Proċedura : 2012/2025(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0274/2012

Testi mressqa :

A7-0274/2012

Dibattiti :

PV 21/11/2012 - 11
CRE 21/11/2012 - 11

Votazzjonijiet :

PV 22/11/2012 - 13.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0453

RAPPORT     
PDF 232kWORD 158k
3 t'Ottubru 2012
PE 486.099v02-00 A7-0274/2012

dwar it-tkabbir: politiki, kriterji u interessi strateġiċi tal-UE

(2012/2025(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Maria Eleni Koppa

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-tkabbir: politiki, kriterji u interessi strateġiċi tal-UE

(2012/2025(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Trattat tal-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 2, 21 u 49 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II) (COM(2011)0838/4),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen tal-21 sat-22 ta' Ġunju 1993, tal-Kunsill Ewropew ta' Madrid tal-15 sas-16 ta' Diċembru 1995, tal-Kunsill Ewropew ta' Salonka tad-19 sal-20 ta' Ġunju 2003 u tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tal-14 sal-15 ta' Diċembru 2006,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2011 dwar it-Tkabbir u l-Istabilizzazzjoni u l-Proċess ta' Assoċjazzjoni,

–   wara li kkunsidra l-kunsens imġedded dwar it-tkabbir, adottat mill-Kunsill fl-2006 u l-istrateġija kkonsolidata tat-tkabbir implimentata mill-Kummissjoni minn hemm 'il quddiem,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2008 bit-titolu 'Ħames snin ta' UE mkabbra – Kisbiet u sfidi ekonomiċi' (COM(2009)0079/3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2006 dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2006-2007, tal-10 ta' Lulju 2008 dwar id-dokument ta' strateġija tal-Kummissjoni 2007 dwar it-tkabbir, u tas-26 ta' Novembru 2009 dwar id-dokument ta' strateġija tal-Kummissjoni 2009 dwar it-tkabbir li jikkonċerna l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, l-Islanda u t-Turkija, kif ukoll il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tat-Tkabbir tal-2009-2010, tal-2010-2011 u tal-2011-2012,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, l-Islanda u t-Turkija,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0274/2012),

A. billi, skont l-Artikolu 49 tat-TUE, kull Stat Ewropew li jirrispetta u jibqa' impenjat lejn il-promozzjoni tal-valuri tad-dinjità umana, tal-libertà, tad-demokrazija, tal-ugwaljanza, tal-Istat tad-dritt u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi, jista' japplika biex isir membru tal-Unjoni; billi tali valuri huma l-pedament tal-Unjoni Ewropea stess u jiggwidaw l-azzjoni tagħha fix-xena internazzjonali, u jridu jkunu rispettati u difiżi mill-Istati Membri kollha;

B.  billi t-tkabbir ilu parti mill-aġenda tal-UE sa mis-sittinijiet; billi mill-ewwel tkabbir fl-1973, l-UE kibret b'mod gradwali u n-numru ta' Stati ġodda kiber minn sitt membri fundaturi għas-27 attwali (dalwaqt 28); billi numru ta' pajjiżi oħra jaspiraw li jsiru membri tal-UE, bħala garanzija għal futur sigur, demokratiku u prosperu;

C. billi l-politika ta' integrazzjoni matul dan l-aħħar deċennju wriet li t-tkabbir huwa ta' benefiċċju għall-UE b'mod ġenerali u jippermettilha li tkun f'pożizzjoni aħjar sabiex tindirizza l-isfidi globali;

D. billi t-tkabbir kien proċess li rnexxa għall-UE u għall-Ewropa kollha kemm hi, billi għen biex tingħeleb id-diviżjoni tal-gwerra bierda, ikkontribwixxa għall-paċi, l-istabilità u l-prosperità mal-Ewropa kollha, tejjeb il-prevenzjoni tal-kunflitti, stimola r-riformi u kkonsolida l-libertà, id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali u l-Istat tad-dritt, kif ukoll l-ekonomiji tas-suq u t-tkabbir sostenibbli mil-lat soċjali u ekoloġiku;

E.  billi kważi 20 sena wara l-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen tal-1993, li afferma l-prospetti ta' adeżjoni tal-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u stabbilixxa l-kriterji ta' adeżjoni, wasal il-mument biex issir rivalutazzjoni tal-proċeduri relatati stabbiliti u tal-politika tat-tkabbir b'mod ġenerali, mingħajr preġudizzju għan-negozjati li għaddejjin bħalissa;

F.  billi l-kriterji ta' Kopenħagen għaddew il-prova taż-żmien u għadhom fil-qalba tal-politika tat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea; billi l-istrateġija ta' tkabbir konsolidata u l-attenzjoni l-ġdida fuq il-ġustizzja u l-affarijiet interni, l-Istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali mistennija jkunu effikaċi u effiċjenti;

G. billi l-Parlament Ewropew, permezz tar-riżoluzzjonijiet annwali tiegħu rigward il-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, jikkontribwixxi biex jitjiebu t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont tal-proċess ta' tkabbir billi jtenni l-opinjonijiet taċ-ċittadini Ewropej; billi, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, ir-rwol tal-Parlament żdied bis-saħħa tar-rikonoxximent tal-setgħa koleġiżlattiva, fost affarijiet oħra fir-rigward tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA);

H. billi l-prospett ta' adeżjoni għandu impatt b'mod sinifikanti f'termini ta' trasformazzjoni tal-panorama politiku, soċjoekonomiku u kulturali tal-pajjiżi li jixtiequ jsiru membri u huwa inċentiv qawwi biex jiġu segwiti r-riformi politiċi, ekonomiċi u leġiżlattivi neċessarji u t-tisħiħ tal-paċi, tal-istabilità, tar-rikonċiljazzjoni u tar-relazzjonijiet ta' bon viċinat; billi bis-saħħa ta' dan il-poter ta' trasformazzjoni, it-tkabbir jikkostitwixxi l-essenza tas-"soft power" tal-UE u element importanti tal-azzjoni esterna tagħha;

I.   billi fil-qalba tal-proċess ta' adeżjoni tpoġġew dawn il-punti: impenn, kundizzjonalità u kredibilità;

J.   billi hija ta' importanza enormi li l-Istati Membri jkomplu jirrispettaw u jiddefendu bis-sħiħ il-kriterji ta' adeżjoni u d-drittijiet fundamentali, bil-għan li tissaħħaħ il-kredibilità u l-koerenza tal-proċess ta' tkabbir u jiġi evitat kull tip ta' diskriminazzjoni fil-konfront tal-membri potenzjali ġodda;

K. billi impenn favur ir-riformi politiċi, ekonomiċi u leġiżlattivi huwa l-ewwel u qabel kollox fl-aħjar interessi tal-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali u taċ-ċittadini tagħhom;

L.  billi kull pajjiż li jaspira għall-adeżjoni mal-UE għandu jkun iġġudikat abbażi tal-merti proprji tiegħu fit-twettiq, l-implimentazzjoni u r-rispett tal-istess kriterji; billi r-ritmu tal-progress fil-proċess ta' adeżjoni għandu jkunu ddeterminat mill-grad ta' implimentazzjoni effettiva u rispett tal-kriterji ta' adeżjoni mal-UE, kif ukoll mit-twettiq tal-prijoritajiet tas-Sħubija Ewropea u tas-Sħubija għall-Adeżjoni u tal-qafas tan-negozjati; billi l-livell ta' konformità mar-rekwiżiti ta' adeżjoni għandu jkun ivvalutat bl-aktar mod ġust u trasparenti possibbli;

M. billi l-proċess ta' tkabbir għandu impatt sinifikanti anki fuq l-UE nnifisha, inkwantu joffrilha l-opportunità li tiddefinixxi aħjar l-identità tagħha kif ukoll l-objettivi, il-valuri u l-politiki tagħha u jirrappreżenta wkoll il-mument adatt biex dawn jiġu kkomunikati aħjar liċ-ċittadini tagħha;

N. billi, b'mod konformi mal-kunsens imġedded dwar it-tkabbir tal-2006, dan il-proċess għandu jkun ibbażat fuq il-konsolidament, il-kundizzjonalità u l-komunikazzjoni, flimkien mal-kapaċità tal-UE li tintegra membri ġodda; billi din il-kapaċità ta' integrazzjoni tal-UE tirrappreżenta aspett ta' importanza fundamentali u prerekwiżit għas-sostenibilità tal-politika tat-tkabbir u tal-proċess ta' integrazzjoni fit-totalità tiegħu; billi tali importanza kkostitwiet inċentiv pożittiv għall-approfondiment istituzzjonali, kif juru r-reviżjonijiet konsekuttivi tat-trattati li akkumpanjaw id-diversi fażijiet tat-tkabbir, li wessgħu l-funzjonijiet u l-attivitajiet tal-Unjoni;

O. billi rikonċiljazzjoni awtentika bejn id-diversi nazzjonijiet u fost il-popli, ir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti u l-istabbiliment ta' relazzjonijiet ta' bon viċinat bejn il-pajjiżi Ewropej huma essenzjali għall-paċi u l-istabilità sostenibbli u jistgħu jikkontribwixxu sostanzjalment għal proċess reali ta' integrazzjoni Ewropea, billi huma għaldaqstant ta' importanza fundamentali għall-proċess ta' tkabbir; billi għad hemm kwistjonijiet mhux riżolti bejn għadd ta' kandidati u kandidati potenzjali u l-pajjiżi ġirien tagħhom u għalhekk il-partijiet milquta kollha għandhom jaħdmu apertament għar-riżoluzzjoni tat-tensjonijiet bilaterali; billi tali kwistjonijiet għandhom jiġu riżolti qabel l-adeżjoni;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Isostni enerġikament il-proċess ta' tkabbir u jemmen li t-tkabbir jeħtieġ li jibqa' politika kredibbli, sostnuta miċ-ċittadini kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali; jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza għall-UE u għall-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali li jottemperaw għall-obbligi kollha, jirrispettaw l-impenji kollha u joħolqu l-kundizzjonijiet biex jiġi żgurat is-suċċess ta' kull tkabbir ġejjieni, fost affarijiet oħra billi tingħata assistenza lill-pajjiżi kkonċernati f'dawk li huma l-isforzi tagħhom biex jissodisfaw il-kriterji ta' adeżjoni tal-UE;

2.  Jirrikonoxxi l-benefiċċji tal-proċess ta' tkabbir u ta' adeżjoni, kemm għaċ-ċittadini tal-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali kif ukoll għaċ-ċittadini Ewropej;

3.  Iqis li l-kriterji ta' Kopenħagen għadhom jikkostitwixxu bażi fundamentali u għandhom jibqgħu fil-qalba tal-politika ta' tkabbir; jenfasizza li r-rispett totali u rigoruż ta' tali kriterji huwa imperattiv, li għandha tingħata l-attenzjoni dovuta lill-implikazzjonijiet soċjali għall-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, u li l-kapaċità ta' integrazzjoni tal-Unjoni trid titqies bis-sħiħ;

4.  Iqis li l-kunċett tal-kapaċità ta' integrazzjoni jinkludi erba' elementi:

(i)    l-Istati fil-fażi tal-adeżjoni għandhom jiffavorixxu u ma jfixklux il-kapaċità tal-Unjoni li żżomm l-ispinta lejn it-twettiq tal-objettivi politiċi tagħha;

(ii)   il-qafas istituzzjonali tal-Unjoni għandu jkun kapaċi li jiggarantixxi gvern effiċjenti u effikaċi;

(iii)   ir-riżorsi finanzjarji tal-Unjoni għandhom ikunu suffiċjenti sabiex jilqgħu l-isfidi tal-koeżjoni ekonomika u soċjali u tal-politiki komuni tal-Unjoni;

(iv)  strateġija komprensiva ta' komunikazzjoni għandha tkun fis-seħħ biex tinforma lill-opinjoni pubblika dwar l-implikazzjonijiet tat-tkabbir;

5.  Jisħaq fuq il-fatt, iżda, li l-Unjoni hija responsabbli mit-titjib tal-kapaċità ta' integrazzjoni tagħha fil-proċess ta' eżami tal-aspirazzjonijiet leġittimi Ewropej tal-pajjiżi kandidati, kandidati potenzjali jew applikanti potenzjali;

6.  Josserva li l-UE għadha attraenti, anke minħabba t-taħlita unika tagħha ta' dinamiżmu ekonomiku ma' mudell soċjali, u jiddispjaċih li din id-dimensjoni soċjali kienet traskurata ħafna fil-proċess ta' tkabbir; jistieden lill-Kummissjoni tittratta din il-kwistjoni, b'mod speċjali fil-qafas tal-Kapitolu 19 (politika soċjali u tkabbir), biex titrawwem trasformazzjoni soċjali pożittiva fl-Istati Membri futuri tal-UE u biex tingħata l-attenzjoni dovuta lill-ġustizzja soċjali;

7.  ifakkar li l-acquis fil-qasam soċjali jinkludi standards minimi f'oqsma bħad-dritt dwar ix-xogħol, it-trattament indaqs tan-nisa u l-irġiel, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u l-antidiskriminazzjoni, u li t-trattati tal-UE jikkonfermaw l-impenn għall-Karta Soċjali Ewropea tal-1961 u l-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema tal-1989, waqt li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tinkludi wkoll numru ta' drittijiet soċjali fundamentali; jenfasizza li n-nuqqas ta' rispett tal-istandards soċjali bażiċi komuni tal-UE jikkostitwixxi forma ta' dumping soċjali li jagħmel ħsara lill-impriżi u lill-ħaddiema Ewropej u jkun jimpedixxi fil-fatt lil Stat kandidat milli jipparteċipa fis-suq uniku; jindika li l-imsieħba soċjali, u b'mod partikolari t-trade unions, jeħtieġu assistenza mmirata min-naħa tal-UE sabiex isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom;

8.  Huwa tal-opinjoni li l-ġabra ta' kriterji ta' adeżjoni għandu jiġi tradott b'mod adegwat f'objettivi ċari, speċifiċi u li jistgħu jitkejlu fl-IPA, sabiex tintwera b'mod ċar ir-rabta bejn il-politiki ffinanzjati mill-UE fil-pajjiżi interessati fit-tkabbir u l-progress milħuq biex jiġu sodisfatti l-kriterji ġenerali ta' adeżjoni;

9.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-ekonomiji tal-pajjiżi f'fażi ta' adeżjoni jiżviluppaw fl-istess direzzjoni bħal dawk tal-Istati Membri tal-UE sabiex jiġi ffaċilitat l-allinjament; iħeġġeġ, għalhekk, lill-pajjiżi f'fażi ta' adeżjoni jifformulaw objettivi fattibbli u speċifiċi għall-pajjiż għal kull wieħed mill-objettivi ewlenin ta' UE 2020 għal ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva;

10. Jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza tal-kritrji ta' Madrid (kif definiti mill-Kunsill Ewropew ta' Madrid ta' Diċembru 1995) li enfasizzaw il-kapaċità tal-pajjiżi kandidati li japplikaw ir-regoli u l-proċeduri tal-UE; huwa wkoll tal-fehma li l-prinċipju tal-kundizzjonalità rigoruża teħtieġ li l-progress ta' pajjiż kandidat u/jew kandidat potenzjali fl-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi jkun ivvalutat b'mod effikaċi abbażi ta' ġabra ċara ta' kriterji f'kull fażi tal-proċess, u li l-pajjiżi li jixtiequ jsiru membri tal-UE għandhom jgħaddu minn fażi għall-oħra biss meta l-kundizzjonijiet kollha jkunu ġew sodisfatti f'kull fażi; jenfasizza li, sabiex jissaħħu l-kredibilità u l-effikaċja tal-istrateġija tat-tkabbir, il-kriterji ta' Kopenħagen iridu jiġu rrispettati bis-sħiħ u l-Istati Membri jridu jikkonformaw magħhom ukoll, sabiex jiġi evitat li l-pajjiżi applikanti jinħtieġu jilħqu standards ogħla meta mqabbla ma' dawk applikati f'xi Stati Membri tal-UE; jenfasizza l-importanza li jiġu definiti b'mod aktar ċar id-diversi fażijiet, jiġu ffissati parametri ta' riferiment trasparenti u ġusti tul il-proċess li jittraduċu l-kriterji ġenerali ta' adeżjoni f'passi konkreti lejn l-adeżjoni, u jitkejjel jekk ir-rekwiżiti neċessarji ġewx sodisfatti, kif ukoll jiġi evitat l-iffissar jew il-wegħda ta' data ta' adeżjoni jekk in-negozjati jkunu għadhom ma ġewx finalizzati; jisħqu fuq il-fatt li parametru ta' riferiment, ladarba jintlaħaq, għandu jinżamm u li r-regressjoni għandha tipproduċi reazzjoni xierqa min-naħa ta' dawk li jistabbilixxu l-parametri ta' riferiment;

11. Jenfasizza li l-objettiv tal-proċess ta' adeżjoni huwa l-adeżjoni sħiħa mal-UE;

12. Jistieden lill-Kummissjoni żżomm u tintensifika ulterjorment il-monitoraġġ tagħha tal-progress fil-proċess ta' adeżjoni, kif anki l-assistenza tagħha lill-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, sabiex ikun żgurat li jiksbu livell għoli ta' tħejjija li jkun ta' benefiċċju kemm għalihom kif ukoll għall-UE;

13. Jemmen li, sabiex tinżamm il-kredibilità tal-proċess ta' tkabbir, il-kapaċità ta' integrazzjoni tal-UE għandha tkun evalwata f'fażi bikrija u għandha tkun riflessa b'mod adegwat fl-"opinjoni" tal-Kummissjoni għal kull stat potenzjalment kandidat, billi jkun delinjat it-tħassib ewlieni f'dan ir-rigward u l-modi kif jista' jingħeleb; huwa tal-fehma li wara għandha ssir valutazzjoni tal-impatt komprensiva; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li proċess ta' tkabbir li jirnexxi jeħtieġ li l-UE żżomm l-kapaċità li taġixxi, tiżviluppa u tiddeċiedi b'mod demokratiku u effiċjenti, ikollha r-riżorsi finanzjarji biex tappoġġa l-koeżjoni ekonomika u soċjali, kif ukoll issegwi l-objettivi politiċi tagħha;

Politiki dwar it-tkabbir

14. Jilqa' l-approċċ il-ġdid għan-negozjati għall-oqfsa ta' negozjati tal-ġejjieni, li jagħti prijorità lill-kwistjonijiet relatati mas-sistema ġudizzjarja u mad-drittijiet fundamentali, kif ukoll mal-ġustizzja u mal-affarijiet interni; jaqbel li dawn għandhom jiġu ttrattati kmieni fil-proċess ta' adeżjoni u, bħala n-norma, il-Kapitoli 23 u 24 għandhom jinfetħu konsegwentement, abbażi ta' pjanijiet ta' azzjoni, minħabba li jeħtieġ li jiġu stabbiliti riżultati konvinċenti; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament b'mod regolari dwar il-progress f'dawn l-oqsma u jitlob li r-rapporti ta' qabel l-adeżjoni mfassla kull xahar mid-delegazzjonijiet tal-UE jkunu disponibbli għall-membri tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jekk jitolbuhom; jinnota, madankollu, li din l-attenzjoni fuq l-oqsma inkwistjoni ma għandhiex tippreġudika l-isforzi u l-progress fl-oqsma l-oħra delinjati fl-aġendi ta' tkabbir individwali tal-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali;

15. Iqis li huwa importanti li tingħata prijorità adegwata fl-ambitu tal-politika tat-tkabbir lill-bini ta' sistema ġudizzjarja effiċjenti, indipendenti u imparzjali u sistema politika demokratika trasparenti li tkun tista' ssaħħaħ l-Istat tad-dritt; jisħaq, fl-istess ħin, fuq l-importanza ta' kull forma ta' libertà ta' espressjoni u l-ħtieġa li tkun żgurata l-libertà tal-mezzi ta' komunikazzjoni, fid-dritt u fil-fatt, kif ukoll li jiġu miġġielda b'mod effikaċi l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata;

16. Jisħaq li l-liberalizzazzjoni tal-viżi hija eżempju tajjeb tal-kundizzjonalità tal-UE li fih il-kriterji politiċi u tekniċi jingħaqdu ma' objettiv awspikabbli u b'vantaġġi tanġibbli; jilqa' favorevolment u jappoġġa, għalhekk, l-isforzi tal-Kummissjoni u dawk tal-pajjiżi interessati f'dan il-qasam;

17. Jistieden lill-Kummissjoni tissemplifika l-proċedura tal-amministrazzjoni u tnaqqas il-piż amministrattiv għall-finanzjamenti tal-IPA, bl-għan li jsiru aktar aċċessibbli u tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet minuri u mhux ċentralizzati tas-soċejtà ċivili, it-trade unions u l-benefiċjarji l-oħra iżgħar;

18. Jinkoraġġixxi parteċipazzjoni ikbar mis-soċjetà ċivili, minn atturi mhux statali u mill-imsieħba soċjali, kemm mill-pajjiżi kandidati kif ukoll mill-Istati Membri, fil-proċess ta' adeżjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżomm djalogu kontinwu magħhom; jistieden lill-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali jiggarantixxu l-involviment tagħhom fil-fażijiet kollha; jenfasizza li s-soċjetà ċivili tista' taħdem bħala mutur ta' approssimazzjoni mal-UE, toħloq pressjoni 'minn isfel għal fuq' għall-avvanzament tal-aġenda Ewropea u ttejjeb it-trasparenza tal-proċess u ssaħħaħ s-sostenn pubbliku favur l-adeżjoni; jisħaq fuq l-importaza ta' appoġġ finanzjarju addizzjonali, fost l-oħrajn permezz tal-Faċilità tas-Soċjetà Ċivili, speċjalment sabiex jittejbu l-kapaċitajiet tas-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-acquis; jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet Ewropej tas-soċjetà ċivili u l-kontropartijiet tagħhom fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali;

19. Jenfasizza enerġikament il-ħtieġa li jittejbu l-kapaċitajiet amministrattivi u r-riżorsi umani biex isiru kapaċi jittrasferixxu, jimplimentaw u jinfurzaw l-acquis; huwa tal-opinjoni li l-proċessi fil-qafas tat-tkabbir ma għandhomx ikunu sempliċement "tekniċi" u jisħaq fuq il-ħtieġa biex il-proċess ta' screening jintrabat iżjed mar-realtajiet fit-territorju; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tinvolvi lill-NGOs, lit-trade unions u lill-partijiet interessati ewlenin, kif opportun, f'dan l-eżerċizzju;

20. Jitlob, b'rikonoxximent tar-rwol importanti li d-djalogu soċjali jiżvolġi fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, li ssir enfasi iżjed qawwija fuq it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-imsieħba soċjali u r-rwol tad-djalogu soċjali fil-proċess ta' tkabbir; jitlob, barra minn hekk, li tingħata aktar attenzjoni għall-iżvilupp ta' mekkaniżmi ta' infurzar bħall-ispezzjoni tax-xogħol għall-ħarsien tal-ħaddiema u għar-rispett tad-drittijiet soċjali tagħhom u tal-istandards tas-saħħa u s-sigurtà, kif ukoll għall-ġlieda kontra l-isfruttament b'mod speċjali ta' ħaddiema mhux iddikjarati;

21. Jitlob iżjed impenn min-naħa tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) fil-proċess ta' tkabbir; jenfasizza r-rwol tiegħu fit-trażmissjoni ta' prattiki tajba lill-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, kif ukoll fil-mobilizzazzjoni tas-soċjetà ċivili favur il-kawża tal-integrazzjoni Ewropea fl-UE; isostni iżjed tisħiħ tad-djalogu bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-UE u l-pajjiżi interessati fit-tkabbir u jinkoraġġixxi iżjed kooperazzjoni bejn il-KESE, il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew;

22. Ifakkar li l-ilħuq ta' rkupru ekonomiku sostenibbli huwa sfida ewlenija għall-parti l-kbira tal-pajjiżi interessati fit-tkabbir u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi promoss tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv b'konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020; jitlob aktar sostenn għall-impriżi żgħar u medji (SMEs), fid-dawl tar-rwol kritiku li jiżvolġu għall-progress soċjoekonomiku fil-pajjiżi kollha interessati fit-tkabbir, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tinsisti fuq riformi prijoritarji li joħolqu ambjent regolatorju favorevoli għal SMEs innovattivi u b'potenzjal għoli; jisħaq, fl-istess ħin, fuq il-ħtieġa ta' attenzjoni kontinwa għall-kwistjonijiet ta' settur informali li dejjem qed jikber, il-livell għoli ta' qgħad u l-integrazzjoni tal-membri l-iżjed vulnerabbli fis-soċjetà;

23. Jemmen bis-sħiħ fil-ħtieġa li tkun promossa klima ta' rispett reċiproku, relazzjonijiet ta' bon viċinat u kooperazzjoni reġjonali u transkonfinali, bħala prerekwiżiti għall-istabilità u bħala mezz biex tkun iffaċilitata r-rikonċiljazzjoni awtentika u dejjiema; iqis li l-prosekuzzjoni tad-delitti tal-gwerra, il-koeżistenza paċifika ta' komunitajiet etniċi, kulturali u reliġjużi differenti, il-ħarsien tal-minoranzi u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll ir-reintegrazzjoni u r-ritorn tar-rifuġjati u tal-persuni spostati, iridu jkunu elementi essenzjali tal-proċess ta' adeżjoni tal-UE f'reġjuni bi storja ta' kunflitt; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, lill-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali jirratifikaw il-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali jekk għadhom ma għamlux dan; jissuġġerixxi li, f'każijiet bħal dawn, il-promozzjoni tat-tagħlim u tal-apprendiment dwar il-patrimonju storiku, lingwistiku u kulturali ta' xulxin waqt u wara l-proċess ta' adeżjoni jaf jiffaċilita l-fehim reċiproku u jikkontribwixxi għar-rikonċiljazzjoni storika;

24. Huwa tal-opinjoni li l-parità tal-ġeneru u l-antidiskriminazzjoni għandhom jingħataw iżjed prijorità fil-politika ta' tkabbir; jenfasizza li l-parità tal-ġeneru hija dritt fundamentali, valur essenzjali tal-UE u prinċipju ewlieni fl-azzjoni esterna tagħha minbarra li għandha potenzjal kbir għall-ilħuq tal-objettivi ta' Ewropa 2020 billi tikkontribwixxi għat-tkabbir u għal-livell massimu ta' impjiegi; iħeġġeġ, għalhekk, il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċess ta' adeżjoni u jenfasizza l-importanza tal-integrazzjoni tal-politiki fil-qasam tal-parità tal-ġeneru; jissottolinja li d-diskriminazzjoni abbażi ta' kwalunkwe raġuni hija pprojbita u li l-valutazzjonijiet tal-UE għandhom jinkludu d-drittijiet tal-komunità LGBT u l-integrazzjoni tal-minoranzi fil-ħajja politika, soċjali u ekonomika;

25. Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-pajjiżi interessati fit-tkabbir fl-inizjattivi tagħha bil-għan li tintlaħaq l-inklużjoni soċjali, bħall-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom, sabiex jiġi mobilizzat aħjar l-IPA għal dan il-fini, kif ukoll sabiex tħeġġeġ lill-pajjiżi interessati fit-tkabbir permezz tal-mekkaniżmu tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni (PSA) sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet; jistieden ukoll lill-pajjiżi interessati fit-tkabbir jipparteċipaw b'mod attiv fid-Deċennju għall-Inklużjoni tar-Rom u jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali tar-Rom, itejbu l-pożizzjoni soċjali u ekonomika tagħhom u jiżgurawlhom l-aċċess għall-akkomodazzjoni;

26. Huwa tal-fehma li kwalunkwe Stat ta' adeżjoni għandu jsolvi l-problemi bilaterali u t-tilwim kbir ewlenin li jkollu mal-ġirien, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw kwistjonijiet territorjali, qabel ma jkun jista' jsir membru tal-Unjoni; jirrakkomanda enerġikament li tali kwistjonijiet jiġu ttrattati f'fażi kemm jista' jkun bikrija tal-proċess ta' adeżjoni, fi spirtu kostruttiv u ta' bon viċinat u preferibbilment qabel il-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni, bil-għan li dawn tal-aħħar ma jintlaqtux negattivament; iqis li hu essenzjali, f'dan ir-rigward, li jiġu kkunsidrati l-interessi ġenerali tal-UE, il-valuri tagħha u l-obbligu ta' konformità sħiħa mal-acquis u rispett tal-prinċipji li l-UE stess hija msejsa fuqhom;

27. Jistieden lill-UE tappoġġa l-isforzi biex ikun solvut tilwim pendenti, inklużi kwistjonijiet dwar fruntieri, qabel l-adeżjoni; b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali, mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u r-riżoluzzjoni tan-NU rilevanti, kif ukoll mal-Att Finali ta' Ħelsinki, jinkoraġġixxi lill-partijiet kollha fil-każijiet ta' tilwim li t-tkomplija tagħhom aktarx tfixkel l-implimentazzjoni tal-acquis jew tipperikola l-preservazzjoni tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali biex jaħdmu b'mod kostruttiv fuq ir-riżoluzzjoni paċifika tagħhom u, jekk ikun opportun, fil-każ ta' inkapaċità li jintlaħaq ftehim bilaterali, jirreferu l-kwistjoni lill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja jew jimpenjaw ruħhom favur mekkaniżmu vinkolanti ta' arbitraġġ tal-għazla tagħhom inkella jaħdmu b'mod kostruttiv fi ħdan missjoni ta' medjazzjoni intensiva; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jibdew jiżviluppaw, b'konformità mat-Trattati tal-UE, mekkaniżmu ta' arbitraġġ immirat lejn is-soluzzjoni ta' tilwim bilaterali u multilaterali;

28. Jilqa' pożittivament l-inizjattivi bħall-aġenda pożittiva dwar it-Turkija, id-djalogu ta' livell għoli għall-adeżjoni ma' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u d-djalogu strutturat dwar l-Istat tad-dritt mal-Kosovo(1); jilqa' favorevolment l-għan li tinħoloq dinamika ġdida fil-proċess ta' riforma, filwaqt li jenfasizza li dawn l-inizjattivi ma jridu bl-ebda mod jissostitwixxu l-proċeduri formali tan-negozjati, iżda jkunu konformi bis-sħiħ mal-qafas tan-negozjar;

29. Jenfasizza l-ħtieġa li l-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali jwettqu titjib fil-qasam tad-demokrazija, f'dak tad-drittijiet tal-bniedem, u f'dak tal-proċessi tar-rikonċiljazzjoni, oqsma li jmisshom dejjem jingħataw prijorità fil-proċess tat-tkabbir u jiġu riflessi fl-istrumenti finanzjarji; ifakkar, f'dan ir-rigward, fl-importanza tal-assistenza finanzjarja li tqis il-ħtieġa li jiġu rrestawrati s-siti ta' patrimonju kulturali fiż-żoni ta' kunflitt, fid-dawl tar-rwol li tali rikostruzzjoni għandha f'dak li hu l-bini tal-fiduċja u l-integrazzjoni bejn komunitajiet etniċi u reliġjużi differenti;

30. Jenfasizza li l-politika ta' tkabbir tal-UE tikkostitwixxi strument għall-modernizzazzjoni, id-demokratizzazzjoni u l-istabilizzazzjoni u għandha l-għan ukoll li ssaħħaħ l-UE kemm internament kif ukoll bħala attur globali; jistieden lill-Kummissjoni tintrabat li tagħmel valutazzjonijiet tal-impatt kompluti kull meta teżamina applikazzjonijiet ġodda ta' adeżjoni mal-UE u meta tirrakkomanda l-ftuħ jew, fil-każ ta' varjazzjoni sostanzjali taċ-ċirkostanzi, l-għeluq tan-negozjati ta' adeżjoni;

31. Jappoġġa l-impenn tal-Kummissjoni biex ittejjeb il-kwalità tal-proċess ta' adeżjoni billi jsir iżjed meritokratiku, trasparenti u jirrispetta l-parametri ta' riferiment; huwa tal-fehma li b'hekk il-proċess isir aktar ġust u li jista' jitkejjel b'mod oġġettiv, u konsegwentement tissaħħaħ aktar il-kredibilità tiegħu; f'dan il-kuntest, jirrakkomanda li r-rapporti ta' progress għandhom ikunu aktar ċari fil-valutazzjonijiet tagħhom; jenfasizza li l-parametri ta' riferiment ma għandhomx jistabbilixxu kundizzjonijiet addizzjonali għall-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, iżda għandhom jittraduċu l-kriterji ġenerali ta' adeżjoni u l-objettivi tal-assistenza ta' qabel l-adeżjoni tal-UE f'passi u riżultati konkreti lejn l-adeżjoni, fir-rispett totali tal-qafas tan-negozjar;

32. Jenfasizza l-importanza vitali għas-suċċess tal-proċess ta' adeżjoni tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata; jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ ġdid għal din il-kwistjoni billi tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet tal-pajjiżi aspiranti fuq każijiet individwali ta' korruzzjoni sistematika; jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mill-qrib mal-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) u mal-korpi kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi kkonċernati; jenfasizza tali approċċ il-ġdid jista' jkun ta' benefiċċju kbir għall-immaġni tal-Unjoni fost iċ-ċittadini tal-pajjiżi aspiranti u jista' potenzjalment jiffaċilita l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

33. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprevedi pjan li ma jimplikax tnaqqis f'termini reali tal-finanzjament ġenerali għal kull benefiċjarju; josserva li dan il-kalkolu għandu jsir fid-dawl ta' dan li ġej: a)il-proporzjon bejn l-assistenza pprogrammata kumplessiva mill-IPA u l-PDG ta' kull pajjiż ma għandux jonqos f'termini relattivi anki jekk, f'termini reali, id-denominatur (PDG) għal kull pajjiż benefiċjarju rreġistra żieda kumulattiva għall-perjodu 2007-2013; b) bl-adeżjoni tal-Kroazja aktarx se jiġi reġistrat tnaqqis fin-numru ta' pajjiżi li jkunu jistgħu jaċċedu għall-finanzjamenti permezz tal-istrument futur, u dan jibdel potenzjalment ir-ridistribuzzjoni komparattiva fi ħdan il-pula tal-finanzjament; c) bil-modifiki proposti għall-istrument il-ġdid, intiżi biex ineħħu d-distinzjoni bejn il-pajjiżi abbażi tal-istatus tal-kandidatura tagħhom, għadd ikbar ta' pajjiżi se jkun jista' jaċċedi għall-finanzjamenti (s'issa inaċċessibbli għall-pajjiżi mhux kandidati) allokati għal oqsma ta' politika li jikkonċentraw fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku; jirrakkomanda, f'dan il-kuntest, li lill-ebda benefiċjarju ma tkunlu prekluża l-possibilità ta' aċċess suffiċjenti u ġust għall-finanzjamenti minħabba r-riżorsi limitati tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tal-qasam tal-politika tal-bini tal-istituzzjonijiet;

34. Ifakkar fil-ħtieġa li t-tkabbir tal-UE jkun akkumpanjat minn politika ta' komunikazzjoni miftiehma u aktar effikaċi u trasparenti li tinvolvi l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, il-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, bil-għan li jiġi stimolat dibattitu miftuħ u sinċier dwar il-konsegwenzi tat-tkabbir, li jħaddan fih l-opinjoni pubblika kemm tal-Istati Membri tal-UE kif ukoll tal-pajjiżi kandidati; jisħaq li politika ta' komunikazzjoni ta' dan it-tip għandha tiġi applikata wkoll fil-pajjiżi kandidati, b'kooperazzjoni mal-atturi kollha;

35. Huwa tal-fehma li, sabiex jitħeġġeġ l-appoġġ fost iċ-ċittadini tal-UE għal aktar tkabbir u l-impenn taċ-ċittadini tal-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali biex ikomplu bir-riformi, huwa kruċjali li jingħata tagħrif ċar u komprensiv dwar il-benefiċċji politiċi, soċjoekonomiċi u kulturali tat-tkabbir; iqis li huwa essezjali, partikolarment, li l-pubbliku jingħata spjegazzjoni dwar il-mod kif it-tkabbir ġab miegħu investimenti ġodda u opportunitajiet ta' esportazzjoni, u kif jista' jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-UE f'termini ta' promozzjoni tal-prevenzjoni tal-kunflitti, tisħiħ tar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti, ġlieda kontra l-kriżi ekonomika, ħolqien ta' impjiegi, aġevolazzjoni taċ-ċirkolazzjoni libera tal-ħaddiema, ħarsien tal-ambjent u tisħiħ tas-saħħa u s-sigurtà, filwaqt li fl-istess ħin titħaffef l-aġenda tar-riformi, jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjamenti u sussegwentement jitjiebu l-kundizzjonijiet ta' ħajja fil-pajjiżi interessati fit-tkabbir għall-ġid taċ-ċittadini Ewropej kollha, kif ukoll jitnaqqsu l-iżbilanċi soċjali u ekonomiċi; jissottolinja l-bżonn tingħata attenzjoni lis-setturi kollha tas-soċjetà permezz tal-promozzjoni, fost ħwejjeġ oħra, tal-inklużjoni, fil-livell tal-iskola sekondarja jew ekwivalenti, ta' element fil-kurrikulu speċifiku dwar il-kuntest, l-objettivi u l-funzjonament tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-proċessi ta' tkabbir tagħha; jisħaq ukoll fuq il-bżonn li tingħata attenzjoni lill-persuni fundamentali li jiffurmaw l-opinjoni pubblika bħall-ġurnalisti, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, l-atturi soċjoekonomiċi u t-trade unions; huwa tal-opinjoni li sforzi analogi mill-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali għandhom jiġu inkoraġġati u sostnuti;

Prospetti u l-interessi strateġiċi tal-UE

36. Jemmen bis-sħiħ li l-UE għadha tista' tikseb benefiċċji strateġiċi pemezz tal-politika ta' tkabbir; jenfasizza li l-adeżjoni mal-UE tagħti stabilità f'ambjent internazzjonali f'evoluzzjoni rapida, u li l-appartenenza fl-Unjoni Ewropea għadha toffri l-prospettiva ta' żvilupp soċjali u prosperità; huwa tal-fehma li t-tkabbir huwa interess strateġiku fit-tul tal-UE li ma jistax jitkejjel neċessarjament f'termini ta' bilanċi fuq perjodu qasir; iqis li huwa importanti li tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-valur sostanzjali u dejjiemi tiegħu bħala wieħed li jirrappreżenta poter 'soft' iżda madankollu essenzjali għall-UE;

37. Jibqa' impenjat b'mod sħiħ lejn il-prospett tat-tkabbir, u jistieden lill-Istati Membri jżommu l-impuls tal-proċess ta' tkabbir; jenfasizza l-konvinzjoni tiegħu li bit-Trattat ta' Lisbona, l-UE tista' tkompli l-aġenda ta' tkabbir tagħha u żżomm l-impuls għal aktar integrazzjoni;

38. Jirrikonoxxi, madankollu, li mhux l-Istati Ewropej kollha se jagħżlu li jitolbu adeżjoni sħiħa u li wħud li jitolbuha mhumiex se jissodisfaw il-kriterji ta' adeżjoni; jirrakkomanda, għalhekk, li fl-okkażjoni tar-reviżjoni ġenerali li jmiss tat-Trattati, mingħajr preġudizzju għan-negozjati dwar it-tkabbir li għaddejjin bħalissa, il-Parlament Ewropew għandu jibda diskussjoni dwar l-introduzzjoni ta' kategorija ġdida ta' membru assoċjat tal-Unjoni;

39. Ifakkar li l-proċess mhuwiex magħluq bis-sempliċi traspożizzjoni tal-acquis, u jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni effikaċi u rispett fit-tul fir-rigward kemm tal-acquis kif ukoll tal-kriterji ta' Kopenħagen; iqis li sabiex tinżamm il-kredibilità tal-kundizzjonijiet għall-adeżjoni, l-Istati Membri tal-UE għandhom ukoll ikunu vvalutati għall-konformità kontinwa tagħhom mal-valuri fundamentali tal-UE u t-twettiq tal-impenji tagħhom dwar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi u l-Istat tad-dritt; jistieden lill-Kummissjoni telabora proposta dettaljata għal mekkaniżmu ta' monitoraġġ, ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 TUE u l-Artikolu 258 TFUE;

40. Ifakkar li politika ta' tkabbir semplifikata u li tħares 'il quddiem tista' tkun strument strateġiku ta' siwi għall-iżvilupp ekonomiku kemm tal-UE kif ukoll tar-reġjun, u għandha timmira li toħloq sinerġiji baġitarji u koordinament imsaħħaħ bejn id-diversi miżuri u tipi ta' assistenza fornuti mill-UE, l-Istati Membri u l-IFIs, kif ukoll mal-istrumenti eżistenti, jiġifieri l-IPA, billi tevita kull irduppjar, duplikazzjoni jew lakuni potenzjali fil-finanzjamenti, partikolarment fil-kuntest ta' ambjent ta' restrizzjonijiet baġitarji;

41. Josserva li l-kriżi finanzjarja globali u d-diffikultajiet taż-żona tal-euro enfasizzaw l-interdipendenza tal-ekonomiji nazzjonali, kemm ġewwa kif ukoll barra mill-UE; jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza ta' aktar konsolidament tal-istabilità ekonomika u finanzjarja filwaqt li jitrawwem it-tkabbir, ukoll fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali; f'dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli, jenfasizza l-ħtieġa li tingħata assistenza finanzjarja adegwata u mmirata aħjar ta' qabel l-adeżjoni lill-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni għal IPA ġdid, inkluż aktar sostenn finanzjarju għall-perspettivi finanzjarji 2014-2020; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li l-proċeduri jiġu ssemplifikati u aċċelerati, kif ukoll li tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tal-pajjiżi benefiċjarji, sabiex ikun żgurat livell għoli ta' parteċipazzjoni fi programmi tal-UE u biex tissaħħaħ il-kapaċità ta' assorbiment; jindika li pożizzjoni komprensiva tal-Parlament Ewropew dwar l-IPA se tiġi ppreżentata waqt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja; jenfasizza l-importanza tal-istabilità fiskali nazzjonali u l-konċentrazzjoni akbar tal-UE fuq il-governanza ekonomika; jirrakkomanda li l-kwistjoni tal-finanzi pubbliċi sodi tiġi ttrattata adegwatament fil-proċess ta' adeżjoni;

42. Jenfasizza li l-għanijiet tal-Ewropa 2020 huma mibnija madwar prinċipji universali li kienu mutur b'saħħtu għall-benesseri ekonomiku; jirrakkomanda, għaldaqstant, li l-progress li jsir fuq l-inizjattivi emblematiċi jiġi inkluż fid-djalogu ta' qabel l-adeżjoni u jiġi inċentivat b'finanzjament addizzjonali; iqis li mudell ta' tkabbir b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju jistħoqqlu attenzjoni speċjali u għandu jiġi implimentat b'mod attiv waqt il-proċess ta' tkabbir;

43. Jitlob li jsir djalogu kontinwu bejn id-donaturi u, fejn ikun xieraq, l-użu ta' strutturi idonei għall-koordinament u l-ġestjoni tal-għajnuna; jitlob, f'dan il-kuntest, li jsir eżami aktar mill-qrib tal-użu ta' strumenti finanzjarji innovattivi li jirrikjedu strutturi ta' koordinament, bħalma huwa, pereżempju, il-Qafas ta' Investiment tal-Balkani tal-Punent, li huwa kumplementari għall-istrutturi amministrattivi għall-IPA u għandu l-għan li jattira, jakkomuna u jiddirieġi l-appoġġ għall-oqsma prijoritarji; jenfasizza l-ingranaġġ potenzjali finanzjarju u politiku li jirriżulta mill-proġetti ta' finanzjament li jutilizzaw kombinazzjoni ta' fondi – li ġejjin mill-UE jew mill-Istati Membri jew mill-IFIs – b'mod li jiżgura kemm konkordanza stretta mal-aħjar prattiki f'termini ta' ġestjoni finanzjarja kif ukoll koordinament tal-atturi ewlenin;

°

° °

44. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri u tal-Albanija, tal-Bosnja-Ħerzegovina, tal-Kroazja, ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, tal-Islanda, tal-Kosovo, tal-Montenegro, tas-Serbja u tat-Turkija.

(1)

Din id-deżinjazzjoni hi mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mar-riżoluzzjoni 1244/1999 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits  (10.5.2012)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar it-tkabbir: politiki, kriterji u interessi strateġiċi tal-UE

(2012/2025(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Nadezhda Neynsky

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li politika tat-tkabbir li tkun semplifikata u tħares 'il quddiem tista' tkun għodda strateġika ta' siwi għall-iżvilupp ekonomiku tal-UE u tar-reġjun, u jmissha timmira li toħloq sinerġiji baġitarji u koordinament imsaħħaħ bejn id-diversi miżuri u tipi ta' għajnuna pprovduti mill-UE, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (IFI), kif ukoll mal-istrumenti eżistenti, jiġifieri l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA), billi tevita kull irduppjar, duplikazzjoni jew lakuni potenzjali fil-finanzjament, speċjalment f'ambjent baġitarju kostrett;

2.  Jinnota ż-żieda ssuġġerita ta' 7.3% fl-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss (minn EUR 11.668-il biljun fl-2007–2013 għal EUR 12.520 biljun fl-2014–2020, fi prezzijiet kostanti tal-2011(1)) u jilqa' l-bidliet proposti, b'mod partikolari fir-rigward tad-divrenzjar imtejjeb tal-assistenza skont il-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull pajjiż benefiċjarju, l-inċentivi għal prestazzjoni tajba, l-approċċ ibbażat fuq is-setturi, il-kundizzjonalitajiet, it-trasparenza u l-obbligu tal-għoti ta' rendikont, u l-użu mtejjeb tal-istrumenti u l-kollaborazzjoni mas-sħab biex jinħoloq ingranaġġ finanzjarju u ta' politika akbar; jitlob li ssir semplifikazzjoni tar-regoli tal-finanzjament bil-għan li jitnaqqas il-piż amministrattiv u tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-programmi ta' finanzjament; huwa favur li jkompli jingħata appoġġ għar-riformi istituzzjonali u l-bini tal-kapaċità tas-settur pubbliku, bil-għan li jiġu stabbiliti strutturi istituzzjonali affidabbli għall-ġestjoni tal-fondi fil-pajjiżi benefiċjarji; jenfasizza l-ħtieġa li jsiru sforzi kontinwi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

3.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippjana li ma jkunx hemm tnaqqis f'termini reali tal-finanzjament totali għal kull benefiċjarju; jinnota li dan il-kalkolu għandu jsir filwaqt li jitqies dan li ġej: a) il-proporzjon tal-assistenza pprogrammata totali tal-IPA mqabbel mal-PDG ta' kull pajjiż m'għandux jonqos f'termini relattivi anke jekk, f'termini reali, id-denominatur (PDG) għal kull pajjiż benefiċjarju se jkun wera żieda kumulattiva fuq il-perjodu 2007-2013, b) l-għadd ta' pajjiżi li għandhom aċċess għall-finanzjament permezz tal-istrument futur x'aktarx li jonqos bl-adeżjoni tal-Kroazja, li potenzjalment se tbiddel ir-ridistribuzzjoni komparattiva fi ħdan it-totalità tal-finanzjament, u c) bil-bidliet issuġġeriti għall-Istrument il-ġdid, li jservu biex jitneħħa d-divrenzjar ta' bejn il-pajjiżi fuq il-bażi tal-istatus tal-kandidatura tagħhom, aktar pajjiżi se jkunu jistgħu jkollhom aċċess għall-finanzjament – li s'issa ma kienx aċċessibbli għall-pajjiżi mhux kandidati – allokat għall-oqsma ta' politika ffukati fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku; jirrakkomanda, f'dan il-kuntest, li l-ebda benefiċjarju ma jkun prekluż minn aċċess suffiċjenti u ġust għall-finanzjament minħabba r-riżorsi limitati tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tal-qasam tal-politika tal-bini tal-istituzzjonijiet;

4.  Jenfasizza li l-għanijiet tal-Ewropa 2020 huma mibnija madwar prinċipji universali li kienu mutur b'saħħtu għall-benesseri ekonomiku; għalhekk, jirrakkomanda li l-progress li jsir fuq l-inizjattivi ewlenin jiġi inkluż fid-djalogu ta' qabel l-adeżjoni u jiġi inċentivat b'finanzjament addizzjonali; iqis li mudell ta' tkabbir b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju jistħoqqlu attenzjoni speċjali u għandu jiġi implimentat b'mod attiv waqt il-proċess ta' tkabbir;

5.  Jenfasizza l-importanza sistemika tal-istabilità fiskali nazzjonali u l-konċentrazzjoni akbar tal-UE fuq il-governanza ekonomika fi ħdan l-isferi tal-leġiżlazzjoni Ewropea; għalhekk, jirrakkomanda li d-djalogu ta' qabel l-adeżjoni jindirizza r-rwol li għandhom il-finanzi pubbliċi sodi; jirrakkomanda wkoll li l-għanijiet tal-politika tat-tkabbir jiġu allinjati b'attenzjoni biex jirriflettu l-aġenda orjentata lejn it-tkabbir li għandha l-UE biex timmodernizza l-ekonomija, tagħti spinta lill-kompetittività, ittejjeb il-kundizzjonijiet għall-SMEs u ssib tarf b'mod determinat u organizzat tal-qgħad taż-żgħażagħ; jenfasizza kemm hu importanti li s-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali jiġu inklużi fil-proċess tal-adeżjoni; ifakkar fil-ħtieġa li titrawwem il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-programmi ta' finanzjament;

6.  Jinsisti li l-pajjiżi kandidati jmisshom jagħmlu użu sħiħ mill-kurva tat-tagħlim ta' – u l-perjodu ta' esponiment għal – l-istrument għall-assistenza ta' qabel l-adeżjoni sabiex itejbu l-kapaċità amministrattiva tagħhom u jiżguraw assorbiment b'suċċess tal-fondi tal-UE;

7.  Jitlob li jsir djalogu kontinwu bejn id-donaturi u, fejn ikun xieraq, l-użu ta' strutturi adattati għall-koordinament u l-ġestjoni tal-għajnuna; jitlob, f'dan il-kuntest, li jsir eżami aktar mill-qrib tal-użu ta' strumenti finanzjarji innovattivi li jirrikjedu strutturi ta' koordinament, bħalma huwa, pereżempju, il-Qafas ta' Investiment tal-Balkani tal-Punent, li huwa kumplementari għall-istrutturi amministrattiva għall-IPA u għandu l-għan li jattira, jiġbor flimkien u jiddirieġi l-appoġġ għall-oqsma ta' prijorità; jenfasizza l-ingranaġġ potenzjali finanzjarju u ta' politika li jirriżulta minn finanzjament ta' proġetti li jutilizza kumbinazzjoni ta' fondi – jew mill-UE, jew mill-Istati Membri jew mill-IFI – b'mod li jiżgura kemm konkordanza stretta mal-aħjar prattiki għall-ġestjoni finanzjarja kif ukoll il-koordinament tal-atturi ewlenin;

8.  Jenfasizza kemm hu importanti li jiġi pprovdut livell suffiċjenti ta' riżorsi kemm għall-assistenza ta' qabel l-adeżjoni kif ukoll għall-assistenza ta' warajha, filwaqt li jenfasizza li allokazzjonijiet adegwati ta' fondi fi stadju bikri tal-proċess għandhom joħolqu l-kundizzjonijiet istituzzjonali u ekonomiċi meħtieġa għal inqas involviment fi stadju tard;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali jwettqu titjib fil-qasam tad-demokrazija, f'dak tad-drittijiet tal-bniedem, u f'dak tal-proċessi tar-rikonċiljazzjoni, oqsma li jmisshom dejjem jingħataw prijorità fil-proċess tat-tkabbir u jiġu riflessi fl-istrumenti finanzjarji; ifakkar, f'dan ir-rigward, fl-importanza tal-assistenza finanzjarja li tqis il-ħtieġa li jiġu rrestawrati s-siti ta' wirt kulturali fiż-żoni ta' konflitt, fid-dawl tar-rwol li dan għandu f'dak li hu l-bini tal-fiduċja u l-inklussività bejn komunitajiet etniċi u reliġjużi differenti;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

10.5.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Francesca Balzani, Zuzana Brzobohatá, Göran Färm, Eider Gardiazábal Rubial, Salvador Garriga Polledo, Ivars Godmanis, Lucas Hartong, Jutta Haug, Monika Hohlmeier, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Anne E. Jensen, Ivailo Kalfin, Sergej Kozlík, Jan Kozłowski, Alain Lamassoure, Giovanni La Via, George Lyon, Claudio Morganti, Juan Andrés Naranjo Escobar, Nadezhda Neynsky, Dominique Riquet, Derek Vaughan, Angelika Werthmann

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Paul Rübig, Peter Šťastný, Georgios Stavrakakis

(1)

     Iċ-ċifri kollha użati f'din l-opinjoni huma bbażati fuq il-kalkoli mogħtija mid-DĠ BUDG tal-Kummissjoni Ewropea.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

13.9.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

62

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Bastiaan Belder, Elmar Brok, Jerzy Buzek, Tarja Cronberg, Mário David, Michael Gahler, Marietta Giannakou, Ana Gomes, Andrzej Grzyb, Richard Howitt, Anna Ibrisagic, Liisa Jaakonsaari, Anneli Jäätteenmäki, Jelko Kacin, Ioannis Kasoulides, Tunne Kelam, Nicole Kiil-Nielsen, Maria Eleni Koppa, Andrey Kovatchev, Paweł Robert Kowal, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Eduard Kukan, Ryszard Antoni Legutko, Krzysztof Lisek, Ulrike Lunacek, Mario Mauro, Willy Meyer, Francisco José Millán Mon, Alexander Mirsky, María Muñiz De Urquiza, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Raimon Obiols, Ria Oomen-Ruijten, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Bernd Posselt, Hans-Gert Pöttering, Cristian Dan Preda, Libor Rouček, Tokia Saïfi, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Nikolaos Salavrakos, György Schöpflin, Werner Schulz, Adrian Severin, Marek Siwiec, Sophocles Sophocleous, Charles Tannock, Sir Graham Watson, Boris Zala

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Charalampos Angourakis, Jean-Jacob Bicep, Andrew Duff, Hélène Flautre, Kinga Gál, Elisabeth Jeggle, Jean Roatta, Helmut Scholz

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken, Spyros Danellis, Georgios Koumoutsakos

Aġġornata l-aħħar: 11 t'Ottubru 2012Avviż legali