESS MAL-MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI U L-KONTENTUT TAL-PROSPOSTA MRESSQA

Rakkomandazzjoni 1 (dwar l-ambitu tad-direttiva li għandha tiġi adottata)

Id-direttiva għandha tapplika għal kumpaniji b'responsabbiltà limitata skont it-tifsira tal-Artikolu 2, punt 1 tad-Direttiva 2005/56/KE.

L-ambitu tagħha għandu jagħmel provvediment għal soluzzjoni f’lokha għall-kwistjoni ta’ separazzjoni bejn l-uffiċċju rreġistrat u s-sede amministrattiva ta’ kumpanija.

Rakkomandazzjoni 2 (l-effetti ta' trasferiment transkonfinali

Id-direttiva għandha tippermetti li l-kumpaniji jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' stabbiliment b'migrazzjoni lejn Stat Membru ospitanti mingħajr ma jitilfu l-personalità legali tagħhom iżda billi jeqilbu għal kumpanija rregolata bil-liġi tal-kumpaniji tal-Istat Membru ospitanti mngħajr ma jkollhom ixolju.

It-trasferiment m’għandux jaħrab il-kundizzjonijiet legali, soċjali, fiskali.

It-trasferiment għandu jidħol fis-seħħ fid-data tar-reġistrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti. Mid-data ta' reġistrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti, il-kumpanija għandha tkun regolata mil-leġiżlazzjoni ta' dak l-Istat.

It-trasferiment m'għandux jaffettwa r-relazzjonijiet legali ma' partijiet terzi.

It-trasferiment għandu jkun fiskalment newtrali skont id-dispożizzjoni tad-Direttiva 90/434/KEE(1) .

Rakkomandazzjoni 3 (dwar trasparenza u informazzjoni qabel id-deċiżjoni ta' trasferiment)

Il-maniġment jew bord ta' kumpanija li jkun qed jippjana trasferiment għandu jkollu jfassal rapport u proposta ta' trasferiment. Qabel ma l-maniġment jiddeċiedi dwar ir-rapport u l-proposta ta' trasferiment, ir-rappreżentanti tal-impjegati, jew, fil-każ li ma jkunx hemm rappreżentanti, l-impjegati nfushom għandhom jiġu infurmati u kkonsultati dwar it-trasferiment propost skont kif mifhum mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/14/KE(2).

Ir-rapport għandu jkun ppreżentat lill-azzjonisti u lir-rappreżentanti tal-impjegati, jew, fil-każ li ma jkunx hemm rappreżentanti, l-impjegati nfushom.

Ir-rapport għandu jiddeskrivi u jiġġustifka l-aspetti ekonomiċi, legali u soċjali tat-trasferiment u jispjega l-konsegwenzi tiegħu għall-azzjonisiti, il-kredituri u l-impjegati li jistgħu jeżaminaw ir-rapport matul perjodu speċifiku li ma jistax ikun anqas minn xahar jew aktar minn tliet xhur qabel id-data tal-laqgħa tal-azzjonisti għall-approvazzjoni tat-trasferiment.

Il-proposta ta’ trasferiment għandha tinkludi:

(a)       il-forma legali, l-isem u l-uffiċċju reġistrat tal-kumpanija fl-Istat Membru tad-domiċilju;

(b)       il-forma legali, l-isem u l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpanija fl-Istat Membru ospitanti;

(c)       il-memorandum u l-artikoli ta’ assoċjazzjoni previsti għall-kumpanija fl-Istat Membru ospitanti;

(d)       l-iskeda prevista għat-trasferiment;

(e)       id-data li minnha t-tranżazzjonijiet tal-kumpanija li bi ħsiebha titrasferixxi s-sede għal raġunijiet ta’ kontabilità se jitqiesu bħala stabbiliti fl-Stat Membru ospitanti;

(f)        l-informazzjoni ddettaljata dwar it-trasferiment tal-amministrazzjoni ċentrali jew tal-post ewlieni tan-negozju;

(g)       id-drittijiet garantiti għall-azzjonisti tal-kumpanija, l-impjegati u l-kredituri jew il-miżuri relevanti proposti u l-indirizz fejn l-informazzjoni kollha dwar dan jistgħu jinkisbu bla ħlas;

(h)       jekk il-kumpanija hija mmaniġġjata fuq il-bażi tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti ma timponiex skema bħal din, għandha tiġi ddeterminata l-informazzjoni dwar il-proċeduri li permezz tagħhom jiġu determinati l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni tal-ħaddiema.

Ir-rapport u l-proposta tat-trasferiment għandha tiġi ppreżentata lill-azzjonisti u lir-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-kumpanija għal eżami f’perjodu xieraq qabel id-data tal-laqgħa ġenerali tal-kumpanija għall-azzjonisti.

It-trasferiment għandu jkun ippubblikat skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/101/KEE(3).

Rakkomandazzjoni 4 (dwar deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti)

Il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti għandha tapprova l-proposta tat-trasferiment bi qbil mal-formalitajiet stipulati u bil-maġġoranza meħtieġa biex jiġu emendati l-memorandum u l-artikoli tal-assoċjazzjoni skont il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-kumpanija fl-Istat Membru tad-domiċilju tagħha.

Jekk il-kumpanija tkun immaniġġjata fuq il-bażi tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema, il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tista’ tagħmel kundizzjoni li t-twettiq tat-trasferiment ikun jiddependi mill-fatt li hija tapprova b’mod ċar l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni tal-ħaddiema.

L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet maħsuba biex jiżguraw il-protezzjoni xierqa għall-azzjonisti minoritarji li jopponu t-trasferiment, pereżempju, id-dritt li jirtiraw mill-kumpanija, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli fl-Istat Membru tad-domiċilju tagħha.

Rakkomandazzjoni 5 (dwar il-verifika tal-legalità tat-trasferiment)

L-Istat Membru tad-domiċilju għandu jivverifika l-legalità tal-proċedura tat-trasferiment skont il-leġiżlazzjoni tiegħu.

L-awtorità kompetenti identifikata mill-Istat Membru tad-domiċilju għandha toħroġ ċertifikat li jiddikjara b’mod konklużiv li l-atti u l-formalitajiet kollha meħtieġa jkunu twettqu qabel it-trasferiment.

Iċ-ċertifikat, kopja tal-memorandum u l-artikoli tal-assoċjazzjoni previsti għall-kumpanija fl-Istat Membru ospitanti u kopja tal-proposta tat-trasferiment għandhom jiġu ppreżentati f’perjodu ta’ żmien xieraq lill-entità responsabbli għar-reġistrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti. Dawn id-dokumenti għandhom ikunu suffiċjenti biex jippermettu li l-kumpanija tiġi rreġistrata fl-Istat Membru ospitanti. L-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti għandha tivverifika li l-kundizzjonijiet sostantivi u formali għat-trasferiment huma ssodisfati, inkluż li r-rekwiżiti stipulati fl-Istat Membru ospitanti rigward l-informazzjoni ta’ tali kumpanija jkunu sodisfatti.

L-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ospitanti għandha immedjatament tavża l-awtorità korrispondenti fl-Istat Membru tad-domiċilju dwar ir-reġistrazzjoni. Wara li jsir dan, l-awtorità tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tneħħi l-kumpanija mir-reġistru.

Sabiex ikunu mħarsa partijiet terzi, ir-reġistrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti u t-tneħħija mir-reġistru tal-Istat Membru tad-domiċilju għandhom jiġu ppubblikati adegwatament.

Rakkomandazzjoni 6 (dwar miżuri ta' protezzjoni)

Kwalunkwe kumpanija li kontriha jittieħdu proċedimenti ta' xoljiment, likwidazzjoni, insolvenza jew sospensjoni ta’ pagamenti jew proċedimenti simili oħra, m’għandhiex titħalla tagħmel trasferiment transkonfinali tas-sede.

Minħabba raġunijiet ta’ proċedimenti legali jew amministrattivi li jkunu għaddejjin u li jkunu bdew qabel it-trasferiment tas-sede, il-kumpanija għandha titqies li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fl-Istat Membru tad-domiċilju. Kredituri eżistenti għandhom ikollhom dritt għal depożitu ta' garanzija.

Rakkomandazzjoni 7 (dwar id-drittijiet tal-impjegati)

Id-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati għandhom jitħarsu matul it-trasferiment. Bħala prinċipju, dawn għandhom ikunu regolati mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti.

Madankollu, il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti m’għandhiex tkun applikabbli:

(a)       jekk ma tipprevedix tal-anqas l-istess livell ta' parteċipazzjoni daqs dik applikabbli fl-Istat Membru ta' domiċilju, jew

(b)       jekk ma tagħtix lill-impjegati ta' stabbilimenti tal-kumpanja li jinsabu f'Istati Membri oħrajn l-istess drittijiet ta' parteċipazzjoni bħal dawk li jkollhom qabel it-trasferiment.

Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi dwar id-drittijiet tal-impjegati għandhom ikunu jaqblu mal-acquis.

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 90/434/KEE tat-23 ta' Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika għall-inkorporazzjonijiet [fużjonijiet], id-diviżjonijiet, it-trasferimenti ta' l-attivi u l-iskambji ta' l-ishma li jirrigwardaw il-kumpaniji ta' Stati Membri differenti (ĠU L 225, 20.8.1990, p. 1)

(2)

Id-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002 li tistabbilixxi struttura ġenerali sabiex tinforma u tikkonsulta lil ħaddiema fil-Komunità Ewropea (ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29).

(3)

Id-Direttiva Nru 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU L 258, 1.10.2009, p. 11).


OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (27.9.2011)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali

dwar l-14-il Direttiva dwar il-liġi tal-kumpaniji rigward it-trasferiment transkonfinali tas-sedi tal-kumpaniji

(2011/2046(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Philippe Boulland

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli,

– biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi l-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni tal-2007 ma tkoprix l-implikazzjonijiet fuq il-politiki soċjali u tal-impjiegi, bl-eċċezzjoni tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema;

B.  billi l-Istatut tal-Kumpanija Ewropea u l-Istatut tas-Soċjetà Kooperattiva Ewropea jipprevedu t-trasferiment tas-sedi tal-kumpanija skont regoli speċifiċi u vinkolanti dwar l-involviment tal-ħaddiema, f’konformità mad-Direttiva 2001/86/KE, u billi l-proċeduri tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema stipulati fid-direttivi Ewropej dwar il-liġi tal-kumpaniji jridu jkunu koerenti u effettivi kemm jista' jkun;

C. billi l-Qorti tal-Ġustizzja adottat ċerti approċċi fir-rigward tal-libertà tal-istabbiliment tal-kumpaniji fil-kawżi Daily Mail(1), Centros(2), Überseering(3), Cartesio(4),

1.  Jenfasizza li l-Artikoli 49 u 54 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiggarantixxu l-libertà tal-istabbiliment għall-kumpaniji u d-ditti kollha; josserva li l-migrazzjoni transkonfinali tal-kumpaniji hija wieħed mill-elementi kruċjali għat-tlestija tas-suq intern; jinnota n-nuqqas ta’ uniformità fil-leġiżlazzjoni fil-qasam tat-trasferiment u l-proċeduri ta’ trasferiment tas-sede, dik irreġistrata jew dik reali, ta’ kumpanija jew ditta eżistenti rregolata mid-dritt nazzjonali minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor, fi ħdan is-suq uniku, u dwar ir-riskji relatati fir-rigward tal-impjiegi, kif ukoll id-diffikultajiet amministrattivi, l-ispejjeż iġġenerati, l-implikazzjonijiet soċjali u n-nuqqas ta' ċertezza legali;

2.  Huwa favur leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-trasferiment tas-sedi tal-kumpaniji sakemm dan ma jipperikolax l-ilħuq tal-għanijiet tal-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jew jirrestrinġi d-dritt tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema;

3.  Jappella sabiex it-trasferiment tas-sede ma jikkompromettix il-kontinwità tal-personalità legali tal-kumpanija jew ditta kkonċernata, bil-għan li jiġi żgurat li din tiffunzjona sewwa;

4.  Jappella sabiex it-trasferiment tas-sede jkun iggwidat mill-prinċipju tal-flessikurezza fl-interess ta' suq aktar flessibbli li jaqbel aktar mal-interessi tal-ħaddiema u li jkun ħieles minn ostakoli iżda li fih id-drittijiet tal-ħaddiema jkunu rrispettati u huma jkunu protetti mit-tkeċċija;

5.  Jistenna li d-direttiva proposta ma tippermettix li jkun hemm abbużi bħal kif imsemmi fid-Direttiva 2001/86/KE u frodi, ikkawżati l-aktar bit-twaqqif ta' "kumpaniji mailbox", u li tħares l-interessi, u tiggarantixxi d-drittijiet eżistenti, tal-kredituri (l-aktar f'każ ta' insolvenza ta' kumpanija jew ditta), tal-azzjonisti minoritarji u tal-ħaddiema, filwaqt li tal-anqas tmantni l-bilanċ attwali fil-governanza tal-intrapriżi; josserva li trasferiment transkonfinali tas-sede ta' kumpanija jew ditta m'għandux iwassal għax-xoljiment jew għal kwalunkwe interruzzjoni jew telf tal-personalità legali tagħha;

6.  Jinkuraġġixxi lill-Istati Membri jagħmlu arranġamenti biex il-legalità tat-trasferimenti tkun immoniterjata minn awtorità kompetenti li, b'mod partikulari, tieħu deċiżjonijiet dwar il-konformità mal-obbligi tal-partijiet interessati kollha;

7.  Jipproponi hawn taħt sensiela ta' rakkomandazzjonijiet dwar kundizzjonijiet vinkolanti li jridu jiġu sodisfati biex l-14-il Direttiva dwar il-liġi tal-kumpaniji tkun tista’ tiżgura l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema waqt u wara t-trasferiment tas-sede ta' kumpanija;

8.  Jappella biex id-Direttiva 2001/86/KE ssir l-bażi legali ewlenija għat-trasferimenti tas-sedi, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar ix-xogħol;

–   biex jinkorpora r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin fl-Anness għall-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

9.  Rakkomandazzjoni 1: Il-Kummissjoni għandha tippreżenta valutazzjoni tal-impatt tal-implikazzjonijiet ta’ direttiva dwar it-trasferiment tas-sedi tal-kumpaniji fir-rigward tal-ilħuq tal-għanijiet tal-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; liema valutazzjoni għandha tiġi ppubblikata mhux iktar tard minn meta tiġi ppubblikata l-proposta għal 14-il Direttiva dwar il-liġi tal-kumpaniji;

10. Rakkomandazzjoni 2: Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-trasferiment tas-sede rreġistrata ta' kumpanija jew ditta għandha tinkludi l-elementi li ġejjin biex jiġu żgurati d-dritt tal-parteċipazzjoni u l-koeżjoni tal-ħaddiema, u tmantni l-protezzjoni u tal-garanziji mogħtija lir-rappreżentati tagħhom, waqt u wara t-trasferiment, għal raġunijiet ta' effikaċja u ċertezza legali:

- id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi dwar id-dritt ta’ parteċipazzjoni tal-ħaddiema għandhom ikunu konformi ma' dawk previsti fid-Direttiva 2001/86/KE rigward l-involviment tal-ħaddiema, partikolarment meta kumpanija jew ditta titwaqqaf permezz ta' trasformazzjoni, bl-għan li tkun iggarantita l-koerenza tal-proċeduri tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fl-applikazzjoni tad-direttivi Ewropej dwar il-liġi tal-kumpaniji;

- barra minn hekk, il-korp maniġerali għandu jikkonsulta lill-azzjonisti u lill-ħaddiema dwar l-implikazzjonijiet legali u ekonomiċi tat-trasferiment permezz ta’ rapport li jispjega u jiġġustifika bis-sħiħ il-konsegwenzi fuq l-azzjonisti u l-ħaddiema u li jiġi ppreżentat fi żmien xieraq, tal-anqas xahar qabel ma l-assemblea ġenerali tiddeċiedi jekk tapprovax jew le l-proposta ta’ trasferiment; l-ispeċifiċitajiet tal-konsultazzjoni tar-rapport, inkluż il-pjan ta' trasferiment, għandhom ikunu aċċessibbli mingħajr ħlas għall-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom kollha;

- id-drittijiet u l-obbligi tal-kumpanija – li joħorġu mil-liġi, mill-prattika u l-kuntratti ta’ impjieg individwali jew mir-relazzjonijiet ta’ impjieg – fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-impjieg fl-Istat Membru ta’ oriġini, kif ukoll l-attivitajiet tal-korpi li jirrappreżentaw lill-ħaddiema, għandhom jibqgħu japplikaw waqt it-trasferiment tas-sede u wara li din tiġi rreġistrata fl-Istat Membru ospitanti;

- jekk it-trasferiment jinvolvi bidla fl-istruttura tal-kumpanija jew ditta, it-tmexxija ċentrali għandha, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba bil-miktub minn numru ta' ħaddiema, determinat mis-sħab soċjali, tieħu d-deċiżjoni li tibdel il-kompożizzjoni tal-korpi rappreżentattivi tal-ħaddiema;

- jekk minħabba t-trasferiment tas-sede ta' kumpanija jkun inevitabbli li jkun hemm sensji kollettivi, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/59/KE għandhom japplikaw;

- it-trasferiment tas-sede ta' kumpanija għandu jkun suġġett għall-kapaċità tagħha li turi li hija tirrispetta d-dispożizzjonijiet relatati mad-drittijiet tal-ħaddiema;

- l-Istati Membri għandhom jipprovdu rikors legali effettiv, b'effett sospensiv rigward it-trasferiment tas-sede kemm għall-ħaddiema kif ukoll għar-rappreżentanti tagħhom, bil-għan li jiġi żgurat li jiġu eżegwiti l-obbligi ta' min iħaddem lejn il-ħaddiema tiegħu, fil-livell nazzjonali u Ewropew, f’każ li dawn l-obbligi ma jiġux irrispettati;

- il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti għandha tapplika, għajr fil-każ fejn din tipprevedi speċifikament livell inferjuri ta’ parteċipazzjoni u ta’ kodeċiżjoni tal-ħaddiema.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.9.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

1

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Pervenche Berès, Mara Bizzotto, Philippe Boulland, Milan Cabrnoch, David Casa, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Sergio Gaetano Cofferati, Tadeusz Cymański, Frédéric Daerden, Proinsias De Rossa, Frank Engel, Sari Essayah, Richard Falbr, Ilda Figueiredo, Marian Harkin, Roger Helmer, Nadja Hirsch, Liisa Jaakonsaari, Danuta Jazłowiecka, Martin Kastler, Ádám Kósa, Patrick Le Hyaric, Veronica Lope Fontagné, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Csaba Őry, Siiri Oviir, Rovana Plumb, Sylvana Rapti, Licia Ronzulli, Elisabeth Schroedter, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Jutta Steinruck, Traian Ungureanu

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Raffaele Baldassarre, Jelko Kacin, Ria Oomen-Ruijten, Antigoni Papadopoulou, Evelyn Regner, Emilie Turunen, Cecilia Wikström, Tatjana Ždanoka

(1)

Deċiżjoni tas-27 ta' Settembru 1988 fil-Kawża 81/87 Daily Mail [1988] Ġabra 5483.

(2)

Deċiżjoni tad-9 ta' Marzu 1999 fil-Kawża C-212/97 Centros [1999] Ġabra I-1459.

(3)

Deċiżjoni tal-5 ta' Novembru 2002 fil-Kawża C-208/00 Überseering [2002] Ġabra I-9919.

(4)

Deċiżjoni tas-16 ta' Diċembru 2008 fil-Kawża C-210/06 Cartesio [2008] Ġabra I-9641.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

20.12.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Raffaele Baldassarre, Luigi Berlinguer, Sebastian Valentin Bodu, Françoise Castex, Christian Engström, Marielle Gallo, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Klaus-Heiner Lehne, Antonio López-Istúriz White, Antonio Masip Hidalgo, Alajos Mészáros, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Francesco Enrico Speroni, Alexandra Thein, Diana Wallis, Rainer Wieland, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Philipp Albrecht, Jean-Marie Cavada, Luis de Grandes Pascual, Vytautas Landsbergis, Kurt Lechner, Eva Lichtenberger, Arlene McCarthy

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Jannar 2012Avviż legali