Proċedura : 2011/2095(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0033/2012

Testi mressqa :

A7-0033/2012

Dibattiti :

PV 15/03/2012 - 6
CRE 15/03/2012 - 6

Votazzjonijiet :

PV 15/03/2012 - 11.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0086

RAPPORT     
PDF 334kDOC 284k
8 ta' Frar 2012
PE 473.818v02-00 A7-0033/2012

dwar Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050

(2011/2095(INI))

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Rapporteur: Chris Davies

Rapporteur għal opinjoni (*):

Mario Pirillo, Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

(*) Proċedura b'kumitati assoċjati – Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050

(2011/2095(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050' (COM(2011)0112) u d-dokumenti ta' ħidma li jakkumpanjawha (SEC(2011)0288) u (SEC(2011)0289),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Analiżi tal-alternattivi biex isir progress lil hinn mit-tnaqqis ta' 20% tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett serra u l-valutazzjoni tar-riskju ta’ rilaxx tal-karbonju’ (COM(2010)0265) u d-dokument li jakkumpanjaha (SEC(2010)0650),

–   wara li kkunsidra l-proposti għat-tfassil mill-ġdid (COM(2011)0656) u l-emendar tad-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (MiFID) (COM(2011)0652) u d-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq (MAD) (COM(2011)0651) fir-rigward tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-ETS tal-UE,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2011,

–   wara li kkunsidra l-pakkett dwar il-klima u l-enerġija tal-UE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tat-TFUE (il-‘Klawsola Soċjali’),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għall-Agrikoltura u Iżvilupp Rurali (A7-0033/2012),

A. billi madwar 90 firmatarju għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, inklużi l-ekonomiji emerġenti, li flimkien huma responsabbli għal aktar minn 80% tal-emissjonijiet globali, għamlu dikjarazzjonijiet unilaterali dwar l-objettivi għal tnaqqis kwantifikat tal-emissjonijiet prodotti mill-attività ekonomika kollha anke jekk dawn l-objettivi mhumiex legalment vinkolanti;

B.  billi l-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew iddikjaraw l-ambizzjoni tagħhom li jiżguraw livell ta’ tnaqqis ta' 80 sa 95% fl-emissjonijiet ta' gassijiet b’effett ta’ serra sal-2050; jirrimarka li perkors lineari bejn l-2009 u l-2050 jirriżulta f'objettiv għall-2020 fil-medda ta’ bejn l-34% u t-38% meta mqabbel mal-livelli tal-1990;

C. billi l-Unjoni Ewropea għandha tilħaq ftehim dwar miri speċifiċi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet biex tipprovdi l-bażi u l-qafas għall-atti leġiżlattivi neċessarji u għal miżuri oħra;

D. billi l-Pjan Direzzjonali juri li l-objettiv attwali ta' tnaqqis ta' 20%, li l-parti l-kbira minnu jista' jinkiseb permezz ta’ tnaqqis mhux domestiku, mhuwiex mezz kosteffikaċi li jwassal għal tnaqqis ta’ 80% sal-2050 meta mqabbel mal-1990; billi t-tnaqqis ta' 80% hu l-minimu fit-tnaqqis ta' bejn it-80 u l-95% li l-IPCC qieset bħala neċessarju għall-pajjiżi industrijalizzati u li l-Kunsill Ewropew adotta bħala l-objettiv tal-UE għall-2050;

E.  billi l-industrija teħtieġ li jkollha stampa ċara dwar l-istrateġija tal-UE għal emissjonijiet baxxi ta' karbonju, appoġġjata wkoll miċ-ċertezza regolatorja, minn objettivi ambizzjużi u minn mekkaniżmi ta' finanzjament imfassla sew, bil-għan li jsiru investimenti ekoloġiċi fuq perjodu ta' żmien twil;

F.  billi hu fl-interess tal-Istati Membri li jnaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq fornituri barranin tal-enerġija, speċjalment minn pajjiżi bi problemi politiċi,

G. billi l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija kkalkulat li erbgħa minn kull ħamsa tat-total tal-emissjonijiet tas-CO2 permessi sal-2035 fix-Xenarju 450 huma diġà allokati mill-istokk kapitali eżistenti;

H. billi hemm il-bżonn ta' valutazzjoni u ta' azzjoni kontra r-riskji li, fin-nuqqas ta' sforz globali suffiċjenti, l-isforzi interni jwasslu għal bidla fis-sehem tas-suq favur installazzjonijiet inqas effiċjenti, u għalhekk għal żieda globali ta' emissjonijiet, i.e. rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju;

I.   billi r-rapport Stern jikkalkola li l-ispejjeż tan-nuqqas ta' azzjoni fil-ħarsien tal-klima se jkun ekwivalenti għall-inqas għal madwar 5% tal-PDG globali kull sena;

J.   billi l-produzzjoni u l-konsum tal-bijomassa bħala sors ta' enerġija għadhom mhumiex definiti bħala newtrali fl-emissjonijiet tal-karbonju;

K. billi l-aspetti soċjali jridu jiġu kkunsidrati permezz tal-istrument tal-'valutazzjoni tal-impatt soċjali';

1.  Jirrikonoxxi l-benefiċċji għall-Istati Membri, u fejn meħtieġ, għar-reġjuni tagħhom, li jiżviluppaw ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju; għaldaqstant japprova l-Pjan direzzjonali tal-Kummissjoni għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050, flimkien mal-perkors tiegħu, l-istadji speċifiċi għal tnaqqis tal-emissjonijiet domestiċi ta' 40%, 60% u 80% rispettivament għall-2030, l-2040 u l-2050, u l-firxiet ta' miri intermedjarji speċifiċi għas-settur, bħala l-bażi għat-tressiq ta’ proposti leġiżlattivi u inizjattivi oħra dwar il-politika ekonomika u dik dwar il-klima; jirrikonoxxi li l-perkors u l-istadji huma bbażati fuq il-mudell PRIMES bil-għan li jippreparaw l-istrumenti leġiżlattivi u regolatorji neċessarji;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi miri temporanji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-2030 u l-2040, inklużi objettivi konkreti għal kull settur, u b’mod partikolari għall-agrikolatura, flimkien ma' kalendarju ambizzjuż; jikkunsidra li dawn il-miri għandhom isegwu trajettorja lineari bejn il-livelli attwali tal-emissjonijiet, l-objettiv 2020 u t-tnaqqis ta' 95% li għandu jsir sal-2050;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fi żmien sentejn tressaq il-miżuri neċessarji għall-kisba tal-objettivi tal-2030, waqt li tieħu inkonsiderazzjoni l-potenzjal u l-kapaċitajiet nazzjonali partikolari, kif ukoll il-progress internazzjonali rigward l-azzjoni dwar il-klima;

4.  Iqis li għandhom ikunu implimentati miżuri b'mod koordinat, kosteffikaċi u effettiv, li jippermettu karatteristiċi speċifiċi għall-Istati Membri;

5.  Jitlob għal konsistenza akbar fost il-programmi u l-politiki Komunitarji sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-pjan direzzjonali u sabiex jiġi żgurat li l-prijoritajiet tiegħu jkunu integrati b'mod sħiħ fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid għall-2014-2020; jirrikonoxxi li biex tilħaq il-mira ta' 20% ta' effiċjenza enerġetika, l-UE trid tkun tista' tnaqqas l-emissjonijiet interni tagħha ta' CO b'25% jew aktar sal-2020, u li dan it-tnaqqis xorta waħda jkun kosteffettiv fit-triq li twassal għall-mira fuq terminu twil ta' żmien ta' tnaqqis ta' 80-95% ta' emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-1990; jinnota li skont il-pjan direzzjonali, approċċ inqas ambizzjuż iwassal għal nefqa ferm akbar tul il-perjodu kollu; ifakkar, madankollu, li l-kosteffikaċja tal-investimenti għandha dejjem titkejjel fid-dawl tal-implikazzjonijiet baġitarji tal-Istati Membri;

6.  Ifakkar li fit-tħejjija għall-Konferenza ta' Durban dwar il-Klima, il-Parlament Ewropew sejjaħ sabiex l-objettiv ta' tnaqqis ta' COikun aktar minn 20% sal-2020;

7.  Jenfasizza li l-miri ċari tal-emissjonijiet se jistimulaw l-investimenti bikrija meħtieġa fir-R&Ż, għad-demostrazzjoni u t-tħaddim ta' tekonoloġiji b’emissjonijiet baxxi, u li huwa importanti ħafna li tiġi definita strateġija fit-tul li tiżgura li l-UE qiegħda fit-triq it-tajba biex tilħaq l-għan miftiehem tagħha ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet sal-2050;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta analiżi tal-kosteffettiv tat-twettiq tal-pjan propost fuq il-livell ta’ Stat Membru, filwaqt li tikkunsidra ċ-ċirkustanzi nazzjonali li joħorġu minn żviluppi teknoloġiċi u ħtiġijiet ta' investimenti differenti (u l-aċċettabilità soċjali tagħhom) kif ukoll l-eżistenza ta’ firxa wiesgħa ta' kundizzjonijiet globali possibbli;

9.  Jenfasizza li t-tranżizzjoni għal ekonomija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju għandha potenzjal qawwi ta' ħolqien ta' impjiegi filwaqt li tiżgura tkabbir ekonomiku u tipprovdi vantaġġ kompetittiv għall-industrija Ewropea;

10. Ifakkar li t-tranżizzjoni għal teknoloġiji nodfa tnaqqas drastikament it-tniġġiż tal-arja u għalhekk tiżgura benefiċċji sinifikanti fis-saħħa pubblika kif ukoll fl-ambjent.

Id-dimensjoni internazzjonali

11. Jinnota li l-iżvilupp u l-applikazzjoni madwar id-dinja tat-teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju qegħdin jiżdiedu b'mod rapidu, u li hu essenzjali għall-kompetittività futura tal-Ewropa li jiżdiedu l-livelli ta’ investiment fir-riċerka, fl-iżvilupp u fl-applikazzjoni fir-rigward ta’ dawn it-teknoloġiji;

12. Jinnota ċ-ċaqliq fl-innovazzjoni xjentifika u teknoloġika sostenibbli lil hinn mill-Ewropa lejn partijiet oħra tad-dinja, li tista’ twassal biex l-UE titlef il-pożizzjoni teknoloġika ewlenija tagħha f’dan il-qasam u ssir importatur nett ta’ dawn it-teknoloġiji u ta' prodotti relatati; jenfasizza, għalhekk, l-importanza tal-valur miżjud Ewropew fl-iżvilupp u l-produzzjoni domestika ta’ teknoloġiji u prodotti, b'mod partikolari fl-effiċjenza enerġetika u s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

13. Jenfasizza li ċ-Ċina qiegħda fuq quddiem f’termini ta’ kapaċità ta’ turbini tar-riħ installati, li l-produtturi Ċiniżi u Indjani huma fost l-akbar għaxar produtturi tat-turbini tar-riħ, u li ċ-Ċina u t-Tajwan bħalissa jimmanifatturaw il-parti l-kbira tal-panelli fotovoltajċi fid-dinja; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu passi biex jippromwovu fl-UE l-iżvilupp u l-produzzjoni ekoeffiċjenti ta’ dawn it-teknoloġiji u ta' teknoloġiji ġodda u innovattivi li huma meħtieġa biex jintlaħqu l-miri ambizzjużi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra;

14. Jitlob sabiex l-UE jkompli jkollha rwol attiv fin-negozjati internazzjonali biex jiġi finalizzat ftehim ambizzjuż, komprensiv u legalment vinkolanti; jieħu nota tal-importanza li l-UE turi l-konvinzjonijiet tagħha u taġixxi bħal mudell fit-turija tal-benefiċċji u l-vijabilità tal-ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta’ karbonju; jilqa’ r-riżultat tal-konferenza ta’ Durban li fiha sar qbil dwar kalendarju ċar għat-tfassil ta’ ftehim internazzjonali post 2012 u l-aċċettazzjoni li l-pajjiżi li huma l-aktar responsabbli għall-emissjonijiet, kemm jekk għandhom ekonomiji żviluppati jew li qed jiżviluppaw, iridu jadottaw miri ambizzjużi u suffiċjenti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra;

15. Jenfasizza li l-UE għandha tkompli taħdem b'mod kostruttiv fin-negozjati globali dwar il-klima u li jeħtieġ tiġi żviluppata aktar id-diplomazija Ewropea dwar il-klima, taħt il-kappa tal-SEAE;

16. Jindika li l-isfida ewlenija biex naslu għal ekonomija sostenibbli b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju hi li jkun żgurat li l-politiki tat-tibdil fil-klima jiġu integrati fl-oqsma ewlenin kollha ta’ attività relatati mal-enerġija, it-trasport, l-agrikultura, l-edukazzjoni, l-innovazzjoni, eċċ;

17. Jenfasizza li d-dewmien biex tittieħed azzjoni globali u Ewropea dwar il-klima jwassal għal spejjeż akbar mhux biss biex tintlaħaq l-objettiv tal-2050, minħabba investimenti marbuta fi stokk ta' kapital b'livell għoli ta’ karbonju u tagħlim teknoloġiku aktar bil-mod, iżda wkoll f’termini ta’ telf tar-rwol ta' tmexxija innovattiva għall-UE fir-riċerka, fil-ħolqien tal-impjiegi u fl-iggwidar għal ekonomija sostenibbli u aktar ekoloġika; jirrimarka, barra minn hekk, li d-dewmien biex tittieħed azzjoni għall-2020 jikkomprometti l-potenzjal ta' tnaqqis għall-2030 u għas-snin ta' wara;

18. Itenni li l-emissjonijiet kumulattivi huma deċiżivi għas-sistema klimatika; jinnota li anke bi tnaqqis ta’ 30% fl-2020, 55% fl-2030, 75% fl-2040 u 90% fl-2050, l-UE xorta tkun għadha responsabbli għal madwar id-doppju tas-sehem tagħha per capita tal-baġit tal-karbonju globali kompatibbli mal-objettiv ta’ 2°C, u li jekk it-tnaqqis tal-emissjonijiet idum ma jsir is-sehem kumulattiv jiżdied b’mod sinifikanti;

19. Ifakkar li l-limitazzjoni fiż-żieda tat-temperatura globali għall-medja ta' 2°C mhix garanzija li se jiġu evitati impatti negattivi sinifikanti tal-klima;

Sistema għan-Negozjar ta' Emissjonijiet

20. Jirrikonoxxi li s-Sistema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet (ETS) hija l-istrument prinċipali, għalkemmn mhux l-uniku, għat-tnaqqis tal-emissjonijiet industrijali u l-promozzjoni tal-investiment f'teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju; jinnota li huwa meħtieġ titjib addizzjonali tal-ETS; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jikkumplimentaw l-ETS tal-UE b'approċċ teknoloġiku u innovattiv sabiex jassigura t-tnaqqis sinifikanti meħtieġ;

21. Jinnota li l-ETS tal-UE qed tiffunzjona kif maħsub, u li l-prezz aktar baxx tal-karbonju huwa r-riżultat ta’ attività ekonomika mnaqqsa kif ukoll allowances disponibbli li huma ħafna ikbar mid-domanda; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li nuqqas ta’ stimolu għal investimenti b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju u riskji akbar marbuta mal-effiċjenza enerġetika joħolqu żvantaġġ lill-UE fir-rigward tal-kompetituri industrijali tagħha; jirrikonoxxi rapporti li l-prezz tal-karbonju mhux mistenni jitla’ fin-nuqqas ta’ tkabbir ferm ikbar jew aġġustament tal-ETS;

22. Jirrikonoxxi l-fatt li l-prezz attwali tal-karbonju ma jinċentivax l-investimenti f'teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju u għalhekk jagħti kontribut limitat biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, filwaqt li hemm riskju li jżomm l-UE f'infrastrutturi b'użu intensiv tal-karbonju għall-għexieren ta' snin li ġejjin;

23. Jenfasizza li l-politiki ta’ mitigazzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima ma jistgħux iserrħu biss fuq mekkaniżmi bbażati fuq is-suq, peress li dawn għandhom it-tendenza li ma jirnexxilhomx iwasslu għal teknoloġiji importanti u jippromwovu l-bidla meħtieġa fil-mentalità favur soċjetà sostenibbli,

24. Jitlob lill-Kummissjoni biex tadotta miżuri ħalli jitranġaw in-nuqqasijiet tal-ETS u tkun tista’ tiffunzjona kif maħsub oriġinarjament, b'mod partikolari billi tieħu l-passi li ġejjin qabel tmiem l-2012:

(a) tikkalibra l-ETS mill-ġdid qabel il-bidu tat-tielet fażi billi jitwarrbu ammont konsiderevoli ta’ kwoti sabiex terġa' tinkiseb skarsezza, biex b'hekk jintlaħaq l-objettiv oriġinali li jiġu pprovduti inċentivi għal investimenti f'teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju u miżuri għall-effiċjenza tal-enerġija, u aktar tard tipproponi att leġiżlattiv li jippermetti li tali kwoti jiġu eliminati;

(b) tipproponi leġiżlazzjoni kemm jista' jkun malajr li timmodifika r-rekwiżit annwali għal tnaqqis lineari ta' 1.74 % sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-mira ta' tnaqqis tas-CO2 għall-2050;

(c) tinkludi t-trasport fin-negozjar tal-emissjonijiet sabiex jiżdiedu l-innovazzjoni u l-effiċjenza tal-enerġija f’dan is-settur, jiġu internalizzati l-ispejjeż b’mod iktar effikaċi u jinħolqu kundizzjonijiet ekwi fost il-mezzi varji tat-trasport;

(d) tistabbilixxi, kemm jista’ jkun malajr, prezz ta’ riżerva għall-irkant tal-kwoti, b’dak il-prezz stabbilit f’livell iktar baxx mill-prezz tal-karbonju previst meta ġiet approvata l-leġiżlazzjoni attwali sabiex tipprevjeni r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju, iżda li jkun suffiċjenti biex jipprovdi riassigurazzjoni għall-impriżi li jkunu qed jagħmlu investimenti fit-tul;

(e) tistimula d-domanda fl-iskema tan-negozjar tal-emissjonijiet billi tipproponi estensjonijiet biex jiġu inklużi l-emissjonijiet mill-fjuwils fossili mibjugħin mis-setturi tat-tisħin u tat-trasport li mhumiex esposti direttament għall-kompetizzjoni internazzjonali kif ukoll mis-settur tat-trasport marittimu;

(f) tieħu passi biex iżżid id-dħul ta’ informazzjoni relevanti u t-trasparenza tar-reġistru tal-iskema tan-negozjar tal-emissjonijiet sabiex jingħata lok għal monitoraġġ u valutazzjoni iktar effikaċi;

(g) tkompli ttejjeb l-użu tal-mekkaniżmi ta’ kumpens, pereżempju billi tillimita l-aċċess għal kumpens li jissussidja l-kompetituri industrijali tal-Ewropa, bħal fil-qasam tal-HFCs;

(h) tiżgura madankollu li ebda minn dawn il-miżuri ma għandhom l-effett li jnaqqsu l-livell ta’ allowances permessi mingħajr ħlas għall-industrija tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju sabiex jintlaħaq il-parametru ta’ referenza;

25. Jinnota li dawn il-miżuri se jżidu d-dħul mill-irkant għall-Istati Membri, ifakkar lill-gvernijiet li ma hemm l-ebda limitu fir-rigward tal-proporzjon ta’ tali flus li jista’ jintnefaq għal skopijiet relatati mal-klima, u jirrakkomanda li l-ammonti kkonċernati jintużaw biex jiġu promossi investimenti b’livelli baxxi ta’ emissjonijiet ta’ karbonju fl-industrija jew biex jitħeġġu mezzi oħrajn ta’ ħolqien ta impjiegi bħal pereżempju billi jitnaqqsu t-taxxi imposti fuq ix-xogħol;

26. Jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti sal-aħħar tal-2013 biex ir-rekwiżit li l-kwoti tal-emissjonijiet jinxtraw permezz ta' rkant jiġi estiż għal dawk l-industriji li jużaw ħafna enerġija u li jaffaċċaw theddida minima minn kompetizzjoni barranija;

27. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-leġiżlazzjoni b'impatt fuq l-inċentivi pprovduti taħt l-iskema tan-negozjar tal-emissjonijiet, eż. d-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija (COD/2011/0172), tiġi ssorveljata, u r-rekwiżit ta’ tnaqqis jiġi aġġustat f’dan is-sens;

28. Jirrikonoxxi li sabiex jinkisbu l-miri tal-Pjan Direzzjonali għal Livell Baxx ta’ Emissjonijiet tal-Karbonju, trid tiġi aġġustata mhux biss l-iskema tan-negozjar tal-emissjonijiet (ETS), iżda anke d-Deċiżjoni dwar il-Qsim tal-Isforz (Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill).

Ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju

29. Jitlob lill-Kummissjoni biex tippubblika dettalji tal-kontribuzzjoni reali tal-UE mill-1990 biex tnaqqas l-emissjonijiet globali tas-CO2, waqt li tieħu inkonsiderazzjoni l-konsum tagħha ta' prodotti li issa qegħdin jiġu mmanufatturati xi mkien ieħor;

30. Jinsisti li t-tranżizzjoni għal ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju għandha tiġi appoġġjata b’approċċ regolatorju raġonevoli u meqjus; jafferma li konformità ambjentali b’piż żejjed mil-lat amministrattiv u finanzjarju jkollha impatt sinifikanti fuq l-impjiegi u l-produzzjoni fis-setturi li jużaw ħafna enerġija, u żżid ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonjiet tal-karbonju, filwaqt li twassal ukoll biex in-negozji u b’hekk l-impjiegi jmorru barra mill-UE.

31. Jaqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li l-miżuri ta’ aġġustament konfinali jew miżuri li jinkludu l-importazzjonijiet fl-ETS jeħtieġ ikunu kkombinati mal-irkant sħiħ għas-setturi kkonċernati; jistieden lill-Kummissjoni tipproduċi analiżi tas-setturi li għalihom l-allokazzjoni bla ħlas ta’ allowances tonqos milli tevita r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tressaq proposti għal miżuri ta’ aġġustament konfinali li jirrikjedu li l-importaturi ta' prodotti f'dawn is-setturi jixtru allowances ekwivalenti għal dawk li setgħu kienu meħtieġa jekk il-prodott kien immanifatturat fl-UE;

32. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi gwida lill-Istati Membri għall-adozzjoni ta’ kwalunkwe miżura maħsuba biex tagħti kumpens lill-industriji fejn ikun ġie ppruvat li huma esposti għal riskju sinifikanti ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għal spejjeż indiretti relatati mal-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra kif previst fid-direttiva kemm jista’ jkun malajr;

33. Jitlob lill-Kummissjoni tipproduċi analiżi dwar in-nuqqas ta’ kriterju ġeografiku fil-valutazzjoni tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għas-suq tal-elettriku fix-Xlokk tal-Ewropa;

34. Jinnota li, skont il-konklużjoni tal-pjan direzzjonali, is-settur tal-enerġija għandu jelimina kważi kompletament l-emissjonijiet tal-karbonju sal-2050 (tnaqqis ta’ 93 % - 99 % fl-emissjonijiet); madankollu jirrikonoxxi li minn perspettiva industrijali tal-UE, dawk li jagħmlu l-ewwel pass fit-teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet għandhom vantaġġ kompetittiv f'dinja b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju ta’ llum u ta’ għada; jinnota li t-tnaqqis tal-emissjonijiet għandu, għalhekk, jintlaħaq b'mod li ma jagħmilx ħsara lill-kompetittività tal-UE u li jindirizza r-riskju tar-rilokazzjoni tal-karbonju, partikolarment fis-setturi b'konsum għoli ta' enerġija;

Effiċjenza enerġetika

35. Ifakkar li l-valutazzjonijiet attwali jindikaw li l-objettiv ta' titjib fl-effiċjenza enerġetika u ta' tnaqqis fl-użu tal-enerġija ta' 20% meta mqabbel mat-tbassir għall-2020 attwalment ma jidhirx li se jintlaħaq; jappella għal azzjoni rapida, ambizzjoni akbar u impenn politiku aktar b'saħħtu f’termini ta’ kisba tal-miri tal-2020 u biex isir ippjanar lil hinn mill-2020, li jwassal biex jiġi attirat investiment xieraq; japprova l-konklużjoni tal-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni li tagħraf li l-politiki tal-effiċjenza enerġetika huma essenzjali biex jitnaqqsu aktar l-emissjonijiet tal-karbonju; iqis għalhekk li ma għandhomx ikunu esklużi miri vinkolanti; jenfasizza li l-miżuri ta’ effiċjenza enerġetika jgħinu fil-ħolqien tal-impjiegi, fl-iffrankar tal-enerġija, u sabiex jissaħħu s-sigurtà tal-provvista u l-kompetittività; jilqa' f'dan ir-rigward il-prijoritajiet stabbiliti mill-proposta għal Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika fis-setturi kollha, u partikolarment fil-bini permezz tar-rinnovazzjoni tal-bini eżistenti, b'enfasi b'mod partikolari fuq ir-rinnovazzjoni ta' bini pubbliku; jitlob biex jiżdiedu r-riżorsi u l-miżuri sabiex ikunu mobilizzati sorsi ġodda ta' fondi fuq livell Ewropew u nazzjonali, inkluż permezz ta' strumenti finanzjarji ġodda; jenfasizza l-importanza tal-investiment privat sabiex jingħelbu l-limitazzjonijiet baġitarji attwali fis-settur pubbliku;

36. Jiddeplora n-nuqqas ta’ miżuri biex jinqabad il-potenzjal tat-tnaqqis bi spiża negattiva tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-effiċjenza tal-enerġija u tar-riżorsi u jitlob li jiġi aċċellerat ix-xogħol skont id-Direttiva tal-Ekodisinn (2009/125/KE), l-applikazzjoni stretta tal-prinċipju tal-anqas spiża taċ-ċiklu tal-ħajja jew li l-miżuri ta' implimentazzjoni jiġu stabbiliti fil-livell ta' dawk li qed jiksbu l-aħjar riżultati, kif ukoll li jiġu stabbiliti wkoll rekwiżiti minimi għall-prodotti li mhumiex tal-elettriku;

37. Jitlob li x-xogħol skont id-Direttiva tal-Ekodisinn jinkludi t-tagħmir ta’ tisħin, il-bojlers u l-materjal iżolanti, li jistgħu jiffaċilitaw it-tnaqqis fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi filwaqt li jippermettu riċiklaġġ ikbar, kif ukoll l-estensjoni u l-iżvilupp tar-rekwiżiti ta’ tikkettar li jistgħu jgħinu lill-konsumaturi jieħdu deċiżjonijiet infurmati;

38. Jenfasizza l-ħtieġa li l-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Effiċjenza Enerġetika jiġi aġġornat b’miri vinkolanti li jinkludu firxa sħiħa ta’ miżuri ġenwini u kkwantifikati tul il-katina tal-provvista tal-enerġija;

39. Iqis li l-effiċjenza enerġetika hija l-istrument l-iktar effikaċi biex tiġi ammeljorata l-innovazzjoni teknoloġika industrijali u ssir kontribuzzjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ġenerali b’mod ekonomikament effiċjenti filwaqt li jiġu stimulati l-impjiegi. jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri fil-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika billi tistabbilixxi skemi ta’ inċentivi fit-tul u stabbli għall-promozzjoni ta’ teknoloġiji li jkunu l-iktar effikaċi mill-perspettiva tar-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji; jemmen li sabiex jinkiseb l-objettiv tal-effiċjenza enerġetika 2020, għandu jiġi garantit levell adegwat ta’ armonizzazzjoni tal-istandards ta’ effiċjenza Ewropej;

40. Itenni l-importanza li jkunu provduti inċentivi għal investimenti pubbliċi u privati maħsuba għat-tfassil u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji li jistgħu jiġu kkuppjati faċilment sabiex itejbu l-kwalità tal-iffrankar u l-effiċjenza enerġetika;

41. Jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika, tistabbilixxi miżuri speċifiċi sabiex jiġu indirizzati l-inċentivi negattivi li jseħħu bejn il-konsumaturi u d-distributuri tal-enerġija;

42. Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi mira fit-tul għat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija tal-istokk tal-bini tal-UE sal-2050;

43. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-UE u l-Istati Membri ma investewx biżżejjed f’miżuri biex inaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 jew biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika fl-oqsma tal-kostruzzjoni u t-trasport; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jallokaw aktar fondi għal miżuri li jżidu l-effiċjenza enerġetika tal-binjiet u ta' netwerks urbani ċentralizzati ta' tisħin u tkessiħ, kemm fil-kuntest tar-rieżami tal-Perspettiva Finanzjarja attwali kif ukoll fl-Oqsfa Finanzjarji Multiannwali ġejjiena;

L-enerġija rinnovabbli

44. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa politika dwar il-provvista tal-bijomassa biex tinkoraġġixxi l-produzzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijomassa; jenfasizza li din għandha tinkludi kriterji ta' sostenibilità għal bijomassa differenti li tqis il-marka tal-karbonju matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta' sorsi differenti, bi prijorità mogħtija għall-iżgurar tal-ewwel valur minn materja prima tal-bijomassa aktar milli l-użu tagħhom għall-enerġija; jinsisti li l-kisba tal-mira tal-UE marbuta mal-bijofjuwils ma tridx tolqot ħażin il-produzzjoni tal-ikel u tal-għalf jew twassal għal telf ta’ bijodiversità;

45. Jitlob għalhekk lill-Kummissjoni tintroduċi fatturi relatati mal-bidla fl-użu indirett tal-art (ILUC) sabiex jitqiesu l-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra attribwibbli għal bidliet fix-xejriet tal-użu tal-art ikkawżati mill-produzzjoni ta’ bijofjuwils; jenfasizza li ż-żieda fil-livell limitu tal-iffrankar ta’ gassijiet b’effett ta’ serra għall-bijofjuwils ma tindirizzax ir-riskji ta’ ILUC;

46. Jenfasizza l-importanza tat-teknoloġiji l-ġodda fl-iżvilupp ta’ enerġiji rinnovabbli u tal-produzzjoni tal-bijoenerġija u jenfasizza li l-UE għandha tisfrutta kull innovazzjoni disponibbli sabiex tilħaq il-miri tagħha tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2;

47. Jenfasizza r-rwol importanti tal-enerġija rinnovabbli, inklużi l-iżviluppi innovattivi f’dan il-qasam u jinsisti dwar l-urġenza li jinstabu soluzzjonijiet aħjar dwar kif jinħażnu dawn l-enerġiji, biex tikber l-effiċjenza tagħhom, u tkun żgurata trażmissjoni effiċjenti tal-enerġija, inklużi miżuri infrastrutturali xierqa; jirrikonoxxi l-progress sinifikanti li għamlu l-Istati Membri fl-iżvilupp tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli minn meta ġew stabbiliti miri vinkolanti għall-2020; jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza li jitkompla dan l-approċċ u li jiġu stabbiliti aktar miri vinkolanti dwar l-enerġija rinnovabbli għall-2030, filwaqt li jitqiesu l-fattibilità u l-impatt makroekonomiku tagħhom; jirrimarka li din l-azzjoni tgħin biex jintlaħqu l-objettivi għall-2050, tagħti lill-industrija ċ-ċertezza tal-investiment li teħtieġ, tnaqqas sew l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, toħloq l-impjiegi, tippromwovi l-indipendenza enerġetika tal-UE, u tinkoraġġixxi leadership teknoloġika u l-innovazzjoni industrijali; jenfasizza li hu ferm importanti li jinżammu l-miri stabbiliti fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali dwar l-enerġija rinnovabbli biex jintlaħqu l-miri globali tal-UE sal-2050; iqis li l-Kummissjoni għandha tieħu miżuri fejn il-miri nazzjonali ma jintlaħqux;

48.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tiżgura li l-adozzjoni ta’ tali miri ma tnaqqasx l-inċentivi għall-investiment f'forom oħrajn ta' ġenerazzjoni tal-enerġija b'livell baxx ta' karbonju;

49. Jitlob lill-Kummissjoni biex, meta tkun qed tippubblika sa tmiem l-2012 ir-rapport meħtieġ tagħha dwar il-progress li qed jagħmel kull Stat Membru biex jilħaq ir-rekwiżiti legali fir-rigward tal-produzzjoni ta' enerġija rinnovabbli, flimkien ma' valutazzjoni dwar jekk il-miri 2020 humiex se jintlaħqu, tipproponi programm ta' azzjonijiet li se jittieħdu sabiex tiġi promossa l-konformità tal-Istati Membri li preżentament mhumiex fit-triq it-tajba biex jissodisfaw ir-rekwiżiti;

50. Ifakkar li n-netwerks tal-elettriku se jkollhom jiġu aġġornati u żviluppati, b’mod partikolari biex jittrasportaw l-enerġija rinnovabbli prodotta f’żoni ta' potenzjal kbir, bħall-enerġija mir-riħ offshore fil-Baħar tat-Tramuntana u l-enerġija solari fin-Nofsinhar tal-Ewropa u biex jakkomodaw il-produzzjoni diċentralizzata tal-enerġija rinnovabbli;

51. Jenfasizza li żieda fl-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi permezz, pereżempju, ta’ riċiklaġġ tal-iskart, ġestjoni aħjar tal-iskart u bidla fl-imġiba, għandha rwol importanti ħafna biex jinkisbu l-objettivi strateġiċi tal-UE għal tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2;

52. Jinnota li, bl-għarfien u t-tekniki dispobibbli llum il-ġurnata, l-ażjendi agrikoli diġà jistgħu jsiru awtosuffiċjenti fl-enerġija, bil-possibilità kemm li jżidu l-profitti kif ukoll li joħolqu gwadann ambjentali permezz tal-produzzjoni lokali tal-bijoenerġija mill-iskart organiku;

53. Jinnota li, għal raġunijiet ta’ użu effiċjenti ta' riżorsi, il-bdiewa għandhom jiġu inkoraġġuti jużaw aħjar il-potenzjal tal-bijogass u l-prodotti sekondarji tiegħu f’termini ta’ sostituzzjoni tal-fertilizzanti;

54. Jenfasizza, għal dan il-għan, l-importanza tal-ipproċessar tad-demel, li mhux biss jipprovdi enerġija rinnovabbli, iżda jnaqqas ukoll il-pressjoni ambjentali u huwa sostitut għall-fertilizzant artifiċjali fil-forma ta' konċentrati ta’minerali; jenfasizza f'dan ir-rigward, li jekk id-demel irid jiġi kkunsidrat bħala sors tal-enerġija, huwa essenzjali li d-demel ipproċessat jiġi rikonoxxut bħala sostitut għall-fertilizzant artifiċjali fid-Direttiva dwar in-Nitrati;

55. Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm titjib fl-awtosuffiċjenza enerġetika tal-ażjendi agrikoli, permezz ta’ inċentivi għall-enerġija rinnovabbli fuq il-post, bħat-turbini tar-riħ, il-pannelli solari u t-teknoloġija tal-bijofermentazzjoni, minħabba li dan inaqqas l-ispejjeż tal-produzzjoni u jżid il-vijabilità ekonomika, billi jipprovdi sors alterattiv ta' dħul għall-bdiewa;

Riċerka

56. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li Horizon 2020 u s-Sħubiji Ewropej għall-Innovazzjoni taħt l-Unjoni tal-Innovazzjoni jagħtu prijorità lill-bżonn li jiġu żviluppati t-tipi kollha ta’ teknoloġiji b’emissjoni baxxa ta’ karbonju, sabiex tingħata spinta lill-kompetittività tal-UE, ikunu promossi l-opportunitajiet ta’ impjiegi ekoloġiċi u tinħoloq bidla fl-imġiba tal-konsumaturi;

57. Jenfasizza li huma meħtieġa b'mod urġenti iktar finanzjament u sforzi ta’ riċerka għall-iżvilupp u l-integrazzjoni ta' prattiki agrikoli effiċjenti fir-rigward tal-klima u li jużaw l-enerġija b'inqas intensità u metodi agrikoli li jniġġsu inqas u produzzjoni tal-enerġija iktar effiċjenti; jinnota barra minn hekk li diġà jeżistu alternattivi li jniġġsu inqas u li huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija; jikkunsidra r-riċerka u l-iżvilupp f'dan il-qasam bħala parti essenzjali mill-implimentazzjoni sħiħa tal-pjan strateġiku tat-teknoloġija tal-enerġija, u li dan jitlob għal investiment addizzjonali; jenfasizza li jeħtieġ li jiġi żgurat, b'rabta ma' dan, li r-riżultati tar-riċerka jiġu tradotti fil-prattika fil-livell tal-kumpaniji; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex tistabilixxi qafas ġdid tar-riċerka (Horizon 2020);

58. Jitlob li l-appoġġ baġitarju jkun konsistenti mal-€50 biljun meħtieġa minn sorsi pubbliċi u privati biex jiġi impimentat kompletament il-pjan SET;

59. Jenfasizza l-importanza tar-R&Ż biex ikunu żviluppati teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet u effiċjenti fl-enerġija; jistieden lill-UE tieħu rwol ewlieni fir-riċerka ta' teknoloġiji favur l-ambjent u effiċjenti fl-enerġija u sabiex tiżviluppa kooperazzjoni xjentifika mill-qrib mas-sieħba internazzjonali tagħha, b'enfasi partikolari fuq teknoloġiji nodfa u sostenibbli li jwasslu biex jintlaħqu l-objettivi stabiliti għall-2020 fil-Pjan SET (li hi l-inizjattiva emblematika tal-UE għat-teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju); jenfasizza li għandhom jiżdiedu l-fondi għal kull tip ta' riċerka dwar l-enerġija skont l-inizjattiva Horizon 2020, partikolarment dawk dwar l-enerġija rinnovabbli; ifakkar li l-allokazzjonijiet finanzjarji attwali fil-qasam tal-enerġija jirrappreżentaw 0.5 % biss tal-baġit tal-UE għall-2007-2013, u li dan mhux konformi mal-prijoritajiet politiċi tal-UE;

Il-qbid u l-ħżin tal-karbonju

60. Jirrikonoxxi l-importanza li tiġi applikata t-teknoloġija tas-CCS, meta jkun fattibbli, biex jintlaħqu l-għanijiet għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' karbonju bl-inqas spiża possibbli, u jagħraf li d-dewmien proċedurali, in-nuqqasijiet finanzjarji kif ukoll in-nuqqas ta' impenn min-naħa ta’ xi Stati Membri x'aktarx jisfratta l-kisba tal-ambizzjoni tal-Kunsill Ewropew li sal-2015 ikollu joperaw sa 12-il proġett ta' dimostrazzjoni tas-CCS; jitlob lill-Kummissjoni biex tippubblika Pjan ta' Azzjoni dwar is-CCS; jirrikonoxxi li s-CCS mhux se jkun xieraq fiċ-ċirkostanzi kollha, anke sal-2050, u jista’ jkun limitat għal installazzjonijiet kbar u l-evitar ta’ emissjonijiet mill-proċess industrijali; jitlob appoġġ fir-rigward ta’ teknoloġiji rivoluzzjonarji f’oqsma oħrajn sabiex tiżdied l-effiċjenza enerġetika u jitnaqqas il-konsum tal-enerġija, biex jiġu pprovduti soluzzjonijiet oħrajn lil hinn mill-qafas tas-CCS;

61. Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi li l-fondi li ma jintużawx għall-proġetti tas-CCS fil-Programm Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku jiġu riallokati favur proġetti ta’ dimostrazzjoni alternattivi tas-CCS;

Pjanijiet direzzjonali nazzjonali u speċifiċi għas-settur

62. Jinnota li l-ftehim ta' Cancún jipprevedi li l-pajjiżi żviluppati kollha għandhom jiżviluppaw strateġiji għal livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju;

63. Jilqa' l-produzzjoni ta' strateġiji għal livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju minn xi Stati Membri tal-UE iżda jitlob lill-Istati Membri kollha biex jipproduċu dawn l-istrateġiji mhux aktar tard minn Lulju 2013; jinsisti li l-Kummissjoni għandha tintroduċi proposti leġiżlattivi li jirrikjedu l-preparazzjoni tagħhom jekk sal-aħħar tal-2012 mhux l-Istati Membri kollha jkunu ħadu dan l-impenn;

64. Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-adegwatezza ta' dawn il-pjanijiet fir-rigward tal-kontribut għall-objettiv ta' Cancún li ż-żieda fit-temperatura medja dinjija tinżamm taħt iż-2°C meta mqabbla mal-livelli preindustrijali;

65. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-pjanijiet direzzjonali nazzjonali u settorjali jkunu suġġetti għal skrutinju indipendenti sabiex jiġi evalwat jekk l-użu potenzjali tal-aqwa teknoloġiji disponibbli kienx meqjus bis-sħiħ u jekk l-ispejjeż proposti jkunux jaqblu mal-prattika miftiehma;

66. Jistenna li l-Kummissjoni tqis bis-sħiħ il-pjanijiet direzzjonali meta tħejji inizjattivi politiċi, u li tenfasizza wkoll il-każijiet fejn is-setturi tal-industrija naqqsu milli jħejju dawn il-pjanijiet ta' azzjoni;

67. Jitlob lill-gruppi industrijali relevanti biex jippreparaw pjanijiet direzzjonali speċifiċi għas-settur li jistabbilixxu kif l-objettivi tal-UE għal livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju jistgħu l-aħjar jintlaħqu, inklużi l-livelli ta' investiment meħtieġa u s-sorsi ta' ffinanzjar li jridu jiġu użati;

68. Jistenna li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jappoġġjaw lis-setturi li ħejjew il-pjanijiet direzzjonali tagħhom, biex jiġu żviluppati aktar l-inizjattivi u s-sħubiji li jsegwu minnhom, għall-iżvilupp ta' teknoloġiji innovattivi biex jitnaqqsu l-livelli tal-karbonju ta' dawk l-industriji b'konsum intensiv tal-enerġija kkonċernati;

69. Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-previżjonijiet u l-pjan direzzjonali 2050 kull 3-5 snin, u jistedinha tintegra l-pjanijiet direzzjonali settorjali, reġjonali u tal-Istati Membri fil-verżjoni aġġornata tal-pjanijiet direzzjonali, il-mudelli u l-metodoloġiji tal-Kummissjoni użati għal dan il-għan u li jkunu totalment trasparenti;

70. Jenfasizza li sabiex tinkiseb ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, jeħtieġ li jkun hemm użu aktar effiċjenti tar-riżorsi; għaldaqstant, iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw jew isaħħu l-istrateġiji eżistenti dwar l-effiċjenza fir-riżorsi, u jintegrawhom fil-politiki nazzjonali dwar it-tkabbir u l-impjiegi sal-2013;

Ġenerazzjoni tal-elettriku

71. Ifakkar li d-domanda dinjija tal-enerġija primarja se tiżdied b’aktar minn 30% sal-2035, u b’hekk se żżid il-kompetizzjoni globali għar-riżorsi tal-enerġija;

72. Isostni li l-Istati Membri għandu jkollhom l-usa' mezzi possibbli biex jiksbu ġenerazzjoni tal-elettriku b'livell baxx ta' karbonju (inklużi sorsi ta' enerġija li jiġġeddu, enerġija nukleari, l-użu tat-teknoloġiji tal-qbid u l-ħżin tal-karbonju, u bijomassa prodotta b'mod sostenibbli) u li l-ebda minnhom m'għandu jkun eskluż mill-alternattivi disponibbli biex jintlaħqu dawn ir-rekwiżiti;

73. Jistieden lill-Kummissjoni tkun partikolarment viġilanti fir-rigward ta’ kwalunkwe rilokazzjoni tal-produzzjoni enerġetika barra mill-ETS tal-EU, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lil dawk l-Istati Membri b'interkonnessjonijiet ma' pajjiżi barra mill-UE;

74. Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-effettività tal-mekkaniżmi li jippermettu t-tħaddim tajjeb tas-suq tal-elettriku f'ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u, jekk ikun hemm bżonn, tressaq proposti leġiżlattivi biex ikun hemm integrazzjoni aktar mill-qrib mas-swieq transkonfinali tal-elettriku u għal miżuri oħra li jindirizzaw il-ħtieġa li jkun determinat il-bilanċ u d-disponibilità tal-kapaċità ta' ġenerazzjoni;

75. Jistieden l-UE timpenja ruħha għad-dekarbonizzazzjoni totali tas-settur tal-enerġija sal-2050;

76. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jinvestu aktar fl-infrastruttura tal-enerġija meħtieġa biex issir it-tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli; jenfasizza li l-Ewropa għandha tkun fuq quddiem nett fl-iżvilupp ta' standards u teknoloġiji bl-internet interoperabbli relatati mal-enerġija u ta' applikazzjonijiet tal-ICT effiċjenti fl-enerġija, b'mod partikolari netwerks ta' distribuzzjoni intelliġenti, l-applikazzjoni sħiħa u fil-ħin ta' sistemi intelligenti fid-djar bħal miters intelliġenti mfassla biex minnhom jibbenefika l-konsumatur, kif ukoll l-immodernizzar u l-iżvilupp ta' supersistema ta' distribuzzjoni Ewropea u ta' infrastrutturi LNG; jenfasizza, fir-rigward tal-konnessjonijiet interreġjonali, il-ħtieġa li jitnieda pjan ta' investiment ibbażat l-aktar fuq il-Pakkett dwar l-Infrastrutturi Enerġetiċi tal-UE sabiex jiżgura d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-provvista tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi soluzzjonijiet prattiċi għall-integrazzjoni effiċjenti ta' ammonti kbar ta' sorsi rinnovabbli billi tippromwovi regoli tas-suq li jippermettu skambju internazzjonali tal-enerġija effiċjenti u trasparenti; jitlob, għalhekk, sabiex ikunu integrati u utilizzati b'mod rapidu s-swieq transkonfinali tal-elettriku; jirrikonoxxi l-ħtieġa urġenti ta' viżjoni fit-tul minħabba li hemm bżonn ħafna snin biex tinbena infrastruttura tal-enerġija fuq terminu twil ta' żmien; jilqa' l-enfasi li qed tingħata fuq l-infrastruttura tal-enerġija fil-proposta dwar il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa;

77. Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-objettiv attwali ta’ 20% huwa msejjes fuq il-kontribut tal-enerġija nukleari fit-taħlita tal-enerġija f’għadd ta' Stati Membri; jinnota li l-pubblikazzjoni ‘World Energy Outlook 2011’ tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (IEA) tinkludi x-xenarju ridott fl-użu tan-nukleari, li juri li ż-żieda stmata ta’ emissjonijiet dinjija ta’ CO2 mis-settur tal-enerġija se tkun sostanzjalment ogħla f’tul ta’ żmien medju minħabba żieda fl-użu tal-fjuwils fossili; itenni li d-deċiżjoni ta' xi Stati Membri li jagħlqu uħud mir-reatturi nukleari m'għandhiex isservi ta' ġustifikazzjoni biex inaqqsu l-livell ta' ambizzjoni fil-politiki attwali tagħhom dwar il-klima; jinnota li, skont l-IEA, il-kisba tal-mira ta’ 2°C se tirrikjedi aċċelerazzjoni tal-iżvilupp u tal-użu ta’ teknoloġiji tal-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS) kemm f’impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam kif ukoll dawk li jaħdmu bil-gass; jinnota, madankollu, li t-teknoloġija tas-CCS għadha fl-istadju ta' evalwazzjoni u fil-fażi prekummerċjali, għalhekk jeħtieġ li jiġu kkunsidrati wkoll xenarji alternattivi, bħal pereżempju xenarji ta' sorsi ta' rinnovabilità u ta' effiċjenza enerġetika kbar; għaldaqstant, jappella għal żieda fl-appoġġ għall-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi sabiex tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija u sabiex it-tkabbir ekonomiku jitqies separatament mill-konsum enerġetiku;

78. Iqis li l-ilħuq ta' dawn l-objettivi sal-2050, mingħajr ma jiġu ppreġudikati t-taħlitiet differenti tas-sorsi tal-enerġija tal-Istati Membri, jista' jwassal għal tnaqqis fil-konsum, iżid is-sigurtà u l-affidabilità tal-provvista tal-enerġija u t-trażżin tal-volatilità tal-prezz tal-enerġija, u b'hekk jippermetti li jkun hemm prezzijiet tal-enerġija ġusti u kompetittivi għall-konsumaturi u l-impriżi u jtejjeb il-kompetittività u t-tkabbir tal-impjiegi fl-UE;

Industrija

79. Jinsisti li l-appoġġ tal-UE għall-'ekonomija ekoloġika' għandu jagħraf l-importanza tal-investiment minn industriji eżistenti użat biex itejjeb b’mod sinifikanti l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 u biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija UE 2020 dwar il-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi; jenfasizza li ekonomija aktar ekoloġika għandha tappoġġja l-kompetittività u l-innovazzjoni fis-setturi kollha billi tiffoka fuq oqsma fejn it-titjib huwa aktar effiċjenti mil-lat ekonomiku u aktar effettiv mil-lat ambjentali;

80. Jistieden lill-Kummissjoni tesplora strumenti innovattivi ta' finanzjament għal investiment f'ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju;

81. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġjaw il-ħolqien ta' ċentri innovattivi sabiex jiżviluppaw soluzzjonijiet reġjonali u nazzjonali;

Trasport

82. Jappoġġja r-rekwiżit li l-Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni għal Spazju Uniku Ewropew tat-Trasport inaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mit-trasport fl-UE b'60% sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-1990; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tipproponi objettivi intermedji ta' tnaqqis tal-emissjonijiet għas-settur sabiex tiżgura li tittieħed biżżejjed azzjoni fi stadju bikri;

83. Jilqa' l-progress li sar mill-2007 ‘l hawn mill-manufatturi tal-vetturi rigward it-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi tal-passiġġieri, u jisħaq fuq l-importanza taż-żieda fir-ritmu għal aktar titjib fl-effiċjenza tal-fjuwil; jafferma li meta tkun qed tipprepara r-rieżami li ġej il-Kummissjoni għandha tipproponi modi kif tiżgura li l-medja tal-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi ġodda tilħaq il-mira maqbula għall-2020 ta' mhux aktar minn 95g/km sal-2020, u ma taqbiżx is-70g/km sal-2025; jistieden lill-Kummissjoni tintensifika d-djalogu u l-kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali sabiex tiżgura l-inklużjoni tas-settur tat-tbaħħir fl-impenji għat-tnaqqis tas-CO2;

84. Ifakkar li, skont id-Direttiva 2009/29/KE, il-Kummissjoni meħtieġa tevalwa l-progress tal-IMO dwar l-emissjonijiet mit-tbaħħir sal-31 ta' Diċembru 2011; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi t-trasport marittimu fil-pjan direzzjonali u, fin-nuqqas ta' ftehim internazzjonali li jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-tbaħħir, tipproponi leġiżlazzjoni sabiex dawn l-emissjonijiet ikunu inklużi fl-impenji tal-Komunità bil-għan li l-att propost jidħol fis-seħħ fl-2013;

85. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti biex ittejjeb l-effiċjenza tal-fjuwil tal-vetturi tqal tal-ġarr tal-merkanzija u, fir-reviżjoni tagħha tal-leġiżlazzjoni dwar l-emissjonijiet minn vetturi kummerċjali ħfief, maħsuba għall-2013, tqis aktar il-ħtieġa li jittejjeb l-iffrankar tal-fjuwil sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-impriżi marbuta maż-żidiet fil-prezzijiet tal-fjuwil;

86. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi, lil min jixtri kwalunkwe tip ta' vettura tal-passiġġieri jew tal-ġarr tal-merkanzija, ċarezza akbar dwar l-effiċjenza tal-fjuwil tagħhom u biex tressaq proposti, li ilhom għal żmien mistennija, għal riforma tad-Direttiva dwar l-Ittikkettar, li għandha tinkludi l-forom kollha tal-promozzjoni għall-bejgħ;

87. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi immedjati biex tiżgura li ċ-ċikli ta' testijiet użati biex jivvalutaw l-emissjonijiet minn karozzi ġodda jirriflettu bi preċiżjoni r-realtajiet tal-użu ta' dawn il-vetturi f'kundizzjonijiet normali ta' sewqan;

88. Jagħraf l-isforzi li qed jitwettqu minn xi Stati Membri biex iwaqqfu infrastrutturi għall-iċċarġjar mill-ġdid/l-għoti tal-fjuwil biex jippromwovu l-użu ta' karozzi tal-elettriku u karozzi b'emissjonijiet baxxi ħafna ta' karbonju, u jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti biex tiffissa rekwiżiti minimi f'kull Stat Membru sabiex twaqqaf netwerk fuq skala Ewropea;

89. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu bħala prijorità, bil-għan li jnaqqsu l-emissjonijiet niġġiesa mit-trasport, l-investiment fl-iżvilupp ta' netwerk pan-Ewropew tal-enerġija intelliġenti li jkun jista’ jiġbor l-enerġija ġġenerata fil-livell lokali u reġjonali inkluż minn sorsi rinnovabbli u li jgħin l-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa għall-użu ta’ vetturi elettriċi;

90. Jikkunsidra li jeħtieġ ikun hemm qalba kulturali lejn modi aktar sostenibbli tat-trasport; għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu forom ġodda ta’ investiment, sabiex jiffaċilitaw il-qalba modali lejn modi ta' trasport li jirrispettaw aktar l-ambjent, u biex inaqqsu l-ħtieġa tat-trasport, fost l-oħrajn, billi japplikaw l-IT u permezz ta' ppjanar spazjali;

91. Jenfasizza li l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tat-trasport fil-prezzijiet tat-trasport, f'termini tal-livell ta' tniġġis, hija sfida ewlenija biex jiġu inċentivati l-iffrankar tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika, u li ż-żieda mil-lat ta' prestazzjoni twassal għal għażla tal-modi tat-trasport li tirrispetta l-ambjent;

92. Jitlob li l-konsistenza fil-prijoritajiet tal-Pjan Direzzjonali tkun żgurata fir-rigward tal-investimenti ġodda maħsuba għall-infrastruttura tat-trasport, u jfakkar li hemm ir-riskju li l-€ 1.5 triljun fuq iż-żewġ deċennji li ġejjin bejn l-2010 u l-2030, rikjesti mill-Kummissjoni, ma jispiċċawx destinati għal prijoritajiet xierqa ta' emissjonijiet baxxi tal-karbonju; jenfasizza għalhekk il-bżonn ta’ baġit infrastrutturali tal-UE li jkun ‘ekoloġiku’, speċjalment fir-rigward tal-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni;

93. Jilqa' l-linji gwida ġodda proposti għan-Netwerks Trans-Ewropew tat-Trasport u l-importanza mogħtija lill-iżvilupp ta' kuriduri ferrovjarji għall-passiġġieri u għall-merkanzija; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, mill-aktar fis, strateġija għall-użu ta' fjuwils alternattivi u teknoloġiji ġodda fit-trasport; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw urġentement il-miżuri tal-Ajru Uniku Ewropew u, għaldaqstant, itejbu l-effiċjenza tal-operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-ajruplani u tat-traffiku;

94. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni dwar l-avjazzjoni fl-ETS;

Agrikoltura

95. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri speċifiċi biex jonqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b’effett ta’ serra u tippromwovi gwadanji fl-effiċjenza mill-użu tal-art agrikola u jitnaqqas l-użu ta’ fertizzanti bbażati fuq fjuwils fossils, filwaqt li tqis partikolarment ir-rwol tal-agrikultura bħala produttur tal-ikel (aktar milli fjuwil); hu tal-opinjoni wkoll li l-bdiewa fuq skala iżgħar jistgħu jeħtieġu taħriġ u assistenza teknika f’dan il-qasam; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex iżżid ir-riċerka dwar il-funzjonament ta' tipi differenti ta’ agrikoltura u prattiki agroambjentali effettivi, bir-rispett dovut għall-kundizzjonjiet klimatiċi dominanti;

96. Jemmen li l-agrikoltura tinsab f'pożizzjoni tajba biex tagħti kontribut kbir biex tittratta t-tibdil fil-klima u toħloq impjiegi ġodda permezz tat-tkabbir ekoloġiku; jinnota li t-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fis-settur agrikolu huwa ta' vantaġġ għal kulħadd billi jsaħħaħ il-vijabilità ekonomika u agronomika tal-bdiewa fuq perjodu twil ta’ żmien; jitlob l-inklużjoni ta’ miri għall-użu tal-enerġija sostenibbli fil-PAK;

97. Jenfasizza li l-PAK wara l-2013 mistennija tkabbar il-kontribut imsemmi hawn fuq; jirrikonoxxi li l-agrikoltura diġà naqqset l-emissjonijiet tagħha b'mod sostanzjali permezz tat-titjib fl-effiċjenza tal-produzzjoni; jinnota, madankollu, li fuq perjodu twil, il-potenzjal għat-tnaqqis tal-emmissjoni tal-agrikoltura huwa sostanzjali (sal-2050, is-settur tal-agrikoltura se jkun jista' jnaqqas l-emissjonijiet li mhumiex tas-CO2 b'bejn 42 % u 49% meta mqabbla mal-livelli tal-1990), iżda jista’ jitqies pjuttost limitat meta mqabbel ma’ setturi oħra; jenfasizza li l-pajjiżi kollha li għandhom l-ogħla emissjonijiet, għandhom jagħtu kontribuzzjoni adegwata;

98. Jitlob li t-30% tal-pagamenti diretti tal-PAK maħsuba għall-komponent ekoloġiku jintużaw għal skema ta' inċentivar madwar l-UE bil-għan li żżid l-effiċjenza mil-lat nutrittiv, enerġetiku u ta' effiċjenza tal-karbonju, billi jsir fokus partikolari fuq il-qbid tal-karbonju fil-ħamrija, fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, u fuq titjib tal-ġestjoni tan-nutrijenti, biex b'hekk l-agrikoltura tal-UE ssir aktar kompetittiva u fl-istess ħin, aktar sostenibbli;

99. Jitlob il-miżuri neċessarji, inklużi l-finanzjament tar-riċerka, l-isforzi edukattivi, l-appoġġ fl-investiment u inizjattivi oħra abbażi ta' inċentivi, li għandhom jiġu implimentata fil-PAK, sabiex jappoġġaw u jippermettu l-użu ta' residwu agrikolu u tal-forestrija fil-produzzjoni tal-enerġija sostenibbli;

100. Ifakkar li l-prattiki mtejba tal-agrikoltura u l-forestrija għandhom iżidu l-kapaċità tas-settur li jżomm u jaqbad il-karbonju fil-ħamrija u l-foresti; fl-istess ħin jenfasizza li l-maġġoranza tas-sidien tal-foresti huma wkoll bdiewa; jenfasizza, barra minn hekk, l-għan tal-UE li tnaqqas id-deforestazzjoni li qed isseħħ madwar id-dinja, partikolarment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u li twaqqaf it-telf globali tal-foresti sa mhux aktar tard mill-2030;

101. Jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati miżuri u/jew mekkaniżmi xierqa li jippermettu r-rikonoxximent finanzjarju reali tar-rwol tal-agrikoltura u l-forestrija fiż-żamma tal-karbonju;

102. Jenfasizza li l-użu sostenibbli tal-foresti jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 u li għalhekk huwa neċessarju li jittieħdu miżuri skont it-tieni pilastru tal-politika agrikola, sabiex tkun tista’ ssir il-ġestjoni tal-foresti anke f'postijiet diffiċli;

103. Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali għat-tisġir, bħala l-uniku mod naturali biex jiżdiedu l-assorbenti tal-karbonju u bħala sors ta' injam għall-bijoenerġija;

104. Jitlob miri speċifiċi għall-użu tal-art tal-UE, it-tibdil fl-użu tal-art u l-foresterija (LULUCF), filwaqt li jiġu żgurati l-permanenza u l-integrità ambjentali tal-kontribut tas-settur għat-tnaqqis tal-emissjonijiet kif ukoll monitoraġġ u kontabilità preċiżi;

105. Jikkunsidra li l-kompetittività fit-tul tista' tinkiseb biss permezz ta’ ekosistemi agrikoli b’saħħithom u bijoloġikament diversi li jifilħu għall-klima u billi wieħed jieħu ħsieb kif xieraq ir-riżorsi naturali limitati, bħall-ħamrija, l-ilma u l-art;

106. Jenfasizza li l-ħarsien, l-apprezzament u r-restawr tal-bijodiversità u tas-servizzi ekosistemiċi huma fundamentali sabiex tinkiseb ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju;

107. Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tenfasizza l-integrazzjoni tal-klima sabiex tinħoloq koerenza bejn il-politiki, inklużi l-industrija, ir-riċerka, l-enerġija, il-bijodiversità, il-kummerċ, l-iżvilupp, l-agrikoltura, l-innovazzjoni, it-trasport, il-benessri tal-annimali u l-istrateġija Ewropa 2020; jemmen li l-ġestjoni strateġika soda tal-potenzjal tas-settur agrikolu, tqiegħed lill-Ewropa fid-direzzjoni t-tajba sabiex issir attur kompetittiv fl-ekonomiji globali, b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, tal-ġejjieni;

108.      Jenfasizza li l-katina tal-ikel għandha titqassar u ssir iktar trasparenti u li għandu jitħeġġeġ il-konsum ta’ ikel prodott lokalment, kif ukoll l-appoġġ tas-swieq lokali u reġjonali, sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet relatati mat-trasport tal-produzzjoni agrikola; jenfasizza li r-rilokazzjoni tal-produzzjoni u l-ipproċessar multifunzjonali tal-Ewropa għal pajjiżi li mhumiex fl-UE jkollha impatt negattiv fuq il-valur miżjud Ewropew u fuq l-għanijiet b’rabta mal-klima;

109. Jemmen li permezz tal-ġestjoni aħjar tal-għalf tal-annimali, inklużi prodotti tar-raba' li fihom il-proteini f’raba' li jinħadem b’sistema ta’ rotazzjoni u ż-żieda fid-diversità tal-prodotti tar-raba' li fihom il-proteini f'taħlitiet ta' mergħat permanenti, sabiex jitkabbar aktar għalf tal-annimali fuq il-post, tista' titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-għalf tal-annimali li jġibu magħhom "spiża" kbira mil-lat ta' karbonju; jemmen li dan jista' jnaqqas ukoll l-ispejjeż relatati mal-għalf tal-annimali għall-bdiewa, u jirriżulta f'ġestjoni aħjar tal-ħamrija, billi jżid iż-żamma tal-ilma tal-ħamrija, u jnaqqas ukoll is-suxxettibilità għall-infestazzjonijiet;

110. Jappoġġa l-idea li l-fondi tal-UE, inkluż il-Fond għall-Iżvilupp Rurali, għandhom jiffinanzjaw biss proġetti għal faċilitajiet agrikoli li huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u b’mod partikolari dawk li jużaw sorsi tal-enerġija rinnovabbli li jistgħu jnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju għal livell kemm jista’ jkun qrib iż-żero;

Il-finanzjament

111. Jappoġġa l-proposti magħmula mill-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali 2014-2020 biex tipprovdi finanzjament maħsub għaż-żieda fl-investiment u biex tippromwovi l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju; iħaddan l-intenzjoni li tintegra l-finanzjament relatat mal-klima tat-total tal-MFF u talloka 20% tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) għall-enerġija rinnovabbli u għall-investimenti fl-effiċjenza enerġetika, filwaqt li jinsisti li din għandha tkun immonitorjata b'mod effettiv; jirrakkomanda li l-Kummissjoni għandha tiżgura li jsir użu partikulari minn dan il-finanzjament sabiex jiġu megħjuna dawk l-Istati Membri li għandhom potenzjal kbir li jnaqqsu l-emissjonijiet sa aktar mill-objettivi eżistenti iżda li m'għandhomx il-kapaċità li jagħmlu l-investimenti meħtieġa;

112. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi kkunsidrata l-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali fit-tfassil ta' politiki li jiżguraw u jappoġġaw l-investimenti inizjali li jikkontribwixxu biex jiżdiedu s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli b'mod li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija fuq terminu twil ta' żmien u titjieb l-effiċjenza enerġetika fl-oqsma tal-provvista u t-trasport tal-enerġija;

113. Ifakkar li l-ispejjeż ekonomiċi fuq żmien fit-tul minħabba nuqqas ta' interventi biex jevitaw it-tibdil fil-klima huma ferm akbar mill-ispejjeż fuq żmien qasir ta' azzjonijiet sodi u deċiżivi meħuda issa;

114. Jittama li jkunu stabbiliti b’ħeffa objettivi settorjali konkreti u li jistgħu jitkejlu biex jitħeġġu l-investituri privati u tinħoloq klima ta' fiduċja u ta' kooperazzjoni fosthom, waqt li jkun promoss l-aħjar użu tal-fondi Ewropej; jenfasizza li l-enerġija rinnovabbli, l-innovazzjoni u l-iżvilupp u l-użu tal-aħħar teknoloġiji jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u, fl-istess ħin, jikkonvinċu lill-imsieħba tal-UE madwar id-dinja li t-tnaqqis fl-emissjonijiet hu fattibbli mingħajr ma tintilef il-kompetittività jew jitqiegħed fil-periklu il-ħolqien tal-impjiegi; iqis li hu essenzjali li l-Ewropa u l-Istati Membri tagħha jagħtu l-eżempju billi jwaqqfu sistema ta' investiment f'teknoloġiji ġodda, efficjenti fl-enerġija u b'livell baxx ta' karbonju; jitlob sabiex ikunu infurzati skemi ta' finanzjament eżistenti ħalli jintlaħqu l-objettivi tal-pjan direzzjonali, kif ukoll biex immedjatament isiru diskussjonijiet dwar l-istrumenti finanzjarji li jeħtieġ li jiġu utilizzati, u biex jiġu faċilitati sinerġiji aħjar bejn l-iskemi nazzjonali ta' finanzjament u dawk Ewropej; jemmen li skemi ta’ finanzjament minn diversi sorsi jistgħu jkunu strumenti effettivi; jenfasizza r-rwol importanti tal-fondi tal-politika reġjonali u ta' koeżjoni bħala l-istrument ewlieni għall-miżuri ta' kofinanzjament reġjonali li jwasslu għal tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx tal-karbonju; iqis li, għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, parti sinifikanti tal-finanzjament għandha tiġi allokata biex jintlaħqu l-objettivi għall-pjan direzzjonali tal-2050;

115. Jinnota li, minħabba l-prezz baxx tal-karbonju, l-irkant tal-kwoti tal-ETS mhuwiex se jimmobilizza r-riżorsi għal investimenti fil-klima kif mistenni, sakemm ma jiġix aġġustat il-limitu massimu għat-tielet perjodu ta' skambju; ifakkar li tal-anqas 50% tad-dħul mill-bejgħ tal-kwoti jrid jiġi investit mill-ġdid f'azzjoni favur il-klima kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni timmoniterja attivament l-infiq ta' dan id-dħul mill-Istati Membri u ta' kull sena tirrapportah lill-Parlament; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu effettiv mid-dħul mill-bejgħ tal-kwoti sabiex jippromwovu r-R&Ż (riċerka u żvilupp) u l-innovazzjoni bil-għan li jiksbu tnaqqis fuq żmien fit-tul fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra;

116. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex, mill-2013, tiġbor informazzjoni dwar l-użu ta' fondi ġejjin mill-bejgħ ta' kwoti tal-ETS, u tippubblika rapport annwali li jqabbel kemm kull Stat Membru jkun uża dawn il-fondi biex jippromwovi l-iżvilupp ta' teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u mezzi oħrajn biex jitrażżnu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra;

117. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi li l-Istati Membri jagħtu perċentwali tal-fondi ġejjin mill-bejgħ tal-kwoti biex jipprovdu finanzjament addizzjonali lill-UE sabiex jappoġġjaw l-innovazzjoni permezz tal-pjan SET jew permezz ta' inizjattivi ekwivalenti;

118. Jistieden lill-Kummissjoni tesplora u tikkunsidra sorsi kumplimentari u innovattivi ta' finanzjament, inkluż l-użu potenzjali ta' fondi għall-iżvilupp reġjonali, sabiex tippromwovi aktar l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju;

119. Jisħaq fuq il-bżonn urġenti li jiġu ttrattati s-sussidji li huma ta' dannu għall-ambjent fil-qafas tal-Pjan Direzzjonali; jappella għal azzjoni kkoordinata bil-għan li, sal-2020, tidentifika u tneħħi gradwalment is-sussidji li huma ta' ħsara għall-ambjent, sabiex tkun ta' sostenn għall-konsolidazzjoni baġitarja u t-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika, qabel l-aħħar tal-2013, komunikazzjoni li tindika l-mezzi kollha li bihom il-baġit tal-UE jintuża biex jiġi ġġustifikat l-appoġġ finanzjarju, dirett jew permezz tal-Istati Membri, għall-attivitajiet li jmorru kontra l-objettivi tal-Pjan Direzzjonali tagħha dwar Ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju;

120. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu spinta favur implimentazzjoni aktar rapida tal-ftehim tal-G-20 dwar it-tneħħija tas-sussidji tal-fjuwils fossili; jenfasizza li, sabiex jinkiseb l-effett mixtieq, l-implimentazzjoni trid tkun ikkoordinata fuq livell internazzjonali;

Miżuri addizzjonali

121.      Jitlob lill-Kummissjoni tressaq qabel tmiem l-2012 proposti ambizzjużi biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-metan, tal-karbonju iswed u tal-gassijiet fluworinati;

122. Ifakkar il-potenzjal tal-injam bħala sostitut għal materjali ferm intensivi fil-karbonju, fost l-oħrajn fis-settur tal-bini, u jappella biex titwaqqaf ġerarkija ċara tal-użu ta' injam prodott b'mod sostenibbli, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-objettivi dwar il-klima kif ukoll ta' effiċjenza tar-riżorsi; iqis li bijoenerġija sostenibbli tista' tinkiseb mill-iskart, minn xi residwi u mill-prodotti sekondarji industrijali, sakemm ikun hemm biżżejjed salvagwardji kontra t-telf tal-karbonju fil-ħamrija u tal-bijodiversità, kif ukoll l-emissjonijiet indiretti li jirriżultaw mill-ispostament ta' użi oħrajn tal-istess materjal;

123. Ifakkar li l-kostruzzjoni għandha impatt ekoloġiku kbir minħabba li tikkonsma kwantitajiet kbar ta' riżorsi naturali u ta' enerġija li ma jiġġeddux u hija responsabbli għal emissjonijiet sostanzjali tas-CO2; ifakkar li l-użu tal-materjali li jiġġeddu għall-bini jnaqqas il-konsum tar-riżorsi naturali u l-ħsara ambjentali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tqis aħjar in-natura ta' emissjonijiet baxxi u ta' effiċjenza enerġetika tal-materjali tal-bini matul iċ-ċiklu kollu ta' ħajjithom, u tippromwovi l-użu ta' materjali sostenibbli mil-lat ekoloġiku, li jiġġeddu u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, bħall-injam, fil-bini; ifakkar li l-injam jassorbi l-karbonju waqt li jikber, biex b'hekk ikun materjal newtru mil-lat tal-karbonju;

124.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


NOTA SPJEGATTIVA

Il-livelli ta' investiment għandhom jiżdiedu b'mod sinifikanti biex l-Ewropa tiżgura l-futur industrijali tagħha. Is-settur tal-enerġija b'mod partikolari, li għandu jieħu deċiżjonijiet rigward impjanti ta’ ġenerazzjoni maħsuba li jkunu għadhom operattivi fi żmien 30-40 sena, jeħtieġ l-akbar ċarezza u ċertezza possibbli. L-approvazzjoni tal-Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050 tal-Kummissjoni Ewropea bħala l-bażi għat-tfassil tal-politika se tgħin biex jinkiseb dan. Se joħloq il-qafas għal atti leġiżlattivi ġodda u miżuri oħrajn li se jiddeterminaw in-natura tal-investiment.

Huwa fundamentali, biex jintlaħqu r-rekwiżi tiegħu, li jiġi żgurat li s-Sistema għan-Negozjar ta' Emissjonijiet (ETS) tipprovdi s-sinjali li kienu intiżi oriġinarjament lill-investituri. Il-mekkaniżmu tal-għoti tal-prezzijiet tal-ETS kien mistenni li jagħti l-istimulu meħtieġ lill-industrija biex tippromwovi investimenti li jistgħu jiżguraw tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 bl-inqas spiża possibbli. Iżda bħalissa jeżisti eċċess tal-kwoti li naqqas il-prezz tagħhom sal-punt li ftit li xejn jista' jiddetermina l-investiment. Jekk ma titteħidx azzjoni biex jitranġa l-mekkaniżmu, m'hemmx probabbiltà li l-prezzijiet jirkupraw għal-livelli maħsuba meta ġiet approvata l-leġiżlazzjoni. Hemm bżonn li 'nirranġaw' l-ETS.

Għall-ġlieda kontra t-tisħin globali, l-emissjonijiet tas-CO2 iridu jonqsu minn madwar id-dinja kollha. L-aħħar indikaturi mhumiex inkoraġġanti; l-emissjonijiet żdiedu b'6 fil-mija matul l-2010. Is-CO2 qiegħed jakkumula fl-atmosfera b'rata li qiegħda dejjem tikber. Valutazzjoni reċenti minn xjentisti li kienu esprimew id-dubji tagħhom rigward l-evidenza tat-tisħin globali kkonkludiet li t-temperaturi tabilħaqq kienu qegħdin jiżdiedu b’rata simili ħafna għal dik stmata mill-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima. L-Istati Membri tal-UE kienu fost dawk l-ewwel fid-dinja li industrijalizzaw u żiedu ferm l-użu tagħhom tal-fjuwils fossili; issa aħna għandna responsabbiltajiet biex neżerċitaw tmexxija billi nnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 tagħna.

Xi wħud jibżgħu li l-adozzjoni tal-Pjan direzzjonali, flimkien mal-miri intermedjarji u l-perkors għat-tnaqqis tal-emissjonijiet li dan jipproponi, se tiżvantaġġa l-kompetittività Ewropea - u li ma tantx se tkun ta' siwi. L-UE bħalissa hija responsabbli biss għal 11% tal-emissjonijiet globali tas-CO2 u l-azzjonijiet tagħna weħidhom mhux se jikkontrollaw il-proċess ta' tisħin. Iżda r-rapporteur jargumenta li l-investiment fl-iżvilupp ta' ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju se jsaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tal-Ewropa u mhux idgħajjifha; fil-fatt hu jqisu bħala essenzjali għall-awtoprotezzjoni tagħna. Spiss jiġi indikat li ċ-Ċina għadha tiddependi b'70% fuq il-faħam bħala s-sors tal-elettriku, iżda l-pajjiż huwa wkoll l-akbar żviluppatur fid-dinja kemm tal-enerġija rinnovabbli kif ukoll tal-enerġija nukleari. Il-pjan tagħha attwali fuq ħames snin jagħti prijorità lill-investimenti 'ħodor' b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, fuq skala ħafna akbar minn dawk tal-Ewropa. Għandna bżonn li nappoġġaw b'urġenza t-teknoloġiji li se jirbħu u ninvestu fil-proċessi li jużaw l-enerġija u r-riżorsi b'mod ħafna aktar effiċjenti.

Il-każ favur l-istabbiliment ta’miri ambizzjużi huwa spjegat sew mis-suċċess rapidu li nkiseb f'dawn is-snin fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO mill-karozzi ġodda tal-passiġġieri. Iż-żieda fl-effiċjenza tagħhom tal-fjuwil qiegħda tgħin biex tibbilanċja l-konsegwenzi taż-żieda fil-kostijiet tal-fjuwil għas-sewwieqa, u għall-kuntrarju ta' xi kummenti li ntqalu meta ġiet proposta l-leġiżlazzjoni tal-UE, il-prezz medju tal-karozzi ġodda niżel f'termini reali. Nistgħu nikkunsidraw ukoll l-investimenti li qegħdin jagħmlu kumpaniji bħar-Rolls Roys billi jiżviluppaw magni tal-ajruplani aktar effiċjenti fl-użu tal-fjuwil. L-ambizzjoni għall-Ewropa għandha tkun industrija avvanzata ħafna, b'teknoloġija u b’ħiliet avvanzati, li tipproduċi l-prodotti li għandna bżonn b'modi li jeħtieġu anqas riżorsi u jarmu anqas CO2 fil-produzzjoni tagħhom. Aħna nfittxu l-vera 'ekonomija ekoloġika'.

Xi industrji b'konsum għoli tal-enerġija esprimew il-biżgħat tagħhom rigward it-theddida 'tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju', jekk in-negozju joħroġ mill-Ewropa biex jevita kostijiet għola li jirriżultaw mill-miżuri meħuda għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2. Mingħajr dubju, tali żviluppi ma jkunux ta' ġid għall-ekonomija tal-Ewropa u bl-ebda mod ma jnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra b'mod globali. Jekk dawn il-każijiet jistgħu jiġu ppruvati, għandhom jittieħdu miżuri biex jipproteġu jew jikkumpensaw lill-industriji kkonċernati. Iżda l-evidenza tissuġġerixxi li t-theddida ġiet esaġerata ħafna. Għandna noqgħodu attenti mill-lobbyists tal-industrija li jippruvaw jiġġustifikaw pretensjonijiet għal assistenza fuq bażijiet li jistgħu jkunu mhux ġenwini.

L-Ewropa għandha tiżviluppa sens ta' urġenza jew tirriskja li titlef it-tellieqa biex issostni ekonomija kompetittiva. Ħafna drabi t-teħid tad-deċiżjonijiet isir wisq bil-mod sal-punt li sar sklerotiku. Hemm bżonn li jkun hemm anqas kliem u aktar fatti. Eżempju wieħed jispjega l-problema. F'Marzu 2007 l-Kunsill Ewropew ħa d-deċiżjoni li sal-2015 ikollu joperaw sa 12-il proġett ta' dimostrazzjoni ta’ qbid u ħżin tal-karbonju. Ħames snin wara, hekk kif dan ir-rapport qed jiġi ppreżentat lill-Parlament, għadna lanqas identifikajna l-post ta' wieħed biss minn dawn l-impjanti ta' dimostrazzjoni li beħsiebna nappoġġaw finanzjarjament, aħseb u ara kemm ħriġna sejħiet għall-offerti. Meta jitqabbel dan ir-rendiment mal-kisbiet trasformattivi taċ-Ċina fuq perjodu simili ta' 5 snin, l-Ewropa ma tibqax tidher daqshekk sabiħa.

Azzjoni deċiżiva hija essenzjali jekk l-UE ma tridx tibqa’ lura. L-adozzjoni tal-pjan direzzjonali, u l-istabbiliment ta' objettivi ambizzjużi għal żvilupp ta' ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, joffru opportunità biex jistimolaw il-progress.

Rimarki

Il-kontenut tal-abbozz ta' rapport ġie msawwar skont ir-restrizzjonijiet dwar it-tul rikjesti mill-Parlament. Hija l-intenzjoni tar-rapporteur li jżid il-proposti li fih permezz ta' numru sinifikanti ta' emendi.

Ir-rapporteur laqa' l-bosta suġġerimenti li għamlulu l-kollegi tal-Parlament Ewropew; ir-rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet li jinkludu lill-Amcham, Business Europe, CAN-Europe, CCSA, Cement Industries, CEPI, Client Earth, ECF, E3G, Eurelectric, Eurogas, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Aluminju, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Europia, EWEA, First Solar, GIE, Globe International, LCVP, NFU, Pilkingtons, Prince of Wales Corporate Leaders’ Group, Sandbag, Shell, Statoil, T&E u WWF; ir-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' Franza, l-Pajjiżi l-Baxxi, id-Danimarka u l-Ingilterra; u l-Professur Michael Grubb, Michela Beltracchi, Poppy Kalesi u Nick Campbell. Jirringrazzja b'mod partikolari lil Sarah Deblock, Roger Chadwick u Edwin Koekkoek għall-gwida tagħhom.

Ir-rapporteur huwa unikament responsabbli għall-proposti li għażel li jinkludi f'dan l-abbozz ta' rapport.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (24.11.2011)

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

dwar pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050

(2011/2095(INI))

Rapporteur għal opinjoni: (*): Mario Pirillo

(*) Proċedura bil-kumitati assoċjati – Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050 u jqis li għandhom ikunu implimentati miżuri b'mod koordinat, kosteffikaċi u effettiv, li jippermettu karatteristiċi speċifiċi għall-Istati Membri; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi kkunsidrata l-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali fit-tfassil ta' politiki li jiżguraw u jappoġġaw l-investimenti inizjali li jikkontribwixxu biex jiżdiedu s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli b'mod li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija fuq terminu twil ta' żmien u titjieb l-effiċjenza enerġetika fl-oqsma tal-provvista u t-trasport tal-enerġija; jenfasizza li ekonomija sostenibbli b'livell baxx tal-karbonju toffri opportunità kbira biex negħlbu l-kriżi f'termini ta' tkabbir ekonomiku u ta' ħolqien ta' impjiegi, partikolarment impjiegi ħodor;

2.  Ifakkar li l-ispejjeż ekonomiċi fuq żmien fit-tul minħabba nuqqas ta' interventi biex jevitaw it-tibdil fil-klima huma ferm akbar mill-ispejjeż fuq żmien qasir ta' azzjonijiet sodi u deċiżivi meħuda issa;

3.  Ifakkar li d-domanda dinjija tal-enerġija primarja se tiżdied b’aktar minn 30% sal-2035, u b’hekk se żżid il-kompetizzjoni globali għar-riżorsi tal-enerġija;

4.  Jirrikonoxxi li t-tibdil fil-klima hu kwestjoni globali; jirrimarka li azzjoni unilaterali mhijiex biżżejjed biex jitnaqqsu b'mod biżżejjed rapidu l-emissjonijiet u li jeħtieġ ukoll li jkunu involuti sew il-pajjiżi mhux membri tal-UE; jenfasizza li l-UE għandha tkompli taħdem b'mod kostruttiv fin-negozjati globali dwar il-klima u li jeħtieġ tiġi żviluppata aktar id-diplomazija Ewropea dwar il-klima, taħt il-kappa tal-SEAE; itenni l-ħtieġa ta' ftehim internazzjonali għal wara l-2012 u ta' impenji sodi u aktar ambizzjużi mill-pajjiżi żviluppati kollha u dawk il-pajjiżi b'rata għolja ta' tkabbir ekonomiku biex jiġu adottati objettivi ambizzjużi u suffiċjenti ħalli jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra; jindika li l-isfida ewlenija biex naslu għal ekonomija sostenibbli b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju hi li jkun żgurat li l-politiki tat-tibdil fil-klima jiġu integrati fl-oqsma ewlenin kollha ta’ attività relatati mal-enerġija, it-trasport, l-agrikultura, l-edukazzjoni, l-innovazzjoni, eċċ;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi miri temporanji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-2030 u l-2040, inklużi objettivi konkreti għal kull settur, flimkien ma' kalendarju ambizzjuż; jitlob għal konsistenza akbar fost il-programmi u l-politiki Komunitarji sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-pjan direzzjonali u sabiex jiġi żgurat li l-prijoritajiet tiegħu jkunu integrati b'mod sħiħ fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid għall-2014-2020; jirrikonoxxi li biex tilħaq il-mira ta' 20% ta' effiċjenza enerġetika, l-UE trid tkun tista' tnaqqas l-emissjonijiet interni tagħha ta' CO2 b'25% jew aktar sal-2020, u li dan it-tnaqqis xorta waħda jkun kosteffettiv fit-triq li twassal għall-mira fuq terminu twil ta' żmien ta' tnaqqis ta' 80-95% ta' emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-1990; jinnota li skont il-pjan direzzjonali, approċċ inqas ambizzjuż iwassal għal nefqa ferm akbar tul il-perjodu kollu; ifakkar, madankollu, li l-kosteffikaċja tal-investimenti għandha dejjem titkejjel fid-dawl tal-implikazzjonijiet baġitarji tal-Istati Membri;

6.  Jenfasizza li ċ-Ċina qiegħda fuq quddiem f’termini ta’ kapaċità ta’ turbini tar-riħ installati, li l-produtturi Ċiniżi u Indjani huma fost l-akbar għaxar produtturi tat-turbini tar-riħ, u li ċ-Ċina u t-Tajwan bħalissa jimmanifatturaw il-parti l-kbira tal-panelli fotovoltajċi fid-dinja; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu passi biex jippromwovu fl-UE l-iżvilupp u l-produzzjoni ekoeffiċjenti ta’ dawn it-teknoloġiji u ta' teknoloġiji ġodda u kreattivi meħtieġa biex jintlaħqu l-miri ambizzjużi għat-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra;

7.  Jittama li jkunu stabbiliti b’ħeffa objettivi settorjali konkreti u li jistgħu jitkejlu biex tinħoloq klima ta' fiduċja, ta' kooperazzjoni u ta' stimolu għall-investimenti privati u biex jiġu utillizzati aħjar il-fondi Ewropej; jenfasizza li l-enerġija rinnovabbli, l-innovazzjoni u l-iżvilupp u l-użu tal-aħħar teknoloġiji huma importanti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u, fl-istess ħin, jikkonvinċu lill-imsieħba tal-UE madwar id-dinja li t-tnaqqis fl-emissjonijiet hu fattibbli mingħajr ma tintilef il-kompetittività jew jitqiegħed fil-periklu il-ħolqien tal-impjiegi; iqis li hu essenzjali li l-Ewropa u l-Istati Membri tagħha jagħtu l-eżempju billi jwaqqfu sistema ta' investiment f'teknoloġiji ġodda, efficjenti fl-enerġija u b'livell baxx ta' karbonju; jitlob sabiex ikunu infurzati skemi ta' finanzjament eżistenti ħalli jintlaħqu l-objettivi tal-pjan direzzjonali, kif ukoll biex immedjatament isiru diskussjonijiet dwar l-istrumenti finanzjarji li jeħtieġ li jiġu utilizzati, u biex jiġu faċilitati sinerġiji aħjar bejn l-iskemi nazzjonali ta' finanzjament u dawk Ewropej; jemmen li skemi ta’ finanzjament minn diversi sorsi jistgħu jkunu għodda effettiva; jenfasizza r-rwol importanti tal-fondi reġjonali u tal-politika ta' koeżjoni bħala l-istrumenti ewlenin għall-miżuri ta' kofinanzjament reġjonali li jwasslu għal tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx tal-karbonju; iqis li, għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, parti sinifikanti tal-finanzjament għandha tiġi allokata biex jintlaħqu l-objettivi għall-pjan direzzjonali tal-2050;

8.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-UE u l-Istati Membri ma investewx biżżejjed f’miżuri biex inaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 jew biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika fl-oqsma tal-kostruzzjoni u t-trasport; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jallokaw aktar fondi għal miżuri li jżidu l-effiċjenza enerġetika tal-binjiet u ta' netwerks urbani ċentralizzati ta' tisħin u tkessiħ, kemm fir-rieżami tal-Perspettiva Finanzjarja attwali kif ukoll fl-Oqsfa Finanzjarji Pluriennali ġejjiena;

9.  Iqis li l-ilħuq ta' dawn l-objettivi sal-2050, mingħajr ma jiġu ppreġudikati t-taħlitiet differenti tas-sorsi tal-enerġija tal-Istati Membri, jista' jwassal għal tnaqqis fil-konsum, iżid is-sigurtà u l-affidabilità tal-provvista tal-enerġija u t-trażżin tal-volatilità tal-prezz tal-enerġija, u b'hekk jippermetti li jkun hemm prezzijiet tal-enerġija ġusti u kompetittivi għall-konsumaturi u l-impriżi u jtejjeb il-kompetittività u t-tkabbir tal-impjiegi fl-UE;

10. Ifakkar li l-valutazzjonijiet attwali jindikaw li l-objettiv ta' titjib fl-effiċjenza enerġetika u ta' tnaqqis fl-użu tal-enerġija ta' 20% meta mqabbel mat-tbassir għall-2020 attwalment ma jidhirx li se jintlaħaq; jappella għal azzjoni rapida, ambizzjoni akbar u impenn politiku aktar b'saħħtu sabiex jintlaħqu l-miri tal-2020 u biex isir ippjanar lil hinn mill-2020, li jwassal biex jitwettqu investimenti xierqa; japprova l-konklużjoni tal-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni li tagħraf li l-politiki tal-effiċjenza enerġetika huma essenzjali biex jitnaqqsu aktar l-emissjonijiet tal-karbonju; iqis għalhekk li ma għandhomx ikunu esklużi miri vinkolanti; jenfasizza li l-miżuri ta’ effiċjenza enerġetika jgħinu fil-ħolqien tal-impjiegi, fl-iffrankar tal-enerġija, u sabiex jissaħħu s-sigurtà tal-provvista u l-kompetittività; jilqa' f'dan ir-rigward il-prijoritajiet stabbiliti mill-proposta għal Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika fis-setturi kollha, u partikolarment fil-bini permezz tar-rinnovazzjoni tal-bini eżistenti, b'enfasi b'mod partikolari fuq ir-rinnovazzjoni ta' bini pubbliku; jitlob biex jiżdiedu r-riżorsi u l-miżuri sabiex ikunu mobilizzati sorsi ġodda ta' fondi fuq livell Ewropew u nazzjonali, inkluż permezz ta' strumenti finanzjarji ġodda; jenfasizza l-importanza tal-investiment privat biex jingħelbu l-limitazzjonijiet attwali tal-baġit fis-settur pubbliku;

11. Jenfasizza l-importanza tar-R&Ż biex ikunu żviluppati teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet u effiċjenti fl-enerġija; jistieden lill-UE tieħu rwol ewlieni fir-riċerka ta' teknoloġiji favur l-ambjent u effiċjenti fl-enerġija u sabiex tiżviluppa kooperazzjoni xjentifika mill-qrib mas-sieħba internazzjonali, b'enfasi partikolari fuq teknoloġiji nodfa u sostenibbli li jwasslu biex jintlaħqu l-objettivi stabiliti għall-2020 fil-Pjan-SET ­­− li hi l-inizjattiva emblematika tal-UE għat-teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju; jenfasizza li għandhom jiżdiedu l-fondi għal kull tip ta' riċerka dwar l-enerġija skont l-inizjattiva Horizon 2020, partikolarment dawk dwar l-enerġija rinnovabbli; ifakkar li l-allokazzjonijiet finanzjarji attwali fil-qasam tal-enerġija jirrappreżentaw 0.5% biss tal-baġit tal-UE għall-2007-2013, u dan mhux konformi mal-prijoritajiet politiċi tal-UE;

12. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu bħala prijorità, bil-għan li jnaqqsu l-emissjonijiet niġġiesa mit-trasport, l-investiment fl-iżvilupp ta' netwerk pan-Ewropew tal-enerġija intelliġenti li jkun jista’ jiġbor l-enerġija ġġenerata fil-livell lokali u reġjonali inkluż minn sorsi rinnovabbli u li jgħin l-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa għall-użu ta’ vetturi elettriċi;

13. Jenfasizza r-rwol importanti tal-enerġija rinnovabbli, inklużi l-iżviluppi innovattivi f’dan il-qasam u jinsisti dwar l-urġenza li jinstabu soluzzjonijiet aħjar dwar kif jinħażnu dawn l-enerġiji, biex tikber l-effiċjenza tagħhom, u tkun żgurata trażmissjoni effiċjenti tal-enerġija, inklużi miżuri infrastrutturali xierqa; jirrikonoxxi l-progress sinifikanti li għamlu l-Istati Membri fl-iżvilupp tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli minn meta ġew stabbiliti miri vinkolanti għall-2020; jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza li jitkompla dan l-approċċ u li jiġu stabbiliti aktar miri vinkolanti dwar l-enerġija rinnovabbli għall-2030, filwaqt li jitqiesu l-fattibilità u l-impatt makro-ekonomiku tagħhom; jirrimarka li din l-azzjoni tgħin biex jintlaħqu l-objettivi għall-2050, tagħti lill-industrija ċ-ċertezza tal-investiment li teħtieġ, tnaqqas sew l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, toħloq l-impjiegi, tippromwovi l-indipendenza enerġetika tal-UE, u tinkoraġġixxi leadership teknoloġika u l-innovazzjoni industrijali; jenfasizza li hu ferm importanti li jinżammu l-miri stabbiliti fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali dwar l-enerġija rinnovabbli biex jintlaħqu l-miri globali tal-UE sal-2050; iqis li l-Kummissjoni għandha tieħu miżuri fejn il-miri nazzjonali ma jintlaħqux;

14. Jenfasizza li żieda fl-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi permezz, pereżempju, ta’ riċiklaġġ tal-iskart, ġestjoni aħjar tal-iskart u bidla fl-imġiba, għandha rwol importanti ħafna biex jinkisbu l-objettivi strateġiċi tal-UE għal tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2;

15. Itenni l-importanza li jkunu provduti inċentivi għal investimenti pubbliċi u privati maħsuba għat-tfassil u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji li jistgħu jiġu kkuppjati faċilment u li jtejbu l-kwalità tal-iffrankar u l-effiċjenza enerġetika;

16. Ifakkar li n-netwerks tal-elettriku se jkollhom jiġu aġġornati u żviluppati, b’mod partikolari biex jittrasportaw l-enerġija rinnovabbli prodotta f’żoni ta' potenzjal kbir, bħall-enerġija mir-riħ offshore fil-Baħar tat-Tramuntana u l-enerġija solari fin-Nofsinhar tal-Ewropa u biex jakkomodaw il-produzzjoni diċentralizzata tal-enerġija rinnovabbli;

17. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jinvestu aktar fl-infrastruttura tal-enerġija meħtieġa biex issir il-bidla għal ekonomija sostenibbli; jenfasizza li l-Ewropa għandha tkun fuq quddiem nett fl-iżvilupp ta' standards u teknoloġiji bl-internet interoperabbli relatati mal-enerġija u ta' applikazzjonijiet tal-ICT effiċjenti fl-enerġija, b'mod partikolari netwerks ta' distribuzzjoni intelliġenti, l-applikazzjoni sħiħa u fil-ħin ta' sistemi intelligenti fid-djar bħal miters intelliġenti mfassla biex minnhom jibbenefika l-konsumatur, kif ukoll l-immodernizzar u l-iżvilupp ta' supersistema ta' distribuzzjoni Ewropea u ta' infrastrutturi LNG; jenfasizza, fir-rigward tal-konnessjonijiet interreġjonali, il-ħtieġa li jitnieda pjan ta' investiment ibbażat l-aktar fuq il-Pakkett dwar l-Infrastrutturi Enerġetiċi tal-UE li jiżgura d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-provvista tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi soluzzjonijiet prattiċi għall-integrazzjoni effiċjenti ta' ammonti kbar ta' sorsi rinnovabbli billi tippromwovi regoli tas-suq li jippermettu skambju internazzjonali tal-enerġija effiċjenti u trasparenti; jitlob, għalhekk, sabiex ikunu integrati u utilizzati b'mod rapidu s-swieq transkonfinali tal-elettriku; jirrikonoxxi l-ħtieġa urġenti ta' viżjoni fit-tul minħabba li hemm bżonn ħafna snin biex tinbena infrastruttura tal-enerġija fuq terminu twil ta' żmien; jilqa' l-enfasi li qed tingħata fuq l-infrastruttura tal-enerġija fil-proposta dwar il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa;

18. Jitlob li tiġi garantita l-applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2003/87/KE dwar in-negozjar ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u partikolarment dwar l-investimenti fir-R&Ż; jitlob li jintbagħat rapport lill-Parlament;

19. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu favur l-implimentazzjoni aktar rapida tal-ftehim tal-G20 dwar it-tneħħija tas-sussidji tal-fjuwils fossili; jenfasizza li, biex ikollha l-effett mixtieq, l-implimentazzjoni trid tkun ikkoordinata fuq livell internazzjonali;

20. Jinnota li, skont il-konklużjoni tal-pjan direzzjonali, is-settur tal-enerġija għandu jelimina kważi kompletament l-emissjonijiet tal-karbonju sal-2050 (tnaqqis ta’ 93%-99% fl-emissjonijiet); madankollu jirrikonoxxi li minn perspettiva industrijali tal-UE, dawk li jagħmlu l-ewwel pass fit-teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet għandhom vantaġġ kompetittiv f'dinja b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju ta’ llum u ta’ għada; jinnota li t-tnaqqis tal-emissjonijiet għandu, għalhekk, jintlaħaq b'mod li ma jagħmilx ħsara lill-kompetittività tal-UE u li jindirizza r-riskju tar-rilokazzjoni tal-karbonju, partikolarment fis-setturi b'konsum għoli ta' enerġija;

21.  Jinnota ċ-ċaqliq fl-innovazzjoni xjentifika u teknoloġika sostenibbli lil hinn mill-Ewropa lejn partijiet oħra tad-dinja, li tista’ twassal biex l-UE titlef il-pożizzjoni teknoloġika ewlenija tagħha f’dan il-qasam u ssir importatur nett ta’ dawn it-teknoloġiji u ta' prodotti relatati; jenfasizza, għalhekk, l-importanza tal-valur miżjud Ewropew fl-iżvilupp u l-produzzjoni domestika ta’ teknoloġiji u prodotti, b'mod partikolari fl-effiċjenza enerġetika u s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

22. Jinnota li l-pubblikazzjoni ‘World Energy Outlook 2011’ tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (IEA) tinkludi x-xenarju ridott fl-użu tan-nukleari, li juri li ż-żieda stmata ta’ emissjonijiet dinjija ta’ CO2 mis-settur tal-enerġija se tkun sostanzjalment ogħla f’tul ta’ żmien medju minħabba żieda fl-użu tal-fjuwils fossili; itenni li d-deċiżjoni ta' xi Stati Membri li jagħlqu uħud mir-reatturi nukleari m'għandhiex isservi ta' ġustifikazzjoni biex inaqqsu l-livell ta' ambizzjoni fil-politiki attwali tagħhom dwar il-klima; jiddikjara li, skont l-IEA, il-kisba tal-mira ta’ 2°C se tirrikjedi aċċelerazzjoni tal-iżvilupp u tal-użu ta’ teknoloġiji tal-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS) kemm f’impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam kif ukoll dawk li jaħdmu bil-gass; jirrimarka, madankollu, li t-teknoloġija tas-CCS għadha fl-istadju ta' evalwazzjoni u fil-fażi prekummerċjali, għalhekk jeħtieġ li jiġu kkunsidrati wkoll xenarji alternattivi, bħal pereżempju xenarji ta' sorsi ta' rinnovabilità u ta' effiċjenza enerġetika kbar.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.11.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

0

7

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Pierre Audy, Ivo Belet, Bendt Bendtsen, Jan Březina, Maria Da Graça Carvalho, Giles Chichester, Pilar del Castillo Vera, Vicky Ford, Adam Gierek, Norbert Glante, Robert Goebbels, Fiona Hall, Jacky Hénin, Edit Herczog, Kent Johansson, Romana Jordan Cizelj, Lena Kolarska-Bobińska, Béla Kovács, Philippe Lamberts, Angelika Niebler, Jaroslav Paška, Aldo Patriciello, Anni Podimata, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Paul Rübig, Amalia Sartori, Francisco Sosa Wagner, Konrad Szymański, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Ioannis A. Tsoukalas, Vladimir Urutchev, Kathleen Van Brempt, Alejo Vidal-Quadras, Henri Weber

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Yannick Jadot, Ivailo Kalfin, Seán Kelly, Holger Krahmer, Werner Langen, Alajos Mészáros, Mario Pirillo, Vladimír Remek

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Cristian Silviu Buşoi, Anna Hedh


OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (6.10.2011)

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

dwar pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050

(2011/2095(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Béla Glattfelder

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jemmen li l-agrikoltura tinsab f'pożizzjoni tajba biex tagħti kontribut kbir biex tittratta t-tibdil fil-klima, toħloq xogħlijiet ġodda permezz tat-tkabbir ekoloġiku u tipprovdi enerġija rinnovabbli; jenfasizza li l-PAK wara l-2013 mistennija tkabbar dan il-kontribut; jirrikonoxxi li l-agrikoltura diġà naqqset l-emissjonijiet tagħha b'mod sostanzjali permezz tat-titjib fl-effiċjenza tal-produzzjoni; jinnota, madankollu, li wara ċertu żmien, il-potenzjali għat-tnaqqis tal-emmissjoni tal-agrikoltura huwa sostanzjali (sal-2050, is-settur tal-agrikoltura se jkun jista' jnaqqas l-emissjonijiet li mhumiex tas-CO2 b'bejn 42 % u 49% meta mqabbla mal-livelli tal-1990), iżda jista’ jitqies pjuttost limitat meta mqabbel ma’ setturi oħra; jenfasizza li l-pajjiżi kollha li għandhom l-ogħla emissjonijiet, għandhom jagħtu kontribuzzjoni adegwata; jinnota li t-tnaqqis fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra fis-settur agrikolu huwa ta’ benefiċċju minn tliet aspetti minħabba li jżid il-vijabilità ekonomika u agronomika tal-bdiewa fuq perjodu ta’ żmien twil, permezz ta' aktar reżiljenza tal-klima u tnaqqis fl-ewtrofikazzjoni, u jnaqqas l-ispejjeż esterni tat-tniġġiż għas-soċjetà inġenerali;

2.  Jenfasizza li l-miri ċari tal-emissjonijiet se jistimulaw l-investimenti bikrija meħtieġa fir-R&Ż, għad-demostrazzjoni u t-tħaddim ta' tekonoloġiji b’emissjonijiet baxxi, u li huwa importanti ħafna li tiġi definita strateġija fit-tul li tiżgura li l-UE qiegħda fit-triq it-tajba biex tilħaq l-għan miftiehem tagħha ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet sal-2050; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi objettivi ta' nofs it-terminu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2030 u l-2040 għas-setturi relevanti kollha, inkluż l-agrikoltura; jiddikjara li dawn il-miri għandhom isegwu trajettorja lineari bejn il-livelli attwali tal-emissjonijiet, l-objettiv 2020 u t-tnaqqis ta' 95% li għandu jsir sal-2050;

3.  Jikkunsidra li l-kompetittività fit-tul tista' tinkiseb biss permezz ta’ ekosistemi agrikoli b’saħħithom u bijoloġikament diversi li jifilħu għall-klima u billi wieħed jieħu ħsieb kif xieraq ir-riżorsi naturali limitati, bħall-ħamrija, l-ilma u l-art;

4.  Jinnota li l-isforzi favur il-mitigazzjoni tal-emmissjonijiet mistennija jżidu d-domanda għall-bijoenerġija; jenfasizza l-potenzjal tas-settur agrikolu li jikkontribwixxi għall-istrateġija Ewropa 2020 biż-żieda fil-produzzjoni tal-enerġija sostenibbli, permezz ta’ sorsi bħall-bijogass u b'hekk il-jinħolqu xogħlijiet ġodda f'żoni rurali; jitlob, għalhekk, aktar rikonoxximent tal-kontribuzzjoni tal-agrikoltura u l-forestrija permezz tal-produzzjoni sostenibbli tal-enerġija rinnovabbli, li attwalment meta jittieħed rendikont tiġi kkreditata lis-setturi tal-enerġija, it-trasport u t-tisħin; jenfasizza li l-bijomassa u l-bijofjuwils għandhom jiġu prodotti b’mod sostenibbli, bl-użu ta’ kriterji ta’ sostenibilità robusti, b’mod effiċjenti, u bla ma jiġu affettwati ħażin is-swieq agroalimentari, l-art użata għall-produzzjoni, u l-preżżijiet tal-ikel u tal-art, filwaqt li jiġu evitati d-deforestazzjoni u l-konverżjoni ta’ ekosistemi naturali ta’ valur;

5.  Jenfasizza l-importanza tat-teknoloġiji l-ġodda fl-iżvilupp ta’ enerġiji rinnovabbli u tal-produzzjoni tal-bijoenerġija u jindika li l-UE għandha tisfrutta kull innovazzjoni disponibbli sabiex tilħaq il-miri tagħha tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2;

6.  Jenfasizza li l-użu sostenibbli tal-foresti jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 u li għalhekk huwa neċessarju li jittieħdu miżuri skont it-tieni pilastru tal-politika agrikola, sabiex tkun tista’ ssir il-ġestjoni tal-foresti anke f'postijiet diffiċli;

7.  Ifakkar li, hekk kif ir-raba’ tad-dinja qed jonqos, u l-popolazzjoni tad-dinja qed tiżdied, l-azzjoni fuq it-tibdil tal-klima u l-ħtieġa li tiġi żgurata s-sikurezza tal-ikel globali, huma sfidi doppji li jeħtieġ li jiġu indirizzati flimkien; jenfasizza li l-ħtieġa li, minn naħa, tiġi estiża l-produzzjoni u min-naħa l-oħra l-ħtieġa li jiżdied il-qbid tal-karbonju fil-ħamrija u l-bijomassa, m'għandhomx iwasslu għal kunflitt tal-għanijiet;

8.  Jinnota li jeħtieġ ikun hemm approċċ miftiehem internazzjonalment għal ftehim globali fl-ambitu tal-klima, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ugwali vis-à-vis setturi agrikoli f'ekonomiji oħrajn;

9.  Ifakkar li l-prattiki mtejba tal-agrikoltura u l-forestrija għandhom iżidu l-kapaċità tas-settur li jżomm u jaqbad il-karbonju fil-ħamrija u l-foresti; fl-istess ħin jenfasizza li l-maġġoranza tas-sidien tal-foresti huma wkoll bdiewa; jenfasizza, barra minn hekk, l-għan tal-UE li tnaqqas id-deforestazzjoni li qed isseħħ madwar id-dinja, partikolarment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u li twaqqaf it-telf globali tal-foresti sa mhux aktar tard mill-2030;

10. Jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati miżuri u/jew mekkaniżmi xierqa li jippermettu r-rikonoxximent finanzjarju reali tar-rwol tal-agrikoltura u l-forestrija fiż-żamma tal-karbonju;

11. Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tenfasizza l-integrazzjoni tal-klima biex tinħoloq koerenza bejn il-politiki, bħall-industrija, ir-riċerka, l-enerġija, il-bijodiversità, il-kummerċ, l-iżvilupp, l-agrikoltura, l-innovazzjoni, it-trasport, il-benessri tal-annimali u l-istrateġija Ewropa 2020; il-ġestjoni soda u strateġika tal-potenzjal tas-settur agrikolu, tqiegħed lill-Ewropa fid-direzzjoni t-tajba sabiex issir attur kompetittiv fl-ekonomiji globali, b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, tal-ġejjieni;

12. Jitlob il-miżuri neċessarji, inklużi l-finanzjament tar-riċerka, l-isforzi edukattivi, l-appoġġ fl-investiment u inizjattivi oħra abbażi ta' inċentivi, fil-PAK, li jappoġġaw u jippermettu l-użu ta' residwu agrikolu u tal-forestrija fil-produzzjoni tal-enerġija sostenibbli;

13. Jitlob l-inklużjoni ta’ miri għall-użu tal-enerġija sostenibbli fil-PAK;

14  Jenfasizza li l-katina tal-ikel għandha titqassar u ssir iktar trasparenti u li għandu jitħeġġeġ il-konsum ta’ ikel prodott lokalment, kif ukoll l-appoġġ tas-swieq lokali u reġjonali, sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet relatati mat-trasport tal-produzzjoni agrikola; jenfasizza li r-rilokazzjoni tal-produzzjoni u l-ipproċessar multifunzjonali tal-Ewropa għal pajjiżi li mhumiex fl-UE jkollha impatt negattiv fuq il-valur miżjud Ewropew u fuq l-għanijiet b’rabta mal-klima;

15. Jiddeplora l-fatt li hemm wisq skart agrikolu li attwalment il-potenzjal tiegħu mhux qed jiġi sfruttat b’mod sħiħ; jikkunsidra li l-iskart agrikolu għandu jiġu kkunsidrat vantaġġjuż; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jressqu strateġiji nazzjonali dwar il-bżonn ta' ġestjoni aħjar tal-bijoskart u tal-prodotti sekondarji tal-agrikoltura u l-forestrija; jinnota f'dan ir-rigward l-użu tal-iskart tal-annimali u tal-prodotti sekondarji abbażi tal-pjanti u l-ipproċessar tal-iskart e.ż. f'bijofermentaturi, biex tiġi prodotta enerġija fuq il-post, filwaqt li fl-istess ħin jitnaqqsu wkoll l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-bdiewa;

16. Jinnota li, bl-għarfien u t-tekniki dispobibbli llum il-ġurnata, l-ażjendi agrikoli diġà jistgħu jsiru awtosuffiċjenti fl-enerġija, bil-possibilità kemm li jżidu l-profitti kif ukoll li joħolqu gwadann ambjentali permezz tal-produzzjoni lokali tal-bijoenerġija mill-iskart organiku;

17. Jinnota li, għal raġunijiet ta’ użu effiċjenti ta' riżorsi, il-bdiewa għandhom jiġu inkoraġġuti jużaw aħjar il-potenzjal tal-bijogass u l-prodotti sekondarji tiegħu biex jissostitwixxu l-fertilizzanti;

18. Jinnota li l-bijofjuwils għandhom rwol importanti fl-istrateġija fit-tul biex il-fjwuils fossili jiġu sostitwiti b'sorsi tal-enerġija rinnovabbli; jitlob biex jiġi kkunsidrat iktar il-potenzjal vast tal-materja prima tal-injam bħala sors tal-enerġija, materjal sostenibbli tal-bini u ħażna tal-karbonju;

19. Jenfasizza li l-qafas li jmiss tal-Kummissjoni dwar l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) għandu jevita r-regolazzjoni eċċessiva, li tista' ddgħajjef il-prospetti tal-UE għall-ilħuq tal-miri tal-klima, u, minħabba d-diversità Ewropea, għandu jirrispetta l-prinċipju ta’ sussidjarjetà u r-rwol tal-gvernijiet lokali u nazzjonali;

20. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ aktar investiment fl-infrastruttura tal-enerġija, bħalma huma n-netwerks ta' distribuzzjoni intelliġenti u d-distribuzzjoni tal-bijogass, sabiex tkun kapaċi tiflaħ għaż-żieda fil-produzzjoni ta’ enerġija mill-partikular minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

21. Jappoġġa l-idea li l-fondi tal-UE, inkluż il-Fond għall-Iżvilupp Rurali, għandhom jiffinanzjaw biss proġetti għal faċilitajiet agrikoli li huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija, speċjalment dawk li jużaw sorsi tal-enerġija rinnovabbli li jistgħu jnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju għal livell kemm jista’ jkun qrib iż-żero;

22. Jenfasizza l-importanza ta’ biedja newtrali f’sens ta’ emissjonijiet ta’ karbonju; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi dan permezz ta' miżuri ta' ekoloġizzazzjoni maħsuba fl-ewwel pilastru tal-PAK il-ġdida;

23. Jenfasizza, għal dan il-għan, l-importanza tal-ipproċessar tad-demel, li mhux biss jipprovdi enerġija rinnovabbli, iżda jnaqqas ukoll il-pressjoni ambjentali u huwa sostitut għall-fertilizzant artifiċjali fil-forma ta' konċentrati ta’minerali; jenfasizza f'dan ir-rigward, li jekk id-demel irid jiġi kkunsidrat bħala sors tal-enerġija, huwa essenzjali li d-demel ipproċessat jiġi rikonoxxut bħala sostitut għall-fertilizzant artifiċjali fid-Direttiva dwar in-Nitrati;

24. Jenfasizza li huma meħtieġa b'mod urġenti iktar finanzjament u sforzi ta’ riċerka għall-iżvilupp u l-integrazzjoni ta' prattiki agrikoli effiċjenti fir-rigward tal-klima u li jużaw l-enerġija b'inqas intensità u metodi agrikoli li jniġġsu inqas u produzzjoni tal-enerġija iktar effiċjenti; jinnota barra minn hekk li diġà jeżistu alternattivi li jniġġsu inqas u li huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija; jikkunsidra r-riċerka u l-iżvilupp f'dan il-qasam bħala parti essenzjali mill-implimentazzjoni sħiħa tal-pjan strateġiku tat-teknoloġija tal-enerġija, u li dan jitlob għal investiment addizzjonali; jenfasizza li jeħtieġ li jiġi żgurat, b'rabta ma' dan, li r-riżultati tar-riċerka jiġu tradotti fil-prattika fil-livell tal-kumpaniji; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex tistabilixxi qafas ġdid tar-riċerka - Orizzont 2020;

25. Jemmen li permezz tal-ġestjoni aħjar tal-għalf tal-annimali, inklużi prodotti tar-raba' li fihom il-proteini f’raba' li jinħadem b’sistema ta’ rotazzjoni u ż-żieda fid-diversità tal-prodotti tar-raba' li fihom il-proteini f'taħlitiet ta' mergħat permanenti, sabiex jitkabbar aktar għalf tal-annimali fuq il-post, tista' titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-għalf tal-annimali li jġibu magħhom "spiża" kbira mil-lat ta' karbonju; jemmen li dan jista' jnaqqas ukoll l-ispejjeż relatati mal-għalf tal-annimali għall-bdiewa, u jirriżulta f'ġestjoni aħjar tal-ħamrija, billi jżid iż-żamma tal-ilma tal-ħamrija, u jnaqqas ukoll is-suxxettibilità għall-infestazzjonijiet;

26. Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm titjib fl-awtosuffiċjenza enerġetika tal-ażjendi agrikoli, permezz ta’ inċentivi għall-enerġija rinnovabbli fuq il-post, bħat-turbini tar-riħ, il-pannelli solari u t-teknoloġija tal-bijofermentazzjoni, minħabba li dan inaqqas l-ispejjeż tal-produzzjoni u jżid il-vijabilità ekonomika tagħhom, billi jipprovdi sors alterattiv ta' dħul għall-bdiewa;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

6.10.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

3

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Richard Ashworth, Liam Aylward, José Bové, Michel Dantin, Paolo De Castro, Albert Deß, Herbert Dorfmann, Lorenzo Fontana, Iratxe García Pérez, Béla Glattfelder, Martin Häusling, Esther Herranz García, Peter Jahr, Elisabeth Jeggle, Jarosław Kalinowski, Elisabeth Köstinger, Agnès Le Brun, Mairead McGuinness, Mariya Nedelcheva, James Nicholson, Rareş-Lucian Niculescu, Georgios Papastamkos, Marit Paulsen, Ulrike Rodust, Alfreds Rubiks, Giancarlo Scottà, Marc Tarabella, Janusz Wojciechowski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Luís Paulo Alves, Spyros Danellis, Bas Eickhout, Ismail Ertug, Giovanni La Via, Astrid Lulling

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

George Sabin Cutaş, Pablo Zalba Bidegain


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

31.1.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

24

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Elena Oana Antonescu, Kriton Arsenis, Sophie Auconie, Pilar Ayuso, Paolo Bartolozzi, Nessa Childers, Chris Davies, Esther de Lange, Anne Delvaux, Bas Eickhout, Edite Estrela, Jill Evans, Karl-Heinz Florenz, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Dan Jørgensen, Karin Kadenbach, Christa Klaß, Holger Krahmer, Jo Leinen, Peter Liese, Zofija Mazej Kukovič, Linda McAvan, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Miroslav Ouzký, Gilles Pargneaux, Antonyia Parvanova, Mario Pirillo, Pavel Poc, Anna Rosbach, Oreste Rossi, Carl Schlyter, Richard Seeber, Theodoros Skylakakis, Bogusław Sonik, Anja Weisgerber, Åsa Westlund, Glenis Willmott, Sabine Wils

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken, Christofer Fjellner, Julie Girling, Romana Jordan, Georgios Koumoutsakos, Riikka Manner, Marisa Matias, Miroslav Mikolášik, James Nicholson, Vittorio Prodi, Britta Reimers, Bart Staes, Csaba Sándor Tabajdi, Eleni Theocharous, Marita Ulvskog, Kathleen Van Brempt, Andrea Zanoni

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Sampo Terho

Aġġornata l-aħħar: 1 ta' Marzu 2012Avviż legali