ABBOZZ TA’ RAPPORT dwar it-talba għall-ħarsien tal-immunità u l-privileġġi ta' Luigi de Magistris

27.3.2012 - (2011/2064(IMM))

Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Bernhard Rapkay

Proċedura : 2011/2064(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0070/2012
Testi mressqa :
A7-0070/2012
Dibattiti :
Testi adottati :

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-talba għall-ħarsien tal-immunità u l-privileġġi ta' Luigi de Magistris

(2011/2064(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-talbiet ta' Luigi de Magistris tal-15 ta' Marzu u l-1 ta’ April 2011, imħabbra fis-seduta plenarja fl-24 ta' Marzu u s-6 ta’ April 2011, għall-ħarsien tal-immunità tiegħu b’rabta mal-proċediment pendenti quddiem il-Qorti ta' Catanzaro, l-Italja,

–   wara li sema' lil Luigi de Magistris bi qbil mal-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra s-sottomissjonijiet bil-miktub ta' Luigi de Magistris bi qbil mal-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,

–   wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Mejju 1964, tal-10 ta’ Lulju 1986, tal-15 u l-21 ta’ Ottubru 2008, tad-19 ta’ Marzu 2010 u tas-6 ta' Settembru 2011[1],

–   wara li kunsidra l-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Taljana,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 6(3) u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0070/2012),

A. billi Membru tal-Parlament Ewropew, Luigi de Magistris, kien talab il-ħarsien tal-immunità parlamentari tiegħu b’rabta mal-proċedimenti quddiem qorti Taljana;

B.  billi t-talba minn Luigi De Magistris tirrigwarda taħrika li saret kontrih fil-Qorti ta’ Catanzaro f’isem is-Sur Maurizio Mottola di Amato b’rabta ma’ żewġ artikli li Luigi de Magistris ippubblika fuq il-websajt tiegħu fil-bidu tal-2011;

C. billi skont it-taħrika, id-dikjarazzjonijiet li saru f’dawk l-artikli jikkostitwixxu libell, b’mod li jirriżultaw f’talba għal danni u talba għal mandat ta’ inibizzjoni li tirrikjedi t-tneħħija tal-artikli;

D. billi l-artikli ġew ippubblikati fuq il-websajt fi żmien meta Luigi de Magistris kien Membru tal-Parlament Ewropew, wara li ġie elett fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2009;

E.  billi, skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhom ikunu suġġetti għall-ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċedimenti legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom, u billi, skont l-Artikolu 9 ta' dak il-Protokoll, il-Membri għandhom igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-Membri ta' dak il-Parlament;

F.  billi Luigi de Magistris għamel referenza għaż-żewġ Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll, imma billi l-Artikolu 9 mhuwiex relevanti fid-dawl tal-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni Taljana u allura qiegħed ovvjament jiddependi biss fuq l-Artikolu 8;

G. billi, skont il-prattika stabbilita tal-Parlament, il-fatt li l-proċedimenti legali huma ta’ natura ta’ dritt ċivili jew amministrattiv, jew fihom ċerti aspetti li huma koperti mid-dritt ċivili jew amministrattiv, ma jeskludix per se li tapplika l-immunità mogħtija minn dan l-artikolu;

H. billi l-fatti tal-każ, kif jidhru mit-taħrika u mis-sottomissjonijiet bil-miktub ta’ Luigi de Magistris lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, jindikaw li d-dikjarazzjonijiet li saru għandhom konnessjoni diretta u ovvja mat-twettiq tad-dmirijiet ta’ Luigi de Magistris bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

I.   billi Luigi de Magistris, meta ppubblika l-artikli kkonċernati, kien għalhek qiegħed jaġixxi fit-twettiq ta’ dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

1.  Jiddeċiedi li jħares l-immunità u l-privileġġi ta’ Luigi de Magistris;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika Taljana u lil Luigi de Magistris.

  • [1]  Kawża 101/63 Wagner vs Fohrmann u Krier [1964] Ġabra 195, Kawża 149/85 Wybot vs Faure u Oħrajn [1986] Ġabra 2391, Kawża T-345/05 Mote vs il-Parlament [2008] Ġabra II-2849, Kawżi Magħquda C-200/07 u C-201/07 Marra vs De Gregorio u Clemente [2008] Ġabra I-7929, u Kawża T-42/06 Gollnisch vs il-Parlament (għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra) u Kawża C-163/10 Patriciello (għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra).

NOTA SPJEGATTIVA

1.        Sfond

Waqt is-seduta tal-24 ta' Marzu 2011, il-President ħabbar, skont l-Artikolu 6(3) tar-Regoli ta' Proċedura, li fil-15 ta' Marzu 2011 irċieva talba mis-Sur Luigi de Magistris dwar il-ħarsien tal-immunità parlamentari tiegħu b'referenza għall-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea u għall-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Taljana kif emendat mil-Liġi Kostituzzjonali Nru 3 tad-29 ta' Ottubru 1993.

Waqt is-seduta tas-6 ta’ April 2011, il-President ħabbar, skont l-Artikolu 6(3), li fl-1 ta’ April 2011 kien irċieva talba mis-Sur Luigi de Magistris dwar il-ħarsien tal-immunità parlamentari tiegħu b’referenza għal mandat ta’ inibizzjoni mitlub fil-qafas tal-istess kawża.

B'konformità mal-Artikolu 6(3) tar-Regoli ta' Proċedura, il-President irrefera ż-żewġ talbiet lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali. Is-Sur de Magistris instema' mill-Kumitat fis-26 ta 'Jannar 2012 bi qbil mal-Artikolu 7(3).

L-isfond għat-talbiet għal ħarsien huwa kif ġej: Is-Sur De Magistris ġie mħarrek quddiem il-Qorti ta’ Catanzaro mis-Sur Maurizio Mottola di Amato b’rabta ma’ żewġ artikli li Luigi de Magistris kien ippubblika fuq il-websajt tiegħu fil-bidu tal-2011.

Is-Sur Mottola jgħid li Luigi de Magistris ippubblika dokumenti legali relatati mas-Sur Mottola ppreżentati fil-kuntest tal-kawża kriminali “Splendor”. Meta Luigi de Magistris kien jaħdem bħala prosekutur pubbliku fl-Italja, kien għamel investigazzjoni f’din il-kawża, li kienet tinvolvi lill-attur fil-kapaċità tiegħu bħala amministratur tal-kumpanija IMPREMED. F’dawk il-proċedimenti, Luigi de Magistris kien allega li l-kumpanija kienet taħsel it-tvalji tar-ristoranti flimkien mal-bjankerija tal-isptarijiet, b’mod li kienet qed tesponi lill-persuni għal perikli sejri għas-saħħa.

L-attur jisħaq li l-akkużi ta’ Luigi de Magistris ikkawżaw danni serji lilu u lil IMPREMED u għalhekk kien qed iressaq kawża għal danni monetarji u kien qed jitlob mandat ta’ inibizzjoni għat-tneħħija tal-artikli kkonċernati mill-websajt ta’ Luigi de Magistris.

Barra minn hekk l-attur qed jallega li Luigi de Magistris għamel akkużi foloz u libellużi kontrih u kontra martu, li kienet taħdem bħala imħallef fil-Qorti ta’ Catanzaro meta Luigi de Magistris kien prosekutur pubbliku, u li kompliet warajh l-investigazzjoni fil-kawża kriminali “Why not?”, li kienet tikkonċerna allegazzjonijiet ta’ frodi mwettqa kontra l-Unjoni Ewropea, u li kienet tinvolvi approprjazzjoni indebita u nfiq ħażin ta’ fondi.

Min-naħa tiegħu, Luigi de Magistris jgħid li, fir-rwol tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew, iqis li huwa xieraq li ċ-ċittadini jiġu infurmati dwar id-dokumenti ġudizzjarji Taljani (li kienu dokumenti mhux koperti minn dispożizzjonijiet ta’ kunfidenzjalità) biex jiġi enfasizzat l-eżerċizzju mhux normali tal-funzjoni ġudizzjarja fl-Italja, speċjalment fil-qorti ta’ Catanzaro, u li d-dikjarazzjonijiet li saru għalhekk jikkostitwixxu espressjoni tal-attività politika ta’ MEP li għandha titħares mill-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet. Jenfasizza li, fil-kapaċità tiegħu bħala President tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, iħossu b’mod partikolari fid-dmir li jikkritika u janalizza d-deċiżjoni li investigazzjoni dwar l-użu ta’ fondi tal-UE tiġi fdata f’idejn imħallef li r-raġel tagħha kien preċedentament ġie investigat minnu.

Rigward il-mandat ta’ inibizzjoni, Luigi de Magistris jgħid li peress li l-artikli tneħħew mill-websajt tiegħu fit-8 ta’ Marzu 2011 u m’għadux possibbli li jiġu aċċessati, ma jistgħu jikkawżaw l-ebda dannu ulterjuri lis-Sur Mottola.

2.        Il-liġi u l-proċedura dwar l-immunità tal-Membri tal-Parlament Ewropew

L-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll (Nru 7) tat-TFUE dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jgħidu li (enfasi miżjuda):

Artikolu 8

Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhom ikunu soġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.

Artikolu 9

Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Membri tiegħu, għandhom igawdu:

a.  fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

b.  fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta' detenzjoni u minn proċeduri legali.

L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.

L-immunità ma tistax tintalab meta Membru jinqabad fit-twettiq ta' reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jneħħi l-immunità ta’ xi wieħed mill-Membri tiegħu.

L-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni Taljana jgħid hekk:

Artikolu 68 [Indennizz, Immunità]

(1) Il-Membri tal-Parlament m’għandhomx ikunu soġġetti biex iwieġbu għal opinjonijiet espressi jew votazzjonijiet mitfugħa waqt il-qadi tal-funzjonijiet tagħhom.

(2) Mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Kamra li tagħha jkun membru, l-ebda Membru tal-Parlament ma jista' jiġi sottopost għal tfittxija personali jew f'daru, u lanqas ma jista' jiġi arrestat jew, b'xi mod ieħor, ma jista' jiġi mċaħħad mil-libertà personali, jew jinżamm f'detenzjoni, jekk mhux bl-eżekuzzjoni ta' sentenza irrevokabbli ta' kundanna, jiġifieri jekk ikun inqabad fl-att li jikkommetti reat li għalih ikun previst l-arrest obbligatorju in flagrante delicto.

(3) Awtorizzazzjoni simili hija meħtieġa biex il-Membri tal-Parlament jiġu sottoposti għal xi interċettazzjoni, ta' kwalunkwe forma, ta' konversazzjonijiet jew komunikazzjonijiet u ta' sekwestru ta' korrispondenza.

Il-proċedura fi ħdan il-Parlament Ewropew hi rregolata bl-Artikoli 6 u 7 tar-Regoli ta' Proċedura. Id-dispożizzjonijiet rilevanti huma dawn:

Artikolu 6 – Tneħħija tal-immunità

1.  Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam ma' privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu qabel kollox iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom. (...)

3.  Kull talba indirizzata lill-President minn Membru jew ex Membru biex jiddefendi privileġġi u immunitajiet għandha tiġi mħabbra fil-Parlament u rriferuta lill-kumitat responsabbli.

4.  F'każ ta' urġenza, f'ċirkustanzi fejn Membru jiġi arrestat jew fejn tinżamm il-libertà ta' moviment tiegħu bi ksur apparenti tal-privileġġi u l-immunitajiet tiegħu, il-President, wara li jkun ħa l-parir tal-president u tar-rapporteur tal-kumitat responsabbli, jista' jieħu inizjattiva biex jikkonferma l-privileġġi u l-immunitajiet tal-Membru kkonċernat. Il-President għandu jinnotifika lill-kumitat b'dik l-inizjattiva u jgħarraf lill-Parlament.

Artikolu 7 – Proċedura dwar l-immunità

1.  Il-kumitat responsabbli għandu jikkunsidra mingħajr dewmien u skont l-ordni li fih tressqu t-talbiet għat-tneħħija tal-immunità jew it-talbiet għall-ħarsien tal-immunità u tal-privileġġi.

2.  Il-kumitat għandu jagħmel proposta għal deċiżjoni li sempliċement tirrakkomanda l-adozzjoni jew iċ-ċaħda tat-talba għat-tneħħija tal-immunità jew għall-ħarsien tal-immunità u tal-privileġġi.

3.  Il-kumitat jista' jitlob lill-awtorità kkonċernata għal informazzjoni jew spjegazzjoni li l-kumitat iqis li hija meħtieġa sabiex ikun jista' jifforma opinjoni dwar għandhiex l-immunità tiġi mneħħija jew imħarsa. Il-Membru kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jinstema', jista' jippreżenta dokumenti jew evidenza bil-miktub li jħoss li huma meħtieġa. Huwa jista' jkun rappreżentat minn membru ieħor. (...)

6.  F'każi li għandhom x'jaqsmu mal-ħarsien ta' l-immunità jew tal-privileġġi, il-kumitat għandu jiddikjara jekk iċ-ċirkustanzi jkunux jikkostitwixxu xkiel amministrattiv jew xkiel ieħor mqiegħed għall-moviment ħieles tal-Membri li jivvjaġġaw lejn jew mill-postijiet fejn jiltaqa' l-Parlament jew opinjoni espressa jew vot mitfugħ fit-twettiq tal-mandat jew li jaqgħu fi ħdan l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar Privileġġi u Immunitajiet li ma jidħlux fl-ambitu tal-liġi nazzjonali, u għandu jagħmel proposta sabiex l-awtorità konċernata tiġi mistiedna tasal għall-konklużjonijiet meħtieġa.

7.  Il-kumitat jista' jagħti parir motivat dwar il-kompetenza tal-awtorità inkwistjoni u dwar l-ammissibbiltà tat-talba, iżda fl-ebda ċirkustanza m'għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lilu jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jikkunsidra t-talba, jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ. (...)

3.        Ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni proposta

L-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea ġew invokati espliċitament minn Luigi De Magistris fit-talba tiegħu. B'referenza għall-Artikolu 8 tal-Kostituzzjoni Taljana, ikkwotat hawn fuq, l-Artikolu 9 mhuwiex relevanti f'dan il-każ. Luigi de Magistris allura qiegħed ovvjament jiddependi biss fuq l-Artikolu 8.

L-artikli ġew ippubblikati fi żmien meta Luigi de Magistris kien Membru tal-Parlament Ewropew, wara li ġie elett fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2009.

Skont il-prattika stabbilita tal-Parlament, il-fatt li l-proċedimenti legali huma ta’ natura ta’ dritt ċivili jew amministrattiv, jew fihom ċerti aspetti li huma koperti mid-dritt ċivili jew amministrattiv, ma jeskludix per se li tapplika l-immunità mogħtija minn dan l-artikolu,

Kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-portata tal-immunità assoluta li jipprovdi l-Artikolu 8 “għandha tiġi stabbilita sempliċement fuq il-bażi tad-dritt Komunitarju”[1]. Madankollu, il-Qorti reċentement sostniet ukoll li “dikjarazzjoni magħmula minn Membru Parlamentari Ewropew barra mill-Parlament Ewropew li tat lok għal proċeduri kriminali fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħu minħabba r-reat ta’ kalunnja ma tikkostitwixxix opinjoni espressa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari koperta bl-immunità stipulata f’din id-dispożizzjoni ħlief meta din id-dikjarazzjoni hija evalwazzjoni suġġettiva li għandha rabta diretta u ovvja mal-qadi ta’ tali dmirijiet[2]. Il-Qorti tat gwida ulterjuri dwar x'jikkostitwixxi tali konnessjoni billi ddikjarat li kwalunkwe allegazzjoni magħmula minn Membru trid tkun kapaċi "tippreżenta rabta diretta ma' interess ġenerali li jkun ta' tħassib għaċ-ċittadini", u li tali rabta għandha tkun għalhekk ovvja[3] (enfasi miżjuda).

Id-dikjarazzjonijiet magħmula mis-Sur de Magistris f’din il-kawża kienu jorbtu ma’ investigazzjoni dwar l-użu li sar minn fondi tal-UE, u meta għamilhom kien jokkupa l-kariga ta’ President tal-Kumitat dwar il-Kontroll tal-Baġit. Id-dikjarazzjonijiet għaldaqstant kienu direttament u ovvjament marbuta ma’ interess ġenerali ta’ tħassib għaċ-ċittadini u għalhekk kienu jikkostitwixxu opinjoi espressa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari tiegħu.

Fuq dan l-isfond, il-Kumitat iqis li l-fatti tal-każ, kif jidhru mit-taħrika u mis-sottomissjonijiet bil-miktub u l-preżentazzjonijiet orali ta’ Luigi de Magistris lill-Kumitat, jindikaw li d-dikjarazzjonijiet li saru għandhom konnessjoni diretta u ovvja mal-qadi tad-dmirijiet ta’ Luigi de Magistris bħala Membru tal-Parlament Ewropew.

Il-Kumitat, għalhekk, iqis li meta ppubblika l-artikli kkonċernati, Luigi de Magistris kien qiegħed jaġixxi fil-qadi ta’ dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew.

4.        Konklużjoni

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq u skont l-Artikolu 6(3) tar-Regoli ta' Proċedura, wara li kkunsidra r-raġunijiet favur u kontra t-tneħħija tal-immunità tal-Membru, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew għandu jiddefendi l-immunità parlamentari ta' Luigi De Magistris.

  • [1]  Marra, ikkwotat hawn fuq, fil-paragrafu 26.
  • [2]  Patriciello, ikkwotat hawn fuq, dispożittiv tas-sentenza.
  • [3]  Patriciello, ikkwotat hawn fuq, fil-paragrafu 36.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.3.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

12

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Luigi Berlinguer, Sebastian Valentin Bodu, Giuseppe Gargani, Klaus-Heiner Lehne, Antonio Masip Hidalgo, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Alexandra Thein, Rainer Wieland, Cecilia Wikström

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Piotr Borys, Eva Lichtenberger