Proċedura : 2011/2189(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0075/2012

Testi mressqa :

A7-0075/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 29/03/2012 - 7.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0103

RAPPORT     
PDF 177kDOC 101k
28 ta' Marzu 2012
PE 474.021v03-00 A7-0075/2012

dwar it-talba għall-ħarsien tal-immunità u l-privileġġi ta' Luigi de Magistris

(2011/2189(IMM))

Kumitat għall-Affarijiet Legali

Rapporteur: Bernhard Rapkay

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-talba għall-ħarsien tal-immunità u l-privileġġi ta' Luigi de Magistris

(2011/2189(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-talba ta' Luigi de Magistris tal-20 ta' Lulju 2011, imressqa fil-plenarja tat-12 ta' Settembru 2011, għall-ħarsien tal-immunità tiegħu bi rbit ma' proċedimenti legali pendenti quddiem il-Qorti ta' Lamezia, l-Italja,

–   wara li sema' lil Luigi de Magistris bi qbil mal-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra s-sottomissjonijiet bil-miktub ta' Luigi de Magistris bi qbil mal-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,

–   wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Mejju 1964, tal-10 ta’ Lulju 1986, tal-15 u l-21 ta’ Ottubru 2008, tad-19 ta’ Marzu 2010 u tas-6 ta' Settembru 2011(1),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni Taljana,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 6(3) u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0075/2012),

A. billi Membru tal-Parlament Ewropew, Luigi de Magistris, kien talab il-ħarsien tal-immunità parlamentari tiegħu fir-rigward tal-proċedimenti quddiem qorti Taljana;

B.  billi t-talba minn Luigi de Magistris tirrigwarda taħrika ppreżentata kontrih quddiem il-Qorti ta’ Lamezia f’isem is-Sur Antonio Saladino b’rabta ma’ dikjarazzjonijiet magħmula minn Luigi de Magistris f’intervista ppubblikata fil-gazzetta Taljana Il Fatto Quotidiano tad-9 ta’ Marzu 2011;

C. billi skont it-taħrika, id-dikjarazzjonijiet li saru f'dan il-ktieb jikkostitwixxu libell, li jirriżulta f'rikors għal danni;

D. billi d-dikjarazzjonijiet saru u l-intervista ġiet ippubblikata fi żmien meta Luigi de Magistris kien Membru tal-Parlament Ewropew, wara li tela’ fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2009;

E.  billi, skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċedimenti legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom, u billi, skont l-Artikolu 9 ta' dak il-Protokoll, il-Membri għandhom igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-Membri ta' dak il-Parlament;

F.  billi Luigi de Magistris għamel referenza għaż-żewġ Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll, imma billi l-Artikolu 9 mhuwiex relevanti fir-rigward tal-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni Taljana u allura qiegħed ovvjament jiddependi biss fuq l-Artikolu 8;

G. billi, skont il-prattika stabbilita tal-Parlament, il-fatt li l-proċedimenti legali huma ta’ natura ta’ dritt ċivili jew amministrattiv, jew fihom ċerti aspetti li huma koperti mid-dritt ċivili jew amministrattiv, ma jeskludix per se li tapplika l-immunità mogħtija minn dan l-artikolu;

H. billi l-fatti tal-każ, kif jidhru mit-taħrika u mis-sottomissjonijiet bil-miktub ta’ Luigi de Magistris lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, jindikaw li d-dikjarazzjonijiet li saru ma għandhomx konnessjoni diretta u ovvja mat-twettiq tad-dmirijiet ta’ Luigi de Magistris bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

I.   billi Luigi de Magistris, meta ppubblika d-dikjarazzjonijiet inkwistjoni, ma kienx għalhekk qiegħed jaġixxi fit-twettiq ta’ dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

1.  Jiddeċiedi li ma jiddefendix l-immunità u l-privileġġi ta’ Luigi de Magistris;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika Taljana u lil Luigi de Magistris.

(1)

Kawża 101/63 Wagner vs Fohrmann u Krier [1964] Ġabra 195, Kawża 149/85 Wybot vs Faure u Oħrajn [1986] Ġabra 2391, Kawża T-345/05 Mote vs il-Parlament [2008] Ġabra II-2849, Kawżi Magħquda C-200/07 u C-201/07 Marra vs De Gregorio u Clemente [2008] Ġabra I-7929, u Kawża T-42/06 Gollnisch vs il-Parlament (għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra) u Kawża C-163/10 Patriciello (għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra).


NOTA SPJEGATTIVA

1.        Sfond

Waqt is-seduta tat-12 ta' Settembru 2011, il-President ħabbar, skont l-Artikolu 6(3) tar-Regoli ta' Proċedura, li fl-20 ta' Lulju 2011 huwa rċieva talba mis-Sur Luigi de Magistris dwar il-ħarsien tal-immunità parlamentari tiegħu b'referenza għall-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea u għall-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Taljana kif emendat mil-Liġi Kostituzzjonali Nru 3 tad-29 ta' Ottubru 1993. Il-President irrefera t-talba lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali skont l-Artikolu 6(3). Is-Sur de Magistris instema' mill-Kumitat fis-26 ta 'Jannar 2012 bi qbil mal-Artikolu 7(3).

L-isfond għat-talba għal difiża huwa kif ġej: Is-Sur de Magistris ġie mħarrek quddiem il-Qorti ta’ Lamezia mis-Sur Antonio Saladino b’rabta ma’ dikjarazzjonijiet magħmula minnu f’intervista pubblikata fil-gazzetta Il Fatto Quotiodiano fid-9 ta’ Marzu 2011.

Is-Sur Saladino qed jallega li Luigi de Magistris għamel dikjarazzjonijiet f’intervista fis-sens li huwa indaħal illegalment fil-kawża kriminali “Why not?” permezz ta’ sħubija f’netwerk sigriet li ġie stabbilit għal dan il-għan. Meta Luigi de Magistris kien jaħdem bħala prosekutur pubbliku fl-Italja, huwa mexxa investigazzjoni f’dan il-każ, li fih is-Sur Saladino kien il-persuna ewlenija suspettata. Ir-rikorrent qed isostni li l-akkużi ta’ Luigi de Magistris ħolqu dannu serju għalih.

Min-naħa tiegħu, Luigi de Magistris qed jissottometti li d-dikjarazzjonijiet fl-intervista saru bħala parti mill-attività politika tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew u f’konformità mad-dritt tiegħu li jesprimi opinjonijiet personali dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku leġittimu.

2.        Il-liġi u l-proċedura tal-immunità tal-Membri tal-Parlament Ewropew

L-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll (Nru 7) għat-TFUE dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jgħidu dan li ġej (enfasi miżjuda):

Artikolu 8

Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhom ikunu soġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.

Artikolu 9

Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Membri tiegħu, għandhom igawdu:

a.  fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

b.  fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta' detenzjoni u minn proċeduri legali.

L-immunità għandha tapplika bl-istess mod għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.

L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fit-twettiq ta' reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jneħħi l-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu.

L-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni Taljana jgħid hekk:

Artikolu 68 [Indennizz, Immunità]

(1) Il-Membri tal-Parlament m’għandhomx ikunu soġġetti biex iwieġbu għal opinjonijiet espressi jew votazzjonijiet mitfugħa waqt il-qadi tal-funzjonijiet tagħhom.

(2) Mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Kamra li tagħha jkun membru, l-ebda Membru tal-Parlament ma jista' jiġi sottopost għal tfittxija personali jew f'daru, u lanqas ma jista' jiġi arrestat jew, b'xi mod ieħor, ma jista' jiġi mċaħħad mil-libertà personali, jew jinżamm f'detenzjoni, jekk mhux bl-eżekuzzjoni ta' sentenza irrevokabbli ta' kundanna, jiġifieri jekk ikun inqabad fl-att li jikkommetti reat li għalih ikun previst l-arrest obbligatorju in flagrante delicto.

(3) Awtorizzazzjoni simili hija meħtieġa biex il-Membri tal-Parlament jiġu sottoposti għal xi interċettazzjoni, ta' kwalunkwe forma, ta' konversazzjonijiet jew komunikazzjonijiet u ta' sekwestru ta' korrispondenza.

Il-proċedura fi ħdan il-Parlament Ewropew hija regolata mill-Artikoli 6 u 7 tar-Regoli ta' Proċedura. Id-dispożizzjonijiet rilevanti huma dawn:

Artikolu 6 - Tneħħija tal-immunità

1.  Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam ma' privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu qabel kollox iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom. (...)

3.  Kull talba indirizzata lill-President minn Membru jew ex Membru biex jiddefendi privileġġi u immunitajiet għandha tiġi mħabbra fil-Parlament u rriferuta lill-kumitat responsabbli.

4.  F'każ ta' urġenza, f'ċirkustanzi fejn Membru jiġi arrestat jew fejn tinżamm il-libertà ta' moviment tiegħu bi ksur apparenti tal-privileġġi u l-immunitajiet tiegħu, il-President, wara li jkun ħa l-parir tal-president u tar-rapporteur tal-kumitat responsabbli, jista' jieħu inizjattiva biex jikkonferma l-privileġġi u l-immunitajiet tal-Membru kkonċernat. Il-President għandu jinnotifika lill-kumitat b'dik l-inizjattiva u jgħarraf lill-Parlament.

Artikolu 7 - Proċeduri dwar l-immunità

1.  Il-kumitat responsabbli għandu jikkunsidra mingħajr dewmien u skont l-ordni li fih tressqu t-talbiet għat-tneħħija tal-immunità jew it-talbiet għall-ħarsien tal-immunità u tal-privileġġi.

2.  Il-kumitat għandu jagħmel proposta għal deċiżjoni li sempliċement tirrakkomanda l-adozzjoni jew iċ-ċaħda tat-talba għat-tneħħija tal-immunità jew għall-ħarsien tal-immunità u tal-privileġġi.

3.  Il-kumitat jista' jitlob lill-awtorità kkonċernata għal informazzjoni jew spjegazzjoni li l-kumitat iqis li hija meħtieġa sabiex ikun jista' jifforma opinjoni dwar għandhiex l-immunità tiġi mneħħija jew imħarsa. Il-Membru kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jinstema'; jista' jippreżenta dokumenti jew evidenza bil-miktub li dak il-Membru jħoss li huma meħtieġa u jista' jkun rappreżentat minn Membru ieħor. (...)

6.  F'każi li għandhom x'jaqsmu mal-ħarsien ta' l-immunità jew tal-privileġġi, il-kumitat għandu jiddikjara jekk iċ-ċirkustanzi jkunux jikkostitwixxu xkiel amministrattiv jew xkiel ieħor mqiegħed għall-moviment ħieles tal-Membri li jivvjaġġaw lejn jew mill-postijiet fejn jiltaqa' l-Parlament jew opinjoni espressa jew vot mitfugħ fit-twettiq tal-mandat jew li jaqgħu fi ħdan l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar Privileġġi u Immunitajiet li ma jidħlux fl-ambitu tal-liġi nazzjonali, u għandu jagħmel proposta sabiex l-awtorità konċernata tiġi mistiedna tasal għall-konklużjonijiet meħtieġa.

7.  Il-kumitat jista' jagħti parir motivat dwar il-kompetenza tal-awtorità inkwistjoni u dwar l-ammissibiltà tat-talba, iżda fl-ebda ċirkustanza m'għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lilu jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jikkunsidra t-talba, jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ. (...)

3.        Ġustifikazzjoni għall-proposta ta' deċiżjoni

L-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea ġie invokat espliċitament minn Luigi de Magistris fit-talba tiegħu. B'referenza għall-Artikolu 8 tal-Kostituzzjoni Taljana, ikkwotat hawn fuq, l-Artikolu 9 mhuwiex relevanti f'dan il-każ. Luigi de Magistris allura qiegħed ovvjament jiddependi biss fuq l-Artikolu 8.

Id-dikjarazzjonijiet saru u l-intervista ġiet ppubblikata fi żmien meta Luigi de Magistris kien Membru tal-Parlament Ewropew, wara li tela’ fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2009.

Skont il-prattika stabbilita tal-Parlament, il-fatt li l-proċedimenti legali huma ta’ natura ta’ dritt ċivili jew amministrattiv, jew fihom ċerti aspetti li huma koperti mid-dritt ċivili jew amministrattiv, ma jeskludix per se li tapplika l-immunità mogħtija minn dan l-artikolu,

Kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-portata tal-immunità assoluta li jipprovdi l-Artikolu 8 “għandha tiġi stabbilita sempliċement fuq il-bażi tad-dritt Komunitarju”(1). Madankollu, il-Qorti reċentement sostniet ukoll li “dikjarazzjoni magħmula minn Membru Parlamentari Ewropew barra mill-Parlament Ewropew li tat lok għal proċeduri kriminali fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħu minħabba r-reat ta’ kalunja ma tikkostitwixxix opinjoni espressa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari koperta bl-immunità stipulata f’din id-dispożizzjoni ħlief meta din id-dikjarazzjoni hija evalwazzjoni suġġettiva li għandha rabta diretta u ovvja mal-qadi ta’ tali dmirijiet(2). Il-Qorti tat gwida ulterjuri dwar x'jikkostitwixxi tali konnessjoni billi ddikjarat li kwalunkwe allegazzjoni magħmula minn Membru trid tkun kapaċi “tippreżenta rabta diretta ma' interess ġenerali ta' tħassib għaċ-ċittadini”, u li tali rabta għandha tkun għalhekk ovvja(3) (enfasi miżjuda).

Id-dikjarazzjonijiet magħmula minn Luigi de Magistris f'dan il-każ jirrelataw għal allegazzjonijiet ta' mġiba ħażina ta' partijiet terzi f'konnessjoni mal-investigazzjonijiet kriminali li kien qed jagħmel qabel ma sar Membru tal-Parlament Ewropew. Għalhekk id-dikjarazzjonijiet jidhru li ma għandhomx x'jaqsmu mad-dmirijiet ta' Membru tal-Parlament Ewropew u għalhekk bilkemm huma kapaċi jippreżentaw rabta diretta ma' interess ġenerali li jkun ta' tħassib għaċ-ċittadini, u anki jekk tali rabta tista' tiġi ppruvata, ma tkunx ovvja.

Quddiem dan kollu, il-Kumitat iqis li l-fatti tal-każ, kif jidhru mit-taħrika u mis-sottomissjonijiet bil-miktub u l-preżentazzjonijiet orali ta’ Luigi de Magistris lill-Kumitat, jindikaw li d-dikjarazzjonijiet li saru ma għandhomx konnessjoni diretta u ovvja mat-twettiq tad-dmirijiet ta’ Luigi de Magistris bħala Membru tal-Parlament Ewropew.

Il-Kumitat, għalhekk, iqis li meta ppubblika d-dikjarazzjonijiet inkwistjoni, Luigi de Magistris ma kienx qiegħed jaġixxi fit-twettiq ta’ dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew.

4.        Konklużjoni

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq u skont l-Artikolu 6(3) tar-Regoli ta' Proċedura, wara li kkunsidra r-raġunijiet favur u kontra d-difiża tal-immunità tal-Membru, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew ma għandux jiddefendi l-immunità parlamentari ta' Luigi de Magistris.

(1)

Marra, ikkwotat hawn fuq, fil-paragrafu 26.

(2)

Patriciello, ikkwotat hawn fuq, dispożittiv tas-sentenza.

(3)

Patriciello, ikkwotat hawn fuq, fil-paragrafu 36.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.3.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

9

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Luigi Berlinguer, Sebastian Valentin Bodu, Giuseppe Gargani, Klaus-Heiner Lehne, Antonio Masip Hidalgo, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Alexandra Thein, Rainer Wieland, Cecilia Wikström

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Piotr Borys, Eva Lichtenberger

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Marzu 2012Avviż legali