Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2101(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0275/2006

Testi mressqa :

A6-0275/2006

Dibattiti :

PV 26/09/2006 - 3
CRE 26/09/2006 - 3

Votazzjonijiet :

PV 27/09/2006 - 5.10
CRE 27/09/2006 - 5.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2006)0380

Testi adottati
PDF 146kDOC 120k
L-Erbgħa, 27 ta' Settembru 2006 - Strasburg Verżjoni finali
Servizzi ta' interess ġenerali
P6_TA(2006)0380A6-0275/2006

dwar il-'White Paper' tal-Kummissjoni dwar servizzi ta' interess ġenerali (2006/2101(INI))

Il-Parlament Ewropew ,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem 'White Paper dwar servizzi ta' interess ġenerali' (COM(2004)0374),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem 'L-implimentazzjoni tal-programm Komunitarju ta' Liżbona: Servizzi soċjali ta' interess ġenerali fl-Unjoni Ewropea' (COM(2006)0177),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/842/KE tat-28 ta' Novembru 2005 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 86(2) tat-Trattat KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' kumpens tas-servizz pubbliku mogħti li ċerti intrapriżi fdati bl-eżekuzzjoni ta" servizzi ta" interess ekonomiku ġenerali(1) ,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 36 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, li jirrigwarda l-aċċess għal servizzi ta" interess ekonomiku ġenerali,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 5, 16, 73, 86, 87, 88, u 295 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar servizzi ta' interess ġenerali, b'mod partikulari r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2001 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'Servizzi ta' Interess Ġenerali fl-Ewropa'(2) , ir-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Jannar 2004 dwar il-"Green Paper" tal-Kummissjoni dwar is-servizzi ta' interess ġenerali(3) , u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Frar 2005 dwar l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' kumpens tas-servizz pubbliku(4) ,

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2006 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar servizzi fis-suq intern(5) ,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Liżbona tal-15 u s-16 ta' Marzu 2000, il-Kunsill Ewropew ta' Nizza tas-7, it-8 u d-9 ta' Diċembru 2000, tal-Kunsill Ewropew ta' Laeken ta' l-14 u l-15 ta' Diċembru 2001 u tal-Kunsill Ewropew ta' Barċellona tal-15 u s-16 ta' Marzu 2002 dwar servizzi ta' interess ġenerali,

–   wara li kkunsidra l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fil-qasam tas-servizzi ta" interess ġenerali, partikolarment is-sentenza tiegħu tad-19 ta" Mejju 1993 fil-każ 320/91, Corbeau (6) , tas-27 ta' April 1994 fil-każ C-393/92, Almelo (7) , FR, tat-18 ta' Novembru 1999 fil-każ C-107/98 Teckal (8) , tat-3 ta' Lulju 2003 fil-Każijiet konġunti C-83/01 P, C-93/01 P u C-94/01 P, Chronopost (9) , ta' l-24 ta' Lulju 2003 fil-każ C-280/00, Altmark (10) , tas-27 ta' Novembru 2003 fil-Każijiet konġunti C-34/01 sa C-34/01, Enirisorse (11) , u tal-11 ta' Jannar 2005 fil-każ C-26/03, Stadt Halle (12) ,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, u tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A6-0275/2006),

A.   billi t-Trattati jipprovdu għal ekonomija tas-suq soċjali miftuħa u billi, fost oħrajn, il-prinċipji li ġejjin huma termini ta' referenza u huma importanti f'dan il-kuntest:

   is-solidarjetà, li tgħaqqad in-nies flimkien u li hija bbażata fuq l-objettivi ta" koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali u ta" żvilupp sostenibbli,
   il-koperazzjoni, li tippermetti t-twettiq ta" l-aspirazzjonijiet transnazzjonali u Ewropej fit-Trattati u fil-programmi ta" l-UE,
   fruntieri miftuħa u suq intern bil-libertà tal-moviment għall-persuni, għall-prodotti, għas-servizzi u għall-kapital, biex ikunu integrati l-ekonomiji u s-soċjetajiet u biex jiżdiedu l-ġid u l-benessri soċjali taċ-ċittadini Ewropej,
   il-kompetizzjoni, sabiex ikun possibbli l-ikkompletar tas-suq intern fuq il-bażi ta' regoli soċjali ta' l-ekonomija tas-suq u mmexxija mil-liġi tal-kompetizzjoni, li hija qasam essenzjali tal-liġi demokratika u, fuq kollox, sabiex jiġi evitat l-abbuż tal-monopolji u tas-setgħa ekonomika u sabiex jiġu garantiti l-innovazzjoni, il-kwalità għolja bi prezz raġonevoli, id-diversifikazzjoni ta' l-għażliet tal-konsumatur u l-protezzjoni legali għall-konsumaturi,
   is-sussidjarjetà, ibbażata fuq l-Artikolu 5 tat-Trattat KE, li tiżgura l-pluralità ta' l-Istati Membri u tat-tradizzjonijiet differenti fl-UE u li l-UE taħdem b'mod kemm jista' jkun effiċjenti u mill-qrib maċ-ċittadini, meta, u biss meta, din tikseb riżultat aħjar minn azzjonijiet fuq il-livell nazzjonali u subnazzjonali,
   il-proporzjonalità, li permezz tagħha kwalunkwe azzjoni mill-Komunità m'għandhiex tmur lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħqu l-objettivi tat-Trattat, u
   id-demokrazija, li taħtha l-votazzjoni universali hi s-sors ta" leġittimità għall-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u lokali li jiddeterminaw u jorganizzaw l-għanijiet, il-forniment tas-servizzi u l-iffinanzjar tas-servizzi ta" interess ġenerali (SGIs),

B.   filwaqt li, l-SGIs mhumiex biss element importanti ta koeżjoni soċjali u ekonomiku, iżda jikkontribwixxu wkoll b'mod konsiderevoli għall-kompetittività ta' l-ekonomija Ewropea,

C.   billi l-kompetizzjoni li hi ntiża biex tiffaċilita t-twettiq tas-suq wieħed ibbażat fuq ir-regoli ta l-ekonomija soċjali tas-suq u li hu rregolat mir-regolamenti tal-kompetizzjoni, hi dritt demokratiku sostantiv, li jrażżan mhux biss tas-setgħa ta l-Istat iżda fuq kollox l-abbuż ta' pożizzjoni dominanti u tipproteġi d-drittijiet tal-konsumatur,

D.   billi l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej issa hija estensiva, qiegħda tiżviluppa kontinwament u tirrigwarda aspetti varji ta' l-SGIs, inklużi l-għajnuna mill-Istat, it-trattament indaqs u/jew it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni,

E.   filwaqt li kkunsidra l-iżvilupp fil-każijiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibilità ta' l-SGIs mar-regoli tas-suq intern u mar-regoli Ewropej dwar il-kompetizzjoni, u wara li kkunsidra l-ħtieġa li jirrispondi għal dan billi jiċċara l-liġi pożittiva Ewropea f'dan il-qasam,

F.   billi l-evoluzzjoni tas-swieq u l-mod li bih is-soċjetajiet jorganizzaw lilhom infushom hu suġġett għal żvilupp dinamiku li hu differenti f'kull Stat Membru, l-applikazzjoni ta' regoli u definizzjonijiet riġidi tkun ostakolu biex jintlaħqu l-aħjar riżultati ekonomiċi u soċjali,

G.   billi f'ambjent soċjali u ekonomiku daqstant divers bħalma huwa dak ta' l-UE huwa impossibbli li tiddefinixxi l-SGIs b'mod uniformi,

H.   billi d-disponibilità ta" SGIs effiċjenti hi parti integrali mis-sistemi ekonomiċi, mis-sistemi tas-soċjetà u mis-sistemi soċjali ta" l-Istati Membri kollha , filwaqt li din id-disponibilità tvarja b'mod konsiderevoli minn Stat Membru għal ieħor u filwaqt li l-objettiv li s-suq intern ta" l-UE jitwettaq b'suċċess għandu jippermetti lill-Istati Membri li jintroduċu SGIs effettivi u effiċjenti, li jirrispettaw b'mod sħiħ l-interessi taċ-ċittadini fir-rwol doppju tagħhom ta' konsumaturi ta' servizzi u persuni li jħallsu t-taxxi kif ukoll ir-responsabilitajiet ta' l-Istati Membri mingħajr ma jindaħlu bla bżonn fil-libertà ta" awtoritajiet lokali u reġjonali li jistabbilixxu u jiżguraw il-kwalita' għolja, frekwenza, prezz li jintlaħaq u aċċessibilità ta" dawk is-servizzi,

I.   billi l-SGIs u servizzi ta' interess ġenerali ekonomiku (SGEIs) għandhom jiġu provduti b'mod indaqs fil-partijiet kollha ta' l-UE; billi l-koeżjoni ekonomika u soċjali għandha l-għan li tnaqqas id-disparitajiet bejn il-livelli ta' żvilupp tar-reġjuni varji u l-promozzjoni ta' l-iżvilupp armonjuż ġenerali ta' l-UE, b'mod speċjali fl-Istati Membri l-ġodda,

J.   billi, meta jitqies il-prinċipju ta' sussidjarjetà skond l-Artikolu 5(2) tat-Trattat KE, huma l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u/jew lokali tagħhom li għandhom jiddefinixxu l-SGIs tagħhom, u jiddeċiedu liema servizzi għandhom ikunu koperti, u kif għandhom ikunu organizzati, finanzjati, mogħtija, evalwati u kontrollati, u dan għandu jkun rispettat b'mod sħiħ fl-abbozzar ta' leġiżlazzjoni ulterjuri,

K.   billi, fil-kwistjoni tal-kompatibilità bejn is-suq interni tas-suq u tal-kompetizzjoni u l-operat mingħajr problemi ta' l-SGIs, trid tinħoloq iċ-ċertezza legali biex tagħti lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali relevanti l-ispazju għall-manuvrar li huwa neċessarju sabiex jieħdu d-deċiżjonijiet u jevitaw il-kunflitti u l-proċeduri legali, bir-rispett dovut lejn is-suq intern u lejn il-pożizzjoni tal-Parlament, imsemmija hawn fuq, dwar is-servizzi fis-suq intern kif ukoll l-implimentazzjoni ċara tar-regoli interni tas-suq u tal-kompetizzjoni,

L.   billi d-direttivi settorjali ta" l-UE dwar l-SGEIs fl-industriji f'netwerk u f'setturi oħra li fihom inkiseb jew beda l-ftuħ tas-suq għamlu suċċess fil-forniment ta" servizzi aħjar bi prezzijiet iktar baxxi u jipprovdu qafas ta" min joqgħod fuqu,

M.   billi l-multitudni ta' inizjattivi speċifiċi għas-setturi li huma relatati mal-ftuħ tas-suq intern fil-qasam tas-servizzi u l-pożizzjoni tal-Parlament, imsemmija hawn fuq, dwar servizzi fis-suq intern, tkabbar l-opportunitajiet għall-kompetizzjoni u għall-operat aħjar anke fl-oqsma ta' l-SGEIs, li tenfasizza l-bżonn ta' ċarezza legali dwar l-SGIs,

N.   billi l-SGEIs għandhom effett dirett fuq is-suq intern għas-servizzi, u numru ta' setturi li jipprovdu SGEIs irnexxilhom jimmodernizzaw u jintegraw f'dawn is-swieq tas-servizzi; billi din l-integrazzjoni inkisbet b'mod kontrollat u kienet akkumpanjata minn miżuri għall-protezzjoni ta' l-interess ġenerali, b'mod partikulari l-kunċett ta' servizzi universali,

O.   billi l-Artikolu 16 tat-Trattat KE jirrikonoxxi l-importanza ta' l-SGEIs, billi l-Artikoli 43 sa 49 tat-Trattat KE jipprovdi bażi legali għall-formular ta' azzjoni Komunitarja rigward il-forniment b'xejn ta' servizzi; billi l-Artikoli 86 u 87 tat-Trattat KE u l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja jagħtu qafas ċar dwar kif għandhom jiġu trattati l-għajnuna ta' l-Istat, kif ukoll il-modalitajiet u l-livelli ta' finanzjament tas-servizzi ta" l-SGEIs; billi l-Artikolu 95 tat-Trattat KE huwa l-bażi legali xierqa biex jiġu trattati kwistjonijiet relatati mal-proċeduri ta' akkwist pubbliku u kwistjonijiet relatati;

P.   billi, filwaqt li l-Artikoli 16 u 86(2) tat-Trattat KE jirreferu għal SGEIs, it-Trattat KE ma joffri ebda definizzjoni tagħhom; billi l-SGIs mhumiex imsemmija fit-Trattat KE iżda ġew introdotti bħala kunċett f'komunikazzjoni tal-Kummissjoni; u billi, skond il-pożizzjoni tal-Parlament imsemmija hawn fuq dwar is-servizzi fis-suq intern, l-SGEIs għandhom ikunu eżenti mill-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar is-Servizzi proposta u l-SGIs għandhom ikunu eżenti b'mod sħiħ mid-Direttiva;

Q.   billi li l-forom differenti ta" amministrazzjoni u sħubija bejn operaturi ekonomiċi li jwettqu SGIs u SGEIs qed jiġu mħeġġa, u billi dan għandu jseħħ f'konformità mar-responsabiltajiet ta" l-Istati Membri dwar il-forniment u l-akkwist ta" dawk is-servizzi fl-interessi ta" l-effettività u tal-kwalità għolja,

R.   billi l-għan tal-Komunità għal livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur flimkien ma' konformità stretta mal-prinċipju ta' sussidjarjetà għandu jkun aktar iffukat,

S.   billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi u tirrispetta l-aċċess għall-SGEIs bil-għan li tippromwovi il-koeżjoni soċjali u territorjali ta' l-Unjoni,

1.  Iqis li r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-SGIs tat-13 ta' Novembru 2001, l-14 ta' Jannar 2004 u t-22 ta' Frar 2005 jibqgħu validi, b'mod partikulari fid-dawl ta'

   il-prinċipju tas-sussidjarjetà,
   id-deregolazzjoni, u
   il-kisba tas-suq intern u l-bżonn li jiġu provduti servizzi ta' kwalità għolja;
ifakkar li l-fattur importanti mhuwiex min jipprovdi l-SGIs, iżda li jinżammu l-istandards ta' kwalità u bilanċ soċjali ġust, u li l-kriterji jkunu bbażati fuq il-fatt li jkunu ta' min joqgħod fuqhom u l-kontinwità tal-provvista; ifakkar li l-Parlament iqis li l-SGEIs ikopru firxa wiesgħa ħafna ta' industriji;

2.  Jinnota li huwa partikularment importanti, sabiex jiġu sfruttati b'mod sħiħ l-opportunitajiet offruti mis-suq intern, li l-kundizzjonijiet u d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-modernizzazzjoni tas-swieq jiggarantixxu kompetizzjoni ġusta, trasparenti u effiċjenti, filwaqt li jżommu l-koeżjoni soċjali u l-aċċessibilità universali għas-servizzi, u jiġu evitati abbużi ta' pożizzjoni dominanti u l-formazzjoni ta' monopolji ġodda, li jxekklu l-aċċess għas-suq għal parteċipanti ġodda;

3.  Jisħaq li l-SGIs għandhom ikunu ta' kwalità għolja, għandhom ikollhom kopertura komprensiva, għandhom jiġu pprovduti bl-aħjar prezz, għandhom jirrispettaw il-bilanċ soċali u għandhom jiġu provduti fuq il-bażi ta' sigurtà ta' provvista dejjiema; u jenfasizza li l-maġġoranza ta' l-SGIs jistgħu jiġu provduti b' kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusta, skond il-prinċipju li intrapriżi privati u dawk pubbliċi għandhom jirċievu trattament indaqs;

4.  Jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament b'analiżi komprensiva ta' l-effetti tal-liberalizzazzjoni s'issa, b'mod partikulari dwar is-sitwazzjoni tal-konsumaturi u ta' l-impjegati konċernati;

5.  Jenfasizza li l-parti l-kbira ta' l-SGEIs jingħataw fis-suq intern u għaldaqstant, bħala kwistjoni ta' prinċipju, huma suġġetti għal regoli dwar is-suq intern, l-akkwist pubbliku, il-kompetizzjoni u l-għajnuna ta' l-Istat, kif ukoll kontrolli tal-Kummissjoni għal kull abbuż, mingħajr ħsara għall-fatt li l-applikazzjoni tar-regoli ma xxekkilx it-twettiq, fil-liġi jew fil-fatt, tal-ħidmiet partikulari li ġew mogħtija lill-SGEIs, kif provdut f'Artikolu 86(2) tat-Trattat KE; jenfasizza li, skond l-Artikolu 16 tat-Trattat KE dwar l-SGEIs, il-Komunità u l-Istati Membri huma responsabbli, fill-kompetenzi rispettivi tagħhom, biex jiżguraw li joperaw fuq il-bażi ta' prinċipji u kundizzjonijiet li jagħmluha possibbli li huma jaqdu l-missjoni tagħhom;

6.  <0} {0> <}72{> Jikkunsidra li r-rekwiżiti leġittimi ta' interess ġenerali m'għandhomx ikunu użati bħala skuża għall-għeluq mhux xieraq tas-swieq tas-servizzi fir-rigward ta' fornituri internazzjonali meta dawn ta' l-aħħar jimpenjaw ruħhom li jirrispettaw dawn ir-rekwiżiti u jkunu f'pożizzjoni li jagħmlu dan;

7 .  Jenfasizza li b'mod speċjali wara t-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea, trid tiġi żgurata l-koeżjoni fil-qasam ta' l-SGEIs u li fil-qafas tal-politika strutturali, l-infrastrutturi ta' l-Istati Membri għall-SGEIs ibbażati fuq netwerk iridu jkunu marbuta ma' xulxin u trid tkun imsaħħa l-koperazzjoni transkonfinali sabiex jinħoloq suq intern tassew u sabiex tkun iffaċilitata l-istandardizzazzjoni;

8.  Iqis il-piż ekonomiku ta' dawn is-servizzi u l-importanza tagħhom għall-produzzjoni ta' oġġetti oħra u l-forniment ta' servizzi oħra; jenfasizza li l-mod ta' kif l-SGEIs huma organizzati jista' jeffettwa s-suq intern, pereżempju billi jipprojbixxi li jkunu stabbiliti fil-pajjiż fejn ġie provdut is-servizz;

9.  Iqis li l-għan tar-regoli tal-kompetizzjoni għandu jkun it-titjib tal-kwalità tal-forniment tas-servizz, l-għażla tal-konsumatur u prezzijiet raġonevoli u li jiġu realizzati għanijiet oħra ta' interess pubbliku, li jinkludu l-iżvilupp sostenibbli;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiċċara d-distinzjoni bejn l-SGIs u l-SGEIs billi jiżviluppaw kriterji operazzjonali, li jqisu t-tradizzjonijiet nazzjonali ta' l-Istati Membri, u li jkunu bbażati fuq in-natura ta' oġġetti kollettivi u finanzjar pubbliku jew bil-mekkaniżmi ta' solidarjetà ta' l-SGIs; jenfasizza li għal ħafna SGIs, huwa diffiċli li jagħmlu d-distinzjoni bejn aspetti ekonomiċi u dawk mhux ekonomiċi, minħabba l-karattru dinamiku ta' dawn is-servizzi u l-iżvilupp rapidu tagħhom; jilqa', għaldaqstant, il-fatt li, fil-"White Paper" tagħha dwar l-SGIs, il-Kummissjoni indikat li "t-twettiq effettiv ta' ħidma ta' interess ġenerali tirbaħ, f'każ ta' tensjoni, fuq l-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat"; jirrikonoxxi li oqsma wiesgħa ta' l-SGIs m'għandhomx jitneħħew mill-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern u l-kompetizzjoni permezz ta' attentat biex jiġu definiti l-SGIs; jinnota li definizzjoni preċiża ta' SGEIs u ta' SGIs tmur kontra l-libertà ta' l-Istati Membri li jiddefinixxu l-SGIs tagħhom;

11.  {0> <}100{> 11.<0} {0> <}89{> Jikkunsidra li l-Artikolu 86(2) tat-Trattat KE jipprovdi garanziji għall-Istati Membri biex jiżguraw li l-SGEIs huma pprovduti skond l-obbligazzjonijiet universali tas-servizzi stabbiliti mil-liġi Komunitarja jew mill-Istati Membri;<0} {0> <}93{> isegwi l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li hemm relazzjoni parallela bejn din l-evalwazzjoni u l-eżami ta' proporzjonalità fil-qafas ta' l-Artikolu 49 tat-Trattat;<0}

12.  Ifakkar il-fatt li r-regoli fis-seħħ f'dan il-qasam huma definiti mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-interpretazzjoni tal-Kummissjoni ta' każijiet individwali, u li għaldaqstant, la ċ-ċertezza legali neċessarja u lanqas it-trasparenza adegwata għadha ma inkisbet;

13.  Jitlob għal aktar kjarifika mingħand il-Kummissjoni b'mod partikulari dwar żewġ mistoqsijiet prinċipali: il-konsegwenzi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bbażata fuq approċċ settorjali u l-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni għal SGIs u SGEIs, b'mod speċjali fir-rigward ta' l-iffinanzjar ta' dawn is-servizzi;

14.  Jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali wrew li huma l-livell xieraq, u qrib taċ-ċittadin, għall-forniment ta' l-SGIs, u li għadhom il-livell xieraq għall-garanzija tad-dritt ta' involviment, tal-protezzjoni tal-konsumatur u tal-benessri pubbliku fir-rigward ta' tali servizzi; jinnota li l-livell ta' gvern Ewropew għandu jgħin fl-aċċertar li l-kapaċita' tal-livell ta' gvern lokali u reġjonali li jipprovdi tali servizzi ma tkunx ipperikolata;

15.  Huwa ta' l-opinjoni, għaldaqstant, li, fl-interessi ta':

   - l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali, sabiex fejn hemm bżonn ikunu jistgħu jipprovdu u jiggarantixxu servizzi xierqa fl-interess taċ-ċittadini kollha, bir-rispett dovut lejn is-suq intern u l-pożizzjoni tal-Parlament hawn fuq imsemmija dwar is-servizzi fis-suq intern,
   - il-kumpanniji pubbliċi, dawk li jaħdmu għal skopijiet ta' qligħ u dawk li le li jipprovdu jew joffru dawn is-servizzi, sabiex ikunu konxji tal-kundizzjonijiet u ta' l-obbligi li jistgħu jiġu imposti fuqhom mill-awtoritajiet skond is-suq intern u l-leġiżlazzjoni fis-seħħ, minħabba l-missjonijiet ta' interess ġenerali li jiġu fdati f'idejhom, u
   - l-utenti tas-servizzi, sabiex ikunu ċerti li s-servizzi definiti u żviluppati mill-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali tagħhom skond il-kundizzjonijiet lokali ikunu jistgħu jiġu provduti, suġġetti għal kundizzjonijiet xierqa dwar il-kompetizzjoni, fejn hu possibbli, aċċessibilità, kwalità, li jkunu ta' prezz li jintlaħaq, innovazzjoni, adattabilità, kontinwità, li jservu, trattament indaqs, ippjanar fit-tul, sikurezza, universalità, eċċ.,
il-Kummissjoni għandha tressaq il-kjarifiki legali, linji gwida u prinċipji dwar numru ta' suġġetti problematiċi, inkluż b'mod partikulari l-applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern u tal-kompetizzjoni fil-qasam ta' l-SGIs u ta' l-SGEIs, filwaqt li tiżgura r-responsabiltà demokratika dwar l-applikazzjoni ta' regoli dwar l-SGIs u l-SGEIs lill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u dawk lokali; jinnota li hemm bżonn li jiġi ċċarat il-qsim tar-responsabiltajiet bejn l-UE u l-Istati Membri, u jqis li l-approċċ settorjali li jikkunsidra s-sitwazzjoni speċifika fis-setturi rilevanti għandu jkun element important f'dan ir-rigward; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li wara evalwazzjoni xierqa tat-Trattat u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-SGIs għandhom jiġu definiti mill-Istati Membri; jinnota, barra minn hekk, li m'hemmx bażi legali għal proposta li titlob li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat KE għal servizzi partikulari;

16.  Jenfasizza li l-bżonn għal regolament eżistenti jew futuri li jkunu speċifiċi għas-setturi u bbażati fuq regoli tas-suq intern u rispett għas-sussidjarjetà, u jenfasizza li regoli li huma speċifiċi għas-setturi m'għandhomx jitpoġġew fid-dubju; ifakkar is-suċċess ta' dawn ir-regolamenti speċifiċi għas-setturi, u jirrakomanda li l-approċċ settorjali jiġi estiż għal setturi oħra;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni biex toħloq aktar ċertezza legali fil-qasam ta' l-SGIs tal-kura soċjali u tas-saħħa, u biex tressaq proposta għal direttiva tal-Kunsill u tal-Parlament li tkun speċifika għas-settur għal dawk l-oqsma fejn huwa xieraq;

18.  Iħeġġeġ lill-Kunsill, għaldaqstant, biex malajr kemm jista' jkun, jadotta pożizzjoni komuni dwar ir-reviżjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 tas-26 ta' Ġunju 1969 dwar azzjoni mill-Istati Membri rigward l-obbligi inerenti fil-kunċett ta' servizz pubbliku fit-trasport b'ferroviji, toroq u ilmijiet interni(13) ;

19.  Jirrakkomanda li, meta awtorità kompetenti tidentifika il-provvista ta' servizz bħala SGEIs, l-obbligu tas-servizz pubbliku għandu jingħata permezz ta' proċedura ta' sejħa għall-offerti li tkun ġusta u trasparenti, bbażata fuq kundizjonijiet ugwali għall-kompetituri kollha, jew inkella permezz ta' att legali adattat li għandu jissodisfa l-kriterji tat-trasparenza;

20.  Jilqa" l-qafas legali Komunitarju propost dwar l-għajnuna ta" l-Istat fil-forma ta" kumpens għal obbligi tas-servizz pubbliku u l-pjan tal-Kummissjoni biex tiġi riveduta d-Direttiva 80/723/KEE tal-25 ta' Ġunju 1980 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-intrapriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja ma' ċerti intrapriżi(14) ;

21.  Jirrakkomanda li meta awtorità kompetenti jkollha l-ħsieb li tiffinanzja lill-SGEIs minbarra permezz ta" finanzjament dirett mill-baġit ġenerali tagħha, l-awtorità partikolari għandha tagħżel forma ta" finanzjament li jkun skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, partikolarment ta" l-Artikolu 86(2), speċjalment meta tagħti drittijiet esklussivi u speċjali, meta tagħti kumpens għall-provediment ta" servizzi pubbliċi jew meta tistabbilixxi fond għall-provediment ta" servizzi pubbliċi, jinnota li fil-każijiet kollha dan se jirrikjedi sistema trasparenti ta" tariffi kif ukoll finanzjament xieraq u trasparenti;

22.  Jirrakkomanda li meta awtorità kompetenti tkun bi ħsiebha tagħti kumpens għall-provediment ta" servizzi pubbliċi biex tiżgura l-iffinanzjar ta" SGIs, dan il-kumpens m'għandux jitqies bħala għajnuna mingħand l-Istat skond it-tifsira ta" l-Artikolu 87 tat-Trattat KE, sakemm:

   il-benfiċjarju għandu jkun fdat b'missjoni ta" servizz pubbliku ddefinita b'mod ċar;
   il-parametri biex jiġu kkalkulati l-ħlasijiet ta" kumpens għandhom jiġu stabbiliti minn qabel b'mod oġġettiv u trasparenti;
   il-livell ta" kumpens ma jaqbiżx l-ispejjeż magħmula fil-kwittanza ta" l-obbligi tas-servizz pubbliku, li jippermetti profitt raġonevoli;
   il-benefiċjarju jintgħażel f'offerta pubblika jew jingħata kumpens li ma jaqbiżx l-ispejjeż ta" impriża li hi mmexxija b'mod tajjeb u li hi mgħammra b'mod xieraq bil-mezzi biex tipprovdi s-servizz pubbliku; u
   tkun ħarġet proċedura trasparenti;
jenfasizza, iżda, li l-ammont ta" kumpens m'għandux jaqbeż dak li hu neċessarju għat-tħaddim tas-servizz u ma jistax jintuża biex jiffinanzja attivitajiet barra l-kamp ta' applikazzjoni tas-servizz partikolari, fil-forma ta" sussidji inkroċjati; jirrimarka li l-kumpens irid ikun disponibbli lill-operaturi kollha fdati bil-provediment ta" SGIs, irrispettivament mill-istat legali tagħhom;

23.  Juri l-importanza li jkunu applikati b'mod ċar id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2005/842/KE; jenfasizza, iżda, li l-ħlas ta" kumpens sempliċi għal obbligi tas-servizz pubbliku m'għandux jitqies bħala għajnuna ta" l-Istat, u li l-liġi għandha tiġi emendata kif xieraq;

24.  Jenfasizza li hu f'idejn l-awtorità kompetenti biex tiddeċiedi jekk tipprovdix SGI direttament jew jekk tafdax il-provvista f'idejn fornituri esterni ta" servizzi bi skop jew mingħajr skop ta" qligħ, filwaqt li teżerċita l-istess kontroll bħal dak maħsub għal servizzi pprovduti direttament; fil-każ li l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li testernalizza l-provvista ta' SGIs, trid tinħareġ sejħa għall-offerti; barra minn hekk, għandu jiġi rrispettat il-prinċipju ta" awtonomija lokali u reġjonali, li jagħti lill-awtorità kompetenti d-dritt li tagħżel, filwaqt li tqis l-interess pubbliku, kif l-aħjar għandu jingħata kull servizz;

25.  Hu ta" l-opinjoni li l-esternalizzazzjoni tal-provvista ta" SGIs normalment timponi fuq l-awtorità partikolari l-obbligu li tassenja s-servizz fuq il-bażi ta" kuntratt ta" servizz pubbliku, wara proċedura ta" sejħa pubblika għall-offerti; jinnota li l-prinċipju ta" l-għoti ta" kuntratt ta" servizz pubbliku għandu jippermetti lill-awtorità kompetenti l-opportunità li tittrasferixxi kuntratt ta" servizz pubbliku f'emerġenzi; jitlob lill-Kummissjoni, flimkien ma" l-Istati Membri u l-Parlament, biex jiċċaraw l-kriterji rilevanti fid-direttivi dwar l-akkwisti jew fil-forma ta" regolament; f'dan il-kuntest, jafferma li l-awtoritajiet lokali għandhom ikunu jistgħu jassenjaw ħidmiet ta" servizzi direttament lil kumpanniji interkomunali jew lil forom simili ta" arranġamenti konġunti, jew lil kumpanniji li huma jippossiedu jew li jikkontrollaw, sakemm tali entitajiet jwettqu l-parti essenzjali ta' l-attivitajiet tagħhom għall-awtorità jew l-awtoritajiet li jikkontrollaw, u ma jikkompetux fi swieq esterni iżda jikkostitwixxu biss prattika ta" organizzazzjoni domestika u jrid jinstab arranġament li ma jeskludix b'mod kategoriku l-parteċipazzjoni privata mill-bidu nett;

26.  Jitlob f'dan il-kuntest, u fl-interessi ta" titjib possibbli fl-effiċjenza permezz ta" l-involviment ta" operaturi u metodi ġodda ta" provediment ta" SGIs, għal iktar ċertezza legali bħala kwistjoni ta" urġenza rigward il-forom differenti ta" organizzazzjonijiet inter-awtoritarji (koperazzjoni bejn awtoritajiet lokali, sħubija pubblika-privata, għoti ta" konċessjonijiet), u l-kjarifika tal-liġi Ewropea dwar il-kompetizzjoni, dwar l-għoti ta" kuntratti u dwar l-għajnuna ta" l-Istat, u rigward il-kriterji ġenerali applikabbli madwar l-Ewropa; jenfasizza li għandu jkun hemm kjarifika legali dwar l-esternalizzazzjoni ta" servizzi pubbliċi, li huma ta" natura differenti minn kuntratti pubbliċi; jitlob lill Kummissjoni biex tiċċara r-regoli għall-għoti ta" tali servizzi esternalizzati u biex tagħmel distinzjoni ċara bejn dawk ir-regoli u r-regoli li jirregolaw l-kuntratti pubbliċi;

27.  Hu ta" l-opinjoni li l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li fis-setturi li fihom tkun stipulat regoli għal obbligi ta" servizz universali pubbliku jew objettivi partikolari, it-tipi ta" regoli u strumenti adattati għal kull settur għandhom ikunu applikati fuq il-bażi ta" regoli trasparenti;

28.  Hu wkoll ta" l-opinjoni li linji gwida fil-livell nazzjonali u lokali huma meħtieġa fl-oqsma li ġejjin, fl-interessi tat-trasparenza u l-protezzjoni tal-konsumatur:

   li jiddefinixxu l-proċeduri għall-aċċess għan-netwerks eżistenti fejn l-aċċess huwa neċessarju għall-provediment ta" servizzi;
   li jiddefinixxu l-prezz u/jew il-kondizzjonijiet tat-tariffi għall-provediment ta" servizzi;
   li jaċċertaw il-kompetizzjoni u l-opportunitajiet għal imprendituri ġodda fejn ikun possibbli;
   li jistabbilixxu regoli dwar ftehimiet barra mill-qorti bejn il-fornituri u l-utenti, ta" servizzi minkejja l-possibilità ta" azzjoni legali; u
   konsultazzjoni ta" u, kif ikun xieraq, referenza għall-awtoritajiet tal-kompetizzjoni rigward kwalunkwe element li jista" jwassal għal ksur tar-regoli nazzjonali tal-kompetizzjoni jew ta" dawk stipulati fit-Trattat KE;

29.  Jirrakkomanda, fl-interessi ta" SGIs ta" kwalità għolja u effiċjenti, li jkun inkoraġut il-benchmarking volontarju u mekkaniżmi ta" miżura tal-kwalità fil-livell nazzjonali u Ewropew; jirrakkomanda li l-iskambju ta" esperjenza u l-promozzjoni ta" l-aħjar prattiki jkunu appoġġjati u għandhom jinkludu lil partijiet interessati kollha kkonċernati; jissuġġerixxi li tali miżuri jindirizzaw l-aspetti li ġejjin:

   l-iżvilupp ta" metodi ta" evalwazzjoni komprensivi, li jinkludu kriterji ekonomiċi, soċjali u ambjentali;
   il-ħarsien u s-sikurezza ta" l-utenti tas-servizz;
   l-adegwatezza u l-proporzjonalità ta" l-istandard rigward l-ispiża tas-servizz;
   it-tixrid u l-pubblikazzjoni bl-iktar mod wiesa" possibbli ta" l-istandard; u
   monitoraġġ sempliċi u effettiv ta" fedeltà ma" l-istandard, li jista" jiġi stipulat fuq il-bażi ta" karta jew ta" kodiċi ta" kondotta;

30.  Jisħaq fuq l-importanza li l-kapaċitajiet ta" sorveljanza ta" l-Istati Membri jkunu msaħħa sabiex ikun assigurat li l-objettivi tal-politika pubblika, inklużi prezzijiet li jintlaħqu u l-istandards tal-kwalità, ikunu milħuqa b'mod effettiv; ikompli jenfasizza li hu meħtieġ li sabiex l-awtoritajiet pubbliċi relevanti jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-istrumenti u l-kompetenza esperta adegwati sabiex ikunu jistgħu jinfurzaw il-kompetizzjoni u sabiex jiżguraw il-ħarsien tal-konsumatur;

31.  Jitlob lill-Kummissjoni, fuq il-bażi ta' din ir-riżoluzzjoni kif ukoll skond ir-riżoluzzjoni ta" l-14 ta" Jannar 2004 hawn fuq imsemmija, ir-riżoluzzjoni tagħha tad-9 ta" Marzu 2005 dwar ir-reviżjoni ta" nofs it-terminu ta" l-Istrateġija ta" Liżbona(15) , biex jiġu proposti inizjattivi legali adattati, kif imsemmi f'din ir-riżoluzzjoni, u jfakkar li d-drittijet ta" kodeċiżjoni, fejn previsti mit-Trattat, għandhom ikunu mħaddma b'mod sħiħ mill-partijiet kollha involuti fil-qasam ta" l-SGIs u l-SGEIs;

32.  Jirrimarka li l-ftehim internazzjonali konklużi mill-Komunità u l-obbligi li jiġu magħhom għandhom ikunu kompatibbli mal-linji politiċi u r-regoli interni tal-Komunità;

33.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 312, 29.11.2005, p. 67.
(2) ĠU C 140 E, 13.6.2002, p. 153.
(3) ĠU C 92 E, 16.4.2004, p. 294.
(4) ĠU C 304 E, 1.12.2005, p. 117.
(5) Testi Adottati, P6_TA(2006)0061.
(6) [1993] ECR I-2533.
(7) [1994] ECR I-1477.
(8) [1999] ECR I-8121.
(9) [2003] ECR I-6993.
(10) [2003] ECR I-7747.
(11) [2003] ECR I-14243.
(12) [2005] ECR I-1.
(13) ĠU L 156, 28.6.1969, p. 1.
(14) ĠU L 195, 29.7.1980, p. 35. Direttiva kif emendat l-aħħar bid-Direttiva 2005/81/KE (ĠU L 312, 29.11.2005, p. 47).
(15) ĠU C 320 E, 15.12.2005, p. 164.

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' Jannar 2007Avviż legali