Indiċi 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2005/2124(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0189/2005

Testi mressqa :

A6-0189/2005

Dibattiti :

PV 22/06/2005 - 14

Votazzjonijiet :

PV 23/06/2005 - 7.1

Testi adottati :

P6_TA(2005)0245

Testi adottati
Il-Ħamis, 23 ta' Ġunju 2005 - Brussel Verżjoni proviżorja
Statut tal-Membri
P6_TA-PROV(2005)0245A6-0189/2005
Riżoluzzjoni
 Anness

Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-emenda ta' Deċiżjoni ta' l-4 ta' Ġunju 2003 dwar l-adozzjoni ta' l-Istatut għal Membri tal-Parlament Ewropew (2005/2124(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 190(5) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita Ewropea u l-Artikolu 108(4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita Ewropea dwar l-Enerġija Atomika,

–   wara li kkunsidra ir-riżoluzzjoni ta' l-4 ta' Ġunju 2003 dwar l-adozzjoni ta' Statut għal Membri tal-Parlament Ewropew(1) ,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Legali (A6-0189/2005),

A.   wara li kkunsidra ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2003,

B.   billi huwa xieraq li d-deċiżjonijiet meħuda qabel dwar l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew jiġu emendati,

C.  Ċ. billi t-test emendat ma jikkontjenix xi disposizzjonijiet ġodda sustantivi li jeżiġu konsultazzjoni mill-ġdid mal-Kummissjoni,

D.   jinnota l-ittra tal-Kunsill tas-6 ta' Ġunju 2005,

E.   jinnota l-impenn mogħti fit-3 ta' Ġunju 2005 mir-rappreżentanti tal-Istati Membri f'laqgħa mall-Kunsill sabiex jeżaminaw it-talba tal-Parlament Ewropew sabiex jiġu riveduti d-disposizzjonijiet relevanti tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropew tal-1965 fir-rigward tal-parti li tikkonċerna l-Membri tal-Parlament Ewropew, sabiex tintlaħaq konklużjoni mill-aktar fis,

1.  Jemenda d-deċiżjoni tiegħu tal-4 ta' Ġunju 2003 dwar l-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew, kif jidher fit-test anness;

2.  Jitlob lil Kunsill sabiex japprova t-test kif emendat;

3.  Jitlob lil Bureau sabiex jaċċerta li r-regoli ġodda dwar il-ħlas ta' spejjeż tal-Membri jidħlu fis-seħħ fl-istess ħin tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut;

4.  Jinsisti li l-kompromess globali dwar l-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew għandu jkollu l-elementi li ġejjin:

   a) eżami separat u indipendenti ta' dik il-parti ta' l-Istatut li taqa' taħt il-liġi sekondarja u ta' dik il-parti li taqa' taħt il-liġi primarja, u l-approvazzjoni taż-żewġ partijiet f'konformita mad-disposizzjonijiet istituzzjonali applikabbli għalihom it-tnejn;
   b) fir-rigward ta' dik il-parti li taqa' taħt il-liġi primarja, l-Istati Membri huma mitluba sabiex jirrevedu il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropew tal-1965 fir-rigward tad-disposizzjonijiet li jikkonċernaw il-Membri tal-Parlament Ewropew, billi jittieħed bħala mudell l-Istatut approvat fit-3 u l-4 ta' Ġunju 2003;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u l-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri u l-pajjiżi applikanti.

(1) ĠU C 68, 18.3.2005, p.210.


ANNESS

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew għall-adozzjoni ta' Statut għall-Membri tal-Parlament Ewropew

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 190(5) tiegħu,

wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 108(4) tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni,

bl-approvazzjoni tal-Kunsill,

billi:

(1)  Il-Parlament jikkonsisti f''rappreżentanti tal-popli ta' l-Istati miġbura flimkien fil-Komunità". Dawn ir-rappreżentanti huma, kif jingħad ukoll fl-Artikolu 190(1) tat-Trattat tal-KE, ir-"rappreżentanti tal-popli ta' l-Istati miġbura flimkien fil-Komunità". L-istess kelma tintuża fl-Artikolu 190(2) tat-Trattat tal-KE ("in-numru ta" rappreżentanti eletti f'kull Stat Membru") u fl-Artikolu 190(3) tat-Trattat tal-KE ("ir-Rappreżentanti għandhom jiġu eletti għal terminu ta" ħames snin"). Dawn id-dispożizzjonijiet, li fihom il-Membri huma r-rappreżentanti tal-popli, jiġġustifikaw l-użu fl-Istatut tal-kelma "Membru".

(2)  Il-Parlament għandu d-dritt li jirregola l-affarijiet tiegħu fir-Regoli ta' Proċedura tiegħu, f'konformità ma' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 199 tat-Trattat tal-KE u f'konformità ma' dan l-Istatut.

(3)  L-Artikolu 1 ta' l-Istatut jieħu l-kunċett ta' "Membru" u jagħmilha ċara li l-Istatut ma jittrattax id-drittijiet u d-dmirijiet tal-Membri, iżda jkopri r-regoli u l-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għat-twettiq tal-mandat tagħhom.

(4)  Il-libertà u l-indipendenza tal-Membri, li huma mħarsa fl-Artikolu 2 u li m'humiex imsemmija fi kwalunkwe dispożizzjoni tal-liġi primarja, għandhom jirċievu protezzjoni statutorja. Li Membri jintrabtu li jħallu l-kariga f'xi żmien stabbilit, jew li jiddikjaraw li biħsiebhom iħallu l-kariga f'data mhux speċifikata, miżuri li l-partiti politiċi jistgħu jużaw kif jidhrilhom, għandhom jitqiesu li huma bħala inkompatibbli mal-libertà u l-indipendenza tal-Membri u għaldaqstant ma għandhomx ikollhom rabta legali.

(5)  L-Artikolu 3(1) jirriproduċi fl-intier tagħhom, id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4(1) ta' l-Att ta' l-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tar-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew.

(6)  Id-dritt ta' inizjattiva msemmi fl-Artikolu 5 huwa d-dritt kardinali ta' kull Membru. Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament ma jistgħux irendu dak id-dritt inutli.

(7)  Id-dritt għall-ispezzjoni ta' fajls, ipprovdut fl-Artikolu 6, li diġa' huma mħares fir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, huwa aspett essenzjali tat-twettiq tal-mandat ta' Membru u għaldaqstant għandu jiġi pprovdut mill-Istatut.

(8)  L-Artikolu 7 huwa maħsub sabiex jiżgura li, minkejja stqarrijiet kuntrarji, id-diversità lingwistika tkompli tkun preservata. Kwalunkwe diskriminazzjoni kontra kwalunkwe lingwa uffiċjali għandha tiġi eskluża. Dan il-prinċipju għandu jkompli japplika wara kull tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea.

(9)  Skond l-Artikoli 10 u 11, il-Membri għandhom jingħataw salarju talli jwettqu dmirijiethom. Fir-rigward ta' l-ammont tas-salarju, grupp ta' esperti mlaqqa' mill-Parlament ippreżenta studju f'Mejju 2000, u li skond dan salarju ta' 38.5% tas-salarju bażiku ta' mħallef tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej huwa ġustifikat.

(10)  Peress li s-salarju u l-allowance tranżitorju, kif ukoll il-pensjonijiet ta' l-età, ta' invalidità u ta' superstiti, huma ffinanzjati mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea, huwa xieraq li dawn ikunu suġġetti għat-taxxa għall-benefiċċju tal-Komunitajiet.

(11)  Minħabba ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-Membri, b'mod partikolari l-fatt li dawn m'huma taħt l-ebda dmir li jirrisjedu f'xi wieħed mill-postijiet ta' xogħol tal-Parlament u r-rabtiet speċifiċi tagħhom ma' l-Istat li fih ikunu eletti, huwa xieraq li jsiru dispożizzjonijiet għall-possibilità għall-Istati Membri li japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-liġi tat-taxxa nazzjonali tagħhom għas-salarju u l-allowance tranżitorju kif ukoll għall-pensjonijiet ta' l-età, ta' invalidità u ta' superstiti.

(12)  L-Artikolu 9(3) huwa meħtieġ għaliex il-partiti ta' spiss jistennew li l-benefiċċji msemmija fl-Artikolu 9(1) u (2) jintużaw f'parti minnhom għall-iskopijiet tagħhom. Din il-forma ta' finanzjament tal-partiti għandha tkun projbita.

(13)  L-allowance tranżitorju pprovdut fl-Artikoli 9(2) u 13 huwa maħsub, b'mod partikulari, sabiex jimla l-vojt fiż-żmien bejn meta jintemm il-mandat ta' Membru u meta dan jieħu kariga ġdida. Meta l-ex Membru jieħu mandat ieħor jew jieħu kariga pubblika, dan l-iskop ma jibqax rilevanti.

(14)  Fid-dawl ta' l-iżviluppi fl-Istati Membri fil-pensjonijiet ta' l-età, jidher li huwa xieraq li ex Membri jkunu intitolati għal pensjoni ta' l-età sa mill-għeluq tas-63 sena tagħhom.L-Artikolu 14 ma jaffettwax id-dritt ta' l-Istati Membri li jqisu pensjonijiet ta' l-età pagabbli taħt il-liġi nazzjonali meta jikkalkulaw il-pensjonijiet ta' l-età tal-Membri.

(15)  L-arranġamenti għal disposizzjonijiet għas-superstiti huma essenzjalment konformi mal-liġi fis-seħħ fil-Komunità Ewropea. Id-dritt ta' konjuġi superstiti li reġa' żżewweġ huwa bbażat fuq l-idea moderna li dan għandu x'jaqsam ma' benefiċċju personali u m'humiex maħsuba biss bħala "għajnuna għall-għixien". Dan id-dritt m'huwiex eskluż anke meta d-dħul jew il-ġid personali tal-konjuġi superstiti jkunu qed "jipprovdulhom" l-għejxien tagħhom.

(16)  L-Artikolu 18 huwa meħtieġ għaliex meta l-Istatut jidħol fis-seħħ, l-Istati Membri jieqfu jirrimborżaw l-ispejjeż li l-Membri jidħlu fihom b'riżultat ta' mard jew biex iħallsu parti mill-kontribuzzjonijiet għall-assikurazzjoni tas-saħħa. Spiss, dawn il-benefiċċji jinżammu wara li jkun intemm il-mandat tal-Membru.

(17)  Id-dispożizzjonijiet dwar ir-rimbors ta' l-ispejjeż għandhom ikunu f'konformità mal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fis-sentenza "Lord Bruce"(1) . Għalhekk, il-Parlament jitħalla jagħmel dan ir-rimborż permezz rimborż f'somma fissa, f'dawk il-każijiet fejn dan huwa xieraq, sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi u l-piżijiet inerenti f'sistema li tinvolvi l-verifika ta' kull element ta' nfiq individwali. Dan, għaldaqstant, jixhed amministrazzjoni tajba.

(18)  Fit-28 ta' Mejju 2003, il-Bureau tal-Parlament adotta sett ta' regoli ġodda dwar il-ħlas ta' spejjeż u allowances lill-Membri fuq il-bażi ta' spejjeż tabilħaqq magħmula, li għandhom jidħlu fis-seħħ fl-istess ħin ma dan l-Istatut.

(19)  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jinżammu r-regoli li jpoġġu lill-Membri tal-Parlament Ewropew, meta jkunu qed iwettqu l-mandat tagħhom fl-Istat Membru tagħhom, fl-istess livell bħal-membri tal-parlament nazzjonali. Mhux possibbli li din il-problema tissolva fuq livell Ewropew, peress li jeżistu bosta arranġamenti differenti fl-Istati Membri. Mingħajr dawn ir-regoli, it-twettiq tal-mandat ta' Membru tal-Parlament Ewropew fl-Istat Membru li fih il-Membru ġie elett ikun imxekkel b'mod konsiderevoli, jekk mhux impossibbli. It-twettiq effettiv tal-mandat huwa wkoll fl-interess ta' l-Istati Membri.

(20)  L-Artikolu 25(1) huwa meħtieġ minħabba li l-bosta dispożizzjonijiet nazzjonali differenti li l-Membri kellhom joqogħdu għalihom s'issa jagħmluha impossibbli li jissolvew fuq livell Ewropew il-problemi kollha marbuta mat-transizzjoni mis-sistema Ewropea antika għal dik ġdida. L-għoti ta' għażla lill-Membri jagħmilha impossibbli li jitnaqqsu id-drittijiet tal-Membri jew li dawn isofru telf finanzjarju bħala riżultat ta' din it-tranżizzjoni. Il-paragrafi 2 u 3 huma konsegwenza tad-deċiżjoni fil-paragrafu 1.

(21)  Id-diversità ta' sitwazzjonijiet nazzjonali hija indirizzata fl-Artikolu 29, li taħtu L-Istati Membri jitħallew jadottaw regoli differenti mid-dispożizzjonijiet ta' dan l-Istatut bħala miżura tranżitorja. Dik l-istess diversità tiġġustifika wkoll il-possibiltà li Stati Membri jistgħu iżommu parità fir-remunerazzjoni bejn Membri tal-Parlament Ewropew u membri tal-parlamenti nazzjonali.

IDDEĊIEDA:

TITOLU I

Regoli u kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Membri tal-Parlament Ewropew

Artikolu 1

Dan l-Istatut jistabbilixxi r-regoli u l-kundizzjonijiet ġenerali dwar it-twettiq tad-dmirijiet tal-Membri tal-Parlament Ewropew.

Artikolu 2

(1)  Il-Membri għandhom ikunu liberi u indipendenti.

(2)  Ftehimiet dwar ir-riżenja mill-kariga ta' Membru qabel jew mat-tmiem, tal-mandat parlamentari tiegħu jkunu nulli u bla effett.

Artikolu 3

(1)  Il-Membri għandhom jivvutaw fuq bażi individwali u personali. Huma m'għandhomx ikunu marbuta b'xi istruzzjonijiet jew m'għandhomx jirċievu mandat li jorbot.

(2)  Ftehim dwar kif għandu jitwettaq il-mandat ikun null u bla effett.

Artikolu 4

Dokumenti u rekords elettroniċi li Membru jkun irċieva, ħejja jew bagħat m'għandhomx jitqiesu bħala dokumenti tal-Parlament, ħlief jekk jiġu ppreżentati skond ir-Regoli ta' Proċedura.

Artikolu 5

(1)  Kull Membru għandu jkun intitolat li jippreżenta proposti għal atti tal-Komunità fl-ambitu tad-dritt ta' inizjattiva tal-Parlament.

(2)  Il-Parlament għandu jistabbilixxi fir-Regoli ta' Proċedura tiegħu il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta' dan id-dritt.

Artikolu 6

(1)  Il-Membri għandu jkollhom id-dritt li jispezzjonaw il-fajls kollha miżmuma mill-Parlament.

(2)  Il-paragrafu 1 m'għandux japplika għal fajls u kontijiet personali.

(3)  Il-paragrafu 1 għandu japplika bla ħsara għal atti ta' l-Unjoni Ewropea u għal ftehimiet mill-Istituzzjonijiet dwar l-aċċess għad-dokumenti.

(4)  Il-Parlament għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta' dan id-dritt.

Artikolu 7

(1)  Id-dokumenti tal-Parlament għandhom jiġu tradotti fil-lingwi uffiċjali kollha.

(2)  Id-diskorsi għandhom jiġu interpretati simultanjament fil-lingwi uffiċjali l-oħra kollha.

(3)  Il-Parlament għandu jistabilixxi l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 8

(1)  Il-Membri jistgħu jiffurmaw ruħhom fi gruppi politiċi.

(2)  Il-parlament għandu jistabilixxi fir-Regoli ta' Proċedura tiegħu il-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju ta' dan id-dritt.

Artikolu 9

(1)  Il-Membri għandhom ikunu intitolati għal salarju xieraq sabiex tiġi mħarsa l-indipendenza tagħhom.

(2)  Fit-tmiem tal-mandat tagħhom, għandhom ikunu intitolati għall-allowance tranżitorju u pensjoni.

(3)  Ftehim dwar l-użu tas-salarju, ta' l-allowance tranżitorju tat-tmiem tas-servizz u tal-pensjoni għal skopijiet oħra għajr dawk privati jkun null u mingħajr effett.

(4)  Wara l-mewt ta' Membru jew ta' ex-Membru, il-benefiċjarji għandhom dritt għal pensjoni ta' superstiti.

Artikolu 10

L-ammont tas-salarju għandu jkun ta' 38.5% tas-salarju bażiku ta' mħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 11

Is-salarju li jirċievi Membru għat-twettiq ta' mandat f'parlament ieħor għandu jitnaqqas mis-salarju.

Artikolu 12

(1)  Is-salarju, kif jingħad fl-Artikolu 9 għandu jkun suġġett għat-taxxa għall-benefiċċju tal-Komunitajiet skond l-istess pattijiet u kundizzjonijiet bħal dawk stabbiliti, fuq il-bażi ta' l- Artikolu 13 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet, għall-uffiċjali u impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej.

(2)  It-tnaqqis għal spejjeż ta' xogħol u personali u dawk ta' natura familjari jew soċjali, kif jingħad fl-artikolu 3(2) sa (4) tar-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru. 260/68 tal-Kunsill tad-29 ta' Frar 1968 li jistabilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċedura sabiex tiġi applikata t-taxxa għall-benefiċċju tal-Komunitajiet Ewropej(2) , m'għandhomx ikunu applikabbli.

(3)  Il-paragrafu 1 ikun bla ħsara għas-setgħa ta' l-Istati Membri li jagħmlu dan is-salarju suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali dwar it-taxxa, kemm-il darba tiġi evitata kwalunkwe tassazzjoni doppja.

(4)  L-Istati Membri għandhom ikollhom id-dritt li jieħdu kont tas-salarju meta jkunu qed jistabilixxu r-rata ta' tassazzjoni applikabbli għal dħul ieħor.

(5)  Dan l-Artikolu għandu japplika wkoll għall-allowance tranżitorju kif ukoll għall-pensjonijiet ta' l-età, ta' invalidità u ta' superstiti, li jitħallsu skond l-Artikoli 13, 14, 15 u 17.

(6)  Il-benefiċċji taħt l-Artikoli 18, 19 u 20 u kontribuzzjonijiet għall-Fond tal-Pensjoni taħt l-Artikolu 27 m'għandhomx ikunu suġġetti għat-taxxa.

Artikolu 13

(1)  Fit-tmiem tal-mandat tagħhom il-Membri għandhom ikunu intitolati għall-allowance tranżitorju ekwivalenti għas-salarju skond l-Artikolu 10.

(2)  Dan id-dritt għandu jkun ta' xahar għal kull sena li fiha wettqu l-mandat tagħhom, imma mhux għal inqas minn sitt xhur jew għal iżjed minn 24 xahar.

(3)  Fil-każ li Membru jieħu mandat f'parlament ieħor jew jieħu kariga pubblika, l-allowance tranżitorju għandu jitħallas sakemm jibda il-mandat jew .tittieħed il-kariga pubblika.

(4)  Fil-każ ta' mewt, l-allowance tranżitorju għandu jitħallas għall-aħħar darba fix-xahar li fih miet l-ex- Membru.

Artikolu 14

(1)  Ex-Membri għandhom ikunu intitolati għal pensjoni ta' l-età mill-età ta' 63.

(2)  Din il-pensjoni għandha tkun, għal kull sena sħiħa tat-twettiq ta' mandat, ta' 3.5% tas-salarju skond l-Artikolu 10 u parti waħda minn tnax ta' dan għal kull xahar sħiħ ieħor, iżda mhux aktar minn 70% b'kollox.

(3)  Id-dritt għall-pensjoni ta' l-età għandu jingħata irrispettivament minn kull pensjoni oħra.

(4)  L-Artikolu 11 għandhom japplika mutatis mutandis.

Artikolu 15

(1)  Membri li jsiru invalidi matul iż-żmien tal-mandat tagħhom, għandhom ikunu intitolati għal pensjoni.

(2)  L-Artikolu 14(2) għandu japplika b'analoġija. Madankollu, l-ammont tal-pensjoni għandu jkun mhux inqas minn 35% tas-salarju skond l-Artikolu 10.

(3)  Id-dritt għandu jidħol fis-seħħ meta l-Membru kkonċernat iħalli l-kariga.

(4)  Il-parlament għandu jistabilixxi l-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju ta' dan id-dritt.

(5)  L- Artikolu 11 għandu japplika mutatis mutandis .

Artikolu 16

Jekk ex- Membru ikun intitolat simultanjament għall-ħlas ta' l-allowance tranżitorju skond l-Artikolu 13 u għall-pensjoni skond l-Artikolu 14 jew l-Artikolu 15, huwa għandu jiddeċiedi liema arranġament għandu jiġi applikat.

Artikolu 17

(1)  Fil-każ ta' mewt ta' Membru jew ta' ex- Membru li meta jmut ikun intitolat, jew kien ikun intitolat fil-ġejjieni għal pensjoni skond l-Artikolu 14 jew l-Artikolu 15, il-konjuġi u l-ulied dipendenti għandhom ikunu intitolati għall-pensjoni ta' superstiti.

(2)  L-ammont totali tal-pensjoni m'għandux jaqbeż il-pensjoni li l-Membru kien ikun intitolat għaliha fit-tmiem tal-mandat parlamentari tiegħu jew li l-ex-Membru kien intitolat għaliha jew kien ikun intitolat għaliha.

(3)  Il-konjuġi superstiti għandu jirċievi 60% ta' l-ammont imsemmi fil-paragrafu 2, imma f'kull każ mhux inqas minn 30% tas-salarju skond l-Artikolu 10. Dan id-dritt m'għandux jiġi affetwat jekk il-konjuġi superstiti jerġa' jiżżewweġ. Dan id-dritt għandu jintilef jekk iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta' xi każ individwali ma jħallu l-ebda dubju raġonevoli li ż-żwieġ seħħ biss għall-iskop li tinkiseb pensjoni.

(4)  Wild dipendenti għandu jirċievi 20% ta' dak l-ammont.

(5)  Jekk ikun meħtieġ, l-ammont massimu tal-pensjoni li għandu jitħallas għandu jiġi diviż bejn il-konjuġi u l-ulied fil-proporzjon tal-persentaġġi speċifikati fil-paragrafi 3 u 4.

(6)  Il-pensjoni għandha titħallas mill-ewwel ġurnat tax-xahar ta' wara d-data tal-mewt.

(7)  Fil-każ ta' mewt tal-konjuġi, id-dritt jiskadi fl-aħħar tax-xahar li matulu seħħet il-mewt.

(8)  Id-dritt ta' wild jiskadi fl-aħħar tax-xahar li matulu jagħlaq 21 sena. Madankollu, id-dritt ikompli għat-tul ta' l-edukazzjoni jew taħriġ vokazzjonali, imma jiskadi mhux iżjed tard mill-aħħar tax-xahar li matulu jagħlaq 25 sena. Id-dritt ikompli jekk il-wild ma jkunx kapaċi jsostni lilu nnifsu minħabba mard jew infermità.

(9)  Sħab minn relazzjonijiet rikonoxxuti fl-Istati Membri għandhom jiġu ttrattati bħala ekwivalenti għal konjuġi.

(10)  Il-Parlament għandu jistabilixxi l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta' dan id-dritt.

Artikolu 18

(1)  Membri u ex-Membri li jieħdu pensjoni, u persuni intitolati għall-pensjoni ta' superstiti, għandhom ikunu intitolati għar-rimborż ta' żewġ terzi ta' l-ispejjeż li jidħlu fihom b'riżultat ta' mard, tqala jew it-twelid ta' wild.

(2)  Il-Parlament għandu jistabilixxi l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta' dan id-dritt.

Artikolu 19

(1)  Il-Membri għandhom ikunu intitolati għal kopertura ta' assikurazzjoni għar-riskji marbuta mat-twettiq tal-mandat tagħhom.

(2)  Il-Parlament għandu jistabilixxi l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta' dan id-dritt. Il-Membri għandhom iħallsu terz mill-permiums ta' assigurazzjoni li jirriżultaw.

Artikolu 20

(1)  Il-Membri għandhom ikunu intitolati għal rimborż ta' l-ispejjeż li jidħlu fihom fit-twettiq tal-mandat tagħhom.

(2)  Il-Parlament għandu jirrimborża l-ispejjeż li l-Membri tabilħaqq jidħlu fihom fi vjaġġi minn u lejn il-postijiet ta' xogħol u marbuta ma' vjġġi oħra fuq xogħol.

(3)  Spejjeż oħra li jidħlu fihom il-Membri fit-twettiq tal-mandat tagħhom jistgħu jiġu rimburżati permezz ta' somma fissa.

(4)  Il-Parlament għandu jistabilixxi l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta' dan id-dritt.

(5)  L-Artikolu 9(3) għandu japplika mutatis mutandis .

Artikolu 21

(1)  Il-Membri għandhom ikunu intitolati għal assistenza minn staff personali li huma jistgħu jagħżlu liberament.

(2)  Il-Parlament għandu jħallas l-ispejjeż li l-Membri tabilħaqq jidħlu fihom għall-impieg ta' dan l-istaff personal.

(2)  Il-Parlament għandu jistabilixxi l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta' dan id-dritt.

Artikolu 22

(1)  Il-Membri għandhom ikunu intitolati li jużaw il-faċilitajiet ta' l-uffiċċji, it-tagħmir għat-telekomunikazzjoni u l-vetturi uffiċjali tal-Parlament.

(2)  Il-Parlament għandu jistabilixxi l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta' dan id-dritt.

Artikolu 23

(1)  Il-ħlasijiet kollha għandhom isiru mill-baġit ta' l-Unjoni Ewropea.

(2)  Il-ħlasijiet dovuti skond l-Artikoli 10, 13, 14, 15 u 16 għandhom isiru kull xahar f'euro jew - fuq għażla tal-Membru - fil-valuta ta' l-Istat Membru fejn huwa domiċiljat. Il-Parlament għandu jistabilixxi l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta' dan id-dritt.

Artikolu 24

Deċiżjonijiet dwar l-implimentazzjoni ta' dan l-Istatut għandhom jidħlu fis-seħħ malli jiġu ppublikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

TITOLU II

Dispożizzjonijiet tranżitorji

Artikolu 25

(1)  Il-Membri li diġà kienu fil-Parlament qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan l-Istatut u li reġgħu ġew eletti jistgħu jagħżlu s-sistema nazzjonali applikabbli sa dak iż-żmien fir-rigward tas-salarju, ta' l-allowance tranżitorju u tal-pensjonijiet għall-perjodu sħiħ li fih ikunu Membri tal-Parlament Ewropew.

(2)  Dawn il-pagamenti għandhom isiru mill-baġit ta' l-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 26

(1)  Il-Membri li jixtiequ jkomplu bis-sistema nazzjonali applikabbli sa dak iż-żmien skond l-Artikolu 25(1) għandhom javżaw lill-President tal-Parlament bil-miktub b'din id-deċiżjoni sa 30 ġurnata mid-dħul fis-seħħ ta' dan l-Istatut.

(2)  Id-deċiżjoni tkun aħħarija u irrevokabbli.

(3)  Jekk din in-notifika ma ssirx fil-limitu ta' żmien, id-dispożizzjonijiet ta' l-Istatut għandhom japplikaw.

Artikolu 27

(1)  Il-fond għall-pensjoni volontarja mwaqqaf mill-Parlament Ewropew għandu jinżamm wara d-dħul fis-seħħ ta' dan l-Istatut għall-Membri jew ex-Membri li diġà kisbu drittijiet jew jeddijiet futuri f'dak il-fond.

(2)  Drittijiet miksuba u drittijiet futuri għandhom jinżammu fl-intier tagħhom. Il-Parlament jista' jistabilixxi kriterji u kondizzjonijiet li jirregolaw l-akkwist ta' drittijiet jew jeddijiet ġodda.

(3)  Il-Membri li jirċievu salarju skond l-Artikolu 10 ma jistgħu jiksbu l-ebda drittijiet jew jeddijiet futuri ġodda fuq il-fond għall-pensjoni volontarja.

(4)  Il-fond m'għandux ikun miftuħ għal Membri li jiġu eletti għall-ewwel darba fil-Parlament wara li dan l-Istaut jidħol fis-seħħ.

(5)  L-Artikoli 9(3) u 14(3) għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Artikolu 28

(1)  Kull dritt għal pensjoni li Membru kiseb skond arranġamenti nazzjonali fiż-żmien meta dan l-Istatut jiġi applikat għandu jinżamm fl-intier tiegħu.

(2)  Jekk it-tul tal-mandat imwettaq fil-Parlament Ewropew jew f'parlament nazzjonali ma jkunx biżżejjed taħt l-arranġamenti nazzjonali sabiex jagħti lok għal kwalunkwe jedd ta' pensjoni, għandu jittieħed kont tal-perjodu kkonċernat fil-kalkolu tal-pensjoni ibbażata fuq dan l-istatut. Il-Parlament jista' jikkonkludi ftehim ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati membri dwar it-trasferiment tal-jeddijiet miksuba.

Artikolu 29

(1)  L-istati Membri jistgħu jadottaw, għall-Membri eletti minnhom, regoli differenti mid-dispożizzjonijiet ta' dan l-Istatut fir-rigward tas-salarju, l-allowance tranżitorju u l-pensjonijiet għal perjodu tranżitorju li m'għandux jisboq it-tul ta' żewġ mandati parlamentari tal-Parlament Ewropew.

(2)  Dawk ir-regoli għandhom ipoġġu l-Membri, mill-inqas, fuq l-istess livell mal-membri tal-parlamenti nazzjonali rispettivi tagħhom.

(3)  Kull ħlas għandu jsir mill-baġit ta' l-Istat Membru kkonċernat.

(4)  Il-jeddijiet tal-Membri skond l-Artikoli 18 sa 22 m'għandhomx ikunu affettwati minn tali regoli.

TITOLU III

Dispożizzjoni Aħħarija

Artikolu 30

Dan l-Istatut għandu jidħol fis-seħħ, wara l-approvazzjoni tal-Kunsill u l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, fl-ewwel jum tal-mandat parlamentari tal-Parlament Ewropew li jibda fl-2009.

(1) Ara n-nota tal-qiegħ għall-premessa 15.
(2) ĠU L 56, 4.3.1968, p.8. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE, Euratom) Nru. 723/2004 (ĠU L 124, 7.4.2004, p.1).

Aġġornata l-aħħar: 30 ta' Ġunju 2005Avviż legali