Proċedura : 2011/2315(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0079/2012

Testi mressqa :

A7-0079/2012

Dibattiti :

PV 17/04/2012 - 19
CRE 17/04/2012 - 19

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2012 - 9.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0128

RAPPORT     
PDF 175kDOC 122k
28 ta' Marzu 2012
PE 478.533v02-00 A7-0079/2012

li fih ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar in-negozjati rigward il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Armenja

(2011/2315(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Tomasz Piotr Poręba

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li fih ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar in-negozjati rigward il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Armenja

(2011/2315(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bħalissa bejn l-UE u l-Armenja dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Mejju 2010 dwar l-Armenja li adottaw id-direttivi għan-negozjati,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Armenja u l-Unjoni Ewropea, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1999,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar Sħubija għall-Mobilità bejn l-UE u l-Armenja tas-27 ta' Ottubru 2011,

–   wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) adottat fl-14 ta' Novembru 2006 u l-Komunikazzjoni Konġunta dwar 'Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni' tal-25 ta' Mejju 2011,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta maħruġa mis-Samit tas-Sħubija tal-Lvant organizzat fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill "Affarijiet Barranin" dwar is-Sħubija tal-Lvant tal-25 ta' Ottubru 2010,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta maħruġa mis-Samit tas-Sħubija tal-Lvant organizzat f'Varsavja bejn id-29 u t-30 ta' Settembru 2011,

–   wara li kkunsidra l-Att Kostituttiv tal-Assemblea Parlamentari bejn l-UE u l-Viċinat tal-Lvant (EURONEST) tat-3 ta' Mejju 2011,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill "Affarijiet Barranin" dwar il-Kawkasu tan-Nofsinhar tas-27 ta' Frar 2012,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2008 dwar l-Armenja(1),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010 dwar il-ħtieġa ta' strateġija tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-20 ta' Jannar 2011 dwar strateġija tal-UE għall-Baħar l-Iswed(3), u tas-17 ta' Jannar 2008 dwar approċċ politiku reġjonali għall-Baħar l-Iswed(4),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7 ta' April 2011 dwar ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat – Dimensjoni tal-Lvant(5) u tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat(6),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/518/PESK tal-25 ta' Awwissu 2011 li taħtar lir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Ġeorġja(7),

–   wara li kkunsidra r-Rapport dwar il-Progress tal-Kummissjoni dwar l-Armenja adottat fil-25 ta' Mejju 2011,

–   wara li kkunsidra t-tielet ċiklu tad-Djalogu bejn l-UE u l-Armenja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li sar fis-6 ta' Diċembru 2011,

–   wara li kkunsidra l-amnestija ġenerali adottata mill-Parlament Armen fis-26 ta' Mejju 2011 dwar proposta mill-President Sargsyan,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ffirmata mill-Presidenti tal-Armenja, tal-Azerbajġan u tal-Federazzjoni Russa fit-2 ta' Novembru 2008 f'Moska,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta ffirmata mill-Presidenti tal-Armenja, tal-Azerbajġan u tal-Federazzjoni Russa fit-23 ta' Jannar 2012 f'Sochi,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 90(4) u 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0079/2012),

A. billi s-Sħubija tal-Lvant tistabbilixxi l-qafas politiku għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali permezz ta' Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni ġodda, b'kunsiderazzjoni għas-sitwazzjoni speċifika u l-ambizzjonijiet tal-pajjiż imsieħeb u l-interess strateġiku tal-UE fl-istabilità u l-iżvilupp demokratiku tar-reġjun;

B.  billi l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni jikkostitwixxu l-qafas xieraq biex jiġu approfonditi r-relazzjonijiet, billi jittejbu l-assoċjazzjoni politika, l-integrazzjoni soċjoekonomika u l-approssimazzjoni tal-liġijiet mal-UE, u biex jiġu żviluppati relazzjonijiet kulturali;

C. billi, f'dan ir-rigward, id-dimensjoni multilaterali tas-Sħubija tal-Lvant hija komplementari u inseparabbli minn dik bilaterali u għandha tiżviluppa simultanjament man-negozjati li għaddejjin tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni sabiex titwitta t-triq għall-implimentazzjoni sħiħa tagħhom u tiġi stabbilita l-bażi għal kooperazzjoni reġjonali ġenwina kif stipulat fil-prinċipji sottostanti tal-Politika Ewropea tal-Viċinat;

D. billi l-impenn attiv tal-Armenja għal valuri u prinċipji kondiviżi, inkluż id-demokrazija, l-Istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, huwa essenzjali sabiex il-proċess jimxi 'l quddiem u sabiex in-negozjati u l-implimentazzjoni sussegwenti tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jkunu ta' suċċess;

E.  billi l-awtoritajiet Armeni ddikjaraw ripetutament il-volontà tagħhom li jirrispettaw dawn il-valuri u invokaw l-ambizzjonijiet Ewropej tal-Armenja; billi r-retorika mhux dejjem qablet mar-realtà fir-rigward tal-pass tar-riformi; billi l-parteċipazzjoni attiva tal-Armenja fil-kooperazzjoni parlamentari multilaterali fil-qafas tal-EURONEST, li tkopri l-erba' pjattaformi tematiċi tas-Sħubija tal-Lvant, tikkostitwixxi eżempju tajjeb ta' impenn favur il-valuri u l-prinċipji Ewropej, u l-importanza ta' dan huwa rikonoxxut minn kunsens pubbliku wiesa' fi ħdan is-soċjetà Armena;

F.  billi l-kunflitt irriżolt fin-Nagorno-Karabakh qed jimmina l-istabilità u l-iżvilupp tal-Armenja u tar-reġjun tal-Kawkasu tan-Nofsinhar; billi, fil-Komunikazzjoni Konġunta tagħha dwar 'Risposti ġodda għal viċinat fi trasformazzjoni' l-UE ddikjarat l-ambizzjoni tagħha biex ikollha sehem aktar proattiv fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt fil-Kawkasu tan-Nofsinhar u biex tintensifika l-involviment tagħha kemm billi tappoġġa l-formati ta' negozjati eżistenti kif ukoll billi tipproponi inizjattivi ġodda; billi r-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar jiżvolġi rwol importanti fil-kontribut għal riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt fir-reġjun;

G. billi l-okkupazzjoni ta' territorji li jappartjenu għal pajjiż terz tikkostitwixxi ksur tad-dritt internazzjonali u tmur kontra l-prinċipji fundamentali tal-Politika Ewropea tal-Viċinat li tipperikola l-proġett sħiħ tas-Sħubija tal-Lvant;

H. billi jeżistu rapporti ta' tħassib serju ta' attivitajiet illegali eżerċitati mit-truppi Armeni fit-territorji okkupati tal-Azerbajġan, jiġifieri, il-manuvri militari regolari, it-tiġdid tat-tagħmir u l-persunal militari u t-tisħiħ tad-difiża;

I.   billi l-iżvolġiment xieraq, skont l-istandards internazzjonali u Ewropej, tal-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin, previsti fis-6 ta' Mejju 2012, se tkun ta' importanza kbira għall-iżvilupp fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Armenja, u billi l-elezzjonijiet għandhom isiru skont il-Kodiċi Elettorali l-ġdid tal-Armenja;

J.   billi n-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Armenja qed jimxu 'l quddiem b'pass mgħaġġel u qed jagħtu spinta għal riforma interna;

1.  Jindirizza lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin: dawn għandhom:

(a) jiżguraw li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jkun qafas komprensiv u li jħares 'il quddiem għall-iżvilupp futur tar-relazzjonijiet mal-Armenja, wieħed li jtejjeb l-assoċjazzjoni politika, il-konverġenza ekonomika u l-approssimazzjoni tal-liġijiet;

(b) jiżguraw li n-negozjati dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni UE-Azerbajġan u UE-Armenja, konformement mat-talbiet imressqa fir-rapport tal-Parlament, tal-20 ta' Mejju 2010, dwar il-ħtieġa ta' strateġija UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u mal-prinċipji fundamentali tal-grupp ta' Minsk tal-OSKE, imħabbra fid-Dikjarazzjoni Konġunta "Aquila" tal-10 ta' Lulju 2009, jkunu marbuta ma' impenji kredibbli biex isir progress sostanzjali lejn ir-riżoluzzjoni tal-kunflitt fin-Nagorno-Karabakh, li jinkludi, pereżempju, miżuri intiżi li jsaħħu l-fiduċja bħad-demilitarizzazzjoni ġenerali, l-irtirar tat-tiraturi mil-linja ta' kuntratt, l-irtirar tal-forzi Armeni mit-territorji okkupati fil-viċinanzi tan-Nagorno-Karabakh u r-ritorn tagħhom għall-kontroll Azerbajġani, kif ukoll mekkaniżmu ta' prevenzjoni attiva ta' inċidenti u investigazzjonijiet dwar il-ksur tal-waqfien mill-ġlied tul il-linja ta' kuntatt, id-dritt tal-persuni kollha spostati f'pajjiżhom u tar-rifuġjati li jmorru lura lejn darhom u lejn il-proprjetajiet tagħhom, u garanziji ta' sigurtà internazzjonali li jkunu jinkludu operazzjoni multinazzjonali ta' żamma tal-paċi vera bil-għan li jinħolqu kundizzjonijiet adegwati għall-espressjoni libera futura ġuridikament vinkolanti tar-rieda dwar l-istatut definittiv tan-Nagorno-Karabakh;

(c) jenfasizzaw l-importanza kbira ta' elezzjonijiet demokratiċi, ħielsa u ġusti li jimmanifestaw ruħhom mhux biss fl-iżvolġiment ordnat tal-elezzjonijiet ta' Mejju 2012 fil-ġurnata elettorali, iżda wkoll fl-iżgurar tal-pluralità, il-libertà tad-diskors politiku, il-libertà ta' espressjoni u l-aċċess ugwali għall-forzi politiċi kollha għall-mezzi tax-xandir prinċipali, il-libertà ta' għaqda u ta' moviment matul il-proċess elettorali ta' qabel u ta' wara; jenfasizzaw il-ħtieġa li għandhom ikunu pprovduti r-riżorsi neċessarji lid-Delegazzjoni tal-UE fl-Armenja sabiex itejbu l-kontribut tal-UE għall-kwalità tal-proċessi elettorali; isostnu l-adozzjoni tal-Kodiċi Elettorali l-ġdid tal-Armenja, li huwa konsistenti mal-obbligi u r-rakkomandazzjonijiet internazzjonali;

(d) jenfasizzaw li huwa fundamentali li tiġi konkluża investigazzjoni trasparenti, indipendenti u imparzjali dwar l-inċidenti li seħħu fl-1 ta' Marzu 2008, flimkien ma' investigazzjoni indipendenti fuq l-intervent tal-pulizija waqt it-tifrid tad-dimostrazzjoni;

(e) jirrikonoxxu l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Armenja u jikkunsidrawhom bħala stimolu u katalizzatur neċessarju għall-implimentazzjoni tar-riformi u l-appoġġ pubbliku għal dawn ir-riformi mmirati lejn it-tisħiħ tal-impenn tal-Armenja lejn il-valuri u l-prinċipji kondiviżi tal-Istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-governanza tajba;

(f)  idaħħlu fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni l-klawżoli u punti ta' riferiment dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li jirriflettu l-ogħla standards internazzjonali u Ewropej, billi jieħdu l-akbar valur possibbli mill-oqfsa tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE u mid-djalogu kontinwu bejn l-UE u l-Armenja dwar id-drittijiet tal-bniedem;

(g) jenfasizzaw, fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, l-importanza li tkun garantita t-tgawdija tal-libertajiet fundamentali, inkluża l-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili, l-Istat tad-dritt, il-ġlieda kontinwa kontra l-korruzzjoni billi tiġi żgurata l-kompetittività tas-suq u l-indipendenza tal-midja;

(h) iħeġġu lill-awtoritajiet Armeni jadottaw leġiżlazzjoni antidiskriminatorja li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-orjentament sesswali u l-identità tal-ġeneru fi kwalunkwe qasam;

(i)  jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet Armeni jkomplu bi sforzi mġedda r-riforma leġiżlattiva fil-pajjiż;

(j)  jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet Armeni jkomplu jiżviluppaw il-kariga tad-Difensur tad-Drittijiet tal-Bniedem, partikolarment billi jipprovdulu riżorsi finanzjarji u umani addizzjonali u billi jagħtu appoġġ lill-uffiċċji reġjonali li għadhom kif ġew stabbiliti; jiżguraw li l-appoġġ lill-istituzzjonijiet bħad-Difensur tad-Drittijiet tal-Bniedem huwa proporzjonalment ibbilanċjat mal-appoġġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

(k) jenfasizzaw, partikolarment, l-importanza tal-indipendenza tal-ġudikatura, tal-proċeduri ta' appalt trasparenti, tas-separazzjoni tal-politika min-negozju, u l-ħtieġa li jiżżarmaw l-istrutturi oligarkiċi fi ħdan l-ekonomija, ta' proċedimenti ġudizzjarji affidabbli li jiggarantixxu proċessi ġusti u l-aċċess għall-ġustizzja għaċ-ċittadini kollha, ta' ambjent sigur għall-ġurnaliżmu investigattiv, tal-aċċess għall-informazzjoni u għal midja indipendenti u soċjali u tal-prevenzjoni tal-forom kollha ta' tortura u ta' trattament ħażin fiċ-ċentri ta' detenzjoni; jinkoraġġixxu lill-Gvern Armen jagħmel kull sforz possibbli biex jirrispetta l-prattiki tajbin u r-rakkomandazzjonijiet tal-UE f'dawn l-oqsma;

(l)  jenfasizzaw l-importanza li l-Unjoni Ewropea tagħti lill-prevenzjoni tal-korruzzjoni u lill-ġlieda kontriha fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, speċjalment fid-dawl tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni fi ħdan is-Sħubija tal-Lvant fit-3135 laqgħa tiegħu fit-13 u l-14 ta' Diċembru 2011;

(m) jissottolinjaw ir-relazzjoni bejn ir-riforma tal-awtoritajiet inkarigati mill-infurzar tal-liġi fil-pajjiżi msieħba u l-miżuri għall-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja, il-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

(n) jenfasizzaw il-ħtieġa tal-ġlieda kontra l-impunità tal-uffiċjali inkarigati mill-infurzar tal-liġi u tal-pulizija, billi jiġu garantiti, fost l-affarijiet l-oħra, investigazzjonijiet bir-reqqa dwar it-torturi u l-ksur tad-drittijiet fid-detenzjoni u f'istituzzjonijiet magħluqin;

(o) jiżguraw li s-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi fl-Armenja jkunu regolarment u sistematikament ikkonsultati matul il-proċess ta' negozjati tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, u jiżguraw li r-rakkomandazzjonijiet tagħhom jiġu nnotati u kkunsidrati fejn ikun xieraq;

(p) jiżguraw li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jkun konformi mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari, fir-rigward ta' dawk definiti fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, fl-Att Finali ta' Ħelsinki kif ukoll fil-qafas tal-OSKE, notevolment ir-rinunzja għall-użu tal-forza, l-integrità territorjali u d-dritt għall-awtodeterminazzjoni;

(q) ifakkru lill-partijiet kollha li ma jista' jkun hemm l-ebda alternattiva għar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt tan-Nagorno-Karabakh; jenfasizzaw li kwalunkwe theddida tal-użu tal-forza timmina l-isforzi konġunti tal-komunità internazzjonali;

(r) jistiednu lill-Armenja u lill-Azerbajġan jieħdu miżuri li jsaħħu l-fiduċja tul il-linji fuq il-front, inkluż l-irtirar tat-tiraturi mil-linja ta' kuntatt (skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE), l-irtirar u l-waqfien mill-użu ta' kwalunkwe artillerija, żieda sinifikanti fin-numru tal-osservaturi tal-OSKE bħala miżura provviżorja sakemm tiġi skjerata forza multinazzjonali taż-żamma tal-paċi bil-mandat tan-NU bħala parti mill-implimentazzjoni ta' ftehim tal-paċi; jistiednu lill-Armenja tieqaf tibgħat suldati tal-armata regolari biex iservu fin-Nagorno-Karabakh;

(s) isaħħu l-kapaċità ta' riżoluzzjoni tal-kunflitti u ta' medjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, fost l-affarijiet l-oħra billi jintensifikaw l-appoġġ tagħha għall-isforzi tal-Grupp ta' Minsk, jadottaw rwol aktar attiv u inċiżiv biex jiffavorixxu l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' tisħiħ tal-fiduċja bejn il-partijiet fil-kunflitt, fosthom il-promozzjoni ta' proċess tan-negoziati aktar intens u l-għoti ta' assistenza permezz ta' proġetti b'finanzjament tal-UE intiżi li jżidu l-appoġġ popolari għal konċessjonijiet reċiproċi u għal soluzzjoni paċifika, u l-għoti ta' appoġġ għal programmi umanitarji fiż-żoni milquta minn kunflitti, partikolarment attivitajiet ta' tneħħija tal-mini tal-art;

(t)  ikollhom rwol aktar prominenti fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt fin-Nagorno-Karabakh billi jappoġġaw l-implimentazzjoni ta' miżuri li jsaħħu l-fiduċja li jlaqqgħu lill-komunitajiet Armena u Azerbajġani u jfirrxu l-ideat ta' paċi, rikonċiljazzjoni u fiduċja fost il-partijiet kollha; jenfasizzaw li kemm l-Armenja kif ukoll l-Azerbajġan għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jiżguraw li kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed skont il-format tal-Grupp ta' Minsk lejn il-konsolidament ta' riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt tan-Nagorno-Karabakh titwettaq b'mod sħiħ u fi żmien xieraq; jissottolinjaw il-bżonn ta' aċċess inkundizzjonat tar-rappreżentanti tal-UE għan-Nagorno-Karabakh u għar-reġjuni okkupati tal-madwar;

(u) iqisu li l-preżenza tal-UE fil-Grupp ta' Minsk tal-OSKE biex jiżdied l-involviment tal-UE fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt bejn l-Armenja u l-Azerbajġan;

(v) jipprevedu l-possibbiltà li l-UE tissostitwixxi lil Franza fil-kariga ta' kopresident u twitti t-triq għall-implimentazzjoni ta' miżuri intiżi li jsaħħu l-fiduċja, hekk kif qablu l-Presidenti tal-Azerbajġan u tal-Armenja;

(w) isaħħu l-kapaċità ta' riżoluzzjoni tal-kunflitti tal-Unjoni Ewropea fil-Kawkasu tan-Nofsinhar, fost affarijiet oħra billi jappoġġaw l-isforzi tal-Grupp ta' Minsk u jiftħu t-triq għall-implimentazzjoni ta' miżuri intiżi li jsaħħu l-fiduċja, hekk kif qablu l-Presidenti tal-Azerbajġan u tal-Armenja; jenfasizzaw il-ħtieġa li tinstab l-aktar soluzzjoni paċifika bikrija tal-kunflitt bejn l-Armenja u l-Azerbajġan fuq il-bażi tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali u tad-deċiżjonijiet u tad-dokumenti approvati f'dan il-qafas;

(x) jistiednu lill-atturi esterni għall-kunflitt juru rieda tajba u jikkontribwixxu b'mod pożittiv għar-riżoluzzjoni rapida u paċifika tiegħu;

(y) iħeġġu lill-awtoritajiet Armeni jimmoderaw it-ton tad-dikjarazzjonijiet tagħhom u jżommu lura minn dikjarazzjonijiet xewwiexa sabiex iwittu t-triq għal djalogu ġenwin fil-livelli kollha tas-soċjetà u jħejju l-pedament għal miżuri effikaċi li jsaħħu l-fiduċja;

(z) jinnotaw f'dan il-kuntest il-ħtieġa li ssir investigazzjoni dwar rapporti preokkupanti fir-rigward ta' politika ta' bini ta' insedjamenti implimentata mill-awtoritajiet Armeni bil-għan li tiżdied il-popolazzjoni Armena fit-territorji okkupati tan-Nagorno-Karabakh;

(aa)jisħqu fuq l-importanza li jiġu ratifikati l-protokolli ffirmati fl-2009 bejn l-Armenja u t-Turkija f'Zurich u jiġu intensifikati l-isforzi biex jiffaċilitaw in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet, bil-ftuħ konsegwenti mingħajr prekundizzjonijiet tal-fruntieri; jilqgħu favorevolment id-deċiżjoni li jinfetħu n-negozjati dwar iż-żona ta' kummerċ ħieles approfondita u komprensiva (DCFTA) u f'tali kuntest jenfasizzaw li huwa inaċċettabbli li l-konfini bejn żewġ pajjiżi li jaspiraw għall-adeżjoni u għall-assoċjazzjoni mal-UE jinżammu kostantement magħluqin u jħeġġu li din is-sitwazzjoni tieqaf;

(ab)iħeġġu lill-Armenja tagħmel sforzi sabiex tallinja l-politika tagħha fir-rigward tal-Iran mal-approċċ tal-UE lejn dan il-pajjiż;

(ac)jenfasizzaw il-bżonn li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jintuża bħala pjattaforma għall-promozzjoni ta' sinerġiji u kooperazzjoni reġjonali; jenfasizzaw il-konnessjonijiet ta' rinfurzar reċiproku bejn l-iżvilupp demokratiku pluralistiku u r-riżoluzzjoni tal-kunflitt; jenfasizzaw partikolarment l-importanza ta' ħolqien ta' sinerġiji fl-oqsma tat-trasport u tal-enerġija; jistiednu lill-partijiet kollha jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ fid-direzzjoni tal-kooperazzjoni multilaterali tas-Sħubija tal-Lvant mingħajr ma jorbtuha mal-kunflitti;

(ad)isibu modi sabiex jinkoraġġixxu d-djalogu u l-kooperazzjoni reġjonali bl-appoġġ tal-organizzazzjonijiet bħaċ-Ċentru Ambjentali Reġjonali (REC) permezz ta' proġetti transkonfinali konġunti li jinvolvu l-NGOs, il-komunitajiet lokali u l-partijiet interessati tal-Armenja, l-Azerbajġan u l-Ġeorġja;

(ae)iħeġġu lill-Armenja tirratifika mingħajr aktar dewmien l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali bħala pass fundamentali biex il-leġiżlazzjoni nazzjonali tinġieb f'konformità mal-ftehimiet ġuridiċi internazzjonali li ġew aċċettati mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea;

(af)iħeġġu lill-awtoritajiet Armeni jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni fuq il-projbizzjoni tal-użu, il-kumulazzjoni, il-produzzjoni u t-trasferiment ta' mini kontra l-persunal u fuq id-distruzzjoni tagħhom u l-Konvenzjoni dwar Munizzjon tat-Tip 'Cluster';

(ag)jenfasizzaw l-importanza tal-mobilità fil-promozzjoni tal-integrazzjoni Ewropea; jittrattaw il-mobilità taż-żgħażagħ u tal-istudenti bħala prijorità matul in-negozjati dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viżi u ftehimiet ta' riammissjoni; jistiednu lill-Armenja ttejjeb il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha fil-qasam tal-edukazzjoni għolja b'enfasi speċjali fuq proċeduri ta' sinkronizzazzjoni għal-lawriji xjentifiċi u regolamentazzjoni ġuridika tal-apprendistat għall-istudenti abbażi tal-proċess ta' Bolonja; jiżguraw li d-dispożizzjonijiet dwar l-asil ikunu konformi għalkollox mal-obbligi u l-impenji internazzjonali u mal-istandards tal-UE;

(ah)jiżguraw il-ġestjoni trasparenti tal-finanzi pubbliċi u t-titjib tal-leġiżlazzjoni tal-akkwist pubbliku, bil-għan li jiġu żgurati l-governanza tajba u proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet trasparenti;

(ai)jinkoraġġixxu kooperazzjoni settorjali wiesgħa bejn l-UE u l-Armenja; partikolarment, jispjegaw il-benefiċċji tagħha, jippromwovu l-konverġenza regolatorja f'dan il-qasam u jagħtu l-assistenza finanzjarja u teknika neċessarja;

(aj)jilqgħu favorevolment l-inkorporazzjoni tal-prattiki tajba u tar-rakkomandazzjonijiet tal-UE fl-Armenja matul il-preparazzjoni tal-pjanijiet ta' xogħol nazzjonali fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà; josservaw, partikolarment, ir-riżultati tanġibbli miksuba fis-settur tal-migrazzjoni bl-iffirmar tad-dikjarazzjoniji konġunta dwar Sħubija għall-Mobilità;

(ak)jieħdu l-azzjoni neċessarja biex jinkorporaw fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni d-dispożizzjonijiet li jippermettu lill-Armenja tipparteċipa fi programmi u f'aġenziji tal-Komunità, bħala strument fundamentali għall-promozzjoni tal-integrazzjoni Ewropea fil-livelli kollha;

(al)jenfasizzaw il-bżonn ta' ekonomija sostenibbli, fost l-oħrajn bis-saħħa tal-promozzjoni ta' sorsi rinnovabbli ta' enerġija u l-effiċjenza enerġetika b'mod konformi mal-objettivi tal-UE fil-qasam tat-tibdil fil-klima; jiżguraw li l-iżvilupp tas-settur enerġetiku jitwettaq skont l-istandards ambjentali tal-UE u fir-rispett tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali f'kuntest transkonfinali (Konvenzjoni ESPOO);

(am)itennu t-talba għall-għeluq tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Medzamor qabel l-2016 minħabba li ma jistax jiġi modernizzat biex ikun konformi mal-istandards rikonoxxuti fuq livell internazzjonali fis-seħħ bħalissa li hemm qbil dwarhom;

(an)ikomplu jagħtu l-assistenza teknika neċessarja biex jippermettu t-tnedija rapida tan-negozjati dwar l-aspetti kollha tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u jiggarantixxu li n-negozjati mibdija ftit ilu dwar iż-żona ta' kummerċ ħieles approfondita u komprensiva jkomplu b'ritmu mgħaġġel;

(ao)jinkorporaw fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni dimensjoni parlamentari b'saħħitha li tipprovdi għall-involviment sħiħ tal-Assemblea Nazzjonali tal-Armenja u tal-Parlament Ewropew fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Ftehim; jagħtu assistenza kemm teknika kif ukoll finanzjarja lill-parlament tal-Armenja biex jaqdi bis-sħiħ il-funzjonijiet kostituzzjonali tiegħu, il-korpi u s-servizzi tiegħu, inkluż it-twaqqif ta' kumitati permanenti kkwalifikati u interazzjoni akbar mas-soċjetà ċivili; jittrażmettu regolarment lill-Parlament Ewropew informazzjoni dwar l-istat ta' avvanzament tal-proċess tan-negozjati;

(ap)jinkludu punti ta' riferiment ċari għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u jipprevedu mekkaniżmi ta' monitoraġġ, inkluż il-preżentazzjoni ta' rapporti regolari lill-Parlament Ewropew;

(aq)jagħtu lill-Armenja assistenza finanzjarja u teknika aktar immirata sabiex ikun żgurat li hija tista' tilqa' l-impenji li jirriżultaw min-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu, billi jkomplu jiġu offruti Programmi Komprensivi għat-Tisħiħ tal-Istituzzjonijiet, inkluż f'dawk l-oqsma bħalma huma s-servizz ċivili u r-riforma tal-ġustizzja;

(ar)jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet Armeni jagħmlu użu totali mill-għarfien espert tal-Grupp Konsultattiv ta' Livell Għoli tal-UE fil-proċess tan-negozjati u ta' implimentazzjoni, u biex il-konsulenti tal-UE jinżammu totalment informati wkoll dwar l-attivitajiet tal-grupp għall-inizjattiva emblematika għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri tas-Sħubija tal-Lvant; jikkunsidraw li jagħtu tali assistenza lill-Imsieħba kollha tal-Lvant;

(as)jirrikonoxxu l-aġenda ta' riforma ambizzjuża tal-Armenja fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant u jagħtu assistenza adegwata skont il-prinċipju 'aktar għal min jagħmel aktar' skont l-andament tar-riformi u mkejla b'paragun mal-indikaturi tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem;

(at)iżidu, b'konformità mal-Komunikazzjoni Konġunta dwar 'Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni', l-assistenza tal-UE għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Armenja, sabiex dawn ikunu jistgħu jwettqu monitoraġġ intern tar-riformi u l-impenji tagħha, u biex jiżguraw li l-gvern jinżamm aktar responsabbli għal dawn;

(au)jinkoraġġixxu lit-tim tan-negozjati tal-UE jkompli l-kooperazzjoni tajba mal-Parlament Ewropew, billi jagħti feedback kontinwu u dokumentat dwar il-progress li sar, skont l-Artikolu 218(10) tat-TFUE, li jistabbilixxi li l-Parlament għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura;

2.  Jagħti istruzzjoniijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni li fiha r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Armenja.

(1)

ĠU C 66E, 20.3.2009, p. 67.

(2)

ĠU C 161E, 31.5.2011, p. 136.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2011)0025.

(4)

ĠU C 41E, 19.2.2009, p. 64.

(5)

Testi adottati, P7_TA(2011)0153.

(6)

Testi adottati, P7_TA(2011)0576.

(7)

ĠU L 221, 27.8.2011, p. 5.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

22.3.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

56

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pino Arlacchi, Frieda Brepoels, Tarja Cronberg, Mário David, Michael Gahler, Ana Gomes, Andrzej Grzyb, Richard Howitt, Anna Ibrisagic, Liisa Jaakonsaari, Anneli Jäätteenmäki, Ioannis Kasoulides, Tunne Kelam, Nicole Kiil-Nielsen, Evgeni Kirilov, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Vytautas Landsbergis, Krzysztof Lisek, Mario Mauro, Kyriakos Mavronikolas, Francisco José Millán Mon, María Muñiz De Urquiza, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Norica Nicolai, Raimon Obiols, Ria Oomen-Ruijten, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Bernd Posselt, Fiorello Provera, Libor Rouček, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Nikolaos Salavrakos, Jacek Saryusz-Wolski, György Schöpflin, Werner Schulz, Marek Siwiec, Charles Tannock, Inese Vaidere, Boris Zala

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Nikolaos Chountis, Corina Creţu, Andrew Duff, Knut Fleckenstein, Kinga Gál, Elisabeth Jeggle, Emilio Menéndez del Valle, Nadezhda Neynsky, Marietje Schaake, Alf Svensson, Traian Ungureanu, Ivo Vajgl, Janusz Władysław Zemke

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Marije Cornelissen, Leonidas Donskis, Jörg Leichtfried

Aġġornata l-aħħar: 10 t'April 2012Avviż legali