Proċedura : 2015/2041(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0133/2017

Testi mressqa :

A8-0133/2017

Dibattiti :

PV 11/09/2017 - 23
CRE 11/09/2017 - 23

Votazzjonijiet :

PV 14/09/2017 - 8.13

Testi adottati :

P8_TA(2017)0358

RAPPORT     
PDF 1058kWORD 102k
30 ta' Marzu 2017
PE 567.666v01-00 A8-0133/2017

It-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità fl-istituzzjonijiet tal-UE

(2015/2041(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

Rapporteur: Sven Giegold

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 ANNESS: LISTA TA' ENTITAJIET JEW PERSUNI LI RĊIEVA INPUT MINGĦANDHOM IR-RAPPORTEUR
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali
 OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

It-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità fl-istituzzjonijiet tal-UE

(2015/2041(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tal-15 ta' April 2014 dwar il-modifika tal-ftehim interistituzzjonali dwar ir-Reġistru tat-Trasparenza(1);

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 9 u 10 tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Mejju 2008 dwar l-iżvilupp tal-qafas għall-attivitajiet tar-rappreżentanti ta' interessi (lobbyists) fl-istituzzjonijiet Ewropej(2),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Novembru 2014 li ma tiltaqax ma' lobbisti mhux irreġistrati u li tippubblika informazzjoni dwar laqgħat ma' lobbisti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2014 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti (l-Artikolu 104(7) tar-Regoli ta' Proċedura) għas-snin 2011-2013(3),

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji dwar it-Trasparenza u l-Integrità fl-attivitajiet tal-lobbying tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar ir-reviżjoni ġenerali tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0133/2017),

A.  billi l-Unjoni "għandha tirrispetta l-prinċipju tal-ugwaljanza taċ-ċittadini tagħha, li għandhom jingħataw attenzjoni ndaqs mill-istituzzjonijiet [...] tagħha" (l-Artikolu 9 tat-TUE); billi "kull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni" u "d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'mod kemm jista' jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadin" (l-Artikolu 10(3) tat-TUE u espressi b'mod simili fit-13-il premessa għal tali Artikolu u l-Artikoli 1(2) u 9 tiegħu); billi "l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b'mod kemm jista' jkun miftuħ" (l-Artikolu 15(1) tat-TFUE);

B.  billi l-istituzzjonijiet tal-UE diġà għamlu progress biex isiru aktar miftuħa u, fil-biċċa l-kbira, diġà jinsabu quddiem l-istituzzjonijiet politiċi nazzjonali u reġjonali f'dak li jikkonċerna t-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità tagħhom

C.  billi d-djalogu bejn dawk li jfasslu l-liġijiet u s-soċjetà huwa parti essenzjali tad-demokrazija, bħalma hija r-rappreżentanza ta' gruppi ta' interess, u billi r-rappreżentanza adegwata tal-interessi differenti fil-proċess leġiżlattiv tipprovdi lill-membri bl-informazzjoni u l-għarfien espert u hija kruċjali għall-funzjonament xieraq tas-soċjetajiet pluralistiċi;

D.  billi, fid-dawl tad-distanza li kulma jmur qiegħda tikber bejn l-UE u ċ-ċittadini tagħha, u l-ħtieġa li jiżdied l-interess tal-mezzi tax-xandir fl-affarijiet tal-UE, l-istituzzjonijiet tal-UE jeħtiġilhom ifittxu l-ogħla standards possibbli ta' trasparenza, responsabbiltà u integrità; billi dawn il-prinċipji huma komponenti essenzjali u komplementari fil-promozzjoni ta' governanza tajba fl-istituzzjonijiet tal-UE u fl-impenn biex tiġi żgurata aktar trasparenza fil-funzjonament tal-UE u l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tagħha, u billi dawn għandhom ikunu l-prinċipji ewlenin tal-kultura fl-istituzzjonijiet;

E.  billi l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-UE hi fundamentali għad-demokrazija, għall-governanza t-tajba u għat-tfassil effikaċi tal-politika; billi jeħtieġ li jitnaqqsu l-lakuni li jeżistu fir-responsabbiltà politika fl-UE u li jsir avvanz lejn modi aktar kollaborattivi ta' skrutinju li jikkombinaw is-sorveljanza demokratika u l-attivitajiet ta' kontroll u awditjar filwaqt li tiġi pprovduta aktar trasparenza;

F.  billi, rappreżentanza ta' gruppi ta' interess mhux trasparenti u unilaterali jaf twassal għal riskju ta' korruzjoni u jaf tikkostitwixxi theddida sinifikanti u sfida serja għall-integrità ta' dawk li jfasslu l-politika u l-fiduċja tal-pubbliku fl-istituzzjonijiet tal-UE; billi l-korruzzjoni għandha konsegwenzi finanzjarji sinifikattivi u tikkostitwixxi theddida serja għad-demokrazija, għall-istat tad-dritt u għall-investiment pubbliku;

G.  billi att legali bħala bażi ġdida għal Reġistru tat-Trasparenza obbligatorju jeħtieġ definizzjoni legali tal-attivitajiet li jaqgħu taħt l-ambitu tar-reġistru, li tgħin biex jiġu ċċarati d-definizzjonijiet u l-interpretazzjonijiet ambigwi eżistenti tat-trasparenza, l-integrità u r-responsabbiltà;

H.  billi f'xi Stati Membri diġà ġew stabbiliti reġistri ta' trasparenza nazzjonali;

I.  billi, skont ir-rekwiżit ta' trasparenza stabbilit fl-Artikolu 15(3) tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE), iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni għandhom id-dritt ta' aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, il-korpi u aġenziji oħra tal-Unjoni(5);

Impenn biex ir-Reġistru tat-Trasparenza jkun kemm jista' jkun obbligatorju

1.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Bureau tiegħu li jitlob lill-amministrazzjoni tiegħu tiżviluppa mudell biex ir-rapporteurs u r-rapporteurs għal opinjoni jipproduċu impronta leġiżlattiva volontarja, li tistabbilixxi liema kienu r-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess u l-organizzazzjonijiet li kkonsultaw; il-mudell għandu jiġi pprovdut ukoll bħala għodda tal-IT;

2.  Ifakkar fir-reviżjoni tiegħu tar-Regoli ta' Proċedura tat-13 ta' Diċembru 2016, li jistabbilixxu li l-Membri għandhom jadottaw il-prattika sistematika li jiltaqgħu biss ma' rappreżentanti ta' gruppi ta' interess li rreġistraw fir-Reġistru tat-Trasparenza, u jappella biex jiġu inklużi l-laqgħat bejn ir-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess u s-Segretarji Ġenerali, id-Diretturi Ġenerali u s-Segretarji Ġenerali tal-gruppi politiċi; jitlob lill-Membri u lill-persunal tagħhom jiċċekkjaw jekk ir-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess li biħsiebhom jiltaqgħu magħhom humiex irreġistrati u, jekk le, jitlobhom jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli qabel il-laqgħa; iħeġġeġ lill-Kunsill idaħħal dispożizzjoni simili li tinkludi r-rappreżentanzi permanenti; iqis li hu neċessarju li r-reġistranti fir-Reġistru tat-Trasparenza jkunu obbligati jipproduċu dokumenti li juru li l-informazzjoni ppreżentata hija preċiża;

3.  Ifakkar fid-definizzjonijiet ta' x'jikkostitwixxi "laqgħa mar-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess" stabbilita fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Novembru 2014 dwar il-pubblikazzjoni tal-laqgħat; ifakkar fid-dispożizzjonijiet dwar x'informazzjoni tista' tinżamm taħt ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001; jemmen li d-dispożizzjonijiet dwar tali laqgħat m'għandhomx ikunu ristretti għal laqgħat "bilaterali", u għandhom jinkludu dawk ma' organizzazzjonijiet internazzjonali;

4.  Jistieden lill-Bureau tiegħu joħloq il-mezzi neċessarji sabiex jippermetti lill-Membri biex fuq il-profili Parlamentari tagħhom online jippubblikaw il-laqgħat tagħhom mar-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess jekk jixtiequ jagħmlu dan;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex lill-persunal tal-Kummissjoni rilevanti kollu (mil-livell ta' Kap ta' Unità 'l fuq) testendilu l-prattika li jiltaqa' biss ma' organizzazzjonijiet jew individwi li jaħdmu għal rashom li huma rreġistrati fir-Reġistru tat-Trasparenza;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippubblika l-laqgħat tal-persunal tal-Kummissjoni rilevanti kollha involuti fil-proċess tat-tfassil tal-politika tal-UE ma' organizzazzjonijiet esterni, filwaqt li tqis ir-regoli tal-protezzjoni tad-data meħtieġa; għall-persunal l-ieħor preżenti f'dawn il-laqgħat għandha tiġi ppubblikata r-referenza għall-unità jew is-servizz;

7.  Jappoġġa l-appell tal-Kummissjoni lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-persunal tagħhom, kif ukoll lill-aġenziji tagħha, sabiex iżommu lura milli jistiednu rappreżentanti ta' gruppi ta' interess mhux irreġistrati bħala kelliema, milli jagħtu patroċinju lill-avvenimenti ta' tali rappreżentanti jew jospitawhom fil-bini tal-UE u milli jħalluhom jipparteċipaw fil-korpi konsultattivi tal-Kummissjoni;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel mezz li l-informazzjoni kollha dwar ir-rappreżentanza ta' gruppi ta' interess lejn l-istituzzjonijiet tal-UE, id-dikjarazzjonijiet ta' interess, il-kunflitti ta' interess ikkonfermati u l-gruppi ta' esperti ikunu faċilment aċċessibbli għall-pubbliku permezz ta' punt uniku ta' servizz online;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa miżuri biex jinkiseb bilanċ aħjar billi tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-interessi ssottorappreżentati;

10.  Iqis li, fost il-Membri tal-Parlament Ewropew, dawk maħtura bħala rapporteur għar-rapporti leġiżlattivi jew presidenti ta' kumitati għandhom responsabbiltà speċjali li jkunu trasparenti dwar il-kuntatti tagħhom mar-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess fid-dawl tar-rwol tagħhom fil-leġiżlazzjoni tal-UE;

11.  Jemmen li l-entitajiet irreġistrati fir-Reġistru tat-Trasparenza għandhom, b'mod opportun, idaħħlu aġġornamenti obbligatorji fir-reġistru dwar in-nefqa għal attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tar-reġistru min-naħa tar-reġistranti tiegħu meta din in-nefqa taqbeż il-livell stabbilit għall-kategorija ikkonċernata;

12.  Jemmen li l-entitajiet irreġistrati kollha għandhom ikunu obbligati jippubblikaw fir-Reġistru tat-Trasparenza lista tad-donaturi kollha u d-donazzjonijiet rispettivi tagħhom li jaqbżu it-EUR 3 000, u jindikaw kemm in-natura kif ukoll il-valur tad-donazzjonijiet individwali ta' kull sena; id-donazzjonijiet singoli ta' valur li jaqbeż it-EUR 12 000 għandhom jiġu rrappurtati minnufih;

13.  Itenni t-talba li ilu jagħmel żmien twil biex ir-Reġistru tat-Trasparenza jkun appoġġat permezz ta' att legali, jekk ma jkunx possibbli li jingħalqu l-lakuni kollha u jkun hemm reġistru obbligatorju għalkollox għar-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess permezz ta' ftehim interistituzzjonali; iqis li l-proposta għal dan l-att legali tista' tqis il-progress miksub bis-saħħa tal-bidliet fil-ftehim interistituzzjonali u l-Kodiċi ta' Kondotta tal-Parlament; ifakkar lill-Kummissjoni dwar it-talba tiegħu fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2014(6) għal proposta leġiżlattiva adatta dwar reġistru tat-trasparenza obbligatorju li għandu jiġi ppreżentat skont l-Artikolu 352 tat-TFUE sa tmiem l-2016;

14.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kunsill, inklużi l-korpi preparatorji tiegħu, biex jingħaqad mar-Reġistru tat-Trasparenza mill-aktar fis possibbli; jistieden lill-Istati Membri kollha jdaħħlu leġiżlazzjoni li tippromwovi t-trasparenza tar-rappreżentanza ta' gruppi ta' interess; jistieden lill-Istati Membri jdaħħlu regoli li permezz tagħhom ir-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess għandhom juru trasparenza meta l-kuntatti tagħhom mal-politiċi nazzjonali u l-amministrazzjoni pubblika jkollhom l-għan li jinfluwenzaw il-leġiżlazzjoni Ewropea;

It-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità fir-relazzjonijiet mar-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess

15.  Ifakkar fid-deċiżjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2016 li jirtira l-privileġġi minn dawk li mhumiex lesti li jikkooperaw mal-inkjesti jew seduti u laqgħat tal-kumitati li għandhom missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tkompli temenda l-kodiċi ta' kondotta għal entitajiet irreġistrati biex tinċentivahom ħalli ma jipprovdux, bl-aktar rieda tajba, informazzjoni insuffiċjenti jew qarrieqa tul dawn is-seduti ta' smigħ jew laqgħat tal-kumitati; iqis li l-entitajiet irreġistrati fir-Reġistru tat-Trasparenza m'għandhomx jitħallew, skont il-kodiċi ta' kondotta, jimpjegaw individwi jew organizzazzjonijiet li jaħbu l-interessi jew il-partijiet jservu;

16.  Iqis li s-servizzi ta' konsulenza professjonali, id-ditti legali u l-konsulenti li jaħdmu għal rashom għandhom jindikaw il-volum eżatt ta' attivitajiet koperti mir-reġistru, filwaqt li jirrikonoxxi li ċerti individwi jaf jiġu ostakolati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali f'xi Stati Membri milli jilħqu r-rekwiżiti tar-Reġistru tat-Trasparenza;

17.  Jinsisti li l-entitajiet irreġistrati, inklużi d-ditti legali u s-servizzi ta' konsulenza, għandhom jiddikjaraw fir-Reġistru tat-Trasparenza l-klijenti kollha li f'isimhom iwettqu attivitajiet ta' rappreżentanza ta' gruppi ta' interess li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Reġistru tat-Trasparenza; jilqa' d-deċiżjonijiet reċenti meħuda mid-diversi għaqdiet tal-avukati li jirrikonoxxu d-differenzi bejn l-attivitajiet tal-avukati relatati mal-qorti u attivitajiet oħra li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-Reġistru tat-Trasparenza; jistieden, barra minn hekk, lill-Kunsill tal-Għaqdiet Ewropej tal-Avukati jħeġġeġ lill-membri tiegħu jadottaw miżuri simili, filwaqt li jirrikonoxxi li ċerti individwi jaf jiġu ostakolati minn leġiżlazzjoni nazzjonali f'xi Stati Membri milli jilħqu r-rekwiżiti tar-Reġistru tat-Trasparenza;

18.  Jinnota li f'ċerti Stati Membri jeżistu dispożizzjonijiet statutorji dwar ir-regoli tal-eżerċizzju tal-professjonijiet, li oġġettivament jimpedixxu, b'mod speċjali lid-ditti legali, li jirreġistraw lilhom infushom fir-Reġistru tat-Trasparenza u fil-proċess jiżvelaw l-informazzjoni dwar il-klijenti tagħhom kif mitlub mir-reġistru; jara wkoll, madankollu, riskju konsiderevoli fejn il-tali d-dispożizzjonijiet statutorji jaf jintużaw ukoll b'mod qarrieq sabiex jevitaw li jippubblikaw l-informazzjoni meħtieġa biex tiddaħħal kif suppost fir-reġistru; jilqa' b'rabta ma' dan il-fatt li l-organizzazzjonijiet professjonali tal-avukati huma mid-dehra lesti li jaħdmu fi sħubija biex jiżguraw li, fl-interess tal-professjoni, dan l-irtirar ta' informazzjoni jkun limitat esklużivament għal dak li tippermetti l-liġi b'mod oġġettiv; jistieden lill-Kummissjoni u lill-President tal-Parlament Ewropew jiżguraw li din id-disponibbiltà twassal għal riżultat prattiku fil-ftehim modifikat malajr kemm jista' jkun;

19.  Jitlob lill-Bureau, f'konformità mal-Artikolu 15 tat-TFUE u l-Artikolu 11 tat-TUE, jirrikjedi li ssir reġistrazzjoni qabel l-aċċess għall-bini tal-Parlament għal organizzazzjonijiet jew individwi mhux irreġistrati li jwettqu attivitajiet li jaqgħu taħt il-mandat tar-Reġistru tat-Trasparenza; iqis li l-gruppi ta' viżitaturi għandhom ikunu eżentati minn dan; jenfasizza li l-Parlament, bħala r-rappreżentant taċ-ċittadini Ewropej, għandu jħaddan politika miftuħa fil-konfront taċ-ċittadini u li m'għandu jinħoloqu ebda ostaklu li jista' jaqta' qalb iċ-ċittadini milli jżuru l-bini tiegħu;

20.  Jiddispjaċih li, skont l-organizzazzjoni Transparency International, aktar minn nofs l-entrati fir-reġistru tal-lobbisti tal-UE fl-2015 kienu ineżatti, inkompluti jew mingħajr tifsira;

21.  Jitlob lill-Bureau u lis-Segretarju Ġenerali tiegħu jħaffu l-proċess ta' riattivazzjoni meħtieġ għat-titoli ta' aċċess għall-lobbisti permezz tat-twaqqif ta' faċilità ta' riattivazzjoni magħżula bil-għan li jiġu evitati ħinijiet ta' stennija eċċessiva biex dak li jkun jikseb aċċess għall-bini; jitlob li titneħħa r-restrizzjoni li tipprevedi d-dħul ta' mhux aktar minn erba' detenturi tal-"pass" fil-bini tal-Parlament fl-istess ħin;

22.  Ifakkar fid-deċiżjoni tal-Parlament tat-13 ta' Diċembru 2016 fir-rigward tat-titoli ta' aċċess għall-membri tal-akkumpanjament, u jistieden lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jemenda r-regoli li jirregolaw it-titoli u l-awtorizzazzonijiet li jagħtu aċċess għall-binjiet tal-Parlament Ewropew mit-13 ta' Diċembru 2013, biex jobbligaw lil kull min għandu aktar minn 18-il sena biex huwa u japplika għal "pass" bħala membru tal-akkumpanjament jiffirma dokument li jiggarantixxi li dan mhux se jipparteċipaw f'attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Reġistru tat-Trasparenza;

23.  Jemmen li huwa meħtieġ, b'urġenza, li tiġi introdotta sistema xierqa ta' monitoraġġ tal-informazzjoni mogħtija sabiex ikun żgurat li l-informazzjoni li jipprovdu r-reġistranti tkun sodisfaċenti, preċiża, aġġornata u komprensiva; jappella, f'dan ir-rigward, li jiżdiedu b'mod sostanzjali r-riżorsi tal-Unità tat-Trasparenza fil-Parlament Ewropew u s-segretarjat komuni tar-reġistru tat-trasparenza

24.  Jemmen li d-dikjarazzjonijiet tal-entitajiet irreġistrati għandhom jiġu vverifikati mill-Unità tat-Trasparenza u s-segretarjat komuni tar-reġistru tat-trasparenza ta' kull sena u abbażi ta' kampjun aleatorju f'għadd suffiċjenti bil-għan li tiġi pprovduta data sodisfaċenti, preċiża, aġġornata u komprensiva;

25.  Jemmen, b'referenza għall-Artikoli 4(2) u 5(2) tat-TUE, li l-istituzzjonijiet statali eletti demokratikament u kkontrollati fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali u r-rappreżentanti tagħhom lejn l-istituzzjonijiet tal-UE, kif ukoll fil-korpi interni tagħhom u l-assoċjazzjonijiet formali u informali u l-organizzazzjonijiet umbrella li huma komposti esklużivament minnhom, m'għandhomx jaqgħu fl-ambitu tar-Reġistru tat-Trasparenza tal-UE jekk dawn jaġixxu fl-interess pubbliku, peress li huma parti mis-sistema ta' governanza tal-UE magħmula minna diversi livelli;

Id-difiża tal-integrità kontra l-kunflitti ta' interess

26.  jitlob lil dawk l-istituzzjonijiet u korpi tal-UE li għad m'għandhomx kodiċi ta' kondotta illi jiżviluppaw tali dokument kemm jista' jkun malajr; iqis li huwa ta' dispjaċir li l-Kunsill u l-Kunsill Ewropew għadhom ma addottawx kodiċi ta' kondotta għall-membri tagħhom; iħeġġeġ lill-Kunsill idaħħal kodiċi speċifiku ta' etika, inklużi s-sanzjonijiet, li jindirizza r-riskji speċifiċi għad-delegati nazzjonali; jinsisti li l-Kunsill irid ikun politikament responsabbli u trasparenti bħalma huma l-istituzzjonijiet l-oħrajn; jitlob ukoll li jitfassal kodiċi ta' kondotta għall-membri u l-persunal taż-żewġ korpi konsultattivi tal-UE, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew; jistieden lill-Aġenziji tal-UE jadottaw linji gwida għal politika koerenti dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess għall-membri tal-Bord tat-Tmexxija u d-Diretturi, esperti f'kumitati xjentifiċi, u l-membri ta' bordijiet ta' appell u biex tadotta u timplimenta politika ċara dwar il-kunflitti ta' interess, f'konformità mal-Pjan Direzzjonali dwar is-segwitu għall-Approċċ Komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati tal-UE;

27.  Jemmen li l-uffiċjali kollha tal-UE, inklużi l-aġenti temporanji, l-assistenti parlamentari akkreditati, l-aġenti kuntrattwali u l-esperti nazzjonali, jeħtiġilhom jingħataw taħriġ dwar kif jiġu ttrattati r-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess u l-kunflitti ta' interess, fost l-oħrajn billi jiġu inklużi l-integrità u t-trasparenza bħala punt obbligatorju li għandu jiġi diskuss matul il-proċeduri ta' reklutaġġ u l-valutazzjonijiet tal-prestazzjoni;

28.  Jissottolinja l-ħtieġa li tissaħħaħ l-integrità u jittejjeb il-qafas etiku permezz ta' kodiċijiet ta' mġiba u prinċipji etiċi ċari u msaħħa, ħalli jkun hemm l-iżvilupp ta' kultura komuni u effikaċi ta' integrità għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-UE;

29.  Jirrikonoxxi li l-effett "revolving door" jista' jkun ta' ħsara għar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u r-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jiżviluppaw approċċ sistematiku u proporzjonali għal din l-isfida; iqis li r-regolamentazzjoni kollha rigward l-effett "revolving door" għandha tiġi applikata wkoll għall-President tal-Kunsill;

30.  Jitlob sabiex jissaħħu r-restrizzjonijiet fuq il-Kummissarji preċedenti billi "l-perjodu ta' preklużjoni" (cooling-off) jiġi estiż għal tliet snin u billi dan isir vinkolanti minn tal-anqas għall-attivitajiet kollha li jaqgħu taħt il-mandat tar-Reġistru tat-Trasparenza;

31.  Jemmen li d-deċiżjonijiet dwar ir-rwoli l-ġodda tal-uffiċjali għoljin u tal-ex Kummissarji għandhom jittieħdu minn awtorità maħtura b'mod indipendenti kemm jista' jkun minn dawk milquta mid-deċiżjonijiet tagħha;

32.  Jitlob li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE għandhom jiddivulgaw, fuq bażi annwali, f'konformità mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, l-informazzjoni dwar l-funzjonarji anzjani li telqu mill-amministrazzjoni tal-UE u dwar ir-rwoli li jkunu ħadu;

33.  Huwa tal-fehma li għandu jitqies perjodu ta' preklużjoni ta' 18-il xahar fi tmiem l-inkarigu tal-membri esterni u ad hoc tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju fil-kuntest ta' regolamentazzjoni aħjar u tal-membri tal-Bord tad-Diretturi tal-Bank Ewropew tal-Investiment, perjodu li matulu m'għandhomx jagħmlu attivitajiet ta' lobbying immirati lejn il-membri tal-korpi governattivi tal-BEI u l-persunal tal-Bank għan-negozju, il-klijent jew l-impjegatur tagħhom;

L-integrità u l-kompożizzjoni bilanċjata tal-gruppi ta' esperti

34.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman kontra l-kunflitti ta' interess fil-gruppi ta' esperti, u tappoġġa b'mod espliċitu l-pubblikazzjoni ta' CV ddettaljat biżżejjed ta' kull wieħed mill-esperti maħtura fil-kapaċità personali tiegħu jew tagħha fuq ir-reġistru tal-gruppi ta' esperti, flimkien ma' dikjarazzjoni tal-interessi ta' kull wieħed mill-esperti maħtura fil-kapaċità personali tiegħu jew tagħha fuq ir-reġistru tal-gruppi tal-esperti;

35.  Jappoġġa t-talba tal-Ombudsman biex id-dħul fir-Reġistru tat-Trasparenza isir rekwiżit għall-ħatra fi gruppi ta' esperti għal dawk il-Membri li ma jkunux uffiċjali governattivi u ma jirċevux it-totalità jew il-parti l-kbira tad-dħul l-ieħor tagħhom minn istituzzjonijiet tal-istat, bħall-universitajiet, jekk wieħed jassumi li dawn tal-aħħar ma jirċevux finanzjament minn rappreżentanti ta' gruppi ta' interess u partijiet ikkonċernati ekonomiċi u kummerċjali;

36.  Jemmen li dispożizzjoni li fiha l-kriterji ġenerali għad-delimitazzjoni taż-żoni ekonomiċi u mhux ekonomiċi, kif irrakkomandat mill-Ombudsman u abbażi tad-dikjarazzjonijiet ta' interessi tal-esperti għandha tgħin lill-Kummissjoni biex tagħżel esperti li jirrappreżentaw interessi b'ekwilibriju aħjar;

37.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippubblika l-minuti kollha tal-laqgħat tal-gruppi ta' esperti fuq il-website tagħha, inkluża d-diversità tal-opinjonijiet rappreżentati;

38.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-konsultazzjonijiet jesploraw mistoqsijiet miftuħa minflok sempliċiment jippruvaw jikkonfermaw id-direzzjoni politika magħżula;

L-integrità tal-elezzjonijiet Ewropej

39.  Jemmen li, fil-qafas tal-liġi elettorali Ewropea, in-nomini tal-kandidati fil-partiti jridu jitwettqu b'mod demokratiku, b'mod sigriet u bil-parteċipazzjoni xierqa tal-Membri, u li persuni li nstabu ħatja b'sentenza finali ta' korruzzjoni kontra l-interessi finanzjarji tal-UE jew fl-Istati Membri għandhom jitilfu d-dritt li joħorġu għall-elezzjoni għal perjodu proporzjonat mas-serjetà tar-reat; jinnota li din l-proċedura ta' skwalifika diġà hija stabbilita f'xi Stati Membri; iqis li strument ġdid, bħal direttiva, jista' jistabbilixxi standards minimi komuni għal prattiki u oqfsa legali differenti fl-Istati Membri differenti rigward l-iskwalifika minħabba l-korruzzjoni;

It-tisħiħ tar-responsabbiltà legali tal-Kummissarji

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tislet mill-prassi t-tajba tal-Istati Membri bil-liġijiet għall-ministri billi tippreżenta proposta leġiżlattiva li tistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi ta' trasparenza tal-Kummissarji, skont il-proċedura ta' kodeċiżjoni;

41.  Jitlob li d-deċiżjoni li tistabbilixxi r-remunerazzjoni tal-Kummissarji, inklużi s-salarji tagħhom, li kienet ittieħdet esklużivament mill-Kunsill mindu twaqqfu l-Komunitajiet Ewropej, tiġi ttrasferita fil-proċedura ta' kodeċiżjoni;

42.  Jirrimarka li xi Stati Membri m'għandhomx liġijiet dwar ministri li jeskludu l-possibbiltà għad-detenturi ta' kariga milli jkunu proprjetarji uniċi jew proprjetarji parzjali ta' negozji;

Il-kunflitti ta' interess fil-ġestjoni kondiviża u f'pajjiżi terzi b'rabta mal-ġestjoni tal-fondi tal-UE

43.  Jemmen li jeżisti kunflitt serju ta' interess fil-possibbiltà li negozji li jkunu proprjetà ta' uffiċjali tal-UE jistgħu japplikaw għal fondi tal-UE jew jistgħu jirċievu tali fondi bħala subkuntratturi, filwaqt li s-sidien u d-detenturi ta' kariga stess huma responsabbli kemm għalk-użu xieraq tal-fondi kif ukoll għall-kontroll tal-użu tagħhom;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora klawsola f'liġijiet futuri kollha tal-UE dwar il-pagamenti li jindikaw li n-negozji li huma proprjetà ta' detenturi ta' kariga fl-Istati Membri tal-UE u f'pajjiżi terzi ma jistgħu jitolbu jew jirċievu l-ebda finanzjament mill-UE;

It-twettiq tal-objettiv ta' aċċess sħiħ għad-dokumenti u t-trasparenza għall-finijiet tar-responsabbiltà fil-proċess leġiżlattiv

45.  Ifakkar fit-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti għas-snin 2014-2015(7), li fihom huwa:

–  talab biex il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, jitwessa' biex jinkludi l-istituzzjonijiet Ewropej kollha li bħalissa mhumiex koperti, bħall-Kunsill Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-korpi u l-aġenziji kollha tal-UE,

–  appella wkoll biex ikun hemm konformità sħiħa mal-obbligu li għandhom l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u korpi oħra li jżommu reġistri kompluti ta' dokumenti, kif stabbilit fl-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001,

–  qies li d-dokumenti li nħolqu fit-trilogi, bħall-aġendi, is-sommarji tar-riżultati, il-minuti u l-approċċi ġenerali fil-Kunsill, huma marbuta ma' proċeduri leġiżlattivi u, fil-prinċipju, m'għandhomx jiġu ttrattati b'mod differenti minn dokumenti leġiżlattivi oħra u għandhom ikunu direttament aċċessibbli fuq il-website tal-Parlament,

–  appella biex ikun hemm reġistru interistituzzjonali komuni, li jinkludi databażi konġunta maħsuba apposta dwar l-istat attwali tal-fajls leġiżlattivi li għalihom għaddejjin ix-xogħlijiet kif maqbul fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet,

–  appella lill-Kunsill biex jippubblika l-minuti tal-laqgħat tal-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill u dokumenti oħra,

–  stieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi reġistru li jiġbor il-leġiżlazzjoni kollha tat-tieni livell, b'mod partikolari għal atti delegati, u nnota li l-ħidma dwar il-ħolqien tiegħu kienet għaddejja kif maqbul fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet,

–  esprima t-twemmin tiegħu fil-ħtieġa li tiġi introdotta awtorità ta' sorveljanza indipendenti għall-klassifikazzjoni u d-deklassifikazzjoni tad-dokumenti,

–  appella biex isiru disponibbli l-aġendi u n-noti ta' feedback tal-Koordinaturi tal-Kumitati tal-Parlament, il-Bureau u l-Konferenza tal-Presidenti, u, fil-prinċipju, biex id-dokumenti kollha msemmija f'dawn l-aġendi jkunu disponibbli wkoll, billi jiġu ppubblikati fuq il-website tal-Parlament;

It-trasparenza tar-rappreżentanza esterna u tan-negozjati tal-UE

46.  Jilqa' l-każistika reċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li ssaħħaħ id-dritt tal-Parlament għall-informazzjoni dwar il-ftehimiet internazzjonali, u l-impenn min-naħa tal-istituzzjonijiet li jagħtu segwitu għall-paragrafu 40 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet billi jinnegozjaw kooperazzjoni msaħħa u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni; jieħu nota li n-negozjati bdew fi tmiem l-2016 u, f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jimpenjaw ruħhom b'mod ġenwin u jagħmlu l-isforzi kollha meħtieġa biex jintlaħaq ftehim kemm jista' jkun malajr mal-Parlament dwar kooperazzjoni mtejba u l-kondivizjoni tal-informazzjoni mal-Parlament tul iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-ftehimiet internazzjonali, peress li dan jgħin biex tiżdied il-leġittimità u l-iskrutinju demokratiku tal-azzjoni esterna tal-UE;

47.  Jinnota li, għad li hemm ftehim ta' kooperazzjoni interistituzzjoniali bejn il-Parlament u l-Kummissjoni, m'hemm l-ebda arranġament ekwivalenti bejn il-Parlament u l-Kunsill;

48.  jisħaq fuq l-isforzi reċenti tal-Kummissjoni biex iżżid it-trasparenza fin-negozjati kummerċjali; jemmen, madankollu, li l-Kunsill u l-Kummisjoni xorta waħda għandhom itejbu l-metodi ta' ħidma tagħhom biex jikkooperaw aħjar mal-Parlament rigward l-aċċess għad-dokumenti, għall-informazzjoni u għat-teħid ta' deċiżjonijiet fir-rigward tal-kwistjonijiet u n-negozjati kollha relatati mal-politika kummerċjali komuni (bħall-informazzjoni relatata man-negozjati – inklużi t-tfassil tal-ambitu, il-mandati u l-andament tan-negozjati – in-natura mħallta jew esklużiva tal-ftehimiet kummerċjali u l-applikazzjoni proviżorja tagħhom, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet meħuda mill-korpi stabbiliti mill-ftehimiet kummerċjali u/jew ta' investiment, il-laqgħat tal-esperti, u l-atti delegati u ta' implimentazzjoni); jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, li l-Kunsill ma qegħedx il-mandati ta' negozjati għall-ftehimiet kollha li attwalment qegħdin jiġu nnegozjati għad-dispożizzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew u tal-pubbliku, iżda jilqa' l-fatt li fl-aħħar, wara sena ta' negozjati bejn il-Kummissjoni u l-Parlament dwar l-aċċess għad-dokumenti relatati man-negozjati dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP), intlaħaq ftehim operattiv sabiex jingħata aċċess lill-Membri kollha tal-PE, b'mod li issa n-negozjati dwar it-TTIP saru aktar trasparenti milli qatt kienu; jilqa', f'dan ir-rigward, l-ambizzjoni tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ tal-Kummissjoni li juża l-inizjattiva għat-trasparenza attwali dwar it-TTIP bħala mudell għan-negozjati kummerċjali kollha, kif ġie spjegat fl-istrateġija Kummerċ għal Kulħadd u li jimplimentaha;

49.  Jenfasizza li, kif osservat il-QtĠ-UE, l-imperattivi għat-trasparenza jirriżultaw min-natura demokratika tal-governanza fl-UE, u li, meta infomazzjoni kunfidenzjali mhijiex aċċessibbli għall-pubbliku, bħal fil-każ ta' negozjati kummerċjali, din għandha tkun disponibbli għall-Membri Parlamentari li jwettqu skrutinju fuq il-politika kummerċjali f'isem iċ-ċittadini; iqis għalhekk li l-aċċess għall-informazzjoni klassifikata huwa essenzjali għall-iskrutinju mill-Parlament, li min-naħa tiegħu għandu jirrispetta l-obbligu tiegħu li jiġġestixxi l-infomazzjoni ta' dan it-tip b'mod xieraq; iqis li għandu jkun hemm kriterji ċari sabiex dokumenti jitqiesu bħala "klassifikati" biex jiġu evitati l-ambigwità u deċiżjonijiet arbitrarji, u wkoll li d-dokument għandu jiġi deklassifikat hekk kif il-klassifikazzjoni ma tibqax meħtieġa; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk jistax jiġi ppubblikat dokument tan-negozjati hekk kif id-dokument imsemmi jkun ġie finalizzat internament; jinnota li l-ġurisprudenza tal-QtĠ-UE hija ċara dwar il-fatt li, meta dokument li joriġina minn istituzzjoni tal-UE jkun kopert minn eċċezzjoni għad-dritt ta' aċċess pubbliku, l-istituzzjoni għandha tispjega b'mod ċar għalfejn l-aċċess għal dan id-dokument jista', b'mod konkret u effikaċi, jippreġudika l-interess protett mill-eċċezzjoni, u li dan ir-riskju għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew ta' Lulju 2014, b'mod partikolari rigward l-aċċess għad-dokumenti għan-negozjati kollha u dwar il-pubblikazzjoni tal-aġendi tal-laqgħat u r-rekords tal-laqgħat miżmuma ma' individwi u organizzazzjonijiet li jaqgħu taħt il-mandat tar-Reġistru tat-Trasparenza; jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament u lill-pubbliku dwar l-abbozzi tal-aġendi għaċ-ċikli ta' negozjati qabel in-negozjati, u l-aġendi u r-rapporti finali wara n-negozjati;

50.  Jemmen li l-UE trid tassumi rwol ta' tmexxija fit-tisħiħ tat-trasparenza fin-negozjati, mhux biss għall-proċessi bilaterali, iżda wkoll għall-proċessi plurilaterali u multilaterali fejn possibbli, bl-istess livell ta' trasparenza daqs dik tan-negozjati organizzati fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO); jenfasizza, madankollu, li l-Kummissjoni tird ukoll tikkonvinċi lis-sħab tagħha fin-negozjati jżidu t-trasparenza min-naħa tagħhom, sabiex tiżgura li dan ikun proċess reċiproku fejn il-pożizzjoni ta' negozjar tal-UE ma tiġix ippreġudikata, u tinkludi l-livell mixtieq ta' trasparenza fl-eżerċizzji tagħha ta' tfassil tal-ambitu ma' sħab fin-negozjati potenzjali; jisħaq fuq il-punt li żieda fit-trasparenza hija fl-interess tas-sħab fin-negozjati u tal-partijiet interessati madwar id-dinja tal-UE kollha, u tista' ssaħħaħ l-appoġġ globali għal kummerċ ibbażat fuq ir-regoli;

51.  Ifakkar l-importanza li l-proċess leġiżlattiv għall-politika kummerċjali komuni tistrieħ fuq statistika tal-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 338(2) tat-TFUE u fuq valutazzjonijiet tal-impatt u valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibbiltà li jkunu konformi mal-ogħla standards ta' imparzjalità u affidabbiltà, prinċipju li għandu jkun ta' gwida għar-reviżjonijiet rispettivi kollha fil-qafas tal-politika "Regolamentazzjoni Aħjar" tal-Kummissjoni; iqis li valutazzjonijiet tal-impatt għal kull settur individwali kieku jagħtu livell ogħla ta' affidabbiltà u leġittimità lill-ftehimiet kummerċjali tal-UE;

52.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016(8) biex tfassal abbozz ta' Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar it-trasparenza, l-integrità u r-responsabbiltà, maħsub biex jagħti direzzjoni lill-azzjonijiet tar-rappreżentanti tal-UE f'organizzazzjonijiet/korpi internazzjonali; jitlob koerenza u koordinament aħjar tal-politika fost l-istituzzjonijiet globali permezz tal-introduzzjoni ta' standards komprensivi ta' leġittimità demokratika, trasparenza, responsabbiltà u integrità; huwa tal-fehma li l-UE għandha tissemplifika u tikkodifika r-rappreżentanza tagħha f'organizzazzjonijiet/korpi multilaterali bil-għan li żżid it-trasparenza, l-integrità u r-responsabbiltà tal-involviment tal-Unjoni f'dawn il-korpi, l-influwenza tagħha u l-promozzjoni tal-leġiżlazzjoni li adottat permezz ta' proċess demokratiku; jitlob l-adozzjoni ta' ftehim interistituzzjonali bil-għan li jiġu fformalizzati d-djalogi bejn ir-rappreżentanti tal-UE u l-Parlament, li għandhom jiġu organizzati mal-Parlament Ewropew bil-għan li jiġu stabbiliti l-linji gwida rigward l-adozzjoni u l-koerenza tal-pożizzjonijiet Ewropej qabel in-negozjati internazzjonali ewlenin;

It-trasparenza u r-responsabbiltà fil-qasam tan-nefqa pubblika

53.  Jemmen li d-data dwar il-baġit u l-infiq fl-UE għandha tkun trasparenti u ġustifikabbli permezz tal-pubblikazzjoni, inkluż fil-livell tal-Istati Membri fir-rigward tal-ġestjoni kondiviża;

It-trasparenza u r-responsabbiltà tal-governanza ekonomika fiż-żona tal-euro

54.  Jemmen li d-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-Grupp tal-Euro, fil-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, fil-laqgħat "informali" tal-Kunsill ECOFIN u f'summits taż-Żona tal-Euro jeħtieġ jiġu istituzzjonalizzati u, fejn meħtieġ, isiru trasparenti u responsabbli, fosthom permezz tal-pubblikazzjoni tal-aġendi u l-minuti tagħhom, billi jinstab bilanċ tajjeb bejn it-trasparenza awspikabbli u l-protezzjoni meħtieġa tal-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Unjoni jew ta' Stat Membru;

It-trasparenza u r-responsabbiltà f'dak li jikkonċerna l-baġit tal-UE

55.  Jinnota li fis-sena 2014, ġie konkluż total ta' 40 każ dwar persunal tal-UE u membri tal-istituzzjonijiet; jissottolinja li din iċ-ċifra hija baxxa u turi li l-frodi u l-korruzzjoni mhumiex endemiċi fl-istituzzjonijiet tal-UE(9);

56.  Jenfasizza li fl-2014, l-ogħla numru ta' każijiet potenzjali ta' frodi rrappurtati lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) kellhom x'jaqsmu mal-użu tal-Fondi Strutturali Ewropej (549 minn 1 417 allegazzjoni); jissottolinja li l-OLAF irrakkomanda l-irkupru finanzjarju ta' EUR 476.5 miljun f'fondi strutturali fl-2014; jinnota li EUR 22.7 miljun ġew irkuprati mill-awtoritajiet relevanti wara r-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF fl-2014; jistieden lill-Istati Membri jipprijoritizzaw l-allokazzjoni xierqa tal-fondi tal-UE u jimmassimizzaw l-isforzi tagħhom biex jirkuprawhom meta dawn ma jiġux allokati kif imiss(10);

57.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq reviżjoni tal-hekk imsejħa "six-pack" u "two-pack" b'tali mod li tagħti lill-Parlament setgħat ta' skrutinju akbar fuq tal-adozzjoni tad-dokumenti ewlenin tas-Semestru Ewropew, u mezzi partikolarment effikaċi li jiggarantixxu r-rispett tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

58.  Jistieden lill-Grupp tal-Euro jinkludi lill-Parlament fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet kuntrattwali miftiehma mal-benefiċjarji tal-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà;

Il-protezzjoni tal-informaturi (whistleblowers) u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni

59.  Jilqa' l-investigazzjoni tal-Ombudsman Ewropew dwar jekk l-Istituzzjonijiet tal-UE humiex qegħdin jirrispettaw l-obbligu tagħhom li jdaħħlu regoli interni għall-iżvelar ta' informazzjoni protetta (whistleblowing); jiddispjaċih dwar is-sejbiet tal-Ombudsman li wħud mill-istituzzjonijiet tal-UE għadhom ma implimentawx b'mod xieraq regoli għall-protezzjoni tal-informaturi; jinnota li, s'issa, il-Parlament, il-Kummissjoni, l-Uffiċju tal-Ombudsman u l-Qorti tal-Awdituri biss adottaw tali regoli; jitlob lill-Parlament iwettaq studju dwar mekkaniżmu għall-protezzjoni tal-Assistenti Parlamentari Akkreditati f'każ li dawn isiru informaturi;

60.  Iqis li l-protezzjoni effikaċi tal-informaturi hija arma importanti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u, għaldaqstant, itenni l-appell tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015(11) indirizzat lill-Kummissjoni biex, sa Ġunju 2016, tipproponi qafas leġiżlattiv tal-UE għall-protezzjoni effettiva tal-informaturi u simili(12), b'kont meħud tal-valutazzjoni tar-regoli fil-livell nazzjonali sabiex jipprovdu għal regoli minimi għall-protezzjoni tal-informaturi;

61.  Jitlob lill-Kummissjoni tapplika miżuri stretti fir-rigward tad-diskrezzjoni u l-esklużjoni f'dak li jikkonċerna l-akkwist pubbliku, b'verifiki xierqa kwantu għall-isfond f'kull każ, u jitlobha wkoll tapplika l-kriterji tal-esklużjoni ħalli l-kumpanniji ma jitħallewx joperaw f'każ ta' kunflitt ta' interess, billi dan hu essenzjali għall-ħarsien tal-kredibbiltà tal-istituzzjonijiet;

62.  Jemmen li l-informaturi iżjed sabu prosekuzzjoni milli appoġġ, anki fl-istituzzjonijiet tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi emenda għar-regolament li jirregola l-Uffiċċju tal-Ombudsman u żżid il-kompetenzi tagħha peress li hu punt fokali għall-informaturi li jispiċċaw vittmi ta' trattament ħażin; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi żieda xierqa fil-baġit tal-Uffiċċju tal-Ombudsman biex dan il-kompitu ġdid u impenjattiv ikun jista' jsir.

63.  Jitlob li l-UE tagħmel progress fl-applikazzjoni tagħha għal sħubija fil-Grupp tal-Kunsill tal-Ewropa tal-Istati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) kemm jista' jkun malajr, u li l-Parlament jinżamm aġġornat bil-progress f'din l-applikazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fir-rapport ħarsa ġenerali lejn l-akbar problemi ta' korruzzjoni fl-Istati Membri, ir-rakkomandazzjonijiet tal-politika biex jiġu indirizzati u l-miżuri ta' segwitu li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni, filwaqt li tqis speċifikament l-impatt negattiv tal-attivitajiet korrotti fuq il-funzjonament tas-suq intern;

64.  Jemmen li persuni misjuba ħatja permezz ta' sentenza finali ta' korruzzjoni fl-UE jew kumpaniji mmexxija jew ta' proprjetà ta' persuni li wettqu atti ta' korruzzjoni jew miżapproprijazzjoni ta' fondi pubbliċi għall-benefiċċju tal-kumpanija tagħhom u li jkunu nstabu ħatja permezz ta' sentenza finali għal dawn ir-raġunijiet, għal minn tal-anqas tliet snin, għandhom jiġu pprojbiti milli jidħlu f'kuntratti pubbliċi mal-Unjoni Ewropea u milli jibbenefikaw mill-fondi tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi s-sistema ta' esklużjoni tagħha; jenfasizza li l-kumpaniji esklużi mis-sejħa għall-offerti għal fondi tal-UE mill-Kummissjoni għandha għandhom jitniżżlu pubblikament b'mod awtomatiku f'lista għal protezzjoni aħjar tal-interessi finanzjarji tal-UE u b'hekk ikun jista' jsir skrutinju mill-pubbliku ġenerali;

65.  Jinnota li mindu saret membru approvat tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC) fit-12 ta' Novembru 2008, l-Unjoni Ewropea ma pparteċipatx fil-mekkaniżmu tar-reviżjoni prevista mill-Konvenzjoni, u lanqas ma ħadet l-ewwel pass lejn it-tlestija ta' awtovalutazzjoni ta' kif qed timplimenta l-obbligi tagħha taħt il-Konvenzjoni; jistieden lill-Unjoni Ewropea tissodisfa l-obbligi tagħha skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC) billi twettaq awtovalutazzjoni ta' kif qed timplimenta l-obbligi tagħha taħt il-Konvenzjoni u tipparteċipa fil-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni bejn il-pari; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika r-Rapport tal-UE Kontra l-Korruzzjoni tagħha li jmiss malajr kemm jista' jkun, u jistedinha biex fir-Rapporti tal-UE Kontra l-Korruzzjoni tinkludi kapitolu dwar l-istituzzjonijiet tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni twettaq aktar analiżi f'livell kemm ta' istituzzjonijiet tal-UE kemm tal-Istati Membri tal-ambjent li fih jiġu implementati l-politiki, ħalli jkunu identifikati fatturi kritiċi inerenti, oqsma vulernabbli u fatturi ta' riskju li jwasslu għall-korruzzjoni;

66.  Ifakkar fid-deċiżjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2014 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali 2012/0193 (COD), u jitlob li tittieħed deċiżjoni rapida f'dan ir-rigward;

L-integrità fir-regolamentaazjoni tal-UE

67.  Jistieden lill-Kummissjoni tesplora salvagwardji sistemiċi bil-ħsieb li jiġu evitati kunflitti ta' interess fil-qasam tar-regolamentazzjoni ta' prodotti industrijali u tal-infurzar tal-politika; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-kunflitt strutturali attwali ta' interessi fil-valutazzjoni pubblika tar-riskju ta' prodotti regolati, jiġifieri li l-valutazzjoni ta' dawn il-prodotti hi fil-parti l-kbira jew unikament ibbażata fuq l-istudji mwettqa mill-applikanti jew partijiet terzi mħallsa minnhom, filwaqt li r-riċerka indipendenti ta' spiss tiġi injorata jew miċħuda; jinsisti li l-produtturi xorta għandhom jipprovdu studji, b'kondiviżjoni tal-ispejjeż bejn il-kumpaniji l-kbar u l-SMEs abbażi tas-sehem relattiv fis-suq biex tiġi żgurata l-ġustizzja, iżda l-assessuri kollha għandhom ikunu obbligati jikkunsidraw bis-sħiħ ix-xjenza indipendenti, evalwata bejn il-pari, fil-valutazzjoni tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod partikolari tirrevedi l-komunikazzjoni tagħha tal-2002 dwar il-prinċipji ġenerali u l-istandards minimi għall-konsultazzjoni tal-partijiet interessati; jissuġġerixxi li, sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet li jitqajmu mit-trażżin selettiv tas-sejbiet tar-riċerka mhux favorevoli, bħala kondizzjoni għal parteċipazzjoni fil-proċessi regolatorji u ta' politika, għandu jkun hemm reġistrazzjoni minn qabel tal-istudji u tal-provi xjentifiċi, li tispeċifika l-ambitu u d-data tal-konklużjoni mistennija; jenfasizza, fl-interess ta' konsulenza xjentifika soda u indipendenti għat-tfassil tal-politika, l-importanza ta' riżorsi adegwati għall-iżvilupp ta' kompetenzi interni fl-aġenziji speċjalizzati tal-UE, inkluża l-opportunità li jsiru riċerka u ttestjar li jistgħu jiġu ppubblikati, u b'hekk is-servizz pubbliku ikun aktar attraenti fi rwoli ta' konsulenza regolatorja mingħajr tfixkil fil-progress tal-karrieri akkademiċi tax-xjentisti;

It-tisħiħ tar-responsabbiltà parlamentari tal-Kummissjoni u l-aġenziji tagħha

68.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal regolament għall-aġenziji kollha tal-UE, li fl-ambitu tiegħu il-Parlament Ewropew se jingħata setgħat ta' kodeċiżjoni fil-ħatra jew it-tkeċċija tad-diretturi ta' tali aġenziji u dritt dirett li jagħmlulhom mistoqsijiet u jisimgħuhom;

69.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' esperti indipendenti fl-aġenziji tal-UE u l-ħtieġa li tingħata aktar importanza lill-eliminazzjoni tal-kunflitti ta' interess fil-bordijiet tal-aġenziji; jinnota li, attwalment, l-esperti minn għadd ta' aġenziji, inkluża l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), ma jitħallsux; jappella biex l-esperti fl-aġenziji regolatorji li jirrappreżentaw, pereżempju, lill-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ jew lill-akkademiċi jirċievu kumpens adegwat; jenfasizza l-importanza li jkun hemm riżorsi adegwati għall-iżvilupp tal-kompetenzi interni fl-aġenziji speċjalizzati tal-UE;

70.  Jappella lill-EFSA, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) u l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) jirrevedu b'mod urġenti il-politiki ta' indipendenza tagħhom bil-għan li jiggarantixxu b'mod espliċitu l-indipendenza stretta tagħhom mis-setturi ekonomiċi kollha li huma jirregolaw u bil-għan li jevitaw il-kunflitti ta' interess fost il-membri tal-persunal u l-esperti tagħhom;

71.  Jappoġġa l-prattika li l-parlamenti nazzjonali jistiednu lill-Kummissarji biex jagħmlulhom mistoqsijiet;

72.  Ifakkar li s-setgħa li jitwaqqfu l-kumitati ta' inkjesta hija karatteristika intrinsika tas-sistemi parlamentari fid-dinja kollha, u li t-Trattat ta' Lisbona jipprevedi proċedura leġiżlattiva speċjali għall-adozzjoni ta' regolament dwar id-dritt ta' inkjesta fl-Artikolu 226(3) tat-TFUE; jisħaq fuq il-punt li, f'konformità mal-prinċipju ta' kooperazzjoni leali, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jaqblu dwar l-adozzjoni ta' regolament ġdid;

73.  Jitlob deċiżjoni rapida min-naħa tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-proposta tal-Parlament tat-23 ta' Mejju 2012 għal regolament tal-Parlament Ewropew dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament(13);

°

°  °

74.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

Testi adottati, P7_TA(2014)0376.

(2)

Testi adottati, P6_TA(2008)0197.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2014)0203.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2016)0484.

(5)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Settembru 2010, ir-Renju tal-Iżvezja vs Association de la presse internationale ASBL (API) u Il-Kummissjoni Ewropea (C-514/07 P), Association de la presse internationale ASBL (API) vs Il-Kummissjoni Ewropea (C-528/07 P) u Il-Kummissjoni Ewropea v Association de la presse internationale ASBL (API) (C-532/07 P), Kawżi Magħquda C-514/07 P, C-528/07 P u C-532/07 P, ECLI:EU:C:2010:541.

(6)

Testi adottati, P7_TA(2014)0376.

(7)

Testi adottati, P8_TA(2016)0202.

(8)

Testi adottati, P8_TA(2016)0108.

(9)

Ir-rapport tal-OLAF 2014, il-15-il rapport tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, l-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2014.

(10)

Ibid.

(11)

Testi adottati, P8_TA(2015)0408.

(12)

Rapporteur, verbatim mir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015 dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili (Testi adottati, P8_TA(2015)0408).

(13)

Testi adottati, P7_TA(2012)0219.


NOTA SPJEGATTIVA

Id-distanza miċ-ċittadini toħloq il-ħtieġa tal-ogħla standards ta' trasparenza, responsabbiltà u integrità

L-istituzzjonijiet tal-UE huma aktar trasparenti, aktar responsabbli u aktar nodfa minn ħafna istituzzjonijiet politiċi oħrajn fil-livell nazzjonali jew reġjonali fl-Ewropa. Iċ-ċittadini jistgħu jsegwu kważi l-laqgħat kollha tal-kumitati permezz tal-web streaming: trasparenza li fil-biċċa l-kbira tal-parlamenti tal-Istati Membri, s'issa ma teżistix. Il-Kummissjoni Ewropea hija amministrazzjoni miftuħa, ħafna aktar trasparenti u aċċessibbli minn dak li nafu mill-parti l-kbira tal-Istati Membri. Madankollu, għal diversi raġunijiet il-politika fi Brussell hija aktar distanti għaċ-ċittadini madwar l-UE. Il-livell ġenerali ta' fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-UE kif mistħarrġa mill-Eurostat mill-2014 hu ta' 42 %. Din l-istatistika turi żieda meta titqabbel mas-sena ta' qabel, iżda għadha baxxa meta titqabbel ma' snin oħra; fl-2002, pereżempju, il-perċentwal kien 59 %. Fil-maġġoranza ta' 20 Stat Membru, il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet nazzjonali hija ogħla. Huwa biss fi 8 pajjiżi li ċ-ċittadini għandhom aktar fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-UE milli f'dawk nazzjonali.

Il-politiki lokali u nazzjonali huma anqas imbiegħda għaċ-ċittadini: Il-midja jirrappurtaw dwarhom, iċ-ċittadini għandhom aktar kuntatti personali mar-rappreżentanti tagħhom, il-kwistjonijiet kultant jidhru anqas astratti u l-lingwa normalment mhix ostaklu fil-politika nazzjonali u lokali. Madankollu, minbarra dawn id-differenzi pjuttost strutturali, il-politika tal-UE tinħass aktar distanti għal ħafna ċittadini, minħabba l-perċezzjoni ta' nuqqas ta' influwenza taċ-ċittadini. Agħar minn hekk, l-Unjoni Ewropea tal-lum xi kultant hi meqjusa pjuttost bħala Ewropa ta' lobbisti aktar milli Ewropa taċ-ċittadini. Fi Brussell hemm aktar lobbisti milli hemm f'Washington D.C. Ir-riċerka turi żbilanċ enormi bejn l-aċċess u l-influwenza ta' interessi kummerċjali qawwija u l-interessi soċjetali aktar dgħajfa fuq dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE. Biex titnaqqas din il-perċezzjoni ta' distanza, dan ir-rapport jitlob li jkun hemm tliet approċċi: L-istituzzjonijiet tal-UE jridu jsaħħu t-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità u jistabbilixxu l-ogħla standards possibbli f'dawn l-oqsma.

L-integrità hija t-trattament ġust u ugwali tal-interessi taċ-ċittadini

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiggarantixxi li "l-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipju tal-ugwaljanza taċ-ċittadini tagħha, li għandhom jingħataw attenzjoni ndaqs mill-istituzzjonijiet" (Artikolu 9) u li ‘kull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni'. Madankollu, ir-realtà hija differenti: L-aċċess privileġġat ta' lobbies qawwija għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE jinsab f'kuntrast qawwi mat-trattament ugwali tal-interessi taċ-ċittadini. Dawk li diġà għandhom aktar flus u setgħa jistgħu faċilment jeżerċitaw aktar influwenza komparattivament. Biex jindirizzaw din il-lakuna, l-istituzzjonijiet tal-UE jeħtieġ li jsaħħu l-integrità tagħhom. L-integrità tfisser aċċess u piż ugwali għaċ-ċittadini fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet. Il-preferenza ta' interessi speċjali fuq l-interess ġenerali huwa l-oppost tal-integrità. L-għan ta' dan ir-rapport hu li jikkontribwixxi lejn is-separazzjoni tal-poter ekonomiku u politiku. Dan huwa wkoll fl-aħjar interess tal-maġġoranza vasta ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fl-Ewropa. Meta l-kumpaniji multinazzjonali jiktbu l-liġijiet, l-intrapriżi ż-żgħar ma jistgħux jirnexxu.

Insaħħu l-pożizzjoni taċ-ċittadini permezz ta' aċċess għall-informazzjoni u d-dokumenti

Biex inwettqu l-integrità fil-politika tal-UE, it-trattati jagħtu direzzjoni ulterjuri u fl-Artikolu 10(3) tat-TFUE jitolbu kif ġej: 'Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'mod kemm jista' jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadin'. Għalhekk aħna nifhmu li t-trasparenza tfisser li l-informazzjoni rilevanti kollha tkun magħmula disponibbli fil-ħin liċ-ċittadini biex jitnaqqsu l-lakuni ta' informazzjoni possibbli bejn iċ-ċittadini u l-lobbisti, anke bejn dawk li jirrappreżentaw interessi kummerċjali speċjali u dawk li jirrappreżentaw interessi aktar ġenerali tas-soċjetà. It-test u l-ispirtu tat-trattati jitolbu li tingħata attenzjoni speċjali liż-żmien tal-aċċess għall-informazzjoni. It-teħid ta' deċiżjonijiet 'kemm jista' jkun qrib iċ-ċittadin' tfisser li ċ-ċittadini għandhom jingħataw il-ħin li jassimilaw l-informazzjoni qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet. Barra minn hekk, il-kwistjoni tal-ugwaljanza bejn iċ-ċittadini hija kwistjoni ta' żmien. Billi t-teħid ta' deċiżjonijiet normalment huwa proċess kontinwu, tagħmel differenza li wieħed ikollu aċċess għad-dokumenti u għall-informazzjoni qabel ma l-ftehim isir. Id-differenzi bejn l-atturi professjonali mimlija riżorsi min-naħa l-waħda u ċ-ċittadini u anki l-Membri tal-Parlament min-naħa l-oħra jmorru kontra t-trattati u jikkorrompu l-integrità. Għalhekk, dokumenti sigrieti u informali li jiċċirkulaw bejn ftit persuni privileġġati mhumiex aċċettabbli. It-trattati jitolbu distinzjoni ċara: id-dokumenti huma jew pubbliċi jew eċċezzjonalment kklassifikati. Dan ifisser: Dak kollu li jafu l-lobbisti jrid ikun pubbliku għal kulħadd.

Il-proċess tat-tfassil tal-leġiżlazzjoni tal-UE hu ċentrali biex titjieb it-trasparenza fl-Unjoni Ewropea. Il-pubbliku għandu d-dritt ikun jaf li kellu influwenza fuq l-abbozzar tal-leġiżlazzjoni. Għodda ewlenija biex tinkiseb aktar trasparenza f'leġiżlazzjoni tal-UE hija l-introduzzjoni ta' impronta leġiżlattiva. Din tirreġistra l-influwenza ta' interessi differenti fuq kull biċċa leġiżlazzjoni u tippermetti stima tal-potenzjal ta' inugwaljanza tal-influwenza. Barra minn hekk, aktar ma l-informazzjoni rilevanti dwar il-laqgħat u l-input issir disponibbli fil-ħin reali, aktar jista' jiġi kkoreġut l-iżbilanċ qabel ma tiġi adottata l-leġislazzjoni. L-istudju tad-dipartiment tematiku "L-aspetti Istituzzjonali u Kostituzzjonali ta' Rappreżentanza ta' Gruppi ta' Interess Speċjali" għall-Kumitat AFCO jirrakkomanda li tiġi kkunsidrata l-introduzzjoni tiegħu.

Ir-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet tal-UE permezz tat-trasparenza

Skandli bħall-kwistjoni tal-flus għall-emendi wasslu għal regoli ġodda biex tkun salvagwardjata l-integrità tal-politika tal-UE. It-trattati jitolbu li kull min jaħdem fl-istituzzjonijiet: 'fit-twettiq tal-missjonijiet tagħhom, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandu jkollhom l-appoġġ ta' amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti' (Artikolu 298(1) tat-TFUE). Ir-responsabbiltà tista' tinkiseb biss permezz ta' dispożizzjonijiet li jiżguraw li l-istituzzjonijiet, dawk li jokkupaw l-uffiċċji u l-persunal jirrapportaw b'mod trasparenti dwar il-ħidma tagħhom.

Minkejja li ħafna stadji tal-leġiżlazzjoni tal-UE huma aktar trasparenti milli fl-Istati Membri, stadju deċiżiv fil-proċeduri ta' kodeċiżjoni jisparixxi wara l-bibien magħluqa. L-użu akbar ta' taħdidiet informali f'format ta' trilogu wassal għal sitwazzjoni fejn 80 % tal-liġijiet tal-UE issa qed isir qbil fuqhom fl-ewwel qari. Teżisti problema ta' trasparenza b'dawn il-laqgħat sigrieti: il-minuti ta' dawn il-laqgħat ma jeżistux, il-parteċipanti u l-pożizzjonijiet tagħhom jibqgħu mhux magħrufa, dokumenti sigrieti xi drabi jispiċċaw għand xi lobbisti iżda mhux għand il-pubbliku ġenerali. Din it-trasparenza selettiva għal atturi privileġġati tikkorrompi l-integrità tal-proċedura attwali peress li ċ-ċittadini mhumiex trattati b'mod ugwali.

Id-difiża tal-integrità b'sorveljanza indipendenti kontra l-kunflitti ta' interessi

L-aqwa standards disponibbli huma meħtieġa biex tkun protetta l-integrità tal-membri u l-persunal tal-istituzzjonijiet tal-UE nfisha. Dawn l-istandards iridu jinkludu l-attivitajiet tal-membri u tal-persunal fl-istituzzjonijiet tal-UE u barra minnhom, kif ukoll matul u wara li l-uffiċċju tagħhom fl-istituzzjonijiet tal-UE, pereżempju bl-introduzzjoni ta' perjodi ta' preklużjoni jekk ikunu jridu jsegwu karriera f'oqsma relatati mill-qrib mal-ħidma istituzzjonali tagħhom.

In-newtralità hija kriterju importanti għal sorveljanza effikaċi tar-regoli. Ir-rapport kontra l-korruzzjoni tal-UE tal-2014 jikkonkludi li l-indipendenza tal-aġenziji ta' kontra l-korruzzjoni huma l-fattur kruċjali għas-suċċess tagħhom: "F'xi każijiet, fejn l-aġenziji jkollhom mandat b'saħħtu, tmexxija indipendenti u impenjata wasslet biex jintlaħaq żvilupp li jippermettulhom it-tressiq ta' każijiet ta' korruzzjoni f'livell għoli." (p. 41) Għaldaqstant, l-allokazzjoni tas-sorveljanza tar-regoli tal-membri u tal-persunal f'idejn esterni u newtrali hi lezzjoni meħuda minn sistema ta' integrità eżistenti. Dan it-tip ta' sorveljanza indipendenti issa huwa pprattikat fi Stati Membri bħal Franza u l-Kroazja. Barra minn hekk, il-kunflitt ta' interessi potenzjali jrid jiġi indirizzat ukoll fil-kompożizzjoni tal-gruppi ta' esperti u fil-kontroll tal-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej. Il-gruppi ta' esperti m'għandhomx jippermettu l-interessi speċjali li jkunu koawturi ta' leġiżlazzjoni li tolqothom direttament. Il-Parlament Ewropew m'għandux jissorvelja l-finanzjament tal-partiti li l-maġġoranza tal-membri tiegħu jappartjenu għalihom.

Nibnu fiduċja ġdida fin-negozjati kummerċjali permezz tat-trasparenza

Meta jitqabblu mal-politika Ewropea, in-negozjati kummerċjali internazzjonali huma saħansitra aktar distanti miċ-ċittadini. Il-ftehimiet kummerċjali sikwit ikunu vinkolanti għall-Unjoni Ewropea u jistgħu jagħmluha diffiċli li dawn id-deċiżjonijiet jinbidlu meta l-maġġoranzi politiċi jew l-opinjoni pubblika jinbidlu. Minħabba dawn l-impatti estensivi tal-ftehimiet kummerċjali, in-negozjati jeħtieġ li josservaw saħansitra aktar l-ogħla standards ta' trasparenza u responsabbiltà. L-argument kontra t-trasparenza fin-negozjati kummerċjali hu li s-segretezza jaf tiffaċilita s-suċċess tan-negozjati. Madankollu, eżempji mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) jew l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) juru li t-trattati internazzjonali jistgħu jiġu negozjati b'suċċess fid-dawl sħiħ ta' dokumenti pubbliċi u anke proċedimenti pubbliċi. Minħabba l-iskuntentizza dejjem tikber madwar l-Ewropa kollha dwar in-negozjati tas-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP) li għaddejjin bħalissa u dwar l-iffinalizzar tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA), l-Unjoni Ewropea għandha tadatta dawn l-aħjar prattiki biex ittejjeb it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità tan-negozjati kummerċjali kollha tagħha.


ANNESS: LISTA TA' ENTITAJIET JEW PERSUNI LI RĊIEVA INPUT MINGĦANDHOM IR-RAPPORTEUR

Il-lista li ġejja saret fuq bażi purament volontarja taħt ir-responsabbiltà esklużiva tar-Rapporteur. Ir-Rapporteur irċeviet kontribut mingħand dawn l-entitajiet jew persuni li ġejjin fit-tħejjija tar-rapport, sal-adozzjoni tiegħu fil-kumitat:

Entità u/jew persuna

Access Info Europe

49931835063-67

Andreas Pavlou - 02.05.2016, 21.11.2016

Alliance for Lobby Transparency and Ethics Regulation (ALTER-EU)

2694372574-63

includes inter alia Access Info Europe, FoEE, CEO, LobbyControl - 27.01.2016, 10.03.2016, 06.07.2016, 23.09.2016, 05.10.2016, 28.10.2016, 29.11.2016, 07.02.2017, 02.03.2017

Bundesarbeitskammer Österreich (BAK)

23869471911-54

Alice Wagner, Julia Stroj - 13.09.2016, 23.09.2016

Corporate Europe Observatory (CEO)

5353162366-85

Olivier Hoedeman, Martin Pigeon, Pascoe Sabido, Margarida da Silva, Vicky Cann - 22.04.2015, 28.10.2016, 29.11.2016, 02.03.2017

Council of Bars and Law Societies of Europe (CCBE)

4760969620-65

Simone Cuomo - 15.10.2015

Council of European Municipalities and Regions (CEMR)

Carol Thomas

Democracy International e.V.

180184113990-05

Sophie von Hatzfeldt - 23.09.2016, 05.10.2016

European Public Affairs Consultancies Association (EPACA)

8828523562-52

Karl Isaksson, James Padgett - 16.03.2015, 27.02.2017

Joint European Offices of Local Authorities of Bavaria, Baden-Württemberg and Saxony

Caroline Bogenschütz, Christiane Thömmes - 16.02.2016

Frank Bold Society

57221111091-19

Bartosz Kwiatkowski - 10.03.2016, 06.07.2016, 09.09.2016, 13.09.2016, 23.09.2016, 05.10.2016, 27.10.2016, 21.11.2016, 02.03.2017, 10.03.2017

Friends of the Earth Europe (FoEE)

9825553393-31

Paul de Clerck, Fabian Flues, Myriam Douo - 27.01.2016, 10.03.2016, 06.07.2016, 23.09.2016, 05.10.2016, 28.10.2016, 29.11.2016, 07.02.2017, 02.03.2017

LobbyControl

6314918394-16

Nina Katzemich - 28.10.2016, 29.11.2016, 02.03.2017

Riparte il futuro

158241921709-39

Giulio Carini - 23.09.2016, 05.10.2016

Transparency International (TI)

501222919-71

Daniel Freund, Elsa Foucraut Yannik Bendel, Lola Girard, Carl Dolan - 25.02.2015, 03.09.2015, 15.12.2015, 01.03.2016, 15.03.2016, 02.05.2016, 01.07.2016, 06.07.2016, 09.09.2016, 27.10.2016, 28.10.2016, 29.11.2016, 06.02.2017, 02.03.2017, 10.03.2017


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (11.12.2015)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

dwar it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità fl-istituzzjonijiet tal-UE

(2015/2041(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Bernd Lange

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) huwa ta' pass ġdid lejn il-ħolqien ta' għaqda dejjem iżjed ravviċinata, li fiha d-deċiżjonijiet jittieħdu bl-aktar mod miftuħ possibbli u kemm jista' jkun qrib iċ-ċittadin (l-Artikolu 1 tat-TUE); jieħu kont tad-dibattitu pubbliku mqanqal madwar l-Unjoni dwar in-negozjati kummerċjai attwali u t-tħassib espress miċ-ċittadini tal-UE dwar it-tfassil tal-politika kummerċjali tal-UE; jemmen li, sabiex tiġi żgurata l-leġittimità tal-politika kummerċjali tal-UE, għandu jsir aktar biex jiżdied il-livell ta' informazzjoni fir-rigward tal-politika u n-negozjati kummerċjali u fil-mod kif id-data relatata tinġabar mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni u tiġi kkomunikata u magħmulha disponibbli għall-pubbliku, filwaqt li jfakkar li jeħtieġ li jinstab bilanċ bejn it-trasparenza u l-effikaċja; iqis li ċ-ċittadini għandhom wkoll jingħataw il-kapaċità li jifhmu aħjar it-tfassil tal-politika u l-funzjonament intern tal-amministrazzjoni tal-UE (inkluż fi ħdan il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (INTA)); jilqa', għalhekk, l-inizjattiva dwar it-trasparenza tal-Kummissjoni u l-istrateġija kummerċjali l-ġdida "Kummerċ għal Kulħadd" li għandha l-għan, fost oħrajn, li toħloq livell ogħla ta' trasparenza fil-politika kummerċjali;

2.  Ifakkar li, skont l-Artikolu 12(f) tat-TUE dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-UE, inħolqu diversi strumenti ta' kooperazzjoni biex jiggarantixxu skrutinju demokratiku effikaċi tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-livelli kollha; jenfasizza li involviment aktar sinifikattiv mas-soċjetà ċivili u mas-sħab soċjali – li jkun proporzjonat mal-obbligu tal-UE li tirrikonoxxi u tippromwovi r-rwol tas-sħab soċjali kif previst fl-Artikolu 152 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) – huwa kruċjali sabiex tinkiseb aktar leġittimità (inkluż fir-rigward tal-abbozzar ta' direttivi ta' negozjati); jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-ħtieġa ta' involviment effettiv mal-partijiet interessati kollha permezz ta' laqgħat, laqgħat ta' tgħarrif u avvenimenti oħra u l-ottimizzazzjoni tal-gruppi konsultattivi nazzjonali involuti fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali eżistenti; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-inklużività tal-konsultazzjonijiet pubbliċi kollha;

3.  Jirrakkomanda li l-isforzi kontinwi tal-Kummissjoni biex iżżid it-trasparenza fin-negozjati kummerċjali kollha, kemm dawk attwali kif ukoll dawk futuri, għandhom jinkludu t-tisħiħ tal-mandat tal-Ombudsman Ewropew bħala korp indipendenti ta' sorveljanza;

4.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ u b'mod serju għall-prinċipju tal-kooperazzjoni leali mal-Parlament billi jipprovdu b'mod immedjat, permezz tal-kanali rilevanti, l-informazzjoni kompleta u preċiża dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni, inkluża l-politika kummerċjali komuni tagħha, fir-rigward tat-teħid ta' deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni primarja u sekondarja; jitlob lill-Kummissjoni tqis bis-sħiħ it-talbiet tal-Parlament dwar il-ftehim interistituzzjonali, b'mod partikolari rigward is-sett ta' kriterji ċari għall-applikazzjoni proviżorja u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali; jitlob lill-Kunsill jaċċetta dawn il-kriterji u jiggarantixxi li l-applikazzjoni proviżorja tal-ftehimiet kummerċjali tkun tiddependi fuq l-approvazzjoni minn qabel tal-Parlament Ewropew;

5.  Ifakkar, li skont il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, f'rispett reċiproku sħiħ, jgħinu lil xulxin fit-twettiq ta' ċertu kompiti (l-Artikoli 4 u 13 tat-TUE), u dan huwa prerekwiżit sabiex il-Parlament ikun jista' jeżerċita b'mod xieraq il-funzjonijiet leġiżlattivi u baġitarji tiegħu, u dawk ta' kontroll politiku (skrutinju) u ta' konsultazzjoni (l-Artikolu 14 tat-TUE); jinnota li, għalkemm hemm ftehim ta' kooperazzjoni interistituzzjoniali bejn il-Parlament u l-Kummissjoni, ma hemm l-ebda arranġament ekwivalenti bejn il-Parlament u l-Kunsill, li jagħti lok għal ċerti ostakoli għall-iskrutinju;

6.  Jilqa' l-fatt li l-Kumitat INTA u d-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Kummerċ qegħdin jikkollaboraw b'mod proattiv biex isaħħu l-kooperazzjoni, jistabbilixxu l-aħjar prattiki u jtejbu l-kanali ta' komunikazzjoni, u li din il-kollaborazzjoni kienet partikolament utli għall-monitoraġġ tan-negozjati kummerċjali permezz tar-rapporteurs permanenti tal-Kumitat INTA u gruppi ta' monitoraġġ immirat; jenfasizza l-isforzi reċenti tal-Kummissjoni biex iżżid it-trasparenza fin-negozjati kummerċjali; jemmen, madankollu, li l-Kunsill u l-Kummisjoni xorta waħda għandhom itejbu l-metodi ta' ħidma tagħhom biex jikkooperaw aħjar mal-Parlament rigward l-aċċess għad-dokumenti, għall-informazzjoni u għat-teħid ta' deċiżjonijiet fir-rigward tal-kwistjonijiet u n-negozjati kollha relatati mal-politika kummerċjali komuni (bħall-informazzjoni relatata man-negozjati – inklużi t-tfassil tal-ambitu, il-mandati u l-andament tan-negozjati – in-natura mħallta jew esklużiva tal-ftehimiet kummerċjali u l-applikazzjoni proviżorja tagħhom, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet meħuda mill-korpi stabbiliti mill-ftehimiet kummerċjali u/jew ta' investiment, il-laqgħat tal-esperti, u l-atti delegati u ta' implimentazzjoni); jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, lli l-Kunsill ma qiegħedx il-mandati ta' negozjati għall-ftehimiet kollha li attwalment qegħdin jiġu nnegozjati għad-dispożizzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew, iżda jilqa' l-fatt li fl-aħħar, wara sena ta' negozjati bejn il-Kummissjoni u l-Parlament dwar l-aċċess għad-dokumenti relatati man-negozjati dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP), intlaħaq ftehim operattiv sabiex jingħata aċċess lill-Membri kollha tal-PE, b'mod li issa n-negozjati dwar it-TTIP saru aktar trasparenti milli qatt kienu; jilqa', f'dan is-sens, l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tuża l-inizjattiva għat-trasparenza attwali dwar it-TTIP bħala mudell għan-negozjati kummerċjali kollha, kif spjegat fl-Istrateġija Kummerċjali "Kummerċ għal Kulħadd"; jinnota li r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti jagħti drittijiet wiesgħa ħafna liċ-ċittadini ordinarji f'termini tal-aċċess għal dokumenti, li jistgħu jmorru lil hinn mill-aċċess li bħalissa huwa mogħti lill-Membri tal-PE;

7.  Jenfasizza li, kif irrimarkat il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE), l-imperattivi għat-trasparenza jirriżultaw min-natura demokratika tal-governanza fi ħdan l-UE, u li, meta infomazzjoni kunfidenzjali mhijiex aċċessibbli għall-pubbliku, bħal fil-każ ta' negozjati kummerċjali, din għandha tkun disponibbli għall-Membri Parlamentari li jiskruntinaw il-politika kummerċjali għan-nom taċ-ċittadini; iqis għalhekk li l-aċċess għall-informazzjoni klassifikata huwa essenzjali għall-iskrutinju mill-Parlament, li min-naħa tiegħu għandu jirrispetta l-obbligu tiegħu li jiġġestixxi l-infomazzjoni ta' dan it-tip b'mod xieraq; iqis li għandu jkun hemm kriterji ċari sabiex dokumenti jitqiesu bħala "klassifikati" biex jiġu evitati l-ambigwità u deċiżjonijiet arbitrarji, u wkoll li d-dokument għandu jiġi deklassifikat hekk kif il-klassifikazzjoni ma tibqax meħtieġa; jinnota li l-ġurisprudenza tal-QtĠ-UE hija ċara dwar il-fatt li, meta dokument li joriġina minn istituzzjoni tal-UE jkun kopert minn eċċezzjoni għad-dritt ta' aċċess pubbliku, l-istituzzjoni għandha tispjega b'mod ċar għalfejn l-aċċess għal dan id-dokument jista' konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett mill-eċċezzjoni, u li dan ir-riskju għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta r-rakkomondazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew ta' Lulju 2015, b'mod partikolari rigward l-aċċess għad-dokumenti għan-negozjati kollha;

8.  Jemmen li l-UE għandha tassumi rwol ta' tmexxija fir-rigward tat-tisħiħ tat-trasparenza fin-negozjati, mhux biss fil-proċessi bilaterali, iżda wkoll f'dawk plurilaterali u multilaterali fejn possibbli, bl-istess livell ta' trasparenza daqs dik tan-negozjati organizzati fi ħdan il-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO); jenfasizza, madankollu, li l-Kummissjoni għandha wkoll tikkonvinċi lis-sħab fin-negozjati jżidu t-trasparenza min-naħa tagħhom, sabiex tiżgura li dan ikun proċess reċiproku fejn il-pożizzjoni ta' negozjar tal-UE ma tiġix preġudikata, u tinkludi l-livell mixtieq ta' trasparenza fl-eżerċizzji tagħha ta' tfassil tal-ambitu ma' sħab fin-negozjati potenzjali; jenfasizza li żieda fit-trasparenza hija fl-interess tas-sħab fin-negozjati u tal-partijiet interessati madwar id-dinja tal-UE kollha, u tista' ssaħħaħ l-appoġġ globali għal kummerċ ibbażat fuq ir-regoli;

9.  Ifakkar l-importanza li l-proċess leġiżlattiv għall-politika kummerċjali komuni jibbaża fuq statistika tal-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 338(2) tat-TFUE u fuq valutazzjonijiet tal-impatt u valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibbilità li jkunu konformi mal-ogħla standards ta' imparzjalità u affidabbiltà, prinċipju li għandu jkun ta' gwida għar-reviżjonijiet rispettivi kollha fi ħdan il-qafas tal-politika "Regolamentazzjoni Aħjar" tal-Kummissjoni; iqis li valutazzjonijiet tal-impatt għal kull settur individwali kieku jagħtu livell ogħla ta' affidabbiltà u leġittimità lill-ftehimiet kummerċjali tal-UE;

10.  Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tippromwovi l-interessi ġenerali tal-Unjoni, tkun immexxija minn membri magħżulha abbażi tal-kompetenza u l-indipendenza tagħhom, u toqgħod lura minn kull azzjoni li mhijiex kompatibbli mal-funzjonijiet tagħha (l-Artikolu 17 tat-TUE); jilqa' l-inizjattivi mmirati lejn aktar trasparenza, responsabbiltà u integrità, inkluż id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni fil-25 ta' Novembru 2014 u l-impetu l-ġdid li ngħata lir-reġistru ta' trasparenza, li għandu jkun obbligatorju u vinkolanti għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kollha tal-UE; jilqa' r-riflessjoni ulterjuri dwar kif jista' jittejjeb ir-reġistru ta' trasparenza eżistenti – ir-reġistru tal-lobbisti tal-UE – sabiex il-proċess leġiżlattiv isir aktar ibbażat fuq il-fatti u trasparenti għaċ-ċittadini u l-partijiet interessati; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-Parlament jikkoordina azzjoni biex tissaħħaħ it-trasparenza fi ħdan l-istituzzjonijiet fir-rigward tal-attivitajiet tal-gruppi ta' lobbjar, tal-organizzazzjonijiet nongovernattivi, tat-trade unions u ta' gruppi ta' interess speċjali;

11.  Jemmen bis-sħiħ li t-trasparenza, l-integrità u l-imġiba etika, ir-responsabbiltà u l-governanza tajba għandhom ikunu ta' ispirazzjoni u jiġu integrati fl-inizjattivi amministrattivi u politiċi kollha tal-UE, u jqis li għandu jkun hemm sforz lejn aktar impenn u ħidma interistituzzjonali kkoordinata lejn standards ta' integrità ogħla, u li, pereżempju, il-Kummissjoni m'għandhiex tadotta linji gwida għall-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni li jmorru kontra l-pożizzjoni tal-Parlament u tal-Kunsill;

12.  Jemmen li l-kredibbiltà tal-imġiba etika tal-UE fl-aħħar mill-aħħar se tiġi ġġudikata miċ-ċittadini fir-rigward tal-konsistenza tal-inizjattivi politiċi tal-UE mal-istandards interni amministrattivi tagħha; ifaħħar, f'dan ir-rigward, l-istandards interni tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-protezzjoni tal-whistleblowers;

13.  Jemmen li l-Parlament għandu jikkoopera b'mod aktar immirat mal-QtĠ-UE, mal-Qorti tal-Awdituri mal-Ombudsman Ewropew u mal-Uffiċċju tal-Kummissjoni ta' Kontra l-Frodi sabiex huma jkunu jistgħu jirrapportaw lil xulxin f'aktar dettall dwar l-iżvilupp tal-politika kummerċjali komuni fi ħdan il-qafas tas-setgħat u r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

10.12.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

0

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Arena, David Borrelli, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Santiago Fisas Ayxelà, Karoline Graswander-Hainz, Ska Keller, Jude Kirton-Darling, Gabrielius Landsbergis, Bernd Lange, Emmanuel Maurel, Emma McClarkin, Artis Pabriks, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Viviane Reding, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Adam Szejnfeld, Hannu Takkula, Iuliu Winkler

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Klaus Buchner, Dita Charanzová, Nicola Danti, Sander Loones, Lola Sánchez Caldentey, Ramon Tremosa i Balcells, Marita Ulvskog, Wim van de Camp, Jarosław Wałęsa

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Edward Czesak, Eleonora Evi, Maurice Ponga, Dario Tamburrano, Derek Vaughan, Flavio Zanonato


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (2.12.2015)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

dwar it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità fl-istituzzjonijiet tal-UE

(2015/2041(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Tamás Deutsch

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi t-trasparenza, ir-responsabilità politika u l-integrità huma komponenti importanti u komplementari fil-promozzjoni tal-governanza t-tajba fl-istituzzjonijiet tal-UE u għall-iżgurar ta' aktar ftuħ fil-funzjonament tal-UE u fil-proċess tagħha ta' teħid ta' deċiżjonijiet;

B.  billi l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-UE hi fundamentali għad-demokrazija, għall-governanza t-tajba u għall-għemil effikaċi tal-politika;

C.  billi hemm il-ħtieġa tar-riduzzjoni tal-vojt fir-responsabilità politika fl-UE u ta' ċaqliqa lejn modi aktar kollaborattivi ta' skrutinju li jikkombinaw l-iżball demokratiku, il-kontroll u l-attivitajiet ta' awditjar filwaqt li jagħtu aktar trasparenza;

D.  billi l-korruzzjoni għandha konsegwenzi finanzjarji sinifikattivi u tikkostitwixxi minaċċa serja għad-demokrazija, għall-istat tad-dritt u għall-investiment pubbliku;

E.  billi t-trasparenza, ir-responsabilità politika u l-integrità għandhom ikunu l-prinċipji ewlenin tal-kultura fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE;

1.  Jitlob li jkun hemm titjib globali fil-prevenzjoni tal-korruzzjoni u t-taqbida kontrieha fis-settur pubbliku, l-aktar fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE, permezz ta' approċċ olistiku, li jibda b'aċċess pubbliku aħjar għad-dokumenti u regoli aktar stretti dwar il-kunflitti ta' interess, appoġġ għall-ġurnaliżmu investigattiv u għall-għassiesa ta' kontra l-korruzzjoni, l-introduzzjoni jew it-tisħiħ tar-reġistri ta' trasparenza u l-għoti ta' riżorsi li jkunu biżżejjed għall-miżuri ta' eżekuzzjoni tal-liġi, kif ukoll permezz ta' koperazzjoni mtejba fost l-Istati Membri u ma' pajjiżi terzi rilevanti;

2.  Jitlob lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE jtejbu l-proċeduri u l-prattiki tagħhom immirati għas-salvagwardja tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u li jikkontribwixxu attivament għal proċess ta' kwittanza li jkun orjentat lejn ir-riżultati;

3.  Jisottolinja l-ħtieġa li titjieb l-integrità u jitjieb il-qafas etiku permezz ta' implementazzjoni aħjar tal-kodiċijiet ta' mġiba u prinċipji etiċi ċari u li jiġu eżegwiti, ħalli jkun hemm l-iżvilupp ta' kultura komuni u effikaċi ta' integrità għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-UE;

4.  Iħeġġeġ il-ħolqien ta' struttura indipendenti għas-sorveljanza tal-applikazzjoni ta' varji kodiċijiet ta' mġiba u arranġamenti għall-ħarsien tal-whistleblowers, b'riferiment għall-ogħla standards possibbli ta' etika professjonali, fil-kuntest tat-tisħiħ tal-qafas tar-responsabilità politika fis-settur pubbliku u għat-twettiq tal-amministrazzjoni b'riħet prinċipji u strutturi aħjar ta' governanza fil-livelli kollha;

5.  Iqis li hu ta' dispjaċir li l-Kunsill għadu ma adottax kodiċi ta' mġiba; hu tal-fehma li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE għandhom jaqblu dwar kodiċi komuni ta' mġiba billi dan hu indispensabbli għat-trasparenza, ir-responsabilità politika u l-integrità ta' dawn l-istituzzjonijiet; jitlob lil dawk l-istituzzjonijiet u korpi tal-UE li għad ma għandhomx kodiċi ta' mġiba illi jiżviluppaw tali dokument kemm jista' jkun malajr;

6.  Jitlob lil dawk l-istituzzjonijiet tal-UE li daħħlu kodiċijiet ta' mġiba, inkluż il-Parlament, li jtejbu l-miżuri tagħhom ta' implementazzjoni, bħalma huma l-verifiki tad-dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji;

7.  Jitlob li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jimplementaw l-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Persunal billi jippubblikaw, fuq bażi annwa, l-informazzjoni dwar l-funzjonarji anzjani li telqu l-amministrazzjoni tal-UE, kif ukoll elenku ta' kunflitti ta' interess; jitlob li l-istruttura indipendenti msemmija tivvaluta l-kompatibilità tal-ingaġġ jew is-sitwazzjoni post-UE li fiha l-funzjonarji u dawk li kienu Membri tal-Parlament Ewropew jiċċaqilqu mis-settur pubbliku għal dak privat (il-kwestjoni tar-'revolving door') u l-possibilità ta' kunflitt ta' interess, u tiddefinixxi perijodi ċari ta' cooling-off li matulhom il-funzjonarji u l-MEPs ikun mitlub minnhom li jaġixxu b'integrità u b'diskrezzjoni jew li jottemperaw ma' ċerti kundizzjonijiet meta jaċċettaw karigi ġodda; jitlob li l-imsemmija struttura tkun magħmula minn esperti indipendenti minn barra l-istituzzjoni ħalli jkun żgurat li twettaq il-missjoni tagħha b'indipendenza sħiħa;

8.  Ifakkar fil-prinċipju ġenerali li jgħid li kull persuna hi preżunta innoċenti sa ma ħtijietha tiġi ppruvata skont il-liġi;

9.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE li jtejbu aħjar il-kuxjenza dwar il-politiki li jittrattaw il-kunflitt ta' interess fost il-funzjonarji tagħhom, flimkien mal-attivitajiet li għaddejjin ta' sensibilizzazzjoni u l-inklużjoni tal-integrità u t-trasparenza bħala punt obbligatorju li għandu jiġi diskuss matul il-proċeduri ta' reklutaġġ u l-valutazzjoni tal-prestazzjoni; iqis li għandha ssir distinzjoni bejn ir-rappreżentanti eletti u l-funzjonarji pubbliċi fil-leġiżlazzjoni dwar il-kunflitti ta' interess; jemmen li għandu jkun hemm ukoll regolamenti bħal dak fl-Istati Membri għall-funzjonarji pubbliċi u l-impjegati tas-servizz ċivili mdaħħlin fl-amministrazzjoni u l-monitoraġġ tas-sussidji tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta abbozz ta' bażi legali dwar din il-materja;

10.  Jilqa' d-deċiżjoni min-naħa tal-Kummissjoni maż-żieda fit-trasparenza bit-titjib tas-sistema tagħha ta' gruppi esperti, partikolarment fir-rigward tal-proċedura għall-għażla tal-esperti, permezz tal-iżvilupp ta' politika ġdida ta' kunflitt ta' interess għall-esperti maħturin f'kapaċità personali, bl-implikazzjoni tal-possibilità għall-Parlament li jeżerċita kontroll dirett fuq tali ħatriet; jieħu nota tal-ħtieġa li l-esperti jkunu rreġistrati fir-reġistru tat-trasparenza meta dan ikun relevanti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, iżda, li tqis ir-rakkomandazzjonijiet kemm tal-Ombudsman Ewropew dwar il-kompożizzjoni tal-gruppi esperti kemm tal-istudju 'Composition of the Commission’s expert groups and the status of the register of expert groups’ hi u tfassal l-emendi għar-regoli orizzontali kurrenti li jiggvernaw il-gruppi esperti, ħalli toħloq approċċ aktar sistematiku u trasparenti; jitlob li l-Kummissjoni tingaġġa fi djalogu mal-Parlament qabel ma jiġu formalment adottati r-regoli, l-aktar inrelazzjoni għar-rapport li daqt se jinħareġ tal-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar din il-materja; iħeġġeġ lill-aġenziji Ewropej jikkunsidraw li jsiru riformi f'sens jixtiebah;

11.  Hu tal-fehma li jeħtieġ jittieħdu aktar passi kemm għat-trattament tal-kwestjonijiet etiċi marbutin mar-rwol politiku tal-lobbies, il-prattiki tagħhom u l-influwenza tagħhom, kemm għall-promozzjoni ta' salvagwardji għall-integrità, ħalli jogħla l-livell ta' transparenza tal-attivitajiet ta' lobbying; jipproponi li għandhom jiġu introdotti regoli komuni li jiggvernaw il-persegwiment tal-attivitajiet tal-lobbying fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE;

12.  Jemmen li għandu jogħla l-livell ta' trasparenza permezz tal-ħolqien ta' impronta leġiżlattiva għal-lobbying fl-UE; jitlob li titressaq proposta li tkun tippermetti l-pubblikazzjoni tad-dokumenti kollha li jkopru kull pass fil-proċess ta' redazzjoni ta' leġiżlazzjoni u li jkunu jissenjalaw ċaqliqa definittiva minn reġistru volontarju tal-UE għal wieħed tassattiv għall-attivitajiet kollha tal-lobbying għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE sa mhux aktar tard mill-2016;

13.  Jitlob lill-Kunsill jidħol fir-reġistru ta' trasparenza tal-UE;

14.  Iqis li, f'dan il-kuntest, reġistru obbligatorju tal-UE għandu jinkludi dispożizzjonijiet ċari dwar it-tip ta' informazzjoni li għandha tkun reġistrata, jiġifieri tagħrif preċiż u regolarment aġġornat dwar in-natura tal-attivitajiet ta' lobbying/legali, flimkien ma' reġistri dettaljati ta' kuntatti u input fid-dritt u l-għemil tal-politiki tal-UE; jemmen li sistema ta' sanzjonijiet fl-eventwalità ta' abbuż għandha tkun kontemplata taħt is-superviżjoni tal-Parlament; jitlob lill-Kummissjoni tressaq il-proposti tagħha għal reġistru obbligatorju mingħajr aktar dewmien;

15.  Jitlob li dawk l-istituzzjonijiet kollha tal-UE li għadhom ma għamlux dan jadottaw b'mod urġenti regoli interni dwar il-whistleblowing u jieħdu approċċ komuni lejn l-obbligi tagħhom, b'fokus fuq il-protezzjoni tal-whistleblowers; jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lill-protezzjoni tal-whistleblowers fil-kuntest tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tas-Sigriet Kummerċjali; jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi leġiżlazzjoni dwar livell minimu ta' protezzjoni għall-whistleblowers fl-UE; jistieden lill-istituzzjonijiet jemendaw ir-Regolamenti tal-Persunal biex jiġi żgurat li dawn mhux biss formalment jobbligaw lill-uffiċjali biex jirrapportaw kull tip ta' irregolarità, iżda wkoll jistabbilixxu protezzjoni xierqa għall-whistleblowers; jitlob lill-istituzzjonijiet jimplementaw l-Artikolu 22(c) tar-Regolamenti tal-Persunal mingħajr aktar dewmien;

16.  Jitlob lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE japplikaw miżuri stretti rigward id-diskrezzjoni u l-esklużjoni kwantu għall-akkwist pubbliku, b'verifiki xierqa kwantu għall-isfond f'kull każ, u jitlobhom japplikaw il-kriterji ta' esklużjoni ħalli l-kumpanniji ma jitħallewx joperaw f'każ ta' kunflitt ta' interess, billi dan hu essenzjali għall-ħarsien tal-kredibilità tal-UE;

17.  Jemmen li l-proċedura ta' ħlas hi strument importanti ta' responsabilità politika demokratika għaċ-ċittadini tal-Unjoni; ifakkar fid-diffikultajiet li tfaċċaw ripetutament fil-proċeduri ta' kwittanza sal-lum, li seħħew minħabba nuqqas ta' kooperazzjoni min-naħa tal-Kunsill; jinsisti li eżerċizzju ta' kontroll baġitarju effikaċi u ta' responsabilità politika demokratika tal-istituzzjoni jirrikjedi l-kooperazzjoni tal-Parlament u tal-Kunsill;

18.  Jinsisti li l-Kunsill irid jinżamm politikament responsabbli u trasparenti bħalma huma l-istituzzjonijiet l-oħrajn;

19.  Jiddikajara li r-rapporti annwali tal-istituzzjonijiet tal-UE jista' jkollhom rwol importanti fl-ottemperanza għar-rigward tat-trasparenza, ir-responsabilità politika u l-integrità; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jinkludu kapitolu standard dwar dawn il-komponenti fir-rapporti annwali tagħhom;

20.  Iqis li l-ewwel report biannwali ta' kontra l-korruzzjoni li għamlet il-Kummissjoni hu tentattiv promettenti biex tinftiehem aħjar il-korruzzjoni fid-dimensjonijiet kollha tagħha, għall-iżvilupp ta' reazzjonijiet effikaċi bit-tir li tkun trattati, u ħalli titwitta t-triq għal responsabilità politika aħjar tal-isfera pubblika għaċ-ċittadini tal-UE; jafferma mill-ġdid, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-politika tal-UE ta' tolleranza zero għall-frodi, għall-korruzzjoni u għall-kollużjoni; iqis li hu ta' dispjaċir, iżda, li dan ir-rapport ma inkludiex politiki ta' kontra l-korruzzjoni tal-istituzzjonijiet infushom tal-UE;

21.  Jinnota li n-natura komplessa u multifaċċettata tal-korruzzjoni timmina d-demokrazija u l-istat tad-dritt, u xxekkel u tiddanneġġa l-ekonomija, il-kredibilità u r-reputazzjoni tal-UE (b'mod partikolari permezz ta' prattiki ta' ħabi u pressjoni biex ikun hemm devjazzjoni mill-objettivi inizjali tal-politiki jew għat-twettiq f'ċertu mod);

22.  Jitlob li sa mhux aktar tard mit-tieni rapport tagħha ta' kontra l-korruzzjoni, il-Kummissjoni twettaq aktar analiżi f'livell kemm ta' istituzzjonijiet tal-UE kemm tal-Istati Membri tal-ambjent li fih jiġu implementati l-politiki, ħalli jkunu identifikati fatturi kritiċi inerenti, oqsma vulernabbli u fatturi ta' riskju li jwasslu għall-korruzzjoni;

23.  Jitlob li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari f'dan ir-rigward lill-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess u tal-prattiki ta' korruzzjoni fil-każ ta' aġenziji deċentralizzati, li huma partikolarment vulnerabbli meta jitqies il-fatt li huma relattivament skonoxxuti mill-pubbliku u jinsabu mferrxin madwar l-UE;

24.  Itenni t-talba tiegħu(1) li l-Kummissjoni tirrapporta kull sentejn lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-implementazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-UE tal-politiki interni tagħhom ta' kontra l-korruzzjoni, u jistenna b'ħeġġa li jaqra r-rapport li jmiss fil-bidu tal-2016; jitlob lill-Kummissjoni żżid kapitolu dwar il-prestazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE fit-taqbida kontra l-korruzzjoni u hu tal-fehma li r-rapporti futuri tal-Kummissjoni dwar il-korruzzjoni għandhom dejjem ikopru l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE;

25.  Iqis li l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (l-OLAF) bħala attur ewlieni fit-taqbida kontra l-korruzzjoni u għalhekk jemmen li hu tal-akbar importanza li din l-istituzzjonijiet taħdem b'mod effikaċi u indipendenti; jirrakkomanda, skont ir-Regolament tal-OLAF, li l-Kumitat ta' Superviżjoni tal-OLAF jingħata aċċess għall-informazzjoni meħtieġa għal eżekuzzjoni effikaċi tal-mandat tagħha għar-rigward tal-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-OLAF u li tingħata indipendenza baġitarja;

26.  Jitlob li l-UE tapplika għal sħubija fil-Grupp tal-Kunsill tal-Ewropa tal-Istati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) kemm jista' jkun malajr, u li l-Parlament jinżamm aġġornat bil-progress f'din l-applikazzjoni;

27.  Jitlob lill-Kummissjoni twettaq mingħajr dewmien l-obbligi tagħha ta' rapportaġġ skont il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda kontra l-Korruzzjoni;

28.  Iħeġġeġ kooperazzjoni mtejba fost l-Istati Membri bl-iskop li jkun hemm skambju ta' know-how u prattiki tajba, tisħiħ tal-ftehimiet dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja u bejn il-pulizija, u ħalli jinġiebu flimkien l-UE, in-Nazzjonijiet Uniti, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku u l-Kunsill tal-Ewropa biex tkun ifformulata azzjoni koordinata għat-taqbida kontra l-korruzzjoni.

29.  Jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-Europol u tal-Eurojust fit-taqbida kontra l-kriminalità organizzata, inkluża l-korruzzjoni; jemmen li dawn l-aġenziji għandhom jingħataw aktar poteri li jaġixxu f'dan il-qasam, l-aktar kwantu għall-każijiet transnazzjonali; jirrakkomanda li l-Uffiċċju Ewropew tal-Prosekutur Pubbliku (EPPO) jingħata mandat li jkopri l-kriminalità organizzata, inkluża t-taqbida kontra l-korruzzjoni; jevidenzja li l-kompiti u r-responsabilitajiet tal-EPPO għandhom jiġu kkjarifikati aktar ħalli jkun evitat li jirduppjaw ix-xogħol tal-awtoritajiet nazzjonali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

1.12.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Ryszard Czarnecki, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Bogusław Liberadzki, Verónica Lope Fontagné, Monica Macovei, Georgi Pirinski, Claudia Schmidt, Igor Šoltes, Marco Valli, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Benedek Jávor, Marian-Jean Marinescu, Julia Pitera, Miroslav Poche, Patricija Šulin

(1)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali 2015 dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-UE (Testi adottati, P8_TA(2015)0062)


OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (8.12.2015)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

dwar it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità fl-istituzzjonijiet tal-UE

(2015/2041(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Nessa Childers

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

Kwistjonijiet ġenerali

1.  Jinsisti, filwaqt li jfakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fuq l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, dwar il-ħtieġa għal qafas legalment vinkolanti li jissostitwixxi l-komunikazzjoni "Framework for Commission Expert Groups: Horizontal Rules and Public Register"(1)(Qafas għall-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni: Regoli Orizzontali u Reġistru Pubbliku), sabiex tinkiseb l-implimentazzjoni sħiħa u konsistenti tar-regoli applikabbli fost id-Direttorati Ġenerali kollha tal-Kummissjoni (DĠ);

2.  Jenfasizza l-fatt li l-objettiv ġenerali tal-politika ta' riċerka tal-UE relatata mat-twaqqif ta' sħubijiet pubbliċi-privati bejn il-kumpaniji u l-akkademja jinsab f'kunflitt mal-ħtieġa li r-regolaturi tal-UE jwettqu riċerka indipendenti fuq il-prodotti tal-industrija; jistieden lill-Kummissjoni tesplora salvagwardji sistemiċi bil-ħsieb li jiġu evitati konflitti ta’ interess fil-qasam tar-regolamentazzjoni ta’ prodotti industrijali u tal-infurzar tal-politika;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-kunflitt strutturali attwali ta' interessi fil-valutazzjoni pubblika tar-riskju ta' prodotti regolati, jiġifieri li l-valutazzjoni ta' dawn il-prodotti hi fil-parti l-kbira jew unikament ibbażata fuq l-istudji mwettqa mill-applikanti jew partijiet terzi mħallsa minnhom, filwaqt li r-riċerka indipendenti ta' spiss tiġi injorata jew miċħuda; jinsisti li l-produtturi xorta għandhom jipprovdu studji, b'kondiviżjoni tal-ispejjeż bejn il-kumpaniji l-kbar u l-SMEs abbażi tas-sehem relattiv fis-suq biex tiġi żgurata l-ġustizzja, iżda l-assessuri kollha għandhom ikunu obbligati jikkunsidraw bis-sħiħ ix-xjenza indipendenti, evalwata bejn il-pari, fil-valutazzjoni tagħhom;

4.  Jilqa' l-investiment tas-settur privat fir-riċerka u l-iżvilupp; ifakkar li l-parti l-kbira tal-esperti pparteċipaw fil-proġetti ta' riċerka finanzjati mis-settur privat; ifakkar ukoll li l-kompetenza hija riżorsa skarsa li m'għandhiex issir inaċċessibbli għall-gruppi ta' esperti;

Kwistjonijiet internazzjonali

5.  Jitlob lill-Kummissjoni toħroġ u tiddissemina sejħiet pubbliċi f'waqthom għal applikazzjonijiet għall-għażla tas-sħubija fil-gruppi ta' esperti kollha, li jkunu assoċjati mar-reġistrazzjoni fir-Reġistru ta' Trasparenza, u tiżgura konformità mal-Linji Gwida tal-OECD "Managing Conflict of Interest in the Public Service" (Il-Ġestjoni ta’ Kunflitti ta’ Interessi fis-Servizz Pubbliku) u ta' diliġenza dovuta fl-iskrining tagħhom fuq bażi annwali;

6.    Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni timxi fuq l-eżempju tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għar-Riċerka dwar il-Kanċer, billi tistabbilixxi l-istatus ta' "speċjalisti mistiedna" li jippermettulha tuża l-għarfien espert estern, filwaqt li jitħallew barra entitajiet b'konflitti ta' interess attwali, potenzjali jew apparenti milli jkollhom prerogattivi ta' votazzjoni u ta' abbozzar bħala membri ta' grupp espert;

7.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet relevanti kollha tal-UE jimplimentaw l-Artikolu 5.3 tal-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk li jistipula li l-partijiet jeħtieġ jieħdu passi biex jipproteġu l-politiki ta' kontroll tat-tabakk minn interessi kummerċjali u minn interessi oħrajn tal-industrija tat-tabakk, bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet li hemm fil-linji gwida tagħha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippubblika valutazzjoni dwar il-ftehim PMI u l-ftehimiet ma' kumpaniji oħrajn tat-tabakk kif ukoll valutazzjoni tal-impatt fuq l-implimentazzjoni tal-konvenzjoni qafas imsemmija hawn fuq; huwa diżappuntat bl-iskambju ta' posta elettronika editjata sew u ppubblikata reċentement bejn il-Kummissjoni u l-British American Tobacco;

8.  Huwa konvint li l-ftehim PMI m'għandux jiġi nnegozjat qabel ma jsir dibattitu pubbliku u trasparenti wara l-pubblikazzjoni tal-valutazzjoni tal-ftehim PMI; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-alternattivi eżistenti;

9.  Iqis li, fin-nuqqas ta' valutazzjoni tal-impatt mill-Kummissjoni li suppost ilha li saret, Ftehim imġedded Kontra l-Kontrabandu u l-Iffalsifikar mal-industrija tat-tabakk mhuwiex strument adegwat biex jiġi indirizzat il-kummerċ illegali fit-tabakk, b'mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk u l-Protokoll għall-Eliminazzjoni tal-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk tad-WHO, adottati mill-partijiet għall-konvenzjoni qafas tad-WHO;

10.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' sistema li ssegwi u tintraċċa l-falsifikazzjoni tas-sigaretti li tkun indipendenti mill-industrija tat-tabakk, f'konformità mal-Artikolu 8.2 tal-Protokoll tad-WHO, biex jiġi eliminat il-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk, partikolarment fin-nuqqas ta' riferimenti biex il-kuntrabandu sekwestrat ikollu valutazzjoni indipendenti f'laboratorju, kif ukoll minħabba l-interess li għandha l-industrija li tqis il-prodotti sekwestrati bħala foloz skont it-termini tal-Ftehim Kontra l-Kontrabandu u l-Iffalsifikar, b'telf ta' introjtu doganali għall-Unjoni;

Kwistjonijiet ta’ lobbying

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni dwar l-attivitajiet ta' lobbying, sabiex titjieb it-trasparenza u l-integrità tal-proċess ta' teħid tad-deċiżjonijiet fl-istituzzjonijiet tal-UE; jemmen li l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni dwar l-attivitajiet ta' lobbying huwa dritt essenzjali taċ-ċittadini tal-UE u hu neċessarju għall-prattika demokratika dovuta;

12.  Jitlob lill-Istituzzjonijiet tal-UE u lill-persunal tagħhom, kif ukoll lill-aġenziji, sabiex iżommu lura milli jistiednu lobbisti mhux reġistrati għas-seduti ta' smigħ u avvenimenti uffiċjali oħrajn; jitlob sabiex it-tim tan-negozjati tat-TTIP tal-Kummissjoni jiġi inkluż f’kull dispożizzjoni ta’ dan it-tip;

13.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE joħolqu repożitorju tal-internet pubblikament aċċessibbli għad-dokumenti ta' pożizzjoni kollha mressqa mill-partijiet interessati, bil-lobbisti reġistrati kollha jkunu obbligati biex simultanjament jippreżentaw f'dan ir-repożitorju kopja tad-dokumenti ta’ pożizzjoni kollha li huma jikkomunikaw lill-membri jew lill-persunal tal-istituzzjonijiet;

Kwistjonijiet tal-UE

14.  Iqis li, fi żmien ta’ ewroxettiċiżmu li qed jiżdied, huwa kruċjali li tissaħħaħ il-fiduċja pubblika fl-istituzzjonijiet tal-UE u f'dawk li jmexxuhom, u li huwa ta’ importanza kbira li jkun hemm impenn qawwi lejn it-trasparenza, filwaqt li jiġu żgurati l-integrità tal-istituzzjonijiet u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

15.  Ifakkar li l-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2014 wera li 70 % tal-pubbliku fl-UE jemmen li l-korruzzjoni hija preżenti fl-istituzzjonijiet tal-UE u għalhekk iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet jindirizzaw b'mod urġenti dan in-nuqqas ta' fiduċja pubblika;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod partikolari tirrevedi l-komunikazzjoni tagħha tal-2002 dwar il-prinċipji ġenerali u l-istandards minimi għall-konsultazzjoni tal-partijiet interessati(2);

17.  Jistieden lill-President tal-Kummissjoni jestendi l-miżuri ġodda ta' trasparenza li għandhom il-Kummissarji u d-Diretturi Ġenerali għal uffiċjali għolja oħrajn tal-UE li huma involuti sew fil-proċess leġiżlattiv u li jiltaqgħu regolarment mal-partijiet interessati rilevanti, bħalma huma l-Kapijiet ta' Unità;

18.  Ifakkar li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tiggarantixxi d-dritt għall-aċċess għad-dokumenti pubbliċi liċ-ċittadini u jikkritika l-fatt li waħda mill-aktar problemi frekwenti rigward it-trasparenza tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea hija l-fatt li dawn jirrifjutaw li jagħtu l-aċċess għal dokumenti u informazzjoni;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tesplora għażliet li jinkludu atti leġiżlattivi u arranġamenti istituzzjonali u amministrattivi, u jistedinha wkoll tieħu azzjoni konkreta sabiex toħloq qafas li jtejjeb il-governanza u jirrappreżenta espliċitament il-ġenerazzjonijiet futuri, b'hekk jiġu integrati aħjar id-drittijiet tagħhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fit-tfassil tal-politika fil-livell Ewropew;

20.  Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha ssaħħaħ l-integrità fl-użu tagħha tal-konsulenza xjentifika, b'mod partikolari billi ma tfittixx bilanċ politiku iżda minflok tiddependi fuq l-iktar informazzjoni oġġettiva u awtorevoli disponibbli;

21.  Jitlob lill-Kummissjoni tissimplifika l-aċċess għall-informazzjoni u tiggarantixxi aktar trasparenza fl-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

22.  Jirrakkomanda bil-qawwa perjodu ta' preklużjoni mill-interessi kummerċjali ta' ħames snin bħala rekwiżit għall-kandidati esperti biex jipparteċipaw bħala membri sħaħ f'bordijiet xjentifiċi b'kompiti ta' abbozzar u teħid tad-deċiżjonijiet;

23.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tobbliga l-membri tagħha jagħmlu disponibbli għall-pubbliku l-informazzjoni rigward il-laqgħat li huma u l-membri tal-kabinett tagħhom ikollhom mal-organizzazzjonijiet jew ma' dawk li jaħdmu għal rashom dwar kwistjonijiet li jirrelataw mat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni;

24.  Jitlob lill-Kummissjoni tiggarantixxi l-aċċess għad-dokumenti u għall-informazzjoni dwar avviżi formali u proċeduri ta' ksur kontra l-Istati Membri u dwar l-implimentazzjoni tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja;

25.  Jirrikonoxxi u jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżgura aktar trasparenza fin-negozjati tat-TTIP u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel sforzi ulterjuri u tippermetti l-MPE jkollhom aċċess faċli għat-testi li qed jiġu negozjati;

26.  Iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għal Regolamentazzjoni Aħjar, ir-Relazzjonijiet Interistituzzjonali, l-Istat tad-Dritt u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali biex iżomm il-wegħda tiegħu u jressaq mingħajr aktar dewmien proposti għat-twaqqif ta’ Ftehim Interistituzzjonali dwar Reġistru ta' Trasparenza obbligatorju, inklużi l-mekkaniżmi ta’ sanzjoni xierqa għal organizzazzjonijiet li ma jikkonformawx mar-regoli; jistieden lill-Kunsill fir-rwol tiegħu ta’ koleġiżlatur tal-Unjoni biex jikkonforma mar-Reġistru ta' Trasparenza;

L-għarfien espert

27.  Jissuġġerixxi li, sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet li jitqajmu mit-trażżin selettiv tas-sejbiet tar-riċerka mhux favorevoli, bħala kondizzjoni għal parteċipazzjoni fil-proċessi regolatorji u ta' politika, għandu jkun hemm reġistrazzjoni minn qabel tal-istudji u tal-provi xjentifiċi, li tispeċifika l-ambitu u d-data tal-konklużjoni mistennija;

28.  Jinsab imħasseb, minħabba r-rwol tiegħu fil-protezzjoni tal-integrità tat-teħid tad-deċiżjonijiet pubbliċi, dwar ċerti prattiki ta' reġistrazzjoni qarrieqa tal-interessi ekonomiċi fi gruppi ta' esperti, li jagħtu idea żbaljata tal-ammont ta' dawn l-interessi rappreżentati kemm f'termini assoluti kif ukoll f'dawk relattivi, kif ukoll tal-iżbilanċ eżistenti fir-rigward tal-interessi mhux ekonomiċi jew politiċi;

29.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-konsultazzjonijiet jinkludu mistoqsijiet miftuħa li jwasslu għal diskussjoni sostanzjali tal-politika, minflok sempliċiment ifittxu li jikkonfermaw direzzjonijiet ta’ politika jew għażliet li diġà saru; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura parteċipazzjoni bilanċjata fil-konsultazzjonijiet li tirrifletti d-diversità tal-partijiet interessati;

30.  Iqis li sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni fattwalment bilanċjata fil-pubblikazzjoni tas-sejħiet għall-applikazzjonijiet għandhom isiru sforzi speċjali biex dawn jilħqu s-setturi ta' kompetenza rilevanti differenti, kemm mill-qasam xjentifiku kif ukoll mis-soċjetà ċivili;

31.  Jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni dwar rieżami tal-klassifikazzjoni tal-membri tal-gruppi ta' esperti fir-Reġistru tal-gruppi ta' esperti; iqis li dan l-eżerċizzju għandu jwassal sabiex il-kategorizzazzjoni tal-membri tkun konformi ma' dik applikata fir-Reġistru ta' Trasparenza;

32.  Jitlob lill-Kummissjoni tadotta miżuri u sanzjonijiet legalment vinkolanti biex tiżgura li s-sħubija ta' gruppi ta' esperti u ta' entitajiet simili li jagħtuha konsulenza tkun preċiża u konsistentement bilanċjata, b'attenzjoni xierqa għal-livell tal-kompetenza tal-parteċipanti u l-esperjenza aġġornata tal-kwistjonijiet li qed jiġu diskussi, u kategorizzata fir-rigward tan-natura tal-interessi rappreżentati mill-membri, bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew fil-kuntest tal-inkjesta fuq inizjattiva proprja OI/6/2014/NF;

33.  Iqis li l-livell ġenerali ta' divulgazzjoni tal-proċedimenti u d-deliberazzjonijiet tal-gruppi ta' esperti huwa insuffiċjenti; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li tkun disponibbli informazzjoni aktar dettaljata f'waqtha u b'mod aggregat, partikolarment fir-rigward tas-sottogruppi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjonijiet ta’ interessi minn esperti kif ukoll il-minuti ta’ laqgħat ta’ gruppi ta’ esperti għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq il-websajt tagħha;

34.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni biex tintroduċi dispożizzjonijiet ġodda dwar il-kunflitti ta' interess tal-individwi maħtura bħala membri tal-gruppi ta' esperti f'kapaċità personali; jenfasizza l-ħtieġa li l-esperti kollha jippreżentaw dikjarazzjoni tal-interessi għall-pubblikazzjoni fuq ir-reġistru tal-gruppi ta' esperti;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-indipendenza tal-esperti waqt it-twettiq ta' dmirijiethom, minħabba li jistgħu jitfaċċaw interessi ekonomiċi ġodda matul dak il-perjodu;

36.  Jirrikonoxxi li l-gruppi ta' esperti jeħtieġu aċċess għall-aħjar kompetenzi xjentifiċi disponibbli;

37.  Huwa tal-fehma li r-rekwiżit għal kompetenza teknika estremament speċifika mhijiex raġuni valida biex tiġi evitata sejħa għall-applikazzjonijiet;

L-aġenziji

38.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' esperti indipendenti fl-aġenziji tal-UE u l-ħtieġa li tingħata aktar importanza lill-eliminazzjoni tal-kunflitti tal-interessi fi ħdan il-bordijiet tal-aġenziji;

39.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-aġenziji jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom fuq l-aħjar evidenza disponibbli; ifakkar li d-dixxiplina xjentifika tkun żgurata permezz tal-proċess tal-evalwazzjoni bejn il-pari u t-trasparenza u r-riproduċibbiltà tar-riżultati;

40.  Jenfasizza, fl-interess ta' konsulenza xjentifika soda u indipendenti għat-tfassil tal-politika, l-importanza ta' riżorsi adegwati għall-iżvilupp ta' kompetenzi interni fi ħdan l-aġenziji speċjalizzati tal-UE, inkluża l-opportunità li jsiru riċerka u ttestjar li jistgħu jiġu ppubblikati, u b'hekk is-servizz pubbliku ikun aktar attraenti fi rwoli ta' konsulenza regolatorja mingħajr tfixkil fil-progress tal-karrieri akkademiċi tax-xjentisti;

41.  Jinsisti li d-data kollha użata minn kwalunkwe aġenzija sabiex tintlaħaq kwalunkwe konklużjoni xjentifika għandha tkun disponbbli għall-pubbliku f'format li jista' jinqara minn magna sabiex ikunu possibbli l-iskrutinju xjentifiku u l-progress kostanti; jinsisti li filwaqt li l-privatezza individwali għandha tiġi rispettata, il-klawżoli ta' kunfidenzjalità kummerċjali u l-leġiżlazzjoni dwar is-sigrieti kummeċjali m'għandhomx jitħallew ifixklu d-divulgazzjoni tad-data; jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni xierqa tad-divulgazzjoni tad-data;

42.  Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jiżguraw li l-Aġenziji jingħataw il-mezzi li jikkorrispondu mal-missjoni tagħhom; ifakkar li attwalment l-esperti li jaħdmu f'għadd ta' aġenziji mhumiex imħallsin għall-ħidma tagħhom minkejja l-importanza strateġika tal-kontribuzzjonijiet tagħhom lejn is-saħħa pubblika u dik ambjentali;

43.  Jenfasizza, sa fejn jirrigwarda l-aġenziji tal-UE, li d-dipendenza fuq l-awtovalutazzjoni mill-membri prospettivi tal-bordijiet u l-kumitati xjentifiċi mhijiex adegwata biex jiġu skrinjati l-kunflitti ta' interess potenzjali; iħeġġeġ l-aġenziji jistabbilixxu sistema ta' verifiki proattivi;

44.  Jenfasizza li l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) trid tiggarantixxi trasparenza massima fl-aċċess għar-rapporti kliniċi, u jilqa' d-deċiżjoni tal-Aġenzija li tippubblika b'mod proattiv ir-rapporti dwar il-provi kliniċi li jsostnu d-deċiżjonijiet li ttieħdu dwar mediċini individwali;

45.  Iħeġġeġ lill-aġenziji tal-UE jkomplu bl-isforzi tagħhom fl-applikazzjoni ta' kriterji u proċeduri stretti biex jiżguraw l-indipendenza tal-bordijiet xjentifiċi tagħhom mis-setturi ekonomiċi u mhux ekonomiċi affettwati mid-deliberazzjonijiet tagħhom u mill-influenza politika minn dawk li għandhom aġenda speċifika dwar is-suġġett ikkonċernat, sabiex jevitaw kif xieraq konflitti ta' interess, b'attenzjoni partikolari fuq l-għażla li jagħmlu użu minn status ta' "speċjalisti mistiedna" li jagħmilha possibbli li jkun hemm input minn esperti b'rabtiet ma' industriji regolati imma li dawn ma jkollhomx rwol ta' abbozzar jew ta' teħid ta' deċiżjonijiet fl-opinjonijiet xjentifiċi;

Kwistjonijiet tal-Parlament Ewropew

46.  Ifaħħar lis-Servizz ta' Riċerka tiegħu għal kwalità għolja tal-ħidma tiegħu; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu allokati aktar riżorsi għal dan is-servizz u biex tiġi ggarantita ulterjorment l-indipendenza amministrattiva fis-servizz tal-interess pubbliku;

47.  Bi ħsiebu jikkunsidra l-ħolqien ta’ bażi ta' data, miftuħa u possibbli tfittex fiha, tad-dikjarazzjonijiet ta’ interess tal-MPE sabiex ikun hemm aktar trasparenza u skrutinju mis-soċjetà ċivili;

48.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jieħdu miżuri biex jintroduċu jew isaħħu perjodi minimi ta' preklużjoni għall-uffiċjali għolja tal-UE, inklużi l-MPE, qabel ma uffiċjali pubbliċi preċedenti u rappreżentanti eletti jkunu disponibbli biex jieħdu pożizzjonijiet ta' lobbjar li jistgħu joħolqu jew jidhru li jistgħu joħolqu kunflitti ta' interess, b'hekk jiġu evitati sitwazzjonijiet ta' "bibien iduru"; jitlob sadanittant biex jiġu ppubblikati l-ismijiet ta’ uffiċjali għolja preċedenti tal-UE jew MPE li ħallew l-istituzzjonijiet tagħhom u qed jaħdmu għal interessi privati.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

1.12.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

68

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Catherine Bearder, Ivo Belet, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Birgit Collin-Langen, Mireille D’Ornano, Miriam Dalli, Jørn Dohrmann, Ian Duncan, Stefan Eck, Bas Eickhout, Eleonora Evi, José Inácio Faria, Karl-Heinz Florenz, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Jens Gieseke, Julie Girling, Sylvie Goddyn, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Jytte Guteland, György Hölvényi, Anneli Jäätteenmäki, Benedek Jávor, Karin Kadenbach, Giovanni La Via, Peter Liese, Norbert Lins, Susanne Melior, Massimo Paolucci, Gilles Pargneaux, Piernicola Pedicini, Pavel Poc, Frédérique Ries, Michèle Rivasi, Annie Schreijer-Pierik, Davor Škrlec, Renate Sommer, Tibor Szanyi, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Nils Torvalds, Jadwiga Wiśniewska, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Guillaume Balas, Renata Briano, Nicola Caputo, Mark Demesmaeker, Christofer Fjellner, Luke Ming Flanagan, Krzysztof Hetman, Merja Kyllönen, Gesine Meissner, József Nagy, James Nicholson, Alojz Peterle, Bart Staes, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Marie-Christine Boutonnet, Anja Hazekamp, Jiří Maštálka

(1)

Komunikazzjoni C (2010)7649 10.11.2010

(2)

COM(2002)0704, 11.12.2002


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (5.2.2016)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

dwar it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità fl-istituzzjonijiet tal-UE

(2015/2041(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Pavel Svoboda

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li t-tisħiħ tal-leġittimità, ir-responsabbiltà u l-effettività tal-istituzzjonijiet tal-UE, flimkien mal-livell ta' fiduċja fost iċ-ċittadini tal-UE, huma tal-akbar importanza, u jemmen li r-regoli ta' amministrazzjoni tajba tal-UE huma essenzjali għall-ksib ta' dan l-objettiv permezz ta' tweġibiet immedjati, ċari u viżibbli b'risposta għat-tħassib taċ-ċittadini;

2.  Jenfasiza li għalkemm id-dritt ta' amministrazzjoni tajba, li jagħti lil kull persuna d-dritt li jkollha l-affarijiet tagħha trattati b'mod imparzjali, ġust u fi żmien raġonevoli, mill-istituzzjonijiet, l-entitajiet, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, ġie stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jinkludi wkoll id-dritt ta' kull persuna li tinstema' qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali, id-dritt ta' aċċess għall-files filwaqt li jiġu rispettati l-interessi leġittimi ta' kunfidenzjalità u ta' segretezza professjonali u kummerċjali, u d-dmir tal-amministrazzjoni li tagħti raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha, in-nuqqas ta' ġabra koerenti u komprensiva ta' regoli kodifikati tal-liġi amministrattiva jagħmilha diffiċli għaċ-ċittadini li jifhmu d-drittijiet amministrattivi tagħhom skont il-liġi tal-UE, u dan iżommhom milli jkollhom aċċess b'mod faċli għal dawn id-drittijiet u li jgawduhom bis-sħiħ; jemmen li t-trasparenza hija indispensabbi biex iċ-ċittadini jifhmu aħjar il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE u biex tissaħħaħ il-fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-UE;

3.  Jemmen li l-Liġi Ewropea ta' Proċedura Amministrattiva applikabbli għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE, fir-relazzjonijiet tagħhom mal-pubbliku tikkontribwixxi għal livell għoli ta' trasparenza u responsabbiltà politika, żieda fil-fiduċja taċ-ċittadini f'amministrazzjoni tal-UE aperta, effikaċi u indipendenti fir-rigward tad-drittijiet tagħhom u ssaħħaħ id-drittijiet proċedurali tagħhom fil-konfront tal-istituzzjonijiet tal-UE;

4.  Ifakkar, f'dan is-sens, li fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013, adottata minn maġġoranza kbira ħafna, il-Parlament talab għall-adozzjoni ta' regolament tal-UE dwar Liġi Ewropea ta' Proċedura Amministrattiva; jiddispjaċih li ma ttieħdu ebda passi mill-Kummissjoni f'dan ir-rigward; jitlob mill-ġdid lill-Kummissjoni tissottometti proposta għal ġabra ċara u vinkolanti ta' regoli għall-amministrazzjoni tal-UE fuq il-bażi tal-Artikolu 298 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li titlob ftuħ, effijenza u indipendenza, kif ukoll fuq il-bażi tal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-UE, kif speċifikat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (QtĠ-UE); ifakkar li, skont l-Artikoli 10(3) u 11(2) tat-TUE u l-Artikolu 15 tat-TFUE, it-trasparenza hija s-sisen demokratiku tal-Unjoni Ewropea;

5.  Iqis li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill imisshom jaċċettaw obbligi ta' trasparenza aktar estensivi, partikolarment fit-trilogi u fil-proċeduri ta' konċiljazzjoni; ifakkar fil-ħtieġa li tittejjeb it-trasparenza tan-negozjati leġiżlattivi u jenfasizza l-importanza tal-pubblikazzjoni tal-progress tan-negozjati wara kull trilogu u l-għażla ta' mandat tal-plenarja għat-tim tan-negozjar tal-Parlament sabiex tittejjeb it-trasparenza fi ftehimiet fl-ewwel qari magħmula ħafna drabi fit-trilogi;

6.  Jemmen li kultura proattiva ta' trasparenza li tippromwovi l-istat ta' dritt tippresupponi mekkaniżmi ċari u effiċjenti għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-korpi konsultattivi tal-UE; jiddispjaċih, f'dan il-kuntest, dwar l-assenza ta' kodiċi komuni ta' kondotta għall-Kunsill Ewropew, li jagħmilha diffiċli li jkun ivvalutat jekk l-integrità tkunx salvagwardata u l-imġiba ħażina potenzjali kkastigata, u jitlob lill-Kunsill Ewropew jintroduċi regoli komprensivi ta' integrità għall-President tiegħu u l-uffiċju tiegħu; iħeġġeġ lill-Kunsill jagħmel rieżami tal-politika tiegħu dwar l-aċċess għad-dokumenti u jallinjaha mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

7.  Ifakkar fl-importanza ta' aċċess għad-dokumenti u jitlob għalhekk li ssir riforma ambizzjuża tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, u jiddispjaċih li fil-preżent id-diskussjonijiet dwaru fil-Kunsill huma imblukkati; jinnota l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, b'mod partikolari l-kawżi C-39/05 P u C-52/05 P li fihom il-Qorti żviluppat distinzjoni bejn dokumenti ta' proċedimenti leġiżlattivi u amministrattivi meta qieset il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-iżvelar pubbliku ta' dokumenti fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva; ifakkar li meta jingħata l-aċċess għad-dokumenti, għandhom jiġu osservati regoli li jirrigwardaw il-protezzjoni tad-data;

8.  Jenfasizza li x-xogħol favur aktar trasparenza fl-istituzzjonijiet tal-UE jrid jinkludi wkoll reviżjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-Parlament Ewropew; iqis li r-reviżjoni tiegħu fil-każijiet kollha jrid jinkludi projbizzjoni ta' dawk l-attivitajiet paralleli kollha li b'mod ċar jikkostitwixxu kunflitt ta' interess għall-Membri tal-Parlament Ewropew; josserva, barra minn hekk, li sabiex jiġu evitati l-kunflitti ta' interess, il-ħlas tal-persunal li jaħdem għall-Membri tal-Parlament Ewropew minn rappreżentanti ta' gruppi ta' interess għandu jkun assolutament ipprojbit;

9.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' vvettjar tal-integrità u/jew tal-interessi finanzjarji tar-rappreżentanti nazzjonali tal-Presidenza u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u jħeġġeġ lill-Kunsill jintroduċi kodiċi speċifiku ta' etika, inklużi sanzjonijiet, li jindirizza r-riskji speċifiċi għad-delegati nazzjonali;

10.  Jistieden ukoll lill-Kunsill jadotta Kodiċi ta' Kondotta komprensiv – li jkopri kunflitti ta' interess u għodod effettivi għall-prevenzjoni u s-sanzjonar ta' mġiba mhux xierqa – għall-membri u l-personal taż-żewġ korpi konsultattivi tal-UE, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew;

11.  Jistieden lill-Aġenziji tal-UE jadottaw linji gwida għal politika koerenti dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni ta' kunflitti ta' interess għall-membri tal-Bord tat-Tmexxija u d-Diretturi, esperti f'kumitati xjentifiċi, u l-membri ta' bordijiet ta' appell u biex tadotta u timplimenta politika ċara dwar il-kunflitti ta' interess, f'konformità mal-Pjan Direzzjonali dwar is-segwitu għall-Approċċ Komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati tal-UE;

12.  Jipproponi mhux biss eżami formali tad-dikjarazzjonijiet ta' interessi finanzjarji tal-Kummissarji nominati mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew iżda wkoll waħda sostantiva, sabiex kwalunkwe kunflitt ta' interess ikun jista' jiġi evitat; jilqa' t-talba tal-Ombudsman Ewropew lill-Kummissjoni biex tagħmel il-proċessi ta' rieżami tagħha tal-każijiet tat-tip "revolving doors" iktar robusti sabiex jiġu evitati kunflitti ta' interess; jappella b'mod aktar speċifiku għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-Persunal; ifakkar li, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar proċeduri u prattiki rigward is-seduti ta' smigħ tal-Kummissarji - tagħlimiet li għandhom jinsiltu mill-proċess tal-2014(1), il-Parlament qies li "l-konferma min-naħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar l-assenza ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess, ibbażata fuq analiżi sostantiva tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji, tikkostitwixxi prekundizzjoni essenzjali biex il-kumitat responsabbli jkun jista' jorganizza s-seduta ta' smigħ" (paragrafu 4). Bħala konsegwenza ta' dan, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali għandu "jippubblika linji gwida fil-forma ta' rakkomandazzjoni jew rapport ta' inizjattiva, bil-ħsieb li jiffaċilita r-riforma tal-proċeduri b'rabta mad-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-Kummissarji" (paragrafu 13);

13.  Huwa konvint li, fil-kuntest tar-relazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-gruppi ta' interess, huwa essenzjali li jiġi introdott reġistru ta' trasparenza obbligatorju bil-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament sabiex jinkiseb livell minimu ta' trasparenza fil-leġiżlazzjoni;

14.  Fl-aħħar nett, iqis li protezzjoni effettiva tal-whistle-blowers tgħin biex jiżdiedu kemm l-interess pubbliku u r-responsabilità demokratika fl-istituzzjonijiet Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni tfassal qafas regolatorju għall-whistle-blowers, bil-għan li jżommu l-identità tagħhom sigrieta u li jkunu protetti minn kull forma ta' tpattija; ifakkar fit-talba tal-Parlament lill-Kummissjoni biex teżamina l-possibilità li tistabbilixxi programm Ewropew ta' protezzjoni għall-whistle-blowers u jilqa' l-investigazzjoni tal-Ombudsman Ewropew dwar jekk l-istituzzjonijiet tal-UE humiex qed jirrispettaw l-obbligu tagħhom li jintroduċu regoli interni għall-whistle-blowers; jinnota l-konklużjonijiet tal-Ombudsman li l-parti l-kbira tal-istituzzjonijiet tal-UE għadhom ma implimentawx b'mod xieraq regoli għall-protezzjoni tal-whistle-blowers kif mitlub wara r-riforma tar-Regoli tal-Persunal fl-2014; jitlob li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE li għadhom ma adottawx regoli interni dwar il-whistle-blowing biex jagħmlu dan b'urġenza u biex jieħdu approċċ komuni lejn l-obbligi tagħhom;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

28.1.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Therese Comodini Cachia, Mady Delvaux, Laura Ferrara, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sajjad Karim, Dietmar Köster, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Jiří Maštálka, Emil Radev, Julia Reda, Evelyn Regner, Pavel Svoboda, Axel Voss, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Sergio Gaetano Cofferati, Pascal Durand, Angel Dzhambazki, Evelyne Gebhardt, Jytte Guteland, Heidi Hautala, Constance Le Grip, Angelika Niebler, Virginie Rozière

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0287.


OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (18.2.2016)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

dwar it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità fl-istituzzjonijiet tal-UE

(2015/2041(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Sylvie Guillaume

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta, fl-2016, proposta għal ftehim interistituzzjonali li jirrevedi r-Reġistru tat-Trasparenza għar-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess; jinsisti li l-konsultazzjonijiet ta' qabel din il-proposta jqisu, b'mod bilanċjat, il-perspettivi differenti espressi; jemmen li l-livell ta’ trasparenza jeħtieġ jogħla billi jiġi stabbilit reġistru obbligatorju tal-UE;

2.  Jitlob għall-użu ta’ impronta leġiżlattiva għal-lobbying tal-UE, fuq bażi volontarja; jindika, f’dan ir-rigward, il-possibilità li jiġu introdotti annessi għall-proposti tal-Kummissjoni u r-rapporti tal-Parlament, li jindikaw b’mod ċar liema lobbyists kellhom effett sostanzjali fuq it-test ta’ dawn il-proposti u rapporti; iħeġġeġ lill-Membri tal-PE u lir-rappreżentanti tal-Kunsill jippubblikaw volontarjament informazzjoni dwar il-laqgħat tagħhom mal-partijiet ikkonċernati, kif inhi l-prattika tal-Kummissjoni;

3.  Jistieden lil dawk l-istituzzjonijiet tal-UE, inkluż il-Parlament, li introduċew kodiċijiet ta' kondotta, biex itejbu l-miżuri tagħhom ta' monitoraġġ u implementazzjoni, bħalma huma l-verifiki tad-dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji; jinnota li l-entitajiet tal-monitoraġġ u tas-sanzjonijiet jeħtieġ ikunu politikament indipendenti;

4.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippubblika rapport kull sentejn dwar is-sitwazzjoni tal-korruzzjoni fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni tressaq, mingħajr aktar dewmien, addendum għall-ewwel rapport tagħha kontra l-korruzzjoni li jiddeskrivi fid-dettall is-sitwazzjoni fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE minn din il-perspettiva;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni, bl-għan li jkun żgurat li l-istituzzjonijiet jirrispettaw l-istandards kontra l-korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa, biex tkompli d-diskussjonijiet dwar l-adeżjoni tal-UE fil-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) bil-ħsieb li tiġi stabbilita skeda ta’ żmien proviżorja għal din l-adeżjoni;

6.  Jiddispjaċih dwar il-progress limitat li sar fl-iżgurar tal-protezzjoni tal-informaturi u tal-ġurnalisti, li jista' jkollhom rwol ewlieni fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jiddispjaċih ukoll, għaldaqstant, li l-Kummissjoni ma weġbitx għat-talba tal-Parlament li tistudja l-possibilità li jiġi stabbilit programm Ewropew ta' protezzjoni tal-informaturi; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta komunikazzjoni dwar dan is-suġġett sal-aħħar tal-2016, abbażi ta’ evalwazzjoni tas-sitwazzjoni rigward ir-regoli relatati mal-informaturi fil-livell nazzjonali, u biex tikkunsidra l-possibilità ta’ pjan biex jiġu stabbiliti regoli minimi dwar l-informaturi;

7.  Jiddispjaċih ukoll dwar in-nuqqas ta' progress fl-indirizzar tal-abbuż tal-liġijiet tal-malafama sabiex jiġu intimidati l-ġurnalisti u dawk li jinvestigaw il-korruzzjoni; b'mod partikolari, jistieden lill-Kummissjoni sabiex tibda diskussjonijiet dwar leġiżlazzjoni li tappoġġa r-revoka ta' pieni kriminali għal malafama fl-Istati Membri;

8.  Jemmen li Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew b'saħħtu u indipendenti, b'kompetenzi u responsabilitajiet definiti b'mod ċar, se jgħin biex jiġu miġġielda r-reati kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u biex jiġu investigati, mixlija u proċessati l-awturi ta' reati kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni; jemmen li kwalunkwe soluzzjoni inqas soda tkun ta' ħsara għall-baġit tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-Kunsill jagħti spinta ġdida lin-negozjati dwar id-Direttiva PIF sabiex jissaħħaħ il-qafas legali eżistenti u titjieb l-effiċjenza tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE;

9.  Jiddeplora l-istaġnar fil-Kunsill fir-rigward tar-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti; iħeġġeġ lill-Kunsill jadotta pożizzjoni kostruttiva, filwaqt li jqis il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-15 ta’ Diċembru 2011 u r-rekwiżiti tat-Trattat ta’ Lisbona; jinnota li kienu ftit ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament rigward it-trasparenza u l-aċċess għad-dokumenti li ġew implimentati; ifakkar li t-trasparenza ssaħħaħ il-fiduċja pubblika fl-istituzzjonijiet tal-UE billi tippermetti liċ-ċittadini jkunu infurmati dwar il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE; iċ-ċittadini għandhom ikunu infurmati b'mod preċiż u fil-ħin; itenni, għaldaqstant, li t-trasparenza tal-proċess amministrattiv u tat-tfassil tal-liġi tal-UE hija essenzjali għal-leġittimità tal-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-UE; jenfasizza li t-trasparenza hija pedament ta' "regolamentazzjoni aħjar";

10.  Itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu li kull istituzzjoni jew entità tal-UE taħtar, minn ħdan l-istrutturi ta' ġestjoni eżistenti tagħha, Uffiċjal għat-Trasparenza li jkun responsabbli għall-konformità mar-regoli;

11.  Ifakkar fil-ħtieġa li titjieb it-trasparenza tan-negozjati leġiżlattivi, inklużi t-trilogi; jinnota, għalhekk, li t-trasparenza tagħhom għandha tiżdied permezz ta' rappurtar fil-kumitat parlamentari kompetenti dwar is-sitwazzjoni tan-negozjati tat-trilogu; Jinnota, b'mod partikolari, li skont l-Artikolu 73(4) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, wara kull trilogu l-grupp ta' negozjaturi jeħtieġ li jirrapporta lill-kumitat kompetenti u jpoġġi għad-dispożizzjoni tiegħu d-dokumenti li jirriflettu l-eżitu tat-trilogu; jitlob, għaldaqstant, li kemm ir-rapport orali kif ukoll id-dokumenti jinkludu fihom informazzjoni dettaljata dwar il-qagħda tan-negozjati tat-trilogu; jitlob, barra minn hekk, li tiġi ppubblikata lista bid-dati tal-laqgħat tat-trilogu kif ukoll l-ismijiet tal-parteċipanti diretti;

12.  Jenfasizza l-importanza li jitħalla biżżejjed żmien bejn il-kisba ta' ftehim finali fi kwalunkwe trilogu partikolari u l-votazzjoni ta' konferma fil-kumitat kompetenti, sabiex il-membri tal-kumitat kompetenti jkunu jistgħu jaqraw it-test u jiddiskutuh fi ħdan il-gruppi politiċi tagħhom qabel il-votazzjoni finali fil-kumitat;

13.  Jitlob li jkun hemm aktar trasparenza fi ħdan l-aġenziji tal-UE u fir-relazzjonijiet tagħhom ma' entitajiet oħra tal-UE; jenfasizza l-importanza tat-trasparenza fil-proċessi ta' nomini, elezzjonijiet u ħatriet ta' rappreżentanti tal-Aġenziji, speċjalment f'każijiet meta l-Parlament ikun inkluż;

14.  Iqis li l-ewwel rapport biennali kontra l-korruzzjoni tal-Kummissjoni kien tentattiv promettenti għas-sorveljanza tal-korruzzjoni fl-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi analiżi tar-riskji ta' korruzzjoni fl-istituzzjonijiet tal-UE fir-rapport li se jsir fl-2016, flimkien ma' ħarsa ġenerali lejn l-akbar problemi ta' korruzzjoni fl-Istati Membri, ir-rakkomandazzjonijiet tal-politika biex jiġu indirizzati u l-miżuri ta' segwitu li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni, filwaqt li jitqies speċifikament l-impatt negattiv ta' attivitajiet korrotti fuq il-funzjonament tas-Suq Intern;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

16.2.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

49

1

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Philipp Albrecht, Michał Boni, Caterina Chinnici, Ignazio Corrao, Rachida Dati, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Frank Engel, Cornelia Ernst, Tanja Fajon, Laura Ferrara, Monika Flašíková Beňová, Lorenzo Fontana, Kinga Gál, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Jussi Halla-aho, Monika Hohlmeier, Brice Hortefeux, Sophia in ‘t Veld, Eva Joly, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Timothy Kirkhope, Barbara Kudrycka, Kashetu Kyenge, Marju Lauristin, Juan Fernando López Aguilar, Monica Macovei, Roberta Metsola, Claude Moraes, József Nagy, Péter Niedermüller, Soraya Post, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Branislav Škripek, Helga Stevens, Traian Ungureanu, Bodil Valero, Udo Voigt, Josef Weidenholzer, Cecilia Wikström, Kristina Winberg, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marina Albiol Guzmán, Carlos Coelho, Anna Maria Corazza Bildt, Pál Csáky, Daniel Dalton, Dennis de Jong, Gérard Deprez, Anna Hedh, Petr Ježek, Emil Radev, Christine Revault D’Allonnes Bonnefoy, Barbara Spinelli, Elissavet Vozemberg-Vrionidi

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI

FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

21.3.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

2

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michał Boni, Elmar Brok, Richard Corbett, Pascal Durand, Esteban González Pons, Danuta Maria Hübner, Diane James, Ramón Jáuregui Atondo, Jo Leinen, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Markus Pieper, Paulo Rangel, Helmut Scholz, Pedro Silva Pereira, Barbara Spinelli, Claudia Țapardel, Kazimierz Michał Ujazdowski

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Gerolf Annemans, Ashley Fox, Sven Giegold, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Jérôme Lavrilleux, Rainer Wieland

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

20

+

ALDE

Maite Pagazaurtundúa Ruiz

ECR

Ashley Fox, Kazimierz Michał Ujazdowski

EFDD

Laura Agea

GUE/NGL

Helmut Scholz, Barbara Spinelli

NI

Diane James

PPE

Michał Boni, Esteban González Pons, Danuta Maria Hübner, Jérôme Lavrilleux, Paulo Rangel

S&D

Richard Corbett, Ramón Jáuregui Atondo, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Jo Leinen, Pedro Silva Pereira, Claudia Țapardel

VERTS/ALE

Pascal Durand, Sven Giegold

2

-

PPE

Elmar Brok, Rainer Wieland

2

0

ENF

Gerolf Annemans

PPE

Markus Pieper

 

Korrezzjonijiet għall-votazzjoni finali u intenzjonijiet tal-votazzjoni

+

Gerolf Annemans

-

 

0

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Mejju 2017Avviż legali