dwar ir-rieżami tas-6 Programm ta' Azzjoni Ambjentali u l-istabbiliment tal-prijoritajiet għas-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali - Ambjent aħjar għall-ħajja aħjar
2011/2194(INI)
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Ambjent b'saħħtu u livell għoli ta' protezzjoni ambjentali huma prerekwiżiti għall-garanzija tal-kwalità tal-ħajja kif ukoll għall-preservazzjoni tal-istabilità tal-ekosistemi.
Il-Programmi ta' Azzjoni Ambjentali ggwidaw l-iżvilupp tal-politika ambjentali tal-UE sa mill-bidu tas-snin sebgħin. Huma taw impetu kbir għall-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ambjentali b'saħħitha tal-UE, speċjalment f'oqsma bħall-arja, l-ilma, l-iskart u l-klima.
Il-protezzjoni tal-ambjent tagħna żżid il-kwalità tal-ħajja speċjalment billi tissalvagwardja l-ekosistemi u s-servizzi tagħhom, twaqqaf it-telf ta' bijodiversità, tiżgura kwalità aħjar tal-arja u anqas storbju, kif ukoll toħloq impjiegi u tkabbir, u billi tiżgura benessri għall-ġenerazzjonijiet attwali u futuri.
Is-sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali attwali (6EAP), li kien l-ewwel wieħed adottat b'kodeċiżjoni, se jiskadi f'Lulju 2012. Il-valutazzjoni finali tiegħu, ippubblikata fil-31 ta' Awwissu 2011, ikkonkludiet li b'mod ġenerali, is-sitt EAP pprovda qafas globali għall-politika tal-ambjent, li matul daż-żmien il-leġiżlazzjoni dwar l-ambjent ġiet ikkonsolidata u kkompletata b'mod sostanzjali, u li l-adozzjoni tagħha permezz tal-kodeċiżjoni żiedet il-leġitimità tagħha u għenet toħloq sens ta' sjieda għall-proposti ta' politika sussegwenti;
Madankollu, għadna qegħdin lura minn sitwazzjoni sodisfaċenti dwar l-istat tal-ambjent. L-evidenza xjentifika turi biċ-ċar li bħas-soltu n-negozju mhuwiex għażla, peress li jpoġġi wisq pressjoni fuq il-kapaċità tal-pjaneta biex isostni d-domandi għar-riżorsi jew is-servizzi tal-ekosistema jew biex jassorbi t-tniġġis. Tinħtieġ azzjoni urġenti mill-partijiet interessati kollha għal bidla lejn futur sostenibbli.
Huwa għalhekk essenzjali li jiġi adottat mill-aktar fis possibbli s-seba EAP sabiex jippermetti din il-bidla lejn futur sostenibbli, jiżgura kontinwità u jevita kwalunkwe nuqqas.
Fir-rigward tal-format, minkejja li diversi dokumenti individwali u pjanijiet direzzjonali ġew ippubblikati riċentement mill-Kummissjoni, aħna nemmnu bil-qawwa li s-seba' EAP għandu jagħti qafas globali b'saħħtu li jiżgura koerenza. Hu għandu jiżgura li l-għanijiet kollha eżistenti relatati mal-ambjent għall-2020 għall-oqsma differenti ta' politika jkunu inklużi u eżaminati flimkien.
Barra minn hekk, is-seba' EAP futur għandu jipprovdi viżjoni ambizzjuża ċara għall-2050, sabiex jagħti perspettiva fit-tul għall-partijiet interessati kollha.
Aħna nipproponu li s-seba' EAP futur jiffoka fuq it-tliet prijoritajiet li ġejjin:
- Implimentazzjoni u Tisħiħ tal-leġiżlazzjoni ambjentali
- Integrazzjoni tal-objettivi ambjentali fil-politiki settorjali kollha
- Dimensjoni internazzjonali tal-protezzjoni ambjentali
Għalhekk aħna nistiednu lill-Kummissjoni tippreżenta mill-aktar fis possibbli l-proposta tagħha għas-seba' EAP, u tikkunsidra s-suġġerimenti tagħna kif deskritti f'dan ir-rapport fuq inizjattiva proprja.
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-INDUSTRIJA, IR-RIĊERKA U L-ENERĠIJA (9.2.2012)
għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezz tal-Ikel
dwar ir-rieżami tas-6 Programm ta' Azzjoni Ambjentali u l-istabbiliment tal-prijoritajiet għas-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali
Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jisħaq fuq l-importanza li l-objettivi ambjentali jiġu integrati fil-politiki kollha tal-Unjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa li strateġiji tematiċi wesgħin jirriżilutaw f’leġiżlazzjoni robusta b’għanijiet u kalendarji ċari biex jiġi żgurat li s-7 Programm għall-Azzjoni Ambjentali jwitti t-triq biex l-UE tnaqqas bin-nofs l-impatt ekoloġiku tagħha sal-2030;
2. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex, fir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-VIA u d-Direttiva 2001/42/KE, tapplika b’mod strett il-kriterji għall-protezzjoni tal-pajsaġġi u tal-ambjent naturali fl-għażla tas-siti għall-enerġija u siti industrijali u faċilitajiet oħra; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha toħloq indikaturi biex tivvaluta l-impatt potenzjalment negattiv tagħhom u tagħti attenzjoni sħiħa lill-artikoli fit-TFUE li għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni tal-wirt kulturali u naturali;
3. Jisħaq li s-7 EAP għandu jipprevedi miri konkreti u li jistgħu jitkejlu, kif ukoll kalendarji dettaljati u mekkaniżmi għas-sorveljanza tal-implimentazzjoni fil-forma ta’ indikaturi u tabelli ta’ valutazzjoni, li jiggarantixxu t-twettiq tal-objettivi tiegħu fil-livell kemm tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri;
4. Iqis li l-UE se jkollha bżonn toffri aktar sostenn għall-attivitajiet ta’ riċerka, innovazzjoni u ta’ żvilupp sabiex tiżgura li fuq medda ta' żmien medja jkun hemm żieda fid-disponibbiltà u l-prestazzjoni tat-teknoloġija li hija meħtieġa għal użu aktar effiċjenti tar-riżorsi, żieda fl-effiċjenza tal-enerġija, u biex tinżamm il-kompetittività fl-UE;
5. Jemmen li l-Pjan Direzzjonali lejn Ewropa li tkun Effiċjenti fir-Riżorsi għandu jirriżulta f’azzjonijiet konkreti fis-7 programm ta’ azzjoni;
6. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw, fil-Programm ta’ Qafas ta’ Riċerka li jmiss, programmi ta’ riċerka u innovazzjoni fil-qasam ta' materjali u riżorsi ġodda li fil-futur jistgħu jieħdu post il-materja prima eżistenti li l-provvista tagħhom hija insuffiċjenti;
7. Jenfasizza l-bżonn ta’ investiment fir-riċiklaġġ tal-materja prima u ta' elementi terrestri rari, peress li l-attvità tal-minjieri, ir-raffineriji u r-riċiklaġġ ta’ elementi rari jista’ jkollhom konsegwenzi koroh fuq l-ambjent jekk ma jkunux immaniġjati sewwa;
8. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l- 'ekonomija ħadra' madwar id-dinja , filwaqt li jintegraw l-aspetti ambjentali, soċjali u ekonomiċi bħat-tnaqqis tal-faqar;
9. Jitlob li l-finanzjament ta' Natura 2000 ikun hemm provvediment għalih fil-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) 2014-2020, u li jiġu stabbiliti metodi ġodda ta' ġestjoni li jippermettu l-ilħuq ta’ ftehimiet mas-sidien u s-settur privat u li jinstab użu kompatibbli u li jagħti l-frott fir-rigward taż-żamma tal-ħabitat u l-bijodiversità, u jappella biex jiżdiedu l-isforzi biex il-politika tal-bijodiversità tkun integrata f'oqsma politiċi oħrajn;
10. Iqis li għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa, fid-Direttiva dwar il-Ħabitats u fin-Netwerk tan-Natura 2000, tal-kwalitajiet estetiċi u viżwali fil-pajsaġġ għall-fini tal-interpretazzjoni ta’ dawn il-programmi;
11. Jenfasizza l-importanza li jintwera liċ-ċittadini tal-UE, speċjalment fil-kuntest tas-sitwazzjoni ekonomika attwali, li l-protezzjoni tal-ambjent mhix kontradittorja fir-rigward tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli; huwa favur, għal dan il-għan, li jiġu promossi proġetti ta' suċċess u t-tixrid ta’ informazzjoni lill-pubbliku dwar il-fattibbiltà ta’ żvilupp ekonomiku li jirrispetta l-ambjent f’żoni ta’ wirt naturali u kulturali importanti bħan-netwerk Natura 2000;
12. Jemmen li jeħtieġ li jinstabu formoli ġodda għar-regolamentazzjoni tal-ħamrija b’konformità mal-kriterji tal-Istati Membri, li jitfasslu miżuri biex jiġu evitati d-diżastri u għall-prevenzjoni tal-għargħar u jinħoloq suq intern trasparenti u ċar fir-rigward tat-tniġġis tal-ħamrija;
13. Huwa tal-fehma li l-objettivi tal-Pjan Direzzjonali 2050 jistgħu jinkisbu biss jekk jiġu implimentati strateġiji komplementari, fosthom il-valutazzjoni tal-agrikoltura, ir-riforestazzjoni u l-introduzzjoni ta’ inċentivi ta’ politika għall-innovazzjoni u l-implimentazzjoni rapida tal-enerġija solari, ġeotermali u dik tal-baħar;
14. Huwa tal-fehma li l-programm LIFE+ għandu jkun immaniġġjat mill-Kummissjoni, b'enfasi fuq proġetti internazzjonali ta' innovazzjoni u eċċellenza, il-promozzjoni ta’ SMEs u istituzzjonijiet ta’ riċerka u żvilupp u l-prijoritizzazzjoni taż-żamma tl-bijodiversità b' approċċ sistematiku u integrali, u teknoloġiji agrikoli kompatibbli mal-preservazzjoni tal-ħamrija u tal-katina tal-ikel tal-ekosistemi tal-annimali; jemmen li l-Programm LIFE+ tal-UE għandu jkun promoss b’mod aktar wiesa’ fir-reġjuni kollha tal-Ewropa sabiex jiġu mħeġġa prattiki innovattivi fil-livell lokali, u sabiex l-impatt u s-sensibilizzazzjoni tat-taqsima li tirrigwarda l-politika u l-ġestjoni ambjentali ta' dan il-programm jissaħħu;
15. Jenfasizza li oqsma b'saħħithom ta' riċerka, żvilupp u innovazzjoni Ewropej huma prerekwiżit għall-protezzjoni tal-ambjent, waqt li fl-istess ħin, jintlaħaq żvilupp soċjali u ekonomiku fl-Unjoni Ewropea;
16. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fir-rieżami tagħha tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva dwar l-Ilma ta’ Taħt l-Art u l-programm “Blue Print”, iżżomm approċċ xjentifiku u sistemiku, filwaqt li tqis iċ-ċikli tal-ilma, ir-relazzjoni bejn l-ilma u l-art, il-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni u l-ħtieġa ta' trasparenza u effiċjenza fil-ġestjoni tal-ilma;
17. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta valutazzjoni iżjed dettaljata tar-riżultati tal-pjan ta' azzjoni u tal-ostakoli reali fir-rigward tal-implimentazzjoni korretta u sħiħa tal-objettivi tiegħu;
18. Huwa tal-fehma li, fl-evalwazzjoni ta' miżuri biex jiġġieldu t-tibdil fil-klima, l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom iqisu kif xieraq ir-rwol tal-ħaxix tal-lawns fil-qbid tas-CO2;
19. Jemmen li s-7 programm ta’ azzjoni għandu wkoll jiffoka fuq l-emmissjonijiet marittimi u l-emissjonijiet li mhumiex CO2;
20. Jitlob li tingħata attenzjoni speċjali għall-objettivi u għall-azzjonijiet li jikkonċernaw l-ambjent uman fiż-żoni urbani, b'fokus speċifiku fuq l-istorbju u l-kwalità tal-arja;
21. Bil-għan li jiġu implimentati strateġiji li jnaqqsu t-tniġġis fil-bliet, jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw il-possibilità li jinħoloq qafas ta’ appoġġ Ewropew għall-implimentazzjoni progressiva ta’ pjanijiet ta’ mobilità urbana fil-bliet Ewropej, li jistabbilixxi proċeduri u mekkaniżmi ta’ appoġġ finanzjarju fuq livell Ewropew għall-preparazzjoni ta’ rapporti ta’ awditu għall-mobilità urbana kif ukoll pjanijiet għall-mobilità urbana, u li jistabbilixxu Tabella ta’ Mobilità Urbana Ewropea;
22. Iqis li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom biex joħolqu strateġiji integrati ħalli f’kull żona ġeografika jsiru magħrufa l-valuri naturali u l-karatteristiċi tal-wirt naturali tagħha, kif ukoll x'jeħtieġ li jsir biex dawn jiġu ppreservati, waqt li titqies l-ekosistema speċifika meħtieġa għall-konservazzjoni tal-bijodiversità u tal-ispeċijiet individwali, inklużi l-agrikultura, l-ilma u kundizzjonijiet minimi oħra meħtieġa;
23. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi kriterji għall-valutazzjoni tal-impatt tal-impjanti għad-desalinizzazzjoni tal-ilma li jinkludu l-ispejjez tal-enerġija tagħhom u l-effett distruttiv tagħhom fuq qiegħ il-baħar u l-bijodiversità;
24. Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tinkludi kriterji ta' kwalità u rekwiżiti ta' traċċabilità li jorbtu fil-ftehimiet dwar ikel u agrikoltura ma' pajjiżi terzi;
25. Jebfasizza li s-7 EAP għandu jkun iżjed ambizzjuż, biex b’hekk iwitti t-triq għal leġiżlazzjoni vinkolanti ħalli jiġu stabbiliti objettivi ċari b'kalendarji u indikaturi preċiżi biex jitkejjel il-progress, inkluża data speċifika għar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-programm;
26. Jikkonkludi li l-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali f’oqsma ta’ politika rilevanti oħrajn, bħal per eżempju l-enerġija, l-agrikoltura, is-sajd, it-trasport, ir-riċerka, il-politika ta' koeżjoni u l-iżvilupp reġjonali, għandha tkun il-priorità prinċipali tas-7 programm ta’ azzjoni.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni
6.2.2012
Riżultat tal-votazzjoni finali
+:
–:
0:
51
0
4
Membri preżenti għall-votazzjoni finali
Gabriele Albertini, Amelia Andersdotter, Josefa Andrés Barea, Jean-Pierre Audy, Ivo Belet, Maria Da Graça Carvalho, Giles Chichester, Pilar del Castillo Vera, Dimitrios Droutsas, Christian Ehler, Vicky Ford, Norbert Glante, Robert Goebbels, András Gyürk, Jacky Hénin, Kent Johansson, Romana Jordan, Krišjānis Kariņš, Béla Kovács, Philippe Lamberts, Marisa Matias, Judith A. Merkies, Rolandas Paksas, Vittorio Prodi, Herbert Reul, Michèle Rivasi, Jens Rohde, Paul Rübig, Amalia Sartori, Salvador Sedó i Alabart, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Ioannis A. Tsoukalas, Claude Turmes, Marita Ulvskog, Kathleen Van Brempt, Alejo Vidal-Quadras, Henri Weber
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali
Antonio Cancian, António Fernando Correia De Campos, Françoise Grossetête, Cristina Gutiérrez-Cortines, Jolanta Emilia Hibner, Yannick Jadot, Seán Kelly, Bernd Lange, Werner Langen, Marian-Jean Marinescu, Zofija Mazej Kukovič, Morten Messerschmidt, Vladko Todorov Panayotov, Mario Pirillo, Silvia-Adriana Ţicău
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali
Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jirrikonoxxi li l-bidla fil-klima, it-telf ta’ bijodiversità u l-konsum eċċessiv ta’ riżorsi naturali huma sfidi li jaffetwaw lil kull ċittadin tal-UE f'żoni urbani u rurali u li hija meħtieġa azzjoni f'kull livell ta' gvern biex jitnaqqsu dawn l-effetti; iqis neċessarju li jiġu żgurati sinerġiji bejn il-politika ta’ koeżjoni, u l-politiki ambjentali, tas-saħħa u tal-ġestjoni tat-territorju u li titjieb il-kooperazzjoni bejn il-gvernijiet lokali, ir-reġjuni u f’livell transkonfinali għal żvilupp ibbilanċjat bejn iż-żoni urbani u ż-żoni periferiċi, iż-żoni forestali u rurali; jenfasizza l-potenzjal tal-immaniġġjar sostenibbli tal-art, u jqis li miżuri li jirregolaw kull bidla fl-iskop maħsub ta’ art, partikolarment art intiża għall-monokulturi u l-produzzjoni ta’ ekofjuwils, jeħtieġ tiġi analizzata sew;
2. Iqis li huwa partikolarment importanti li titjieb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali, lokali, reġjonali u gruppi lokali fil-komunità u li jiġu inkoraġġiti s-sħubijiet pubbliċi-privati għal implimentazzjoni aħjar tal-liġi tal-UE dwar l-immaniġġjar tal-iskart; jirrakkomanda l-adozzjoni tal-metodoloġija tal-iżvilupp lokali bbażata fuq sħubijiet lokali, b’mod partikolari għal proġetti relatati ma’ kwistjonijiet urbani, rurali u transkonfinali; iħeġġeġ l-użu ta’ finanzjament Ewropew biex jinħolqu sistemi integrati tal-immaniġġjar tal-iskart; jenfasizza l-bżonn li tkun żgurata kollaborazzjoni mill-qrib mal-universitajiet, ir-riċerkaturi, il-kumpaniji u atturi interessati oħra għat-tfassil rapidu ta’ teknoloġiji innovattivi li żżid ir-riċiklaġġ tal-iskart u l-effiċjenza tar-riżorsi kif ukoll ittejjeb l-ippjanar sabiex jitnaqqsu l-effetti tal-estrazzjoni ta’ minerali u aggregati, kif ukoll biex jinħolqu sistemi alternattivi tar-rimi tal-iskart li jirrispettaw l-ambjent u jikkonformaw bis-sħiħ mad-Direttiva ta’ Qafas għall-Iskart.
3. Jirrakkomanda li jinstab bilanċ ekwu bejn il-ħtieġa għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u s-7 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, sabiex l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tilħaq l-għanijiet tal-UE 2020 u tevita l-impatt finanzjarju li jirriżulta mill-bidla fil-klima u t-telf ta’ bijodiversità; jenfasizza f’dan il-kuntest l-importanza tal-politika ta’ koeżjoni wara l-2013; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li l-ispejjeż jitqiesu bħala investimenti għall-futur u għal impjiegi ġodda u sabiex jiġu mnedija kampanji ta’ informazzjoni, ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ skambju ta’ prattiki tajba fil-livelli kollha; jenfasizza l-bżonn għal użu aħjar tal-assistenza teknika fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex fejn meħtieġ tiżdied il-kapaċità amministrattiva; iqis neċessarju li l-għanijiet ta’ riċerka u innovazzjoni ikunu jikkorrispondu b'mod effiċjenti mal-ħtiġjiet ta’ żvilupp kemm lokali kif ukoll reġjonali;
4. Iqis meħtieġ li titjieb il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet lokali u r-reġjuni kif ukoll fil-livell transkonfinali (partikolarment b’kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi) billi jinħolqu gruppi ta' azzjoni konġunti, sabiex ikunu evitati aċċidenti tat-tniġġiż kbar u diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem oħra u b’hekk jiġu evitati effetti negattivi fit-tul; jitlob lill-Kummissjoni li tipprevedi leġiżlazzjoni għal industrija kimika ambjentalment sostenibbli;
5. Jenfasizza li l-integrazzjoni ta’ politiki ambjentali għandhom ikunu garantiti b’mod viżibbli u konsistenti fil-politiki settorjali kollha, li hija responsabilità importanti li taqa’ fuq l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali; jenfasizza l-importanza li jkun żgurat l-involviment ta’ awtoritajiet territorjali u rappreżentattivi nazzjonali fil-proċessi ta’ ħolqien u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki, sabiex jinkisbu l-objettivi tal-UE; jenfasizza l-importanza tal-korrelazzjoni bejn fatturi speċifiċi fil-livell lokali u reġjonali u l-istrateġiji meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-politiki;
6. Jenfasizza l-bżonn ta' appoġġ finanzjarju tal-UE f’livell lokali u reġjonali biex jiġu indirizzati l-isfidi u r-riskji ambjentali kumplessi; Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi inkoraġġit l-iżvilupp ta’ proġetti/programmi reġjonali, lokali u transkonfinali li għandhom rabta mill-qrib mal-preservazzjoni tal-bijodiversità fl-oqsma ikkonċernati, u jenfasizza l-importanza li jiġu involuti organizzazzjonijiet mhux governattivi, id-dinja akkademika u s-settur privat fil-proċess tal-preservazzjoni u tar-restawr tal-bijodiversità;
7. Iqis li, sabiex jinkisbu riżultati sinifikanti, għandha tiġi appoġġata aħjar l-implimentazzjoni tal-programm fuq livell reġjonali u lokali u l-proċess għandu jinkludi b’mod aktar wiesa’ l-partijiet kollha interessati; Jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni ta’ reġjuni u territorji b’karatteristiċi ġeografiċi speċifiċi, bħalma hu l-każ tal-gżejjer, ir-reġjuni fil-muntanji jew ir-reġjuni b’popolazzjoni baxxa; jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni biex jissaħħaħ l-użu ta' Valutazzjonijiet tal-Impatt Ambjentali u ta’ Valutazzjonijiet Strateġiċi tal-Impatt Ambjentali fit-teħid ta’ deċiżjonijiet lokali u reġjonali;
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni
28.2.2012
Riżultat tal-votazzjoni finali
+:
–:
0:
38
0
3
Membri preżenti għall-votazzjoni finali
Luís Paulo Alves, Catherine Bearder, Jean-Paul Besset, Victor Boştinaru, John Bufton, Salvatore Caronna, Nikos Chrysogelos, Ryszard Czarnecki, Francesco De Angelis, Tamás Deutsch, Rosa Estaràs Ferragut, Danuta Maria Hübner, Filiz Hakaeva Hyusmenova, María Irigoyen Pérez, Seán Kelly, Mojca Kleva, Constanze Angela Krehl, Petru Constantin Luhan, Riikka Manner, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Ana Miranda, Wojciech Michał Olejniczak, Younous Omarjee, Monika Smolková, Ewald Stadler, Csanád Szegedi, Nuno Teixeira, Lambert van Nistelrooij, Oldřich Vlasák, Hermann Winkler, Joachim Zeller, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali
Vasilica Viorica Dăncilă, Ivars Godmanis, James Nicholson, Elisabeth Schroedter, László Surján, Michael Theurer, Patrice Tirolien, Giommaria Uggias
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni
29.2.2012
Riżultat tal-votazzjoni finali
+:
–:
0:
50
8
1
Membri preżenti għall-votazzjoni finali
János Áder, Elena Oana Antonescu, Pilar Ayuso, Paolo Bartolozzi, Sandrine Bélier, Sergio Berlato, Lajos Bokros, Martin Callanan, Nessa Childers, Yves Cochet, Chris Davies, Esther de Lange, Anne Delvaux, Bas Eickhout, Edite Estrela, Jill Evans, Karl-Heinz Florenz, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Nick Griffin, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Cristina Gutiérrez-Cortines, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Dan Jørgensen, Christa Klaß, Jo Leinen, Peter Liese, Kartika Tamara Liotard, Zofija Mazej Kukovič, Linda McAvan, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Miroslav Ouzký, Vladko Todorov Panayotov, Gilles Pargneaux, Andres Perello Rodriguez, Mario Pirillo, Pavel Poc, Frédérique Ries, Anna Rosbach, Oreste Rossi, Kārlis Šadurskis, Carl Schlyter, Horst Schnellhardt, Richard Seeber, Theodoros Skylakakis, Bogusław Sonik, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Åsa Westlund, Glenis Willmott, Sabine Wils
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali
Gaston Franco, Riikka Manner, Judith A. Merkies, Vittorio Prodi, Kathleen Van Brempt, Andrea Zanoni
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali