RAKKOMANDAZZJONI GĦAT-TIENI QARI dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju

27.1.2012 - (16226/1/2011 – C7‑0012/2012 – 2010/0252(COD)) - ***II

Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
Rapporteur: Gunnar Hökmark


Proċedura : 2010/0252(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0019/2012

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju

(16226/1/2011 – C7‑0012/2012 – 2010/0252(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (16226/1/2011 – C7‑0012/2012),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[1],

–   wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari[2] dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0471),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 72 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A7-0019/2012),

1.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;

2.  Jinnota li l-att qed jiġi adottat f'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu sabiex jiffirma l-att wara li jkun ivverifika li l-proċeduri ntemmu kif imiss u sabiex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

NOTA SPJEGATTIVA

Fl-20 ta' Settembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta għal deċiżjoni li tistabbilixxi l-ewwel programm tal-politika tal-ispettru tar-radju, bl-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) bħala l-bażi legali, u fuq il-bażi tal-Artikolu 8a(3) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 li tipprovdi li l-Kummissjoni tista' tressaq proposta leġiżlattiva li tistabblixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju.

Din il-proposta stabbiliet l-orjentazzjonijiet u l-għanijiet tal-politika għall-ippjanar strateġiku u għall-armonizzazzjoni tal-użu tal-ispettru sal-2015.

Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew fl-Ewwel Qari

Il-Parlament Ewropew adotta l-opinjoni tiegħu fl-ewwel qari fil-11 ta' Mejju 2011 b'615-il vot favur, 26 kontra u 16-il astensjoni bl-approvazzjoni ta' 88 emenda għall-proposta tal-Kummissjoni.

It-tibdiliet ewlenin introdotti mill-Parlament Ewropew kienu:

· Issir disponibbli medda ta' 800 MHz għas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi fl-Istati Membri kollha tal-UE mill-1 ta' Jannar 2013, b'derogi permessi biss f'każi eċċezzjonali ġustifikati għal raġunijiet tekniċi u storiċi.

· Jiġi żgurat li jkun allokat spettru suffiċjenti u xieraq għas-servizzi bla fili, li jammonta għall-inqas għal 1200 MHz sal-2015.

· L-armonizzazzjoni u l-ftuħ għall-użu ta' medda ta' 1.5 GHz u ta' 2.3 GHz għal servizzi broadband bla fili, kif ukoll li l-Kummissjoni tintalab tivvaluta, mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2015, jekk hux meħtieġ tittieħed azzjoni biex jiġu armonizzati meded tal-ispettru addizzjonali bħall-medda ta' 700MHz (694-790 MHz).

· L-estensjoni tal-allokazzjonijiet ta' spettru mhux liċenzjat li jippermetti użu aktar tal-WiFi.

· Ir-realizzazzjoni tal-objettivi tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, li tiżgura li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni jkollhom aċċess għall-broadband, mhux inqas minn 30 Mbps sal-2020.

· It-tisħiħ tal-prinċipji regolatorji fl-Unjoni kollha billi jkunu żgurati kundizzjonijiet ta' parità pan-Ewropej u billi jiġi promoss il-ħolqien ta’ servizzi pan-Ewropej futuri.

· Li tiġi evitata d-distorsjoni tas-suq billi, qabel l-allokazzjoni tal-ispettru ppjanat, jiġi eżaminat sew jekk l-allokazzjoni tistax toħloq distorsjoni jew tnaqqas il-kompetizzjoni, filwaqt li jitqiesu d-drittijiet attwali tal-ispettru mill-operaturi relavanti tas-suq.

· Li jiġi estiż l-inventarju tal-ispettru attwali kollu tar-radju biex jinkludi frekwenzi fil-medda minn 300 MHz sa 6 GHz, li għandhom jiġu segwiti minn frekwenzi fil-medda minn 6 GHz sa 70 GHz.

· Jiġi żgurat li l-Unjoni jkollha pożizzjoni unika fin-negozjati internazzjonali relatati mal-kwestjonijiet tal-ispettru.

It-Tieni Qari tal-Parlament Ewropew

Fl-24 ta' Ottubru 2011, wara ħames trilogi informali, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE laħqu ftehim politiku dwar il-proposta leġiżlattiva.

Id-deċiżjonijiet ewlenin kienu:

· Il-ftuħ ta' firxa ta' 800 MHz ta' frekwenza għal servizzi tal-internet tal-broadband bla fili fl-Istati Membri kollha sal-1 ta' Jannar 2013.

· It-tħaffif tal-iżvilupp tal-broadband tal-mowbajl ta' għall-inqas 30 Mbps sal-2020 għaċ-ċittadini kollha tal-UE, li jnaqqas id-distakk diġitali u jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa.

· L-allokazzjoni ta' għall-inqas 1200 MHz ta' spettru għat-traffiku tad-data tal-mowbajl sal-2015.

· Il-ħolqien ta' inventarju b'kamp ta' applikazzjoni wiesa' tal-użu attwali tal-ispettru minn 400MHz sa 6 GHz biex tinħoloq politika tal-ispettru Ewropea flessibbli u kkoordinata.

· Il-Kummissjoni għandha tivvaluta u tagħti rapport sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2015 dwar jekk hemmx il-ħtieġa li tittieħed azzjoni biex ikunu armonizzati firxiet tal-ispettru addizzjonali.

· Il-Kummissjoni għandha, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tivvaluta l-ġustifikazzjoni u l-fattibbiltà tal-estensjoni tal-allokazzjonijiet ta' spettru mhux liċenzjat għal sistemi ta' aċċess bla fili, inklużi netwerks tar-radju għal żoni lokali biex ikun hemm ftuħ akbar għal pereżempju l-WiFi.

· L-Unjoni għandha, wara li ssir talba, tgħin l-Istati Membri billi tagħti appoġġ legali, politiku u tekniku, biex dawn issibu soluzzjoni għal kwestjonijiet ta' koordinazzjoni tal-ispettru ma' pajjiżi ġirien, inklużi pajjiżi kandidati u dawk li se jissieħbu.

Dan il-ftehim politiku jħejji t-triq għal żvilupp li jippermetti l-UE li jkollha rwol ewlieni fid-dinja tal-veloċità tal-broadband, tal-mobilità, ta' kopertura u ta' kapaċità. Dan se jkun pedament kruċjali fil-ħolqien ta' politika tal-ispettru Ewropea flessibbli u kkoordinata fejn it-tkabbir esponenzjali ta' traffiku tad-data tal-mowbajl jista' jintlaħaq minn riallokazzjonijiet futuri u fejn l-użu ineffiċjenti tal-ispettru jsir ħaġa tal-passat. L-approvazzjoni tal-proposta tal-Parlament u tal-Kummissjoni mill-Istati Membri biex tinfetaħ firxa ta' 800MHz għas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi sal-1 ta' Jannar 2013 se tgħin biex jinħoloq suq pan-Ewropew tat-telekomunikazzjonijiet fejn servizzi ġodda joħolqu opportunitajiet u tkabbir għal suq ta' 500 miljun konsumatur.

Id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-Istati Membri għandhom japplikaw dawk l-orjentazzjonijiet u l-objettivi tal-poltika mniżżla f'din id-Deċiżjoni sal-1 ta’ Lulju 2015 sakemm mhux speċifikat mod ieħor.

Sal-31 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni għandha twettaq analiżi tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-attivitajiet żviluppati u l-miżuri adottati skont din id-Deċiżjoni.

Konklużjonijiet

Il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill, adottata fit-13 ta' Diċembru 2011 u uffiċjalment mgħoddija lill-Parlament Ewropew fid-19 ta' Jannar 2012, hi bbażata fuq ftehim milħuq fl-24 ta' Ottubru 2011 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

PROĊEDURA

Titolu

Politika tal-ispettru tar-radju

Referenzi

16226/1/2011 – C7-0012/2012 – 2010/0252(COD)

Data tal-1 qari tal-PE - Numru P

11.5.2011                     T7-0220/2011

Proposta tal-Kummissjoni

COM(2010)0471 - C7-0270/2010

Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja ta’ meta l-Parlament irċieva l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-1 qari

19.1.2012

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ITRE

19.1.2012

 

 

 

Data tal-adozzjoni

25.1.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

52

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriele Albertini, Amelia Andersdotter, Zigmantas Balčytis, Ivo Belet, Bendt Bendtsen, Jan Březina, Reinhard Bütikofer, Maria Da Graça Carvalho, Giles Chichester, Jürgen Creutzmann, Pilar del Castillo Vera, Dimitrios Droutsas, Christian Ehler, Vicky Ford, Gaston Franco, Adam Gierek, Norbert Glante, Robert Goebbels, András Gyürk, Fiona Hall, Jacky Hénin, Kent Johansson, Krišjānis Kariņš, Lena Kolarska-Bobińska, Philippe Lamberts, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Angelika Niebler, Jaroslav Paška, Vittorio Prodi, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Jens Rohde, Paul Rübig, Amalia Sartori, Salvador Sedó i Alabart, Francisco Sosa Wagner, Konrad Szymański, Britta Thomsen, Evžen Tošenovský, Ioannis A. Tsoukalas, Claude Turmes, Vladimir Urutchev, Adina-Ioana Vălean, Alejo Vidal-Quadras

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Francesco De Angelis, Gunnar Hökmark, Seán Kelly, Vladko Todorov Panayotov, Mario Pirillo, Vladimír Remek, Silvia-Adriana Ţicău

Data tat-tressiq

27.1.2012