RAPPORT dwar il-funzjonament tal-franchising fis-settur tal-bejgħ bl-imnut

17.5.2017 - (2016/2244(INI))

Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
Rapporteur: Dennis de Jong
Rapporteur għal opinjoni (*):
Doru-Claudian Frunzulică, Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
(*)  Kumitati assoċjati – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

Proċedura : 2016/2244(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0199/2017
Testi mressqa :
A8-0199/2017
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-funzjonament tal-franchising fis-settur tal-bejgħ bl-imnut

(2016/2244(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għas-Settur tal-Konsumaturi għall-benefiċċju tal-atturi kollha[1], u b'mod partikolari l-paragrafu 29 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel[2],

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' April 2016 ikkummissjonat mill-Kumitat IMCO dwar il-franchising[3],

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' Settembru 2016 ikkummissjonat mill-Kumitat IMCO bit-titolu "Legal Perspective of the Regulatory Framework and Challenges for Franchising in the EU"[4],

–  wara li kkunsidra l-briefing bit-titolu "Future Policy Options in Franchising in the EU: Confronting Unfair Trading Practices"[5],

–  wara li kkunsidra l-workshop bit-titolu "Relations between franchisors and franchisees: regulatory framework and current challenges", organizzat għall-Kumitat IMCO fit-12 ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0199/2017),

A.  billi m'hemm ebda definizzjoni Ewropea komuni ta' franchising u l-ftehimiet ta' franchising ivarjaw minn negozju għal ieħor, iżda karatteristika essenzjali ta' tali relazzjonijiet hija sħubija kuntrattwali konkluża fuq bażi volontarja bejn imprendituri jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkunu legalment u finanzjarjament indipendenti minn xulxin, fejn parti waħda (il-franchisor) tagħti lill-parti l-oħra (il-franchisee) id-dritt li topera l-formula tal-franchising, l-isem u t-trademarks tiegħu, u taqsam l-għarfien, abbażi tal-għarfien espert u l-assistenza tekniċi u organizzattivi tal-franchisor għal kemm idum fis-seħħ il-ftehim, fejn il-klijenti jiddependu fuq l-għaqda tas-sistema ta' franchising, fejn l-intenzjoni kemm tal-franchisor kif ukoll tal-franchisee tkun li jippermettu l-kisba rapida ta' swieq ġodda b'investiment limitat u bi probabbiltà akbar ta' suċċess;

B.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013, il-Parlament laqa' l-franchising bħala mudell kummerċjali li jappoġġja n-negozji ġodda u s-sjieda ta' negozji żgħar, iżda nnota l-eżistenza ta' termini kuntrattwali inġusti f'ċerti każijiet u appella għal termini kuntrattwali trasparenti u ġusti; barra minn hekk, ġibed l-attenzjoni tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, b'mod partikolari, għall-problemi li jiffaċċjaw franchisees li jkunu jixtiequ jbigħu n-negozju tagħhom jew jibdlu l-formula kummerċjali tagħhom, filwaqt li jibqgħu attivi fl-istess settur u talab li l-Kummissjoni teżamina l-projbizzjoni ta' mekkaniżmi ta' ffissar tal-prezzijiet fis-sistemi tal-franchising u l-effetti tal-klawżoli tal-kompetizzjoni fit-tul, l-opzjonijiet ta' xiri u l-projbizzjoni tal-multi-franchising;

C.  billi l-franchising għandu l-potenzjal sħiħ li jkun mudell kummerċjali li jista' jgħin biex jiġi kkompletat is-suq uniku fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, peress li jista' jkun mezz konvenjenti biex jiġi stabbilit negozju permezz ta' investiment kondiviż mill-franchisor u l-franchisee; għalhekk huwa diżappuntat li bħalissa l-prestazzjoni tiegħu mhijiex daqshekk tajba fl-UE, u jirrappreżenta biss 1,89 % tal-PDG, meta mqabbel ma' 5,95 % fl-Istati Uniti u 10,83 % fl-Awstralja, bi 83,5 % tal-fatturat tal-franchising ikun ikkonċentrat f'seba' Stati Membri biss[6], u għalhekk huwa importanti li jitħeġġeġ tixrid usa' ta' dan il-mudell kummerċjali fl-UE kollha;

D.  billi l-franchising għandu dimensjoni transfruntiera potenzjali sinifikanti, huwa importanti għall-funzjonament tas-suq intern u b'hekk jista' jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi, l-iżvilupp tal-SMEs u l-imprenditorija kif ukoll il-kisba ta' kapaċitajiet u ħiliet ġodda;

E.  billi l-leġiżlazzjoni eżistenti li tkopri l-franchising bħala mudell kummerċjali tvarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor, u dan joħloq ostakli tekniċi u jista' jiskoraġġixxi kemm lill-franchisors kif ukoll lill-franchisees milli jespandu l-attivitajiet tagħhom bejn il-fruntieri; billi dan, min-naħa tiegħu, jista' jkollu impatt fuq il-konsumaturi finali billi jillimita l-għażla tagħhom;

F.  billi hemm differenzi bejn franchising "hard" u "soft", skont il-kundizzjonijiet tal-ftehim ta' franchising; u, barra minn hekk, mudelli kummerċjali alternattivi bħal "gruppi ta' bejjiegħa bl-imnut indipendenti" għandhom karatteristiċi speċjali u għandhom jiġu affettwati biss mir-regoli li jirregolaw il-franchising, sakemm dawn jissodisfaw id-definizzjoni ta' franchising;

G.  billi hemm nuqqas ta' informazzjoni dwar il-funzjonament tal-franchising fis-setturi varji, peress li l-informazzjoni rilevanti mhijiex miktuba jew sikwit tista' tinstab biss fl-ittri ta' akkumpanjament għal ftehim ta' franchising, li huma kunfidenzjali, għalhekk mhux pubbliċi, u fil-livell tal-UE m'hemm l-ebda mekkaniżmu għall-ġbir ta' informazzjoni dwar termini kuntrattwali potenzjalment inġusti jew l-implimentazzjoni inġusta ta' kuntratti, u għalhekk tinħtieġ pjattaforma li tinkludi din l-informazzjoni importanti sabiex tittejjeb is-sensibilizzazzjoni fost il-franchisors u l-franchisees dwar id-dmirijiet u d-drittijiet tagħhom;

H.  billi l-kummerċ elettroniku qed jespandi u qed jintuża aktar u aktar mill-konsumaturi u jenħtieġ għalhekk li jiġi rifless aħjar fil-ftehimiet ta' franchising; billi, fil-kuntest tat-twettiq tas-suq uniku diġitali jenħtieġ għalhekk li tingħata attenzjoni speċifika lil kwalunkwe tensjoni li tirriżulta bejn il-franchisors u l-franchisees fir-rigward tal-kummerċ elettroniku, pereżempju, b'rabta mad-dritt ta' esklużività tal-franchisee għal żona ġeografika speċifika, u r-rilevanza tiżdied ta' data tal-konsumatur għas-suċċess ta' mudelli kummerċjali tal-franchising, b'mod partikolari peress li l-ftehimiet ta' franchising attwalment ma jinkludux dispożizzjonijiet dwar dawn is-suġġetti, u jitħalla lok għal inċertezza u kunflitti mhux meħtieġa;

I.  billi l-Kummissjoni ddefiniet il-prattiki kummerċjali żleali bħala "prattiki li jitbiegħdu b'mod serju minn imġiba kummerċjali tajba, imorru kontra l-bona fide u n-negozjar ġust u huma imposti unilateralment minn sieħeb kummerċjali wieħed fuq l-ieħor"[7];

1.  Iqis li, meta jitqies li mhux qed jintuża daqshekk fl-UE meta mqabbel ma' ekonomiji żviluppati oħra, għat-tlestija tas-suq uniku fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, il-franchising jista' jiżvolġi rwol saħansitra aktar importanti;

2.  Iqis li huwa importanti li l-Istati Membri japplikaw miżuri effikaċi kontra kwalunkwe prattika kummerċjali żleali fil-qasam tal-franchising, iżda jinnota li għad hemm livell għoli ta' diverġenza u diversifikazzjoni bejn l-Istati Membri f'dan ir-rigward; iqis li huwa importanti, għalhekk, li jiġu stabbiliti linji gwida omoġenji mhux leġiżlattivi, li jirriflettu l-aħjar prattiki, dwar il-funzjonament tal-franchising fis-settur tal-bejgħ bl-imnut;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi linji gwida dwar il-kuntratti ta' franchising, sabiex tifforma aħjar l-ambjent normattiv tal-kuntratti ta' franchising billi tiżgura konformità mal-istandards tax-xogħol u servizz deċenti u ta' kwalità għolja;

4.  Huwa tal-fehma li, fid-dawl tal-element transfruntier qawwi tal-franchising, huwa rakkomandat approċċ uniformi biex jiġu kkoreġuti prattiki kummerċjali żleali fil-livell tal-UE;

5.  Jirrikonoxxi li, fil-livell nazzjonali, ġiet adottata leġiżlazzjoni li tipproteġi l-franchisees, iżda l-enfasi kienet fuq l-istadju prekuntrattwali, biex jiġu imposti obbligi ta' divulgazzjoni fuq il-franchisor; jiddispjaċih li s-sistemi nazzjonali ma pprevedewx mekkaniżmi ta' infurzar li jkunu effiċjenti fl-iżgurar tal-kontinwazzjoni tar-relazzjoni ta' franchising;

6.  Jinnota li l-franchisees sikwit ikunu l-parti kontraenti l-iktar dgħajfa, speċjalment meta jkunu SMEs, peress li l-formula tal-franchising normalment tkun ġiet żviluppata mill-franchisor u l-franchisees għandhom it-tendenza li jkunu finanzjarjament aktar dgħajfa u konsegwentement jistgħu jkunu inqas infurmati tajjeb mill-franchisor u għalhekk ikunu dipendenti fuq l-għarfien espert tal-franchisor; jenfasizza l-fatt li sistemi ta' franchising huma dipendenti immens fuq il-funzjonament tal-kooperazzjoni bejn il-franchisor u l-franchisees, filwaqt li jitqies li sistema ta' franchising tiddependi fuq implimentazzjoni tajba mill-partijiet kollha;

7.  Ifakkar li l-franchising huwa relazzjoni kuntrattwali bejn żewġ negozji legalment indipendenti;

8.  Jenfasizza li r-regolamentazzjoni jenħtieġ li żżomm u żżid il-fiduċja tas-suq fil-franchising bħala mod li bih isir in-negozju, billi tinkoraġġixxi l-intraprenditorija mhux biss fil-mikrointrapriżi u fl-intrapriżi żgħar u medji li jsiru franchisors, iżda anke għal individwi li jsiru franchisees;

9.  Jiddikjara li l-franchisors organizzaw ruħhom kemm f'livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew għar-rappreżentanza tal-interessi tagħhom, filwaqt li l-franchisees sikwit ma jkollhomx tali organizzazzjonijiet rappreżentattivi li jiddefendu l-interessi kollettivi tagħhom, u jkomplu joperaw fil-parti l-kbira tagħhom fuq bażi individwali;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu d-djalogu bejn il-franchisors, il-franchisees u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, biex jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta' assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw il-franchisees, u biex jiġi żgurat li l-vuċijiet tagħhom jinstemgħu, kull meta jitħejjew politiki jew leġiżlazzjoni li jistgħu jaffettwawhom, sabiex tiġi żgurata rappreżentanza iktar ugwali tal-partijiet, filwaqt li jiġi enfasizzat li s-sħubija f'dawn l-organizzazzjonijiet għandha tibqa' fakultattiva;

11.  Jenfasizza li hemm nuqqas persistenti ta' informazzjoni dwar il-funzjonament tal-franchising fis-settur tal-bejgħ bl-imnut u jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, punti ta' kuntatt għal informazzjoni dwar il-problemi li jiltaqgħu magħhom il-franchisors u l-franchisees, kull meta jkunu disponibbli, u jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-ġbir ta' informazzjoni fil-livell tal-UE, abbażi, inter alia, ta' informazzjoni minn dawn il-punti ta' kuntatt, filwaqt li tiggarantixxi l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni hekk miksuba;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-funzjonament tal-franchising fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, inkluża l-eżistenza ta' termini kuntrattwali inġusti jew prattiki kummerċjali żleali oħra, u titlob lill-Eurostat jagħti attenzjoni lil dan il-mudell meta jiġbor informazzjoni statistika dwar is-settur, mingħajr kwalunkwe piż amministrattiv addizzjonali jew piżijiet oħra għall-imprendituri;

13.  Jieħu nota tal-Kodiċi ta' Etika Ewropew għall-Franchising żviluppat mill-Federazzjoni Ewropea tal-Franchising (EFF), bħala għodda potenzjalment effiċjenti biex jiġu promossi l-aħjar prattiki fis-settur tal-franchising fuq bażi awtoregolatorja, iżda jinnota wkoll li l-Kodiċi kien soġġett għal kritika fundamentali minn franchisees li indikaw, inter alia, il-fatt li l-Kodiċi ġie redatt b'mod aktar b'saħħtu fir-rigward tal-impenji tal-franhcisor qabel ir-reviżjoni tiegħu fl-2016; iħeġġeġ lill-franchisors u lill-franchisees jiżguraw ir-rappreżentanza bilanċjata u ġusta taż-żewġ naħat sabiex tinstab soluzzjoni xierqa;

14.  Jiddispjaċih, madankollu, li l-Kodiċi jkopri biss minoranza żgħira ta' franchises li joperaw fl-UE, minħabba li l-maġġoranza tal-franchises la jappartjenu għall-EFF u lanqas għall-assoċjazzjonijiet nazzjonali li adottawh, u diversi Stati Membri m'għandhomx assoċjazzjonijiet nazzjonali ta' franchising;

15.  Jinnota li hemm tħassib dwar in-nuqqas ta' mekkaniżmu ta' infurzar indipendenti li jakkumpanja l-Kodiċi ta' Etika Ewropew u jinnota li f'xi Stati Membri dan in-nuqqas ta' infurzar indipendenti wassal għall-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni li tipprevjeni u tindirizza l-prattiki kummerċjali żleali fil-franchising;

16.  Ifakkar li l-Kodiċi ta' Etika huwa ġabra ta' regoli aċċettati minn franchisors flimkien ma' regoli meħtieġa legalment; jemmnen li jenħtieġ li l-Kodiċi ta' Etika dejjem jibqa' bħala valur miżjud għal kull min ikun lest li jikkonforma ma' dawn ir-regoli;

17.  Iqis li hemm bżonn evalwazzjoni tal-effikaċja tal-qafas awtoregolatorju u tal-inizjattiva tal-katina ta' provvista tal-UE, peress li s-sħubija tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-franchising hija kundizzjoni essenzjali għall-parteċipazzjoni f'din l-inizjattiva;

18.  Jiddikjara li l-ftehimiet tal-franchising jenħtieġ li jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipji ta' sħubija bbilanċjata, skont liema il-franchisor u l-franchisee jridu jkunu raġonevoli u ġusti fil-konfront ta' xulxin u jirrisolvu l-ilmenti u t-tilwim permezz ta' komunikazzjoni sinċiera, trasparenti, raġonevoli u diretta;

19.  Jistieden lill-Istati Membri jippreżentaw lill-Kummissjoni l-ilmenti u informazzjoni rilevanti oħra li jirċievu permezz ta' punt ta' kuntatt jew b'xi mod ieħor; jistieden lill-Kummissjoni tfassal, abbażi ta' dik l-informazzjoni, lista mhux eżawrjenti ta' prattiki kummerċjali żleali li jenħtieġ li jiġu ppubblikati u jkunu aċċessibbli għall-partijiet interessati kollha; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tistabbilixxi, jekk ikun meħtieġ, pjattaforma ta' esperti sabiex tinkiseb aktar informazzjoni dwar il-prattika tal-franchising fis-settur tal-bejgħ bl-imnut u, b'mod partikolari, dwar kull tip ta' prattika kummerċjali żleali;

20.  Jirrimarka, b'mod partikolari, dwar il-ħtieġa ta' prinċipji speċifiċi biex jiġu żgurati d-drittijiet u l-obbligi kuntrattwali bilanċjati tal-partijiet, bħal li informazzjoni prekuntrattwali ċara, korretta u komprensiva, inkluża informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-formula tal-franchising, kemm ġenerali kif ukoll immirata lejn is-sit previst tal-franchisee, u limiti ċari li jikkonċernaw ir-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità, tkun disponibbli bil-miktub u b'avviż suffiċjenti qabel l-iffirmar tal-ftehim, u l-introduzzjoni ta' perjodu ta' riflessjoni wara l-iffirmar tal-ftehim, meta jkun xieraq; jirrimarka, ukoll, dwar il-ħtieġa ta' assistenza teknika u kummerċjali kontinwa mill-franchisor lill-franchisee għat-tul ta' żmien tal-ftehim, jekk ikun meħtieġ;

21.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' taħriġ inizjali speċjalizzat, meta jkun meħtieġ, u gwida xierqa u informazzjoni mill-franchisor għall-franchisees matul it-terminu tal-ftehim;

22.  Ifakkar fl-obbligu tal-franchisees li jagħmlu ħilithom favur it-tkabbir tan-negozju tal-franchising u favur iż-żamma tal-identità u r-reputazzjoni komuni tan-netwerk tal-franchising, u għal dan l-għan, li jikkollaboraw lealment mas-sħab kollha fin-netwerk u li jirrispettaw id-drittijiet industrijali u tal-proprjetà intellettwali involuti fil-formula tal-franchising, kif ukoll ir-regoli tal-kompetizzjoni;

23.  Iżid, madankollu, li xi drabi l-franchisors jeżiġu li l-franchisees jixtru prodotti u servizzi li ma jkunux relatati mal-formula tal-franchising; tali rekwiżit m'għandux jitqies bħala parti mill-obbligu tal-franchisees relatat maż-żamma tal-identità u r-reputazzjoni komuni tan-netwerk tal-franchising, iżda jista' jikkostitwixxi faċilment prattika kummerċjali żleali;

24.  Jenfasizza li l-klawżoli ta' nonkompetizzjoni jenħtieġ li jkunu fformulati b'mod ċar, raġonevoli u proporzjonat u m'għandhomx japplikaw għal perjodu itwal minn dak strettament meħtieġ, meta titqies, b'mod partikolari, il-ħtieġa potenzjali li l-franchisees ibiddlu l-formula tal-franchising tagħhom, jekk il-viċinat tagħhom, u għalhekk id-domanda għall-prodotti jew is-servizzi, jinbidlu;

25.  Jinnota l-kwistjonijiet li qed jinħolqu dwar il-bejgħ online, peress li jikkostitwixxi parti dejjem aktar importanti tal-mudell kummerċjali tal-franchising, iżda mhuwiex kopert fi ftehimiet tradizzjonali tal-franchising, li ma jqisux l-effett li l-bejgħ fuq l-internet jista' jkollu fuq id-dispożizzjonijiet stabbiliti fihom; jissuġġerixxi, għalhekk, l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet relatati mal-bejgħ online fil-ftehimiet ta' franchising, meta jkun xieraq, b'mod partikolari f'dawk il-każijiet fejn is-setgħa tal-franchisor u l-franchisee tkun żbilanċjata, b'mod partikolari meta l-franchisee jkun SME;

26.  Jitlob lill-Kummissjoni tiftaħ konsultazzjoni pubblika sabiex tikseb informazzjoni imparzjali dwar is-sitwazzjoni reali fil-franchising u tabbozza linji gwida mhux leġiżlattivi, li jirriflettu l-aħjar prattiki, dwar il-funzjonament tal-franchising fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, b'mod partikolari b'rabta mal-aħħar żviluppi teknoloġiċi u tas-suq, bħall-bejgħ fuq l-internet, u li dawn jintbagħtu lill-Parlament sa mhux aktar tard minn Jannar 2018; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tagħmel analiżi tal-istrumenti awtoregolatorji eżistenti kif ukoll tal-prattiki leġiżlattivi tal-Istati Membri fil-qasam tal-franchising fis-settur tal-bejgħ bl-imnut u biex tippreżenta s-sejbiet tagħha lill-Parlament, inklużi rakkomandazzjonijiet dwar kif is-settur tal-franchising jiġi żviluppat aktar fl-UE;

27.  Jenfasizza li l-Parlament jenħtieġ li jkun involut b'mod attiv fil-ħidma kollha dwar il-franchising fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, anke meta r-regolamenti u d-direttivi dwar il-franchising jiġu adattati sabiex ikun hemm qafas regolatorju aktar konsistenti u koerenti;

Liġi tal-kompetizzjoni

28.  Jenfasizza li r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 tal-20 ta' April 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta' akkordji vertikali u prattiċi miftiehma[8] jrid jiġi applikat b'mod uniformi fl-Istati Membri u jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' informazzjoni rigward l-applikazzjoni tiegħu;

29.  Iqis li jenħtieġ li l-Kummissjoni tivverifika jekk l-effikaċja ta' dak ir-Regolament hux qed tiġi mminata b'riżultat ta' applikazzjoni mhux uniformi fl-Istati Membri u jekk hijiex konformi mal-iżviluppi reċenti tas-suq, b'mod partikolari l-klawżoli postkuntrattwali eżentati u l-kundizzjonijiet tax-xiri;

30.  Iqis li jenħtieġ li l-Kummissjoni tivverifika sa liema punt l-applikazzjoni tar-Regolament tista' tittejjeb permezz ta' mekkaniżmu ta' valutazzjoni fi ħdan in-netwerk Ewropew tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni; jisħaq li l-azzjoni ta' segwitu inkonsistenti min-naħa tal-Kummissjoni timpedixxi l-attività transfruntiera tal-bejgħ bl-imnut u tonqos milli toħloq kundizzjonijiet ekwi fis-suq uniku;

31.  Jemmen li implimentazzjoni aħjar tar-Regolament fil-livell nazzjonali ttejjeb id-distribuzzjoni, iżżid l-aċċess għas-suq għan-negozji ta' Stati Membri oħra u eventwalment tipprovdi aktar vantaġġi għall-konsumatur aħħari;

32.  Jemmen li jenħtieġ li l-Kummissjoni tanalizza wkoll l-impatt mhux intenzjonat tal-liġi tal-kompetizzjoni f'kull wieħed mill-Istati Membri;

33.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibda konsultazzjonijiet pubbliċi u tinforma lill-Parlament dwar l-adegwatezza tal-mudell li fuqu r-regolament futur ta' eżenzjoni ta' kategorija se jkun ibbażat;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura wkoll l-irkupru ta' kwalunkwe għajnuna illegali mill-istat permezz ta' benefiċċji fuq it-taxxa fil-qasam tal-franchising u turi fermezza fit-twettiq tal-inkjesti li jkunu għaddejjin; jenfasizza, barra minn hekk, li l-UE jeħtieġ ikollha leġiżlazzjoni aktar ċara dwar deċiżjonijiet tat-taxxa; jistieden lill-Kummissjoni tirrettifika kwalunkwe ksur fil-qasam tal-franchising, bil-ħsieb li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fis-suq uniku kollu;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkoreġi l-fallimenti tas-suq u tiżgura ġlieda effikaċi kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa fil-qasam tal-franchising;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni tivverifika jekk hijiex meħtieġa reviżjoni tar-Regolament u, b'rabta ma' dan, tivverifika u tinforma lill-Parlament dwar (1) l-impatt tal-approċċ orizzontali fuq il-funzjonament tal-franchising; (2) jekk il-mudell ta' franchising adottat fir-Regolament jirriflettix ir-realtà tas-suq; (3) kemm l-hekk imsejħa "restrizzjonijiet vertikali permessi", jiġifieri l-kundizzjonijiet li fihom il-franchisees jistgħu jixtru, ibigħu jew jerġgħu jbigħu ċerti prodotti u servizzi, huma proporzjonati u jħallu effett negattiv fuq is-suq u l-konsumaturi; (4) liema sfidi ġodda l-franchisors u l-franchisees iridu jiffaċċjaw fil-kuntest tal-kummerċ elettroniku u d-diġitalizzazzjoni b'mod ġenerali; u (5) tiġbor informazzjoni dwar is-suq f'termini ta' tendenzi ġodda, żviluppi tas-suq fir-rigward tal-organizzazzjoni tan-netwerk u avvanzi teknoloġiċi;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tirrevedi r-regoli dwar l-infurzar tar-Regolament min-naħa tal-Istati Membri, filwaqt li l-applikazzjoni tiegħu jenħtieġ li tiġi aġġustata b'mod proporzjonali biex jintlaħaq l-għan previst;

°

°  °

38.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU C 468, 15.12.2016, p. 140.
  • [2]  Testi adottati, P8_TA(2016)0250.
  • [3]  IP/A/IMCO/2015-05, PE 578.978
  • [4]  IP/A/IMCO/2016-08, PE 587.317
  • [5]  PE 587.325
  • [6]  "Legal perspective of the regulatory framework and challenges for franchising in the EU", studju għall-Kumitat IMCO, Settembru 2016, p. 12.
  • [7]  "L-indirizzar ta' prattiki kummerċjali żleali (PKŻ) fil-katina ta' provvista alimentari bejn in-negozji", COM(2014)472.
  • [8]  ĠU L 102, 23.4.2010, p. 1.

ANNESS: LISTA TA' ENTITAJIET JEW PERSUNILI R-RAPPORTEUR IRĊIEVA INPUT MINGĦANDHOM

Il-lista li ġejja hija kkompilata fuq bażi purament volontarja taħt ir-responsabbiltà esklussiva tar-rapporteur. Ir-rapporteur irċieva input mill-entitajiet jew il-persuni li ġejjin fit-tħejjija tal-abbozz ta' rapport:

Entità u/jew persuna

Independent Retail Europe

Federazzjoni Ewropea tal-Franchising

Vakcentrum

Organizzazzjoni Taljana tal-Konsumaturi

UEAPME

Nederlandse Franchise Vereniging

Commissie Franchising van de Raad Nederlandse Detailhandel+

FHC Formulebeheer

Uffiċċju Legali Bird & Bird

Eurocommerce

Bueno Legal

Università ta' Osnabrück

Mittelstandsverbund

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (29.3.2017)

għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

dwar il-funzjonament tal-franchising fis-settur tal-bejgħ bl-imnut
(2016/2244(INI))

Rapporteur għal opinjoni (*): Doru-Claudian Frunzulică

(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jistieden lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 jeħtieġ jiġi applikat b'mod uniformi fl-Istati Membri u jiddeplora n-nuqqas ta' informazzjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu; jenfasizza t-tkabbir tal-kummerċ elettroniku u l-impatt tiegħu fuq il-mudell kummerċjali tal-franchising bħala sfida għas-settur;

2.  Iqis li l-Kummissjoni għandha tiżgura rappreżentanza bilanċjata taż-żewġ partijiet fil-franchising u tivverifika jekk l-effikaċja ta' dan ir-regolament hijiex qed tiġi mminata minħabba applikazzjoni inkonsistenti fl-Istati Membri u jekk hijiex konformi mal-iżviluppi reċenti tas-suq, b'mod partikolari l-klawżoli postkuntrattwali eżentati u l-kundizzjonijiet tax-xiri;

3.  Iqis li l-Kummissjoni għandha tivverifika sa liema punt l-applikazzjoni tar-regolament tista' tittejjeb permezz ta' mekkaniżmu ta' valutazzjoni fi ħdan in-netwerk Ewropew tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni; jisħaq li l-azzjoni ta' segwitu inkonsistenti min-naħa tal-Kummissjoni timpedixxi l-attività transfruntiera tal-bejgħ bl-imnut u tonqos milli toħloq kundizzjonijiet ekwi fis-suq uniku;

4.  Jirrimarka li ċerti Stati Membri diġà għandhom leġiżlazzjoni dwar il-franchising, li fl-aħħar mill-aħħar iwassal għal aktar frammentazzjoni fis-suq; jemmen li implimentazzjoni aħjar tar-regolament fil-livell nazzjonali ttejjeb id-distribuzzjoni, iżżid l-aċċess għas-suq għan-negozji ta' Stati Membri oħra u eventwalment tipprovdi aktar vantaġġi għall-konsumatur aħħari;

5.  Jemmen li l-Kummissjoni għandha tanalizza wkoll l-impatt mhux intenzjonat tal-liġi tal-kompetizzjoni f'kull wieħed mill-Istati Membri;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibda konsultazzjonijiet pubbliċi u tinforma lill-Parlament dwar l-adattabbiltà tal-mudell li fuqu huwa bbażat ir-regolament ta' eżenzjoni ta' kategorija ppjanat, sabiex jiġi stabbilit kunċett għall-kuntratt ta' franchising li għandu jintuża fi kwalunkwe leġiżlazzjoni tal-UE fil-futur, kif ukoll għal azzjonijiet eventwali fil-qasam tad-dritt privat;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura wkoll l-irkupru ta' kwalunkwe għajnuna illegali mill-Istat permezz ta' benefiċċji fuq it-taxxa fil-qasam tal-franchising u turi fermezza fit-twettiq tal-inkjesti li jkunu għaddejjin; jenfasizza, barra minn hekk, li l-UE jeħtieġ ikollha leġiżlazzjoni aktar ċara dwar deċiżjonijiet tat-taxxa; jistieden lill-Kummissjoni tirrettifika kwalunkwe ksur fil-qasam tal-franchising, bil-ħsieb li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fis-suq uniku kollu;

8.  Iqis li hemm bżonn evalwazzjoni tal-effikaċja tal-qafas awtoregolatorju u tal-inizjattiva tal-katina ta' provvista tal-UE, peress li s-sħubija tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-franchising hija kundizzjoni essenzjali għall-parteċipazzjoni f'din l-inizjattiva;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tivverifika jekk hijiex meħtieġa reviżjoni tar-regolament u, b'rabta ma' dan, tivverifika u tinforma lill-Parlament dwar (1) l-impatt tal-approċċ orizzontali fuq il-funzjonament tal-franchising; (2) jekk il-mudell ta' franchising adottat fir-regolament jirriflettix ir-realtà tas-suq; (3) kemm l-hekk imsejħa "restrizzjonijiet vertikali permessi", jiġifieri l-kundizzjonijiet li fihom il-franchisees jistgħu jixtru, ibigħu jew jerġgħu jbigħu ċerti prodotti u servizzi, huma proporzjonati u jħallu effett negattiv fuq is-suq u l-konsumaturi; (4) liema sfidi ġodda l-franchisors u l-franchisees iridu jiffaċċjaw fil-kuntest tal-kummerċ elettroniku u d-diġitalizzazzjoni b'mod ġenerali; (5) u tiġbor informazzjoni dwar is-suq f'termini ta' tendenzi ġodda, żviluppi tas-suq fir-rigward tal-organizzazzjoni tan-netwerk u avvanzi teknoloġiċi;

10.  Jinnota li r-regoli nazzjonali jvarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor; jenfasizza li l-Parlament Ewropew għandu jkun involut b'mod attiv fil-ħidma kollha dwar il-franchising fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, inkluż meta r-regolamenti u d-direttivi dwar il-franchising jiġu adattati sabiex ikun hemm qafas regolatorju aktar konsistenti u koerenti;

11.  Jemmen li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mudell għar-rappurtar, għall-ilmenti u għat-tressiq ta' informazzjoni rilevanti oħra li jirċievu permezz ta' punt ta' kuntatt jew bi kwalunkwe mod ieħor, bil-ħsieb li jiġi ssemplifikat il-proċess ta' ġbir ta' informazzjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni tas-suq; jistieden lill-Kummissjoni tfassal, abbażi ta' dik l-informazzjoni, lista mhux eżawrjenti ta' termini u prattiki kuntrattwali żleali;

12.  Jirrikonoxxi li, fil-livell nazzjonali, ġiet adottata leġiżlazzjoni li tipproteġi l-franchisees, iżda l-enfasi hi fuq l-istadju prekuntrattwali, biex jiġu imposti obbligi ta' divulgazzjoni fuq il-franchisor; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tirrevedi r-regoli dwar l-infurzar tar-regolament min-naħa tal-Istati Membri, filwaqt li l-applikazzjoni tiegħu għandha tiġi aġġustata b'mod proporzjonali biex jintlaħaq l-għan previst; jiddispjaċih li s-sistemi nazzjonali ma pprevedewx mekkaniżmi ta' infurzar effiċjenti għall-garanzija tal-kontinwazzjoni tar-relazzjoni ta' franchising;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem lejn rappreżentanza xierqa u indipendenti tal-partijiet interessati għall-kuntratti ta' franchising fl-inizjattiva tal-katina ta' provvista Ewropea, u tieħu azzjoni biex issaħħaħ l-organizzazzjoni awtonoma tal-franchisees fil-livell tal-UE u nazzjonali, sabiex tippermetti lill-franchisees jipparteċipaw aħjar fid-dibattitu pubbliku dwar il-franchising u tistabbilixxi kundizzjonijiet ekwi; jenfasizza li r-regolamentazzjoni għandha żżomm u żżid il-fiduċja tas-suq fil-franchising bħala mod li bih isir in-negozju billi tinkoraġġixxi l-intraprenditorija mhux biss fl-intrapriżi mikro, żgħar u medji li jsiru franchisors, iżda anke għal individwi li jsiru franchisees;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi linji gwida dwar il-kuntratti ta' franchising, sabiex tifforma aħjar l-ambjent normattiv tal-kuntratti ta' franchising billi tiżgura konformità mal-istandards tax-xogħol u servizz deċenti u ta' kwalità għolja;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkoreġi l-fallimenti tas-suq u tiżgura ġlieda effikaċi kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa fil-qasam tal-franchising; jenfasizza l-ħtieġa ta' dibattitu fost id-diversi partijiet interessati sabiex jiġu diskussi l-prattiki kummerċjali żleali fil-ktajjen tal-provvista tal-franchising u s-soluzzjonijiet li jista' jkun hemm permezz tal-organizzazzjoni ta' pjattaforma ta' esperti, bħalma kien il-każ bil-ktajjen tal-provvista tal-ikel, jew billi titnieda konsultazzjoni pubblika dwar kwalunkwe regolament fil-futur.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

27.3.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

42

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gerolf Annemans, Burkhard Balz, Hugues Bayet, Pervenche Berès, Udo Bullmann, Esther de Lange, Anneliese Dodds, Markus Ferber, Sven Giegold, Sylvie Goulard, Roberto Gualtieri, Brian Hayes, Gunnar Hökmark, Danuta Maria Hübner, Cătălin Sorin Ivan, Georgios Kyrtsos, Philippe Lamberts, Werner Langen, Sander Loones, Olle Ludvigsson, Ivana Maletić, Fulvio Martusciello, Marisa Matias, Costas Mavrides, Bernard Monot, Luigi Morgano, Luděk Niedermayer, Stanisław Ożóg, Sirpa Pietikäinen, Pirkko Ruohonen-Lerner, Molly Scott Cato, Pedro Silva Pereira, Peter Simon, Kay Swinburne, Paul Tang, Ernest Urtasun, Marco Valli, Tom Vandenkendelaere, Cora van Nieuwenhuizen, Jakob von Weizsäcker, Steven Woolfe

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Simona Bonafè, Enrique Calvet Chambon, David Coburn, Mady Delvaux, Doru-Claudian Frunzulică, Ildikó Gáll-Pelcz, Sophia in ‘t Veld, Thomas Mann, Joachim Starbatty, Nils Torvalds

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Carlos Iturgaiz, Thomas Mann, Bogdan Andrzej Zdrojewski

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

42

+

ALDE

Enrique Calvet Chambon, Sylvie Goulard, Nils Torvalds

ECR

Sander Loones, Stanisław Ożóg, Pirkko Ruohonen-Lerner, Joachim Starbatty, Kay Swinburne

EFDD

Marco Valli

GUE/NGL

Marisa Matias

PPE

Burkhard Balz, Markus Ferber, Ildikó Gáll-Pelcz, Brian Hayes, Gunnar Hökmark, Danuta Maria Hübner, Carlos Iturgaiz, Georgios Kyrtsos, Werner Langen, Ivana Maletić, Thomas Mann, Luděk Niedermayer, Sirpa Pietikäinen, Bogdan Andrzej Zdrojewski

S&D

Hugues Bayet, Pervenche Berès, Udo Bullmann, Anneliese Dodds, Doru-Claudian Frunzulică, Roberto Gualtieri, Cătălin Sorin Ivan, Olle Ludvigsson, Costas Mavrides, Luigi Morgano, Pedro Silva Pereira, Peter Simon, Paul Tang, Jakob von Weizsäcker

Verts/ALE

Sven Giegold, Philippe Lamberts, Molly Scott Cato, Ernest Urtasun

1

-

NI

Steven Woolfe

1

0

EFDD

Bernard Monot

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

11.5.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

34

0

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Dita Charanzová, Carlos Coelho, Anna Maria Corazza Bildt, Daniel Dalton, Nicola Danti, Dennis de Jong, Pascal Durand, Ildikó Gáll-Pelcz, Evelyne Gebhardt, Sergio Gutiérrez Prieto, Robert Jarosław Iwaszkiewicz, Antonio López-Istúriz White, Eva Maydell, Jiří Pospíšil, Virginie Rozière, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Olga Sehnalová, Jasenko Selimovic, Ivan Štefanec, Catherine Stihler, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Mylène Troszczynski, Anneleen Van Bossuyt, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Lucy Anderson, Pascal Arimont, Birgit Collin-Langen, Edward Czesak, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Kaja Kallas, Arndt Kohn, Julia Reda, Adam Szejnfeld, Marc Tarabella, Ulrike Trebesius

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Anne-Marie Mineur

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

34

+

ALDE

Dita Charanzová, Kaja Kallas, Jasenko Selimovic

ECR

Edward Czesak, Daniel Dalton, Ulrike Trebesius, Anneleen Van Bossuyt

GUE/NGL

Anne-Marie Mineur, Dennis de Jong

PPE

Pascal Arimont, Carlos Coelho, Birgit Collin-Langen, Anna Maria Corazza Bildt, Ildikó Gáll-Pelcz, Antonio López-Istúriz White, Eva Maydell, Jiří Pospíšil, Andreas Schwab, Ivan Štefanec, Adam Szejnfeld, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein

S&D

Lucy Anderson, Nicola Danti, Evelyne Gebhardt, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sergio Gutiérrez Prieto, Arndt Kohn, Virginie Rozière, Christel Schaldemose, Olga Sehnalová, Catherine Stihler, Marc Tarabella

VERTS/ALE

Pascal Durand, Julia Reda

0

-

xx

zz

3

0

EFDD

Robert Jarosław Iwaszkiewicz, Marco Zullo

ENF

Mylène Troszczynski

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni