RAPPORT dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2015, Taqsima III – Kummissjoni

5.3.2014 - (2014/2004(BUD))

Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Eider Gardiazábal Rubial


Proċedura : 2014/2004(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0159/2014
Testi mressqa :
A7-0159/2014
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2015, Taqsima III – Kummissjoni

(2014/2004(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 314(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[1],

–       wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[2],

–       wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014[3] u l-erba' dikjarazzjonijiet konġunti relatati miftiehma bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, kif ukoll id-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament u l-Kummissjoni dwar l-approprjazzjonijiet ta’ pagament,

–       wara li kkunsidra t-Titolu II, Kapitolu 7, tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0159/2014),

Il-baġit tal-UE – l-għoti ta’ strumenti liċ-ċittadini biex isibu mod kif joħorġu mill-kriżi

1.      Jemmen li minkejja xi ftit pressjonijiet li fadal, l-ekonomija Ewropea qed turi xi sinjali ta’ rkupru u jqis li, waqt li jirrikonoxxi l-limitazzjonijiet ekonomiċi u baġitarji persistenti fil-livell nazzjonali u l-isforzi ta' konsolidazzjoni fiskali li qed isiru mill-Istati Membri, il-baġit Ewropew għandu jħeġġeġ din it-tendenza billi jsaħħaħ l-investiment strateġiku f’azzjonijiet b’valur miżjud Ewropew sabiex jgħin biex l-ekonomija Ewropea terġa’ lura fuq saqajha, jiġġenera t-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi waqt li jimmira li jrawwem il-kompetittività u jżid il-koeżjoni ekonomika u soċjali fl-UE kollha;

2.      Jirrikonoxxi li hemm nuqqas akut ta’ fondi fl-UE, kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll f’dak tal-Unjoni, u li dan jista’ jikkawża problemi fl-implimentazzjoni ta’ xi programmi; jenfasizza, għaldaqstant, il-ħtieġa li tintrabat importanza reali mal-kunċett ta’ valur għall-flus li jfisser li l-programmi u n-nefqa kollha għandhom jiġu analizzati bir-reqqa għall-vijabbiltà, l-effiċjenza u l-effettività, sakemm din ma żżidx aktar il-piż burokratiku;

3.      Jenfasizza b’mod partikolari l-importanza tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, li jifformaw wieħed mill-ikbar blokki ta’ nefqa fil-baġit tal-UE; jenfasizza l-fatt li l-politika ta’ koeżjoni tal-UE kienet strumentali fis-sostenn tal-investiment pubbliku f’oqsma ekonomiċi indispensabbli u kisbet riżultati tanġibbli fuq il-bażi li tista' tagħti s-setgħa lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex jegħlbu l-kriżi attwali u jiksbu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020; jenfasizza l-bżonn li ċ-ċittadini jingħataw l-istrumenti biex isibu mod kif joħorġu mill-kriżi; jenfasizza f’dan ir-rigward il-ħtieġa speċjali li jsir investiment f’oqsma bħall-edukazzjoni u l-mobilitá, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-SMEs u l-imprenditorjat, b'mod li jingħataw spinta lill-kompetittività tal-UE u kontribut għall-ħolqien tal-impjiegi - b'mod partikolari l-impjiegi għaż-żgħażagħ- b'mod partikolari l-impjiegi taż-żgħażagħ;

4.      Iqis importanti wkoll li jsir investiment f’oqsma oħra bħall-enerġija rinnovabbli, l-aġenda diġitali, l-infrastrutturi, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u l-konnettività transkonfinali kif ukoll użu aktar qawwi u msaħħaħ ta’ ‘strumenti finanzjarji innovattivi’, b’mod partikolari fir-rigward ta’ investimenti fit-tul; jenfasizza l-bżonn li tissaħħaħ l-industrija tal-UE bħala mutur ċentrali tal-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir; iħeġġeġ li, bil-għan li l-industrija tal-UE ssir aktar b’saħħitha, kompetittiva u indipendenti, il-fokus ewlieni għandu jkun fuq l-investiment fl-innovazzjoni;

5.      Jenfasizza l-importanza li jkun żgurat li jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni biżżejjed riżorsi għall-azzjonijiet esterni tal-UE; ifakkar l-impenn internazzjonali li sar mill-UE u l-Istati Membri tagħha biex iżidu l-infiq tagħhom fl-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) għal 0,7 % tal-ING u biex jiksbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju sal-2015;

6.      Jisħaq fuq l-importanza li tiġi żgurata l-aqwa koordinazzjoni possibbli bejn il-fondi differenti tal-UE minn naħa, u bejn il-fondi tal-UE u n-nefqa fil-livell nazzjonali min-naħa l-oħra, sabiex il-flus pubbliċi jintużaw bl-aħjar mod possibbli;

7.      Ifakkar il-ftehim reċenti dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2014-2020, li jiddefinixxi l-parametri ewlenin għall-baġit annwali sal-2020; jenfasizza l-fatt li kull baġit annwali għandu jkun konformi mar-Regolament QFP u l-Ftehim Interistituzzjonali u ma għandux jitqies bħala skuża biex il-QFP jiġi nnegozjat mill-ġdid; jistenna li l-Kunsill ma jippruvax jimponi interpretazzjonijiet ristretti ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi, speċjalment rigward in-natura u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ strumenti speċjali; itenni l-intenzjoni tiegħu li jisfrutta kompletament il-mezzi kollha disponibbli għall-awtorità baġitarja fi ħdan il-qafas tal-proċedura baġitarja annwali sabiex il-baġit tal-UE jkollu l-flessibbiltá meħtieġa;

8.      Jenfasizza li, bħala t-tieni sena tal-QFP l-ġdid, l-2015 se tkun sena importanti għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-programmi pluriennali 2014-2020 ġodda; jenfasizza l-fatt li, sabiex ma jfixklux l-implimentazzjoni tal-politiki ewlenin tal-UE, il-programmi kollha jeħtieġ ikunu operattivi u għaddejjin b’ritmu tajjeb kemm jista’ jkun malajr; jinnota li l-baġit 2015 se jkun inqas f’termini reali mill-baġit 2013; iħeġġeġ, f’dan il-kuntest, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu dak kollu possibbli biex jiżguraw l-adozzjoni fil-pront tal-ftehimiet ta’ sħubija u l-programmi operattivi kollha fl-2014, sabiex ma jitilfu ebda ħin addizzjonali fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ investiment il-ġodda; jenfasizza l-importanza tal-appoġġ sħiħ tal-Kummissjoni lill-amministrazzjonijiet nazzjonali fl-istadji kollha tal-proċess;

9.      Ifakkar il-ftehim fi ħdan il-QFP, li qed ikun implimentat għall-ewwel darba fil-baġit 2014, biex l-approprjazzjonijiet jiġu kkonċentrati fil-bidu tal-perjodu għal objettivi ta’ politika speċifikati li jirrigwardaw iż-żgħażagħ, l-impjiegi, ir-riċerka, Erasmus+ (b’mod partikolari għall-apprendisti) u l-SMEs; jenfasizza li, bħala parti mill-ftehim QFP, jeħtieġ li jittieħed approċċ simili għall-baġit 2015 billi l-approprjazzjonijiet għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (EUR 871,4 miljun fi prezzijiet tal-2011)kif ukoll għal Erasmus+ u COSME (EUR 20 miljun kull wieħed fi prezzijiet tal-2011) jiġu kkonċentrati fil-bidu tal-perjodu tiegħu ; jinsab partikolarment imħasseb dwar il-finanzjament tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ wara l-2015 u jitlob li l-possibbiltajiet kollha ta’ finanzjament, inkluż il-marġni globali tal-QFP għall-impenji, jitqiesu għal dan l-għan;

10.    Jesprimi, madankollu, it-tħassib tiegħu dwar l-effetti negattivi possibbli ta' konċentrazzjoni addizzjonali fi tmiem il-perjodu tal-programmtal-enerġija tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa fl-2015 u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni adegwata dwar kif tali deċiżjoni se taffettwa t-tnedija b’suċċess ta’ dan il-programm ġdid;

11.    Jenfasizza l-valur miżjud li jiġu antiċipati l-investimenti f’dawn il-programmi, sabiex iċ-ċittadini tal-UE jkunu megħjuna biex joħorġu mill-kriżi; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tidentifika programmi possibbli oħra li jistgħu jibbenefikaw minn konċentrazzjoni fil-bidu , ikunu jistgħu jikkontribwixxu għal dan il-għan u jkunu jistgħu jassorbu kompletament din il-konċentrazzjoni fil-bidu;

12.    Jenfasizza li, għal darb’oħra, l-aħħar konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (id-19 u l-20 ta’ Diċembru 2013) dwar il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni kif ukoll il-flussi migratorji se jkollhom impatt fuq il-baġit tal-UE; itenni l-pożizzjoni tiegħu li kull proġett addizzjonali li jaqbel miegħu l-Kunsill Ewropew jeħtieġ ikun iffinanzjat b’riżorsi addizzjonali u mhux permezz ta’ qtugħ fi programmi u strumenti eżistenti, jew billi jingħataw kompiti addizzjonali lil istituzzjonijiet jew kopri tal-UE oħra li diġà waslu fil-limitu tal-kapaċitajiet tagħhom;

13.    Jenfasizza l-importanza tal-aġenziji deċentralizzati, li huma vitali għall-implimentazzjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE; jinnota li dawn jippermettu li jsiru ekonomiji ta’ skala permezz tal-ġbir flimkien tan-nefqa li kieku xorta waħda ssir in-nefqa minn kull Stat Membru separatament biex jintlaħaq l-istess riżultat; jenfasizza l-ħtieġa li l-aġenziji kollha jiġu vvalutati individwalment f’termini tar-riżorsi baġitarji u umani, u li fil-baġit 2015 u fis-snin ta’ wara jkunu pprovduti bil-mezzi finanzjarji u l-persunal xierqa sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-kompiti assenjati lilhom mill-awtorità leġiżlattiva; jenfasizza, għalhekk, li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu ‘L-ipprogrammar ta’ riżorsi umani u finanzjarji għall-aġenziji deċentralizzati 2014-2020’ (COM(2013)0519) ma tridx tifforma l-bażi tal-abbozz ta' baġit fir-rigward tal-aġenziji; jenfasizza, barra minn hekk, ir-rwol importanti tal-Grupp ta’ Ħidma Interistituzzjonali l-ġdid dwar l-aġenziji deċentralizzati, li għandu jwettaq skrutinju aktar mill-qrib u iżjed permanenti tal-iżvilupp ta’ aġenziji bil-għan li jiżgura approċċ koerenti; jistenna li dan il-grupp ta’ ħidma jressaq l-ewwel riżultat tiegħu f’ħin xieraq għall-qari tal-baġit tal-Parlament;

14.    Ifakkar id-Dikjarazzjoni konġunta dwar ir-Rappreżentanti Speċjali tal-UE, li fiha l-Parlament u l-Kunsill ftiehmu li jeżaminaw it-trasferiment tal-approprjazzjonijiet għar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE mill-baġit tal-Kummissjoni (it-Taqsima III) għall-baġit tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (it-Taqsima X) fil-kuntest tal-proċedura baġitarja 2015;

Approprjazzjonijiet ta’ pagament – l-UE trid taqdi l-impenji legali u politiċi tagħha

15.    Ifakkar li l-livell ġenerali tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament miftiehma għall-baġit 2014 jibqgħu inqas mil-livell meqjus neċessarju u propost mill-Kummissjoni fl-abbozz ta’ baġit oriġinali tagħha; jinnota li, kif previst fir-Regolament QFP il-ġdid u fil-marġni globali l-ġdid għall-pagamenti, il-Kummissjoni għandha twettaq aġġustament ’il fuq fil-limitu massimu ta’ pagamenti għas-sena 2015 bl-ammont ekwivalenti għad-differenza bejn il-pagamenti eżegwiti fl-2014 u l-limitu massimu ta’ pagamenti QFP għas-sena 2014; jinsab imħasseb profondament li l-livell bla preċedent ta' kontijiet pendenti fi tmiem l-2013, li jammontaw għal EUR 23,4 biljun taħt l-Intestatura Ib biss, ma jistax ikun kopert mil-limiti massimi tal-2014; jitlob għall-mobilizzazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ flessibbiltà xierqa għal pagamenti fl-2014 u jenfasizza li anki din mhux mistennija tkun biżżejjed biex tevita defiċit ta' implimentazzjoni kbir fi tmiem l-2014; jenfasizza l-fatt li n-nuqqasijiet rikorrenti ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament kienu l-kawża ewlenija tal-livell għoli bla preċedent ta’ impenji pendenti (RALs), speċjalment f’dawn l-aħħar ftit snin;

16.    Ifakkar li skont it-Trattat[4] ‘il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jassiguraw li l-mezzi finanzjarji jkunu disponibbli sabiex jippermettu li l-Unjoni tissodisfa l-obbligi legali tagħha fir-rigward ta' partijiet terzi’; jistenna li l-Kummissjoni fl-abbozz ta’ baġit tagħha tipproponi livell adegwat ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament, fuq il-bażi ta’ previżjonijiet reali u mhux immexxija minn kunsiderazzjonijiet politiċi;

17.    Jinsisti fuq l-użu tal-mezzi kollha disponibbli taħt ir-Regolament QFP, inkluż rikors għall-marġini ta' kontinġenza u, jekk jinstab li jkun għadu neċessarju u meta ma jkunx fadal alternattiva oħra, reviżjoni tal-limiti massimi ta' pagament, sabiex jintlaħqu l-obbligi legali tal-Unjoni u jkun evitat li jiġu pperikolati jew jittardjaw il-pagamenti lill-partijiet interessati kollha, bħar-riċerkaturi, l-universitajiet, l-organizzazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja, l-awtoritajiet lokali u l-SMEs, u fl-istess ħin jitnaqqas l-ammont ta’ pagamenti pendenti fi tmiem is-sena;

18.    Jinsisti li l-użu tal-istrumenti speċjali ta’ pagament kollha (l-Istrument ta’ Flessibbiltà, il-marġini ta’ kontinġenza, il-Fond ta' Solidarjetà tal-UE, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u r-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza) għandu jiddaħħal fil-baġit oltre il-limitu massimu tal-QFP;

19.    Jitlob lill-Kummissjoni, fid-dawl tas-sitwazzjoni allarmanti marbuta mal-approprjazzjonijiet ta’ pagament fil-qasam tal-għajnuna umanitarja lejn il-bidu nett tal-2014, b’mod partikolari l-EUR 160 miljun b’lura f’approprjazzjonijiet ta’ pagament għall-għajnuna umanitarja riportati mill-2013 għall-2014, biex tieħu l-miżuri neċessarji u tirreaġixxi kemm jista’ jkun malajr biex tiżgura t-twassil xieraq tal-għajnuna umanitarja tal-UE fl-2014; jenfasizza li l-livell ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament għall-għajnuna umanitarja għandu jlaħħaq mat-tkabbir probabbli tal-approprjazzjonijiet ta' impenn, li għandu jiġi kkunsidrat fl-abbozz ta' baġit għall-2015;

20.    Ifakkar id-dikjarazzjoni konġunta fuq l-approprjazzjonijiet ta’ pagament u d-dikjarazzjoni bilaterali mill-Parlament u l-Kummissjoni fil-qafas tal-ftehim dwar il-baġit 2014; jistieden lill-Kummissjoni żżomm lill-awtoritá baġitarja kompletament infurmata bl-iżvilupp tal-pagamenti u l-evoluzzjoni tal-RALs matul is-sena attwali u jinsisti li għandhom isiru laqgħat interistituzzjonali regolari biex tkun issorveljata s-sitwazzjoni tal-pagamenti;

21.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.

  • [1]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
  • [2]  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
  • [3]  ĠU L 000, 00.00.2014, p.0.
  • [4]  Artikolu 323 TFUE.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

4.3.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

2

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marta Andreasen, James Elles, Věra Flasarová, Eider Gardiazábal Rubial, Salvador Garriga Polledo, Ivars Godmanis, Ingeborg Gräßle, Lucas Hartong, Jutta Haug, Monika Hohlmeier, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Anne E. Jensen, Ivailo Kalfin, Jan Kozłowski, Alain Lamassoure, George Lyon, Claudio Morganti, Jan Mulder, Nadezhda Neynsky, Andrej Plenković, Dominique Riquet, Alda Sousa, Helga Trüpel, Angelika Werthmann

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

François Alfonsi, Frédéric Daerden, Edit Herczog, Paul Rübig, Georgios Stavrakakis, Nils Torvalds, Catherine Trautmann

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Inés Ayala Sender, Antonio Cancian, María Auxiliadora Correa Zamora, Peter Šťastný