Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2662(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

B6-0598/2006

Dibattiti :

PV 16/11/2006 - 12.1
CRE 16/11/2006 - 12.1

Votazzjonijiet :

PV 16/11/2006 - 13.1

Testi adottati :

P6_TA(2006)0501

Testi adottati
DOC 43k
Il-Ħamis, 16 ta' Novembru 2006 - Strasburgu Verżjoni finali
Etjopja
P6_TA(2006)0501B6-0596, 0598, 0600, 0603, 0606 u 0613/2006

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Etjopja

Il-Parlament Ewropew ,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kriżi wara l-elezzjoni u l-vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem fl-Etjopja, b'mod partikolari dik tas-7 ta' Lulju 2005 dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Etjopja, dik tat-13 ta' Ottubru 2005 dwar is-sitwazzjoni fl-Etjopja(1) u dik tal-15 ta' Diċembru 2005 dwar is-sitwazzjoni fl-Etjopja(2) u l-kunflitt ġdid fuq il-fruntiera(3) ,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  Imħasseb bl-arrest u t-tkeċċija mill-Etjopja ta' żewġ uffiċjali tal-Kummissjoni fuq allegazzjoni li ppruvaw jgħinu lis-Sna Yalemzewd Bekele, avukat involuta f'kampanji favur id-drittijiet tan-nisa, li taħdem għall-Kummissjoni f'Addis Ababa, sabiex toħroġ mill-pajjiż,

B.  Billi hemm rapporti ta' arresti, fastidji, detenzjoni arbitrarja, umiljazzjoni u intimidazzjoni dejjem għaddejjin tal-politiċi fl-oppożizzjoni, ta' attivisti tas-soċjetà ċivili, ta' istudenti u ta' ċittadini komuni oħra,

C.  Billi, wara intervenzjoni ta' livell għoli mill-UE f'isimha, Yalemzewd Bekele inħelset fis-27 ta' Ottubru 2006 wara li ġiet miżmuma f'iżolament għal ftit ġranet,

D.  Billi l-Parlament Etjopjan waqqaf fl-aħħar ta' Novembru 2005 Kumitat ta' Inkjesta bil-kompitu li jinvestiga l-qtil ta' Ġunju u Novembru 2005,

E.  Billi membri tal-Kumitat ta' Inkjesta kellhom pressjoni mill-Gvern Etjopjan sabiex ibiddlu s-sejbiet u tlieta minnhom inkluż iċ-'Chairman' u l-'Viċi-Chairman' ħallew il-pajjiż wara li rrifjutaw ordnijiet tal-gvern sabiex ibiddlu s-sejbiet tar-rapport finali,

F.  Billi l-membri tal-Kumitat ta' Inkjesta rnexxilhom iħallu l-pajjiż bir-rapport finali u billi dan id-dokument jikkundanna kategorikament il-mod kif il-gvern tratta l-kriżi li ħalliet 193 ċittadin mejta wara d-dimostrazzjonijiet ta' Ġunju u Novembru 2005,

G.  Billi wara l-arresti tal-massa ta' avversarji tal-gvern, ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u ta' ġurnalisti waqt id-dimostrazzjonijiet ta' Ġunju u Novembru 2005, 111 -il mexxej tal-partit ta' l-oppożizzjoni, ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għadhom miżmuma f'kustodja u jistennew li jitressqu l-qorti akkużati fost l-oħrajn b' "inġurji kontra l-Kostituzzjoni', 'tixwix, organizzazzjoni jew tmexxija ta' rewwixta armata' u 'attentat ta' ġenoċidju',

H.  Ifakkar li l-priġunieri politiċi miżmuma wara l-elezzjoni jinkludu lil Hailu Shawel President tal-Koalizzjoni għall-Għaqda u d-Demokrazija, lill-Professur Mesfin Woldemariam eks President tal-Kunsill Etjopjan għad-Drittijiet tal-Bniedem, lil Dr Yacob Hailemariam eks mibgħut speċjali tan-NU u eks prosekutur tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għar-Ruwanda, lil Birtukan Mideksa eks-imħallef, lil Dr Berhanu Nega sindku elett ta' Addis Ababa, lil Netsanet Demissie, Direttur ta' l-Organizzazzjoni għall-Ġustizzja Soċjali fl-Etjopja u lil Daniel Bekele ta' l-ActionAid Ethiopia,

I.  Jinsab imħasseb dwar l-arresti riċenti ta' Wassihun Melese u Anteneh Getnet, membri ta' l-Assoċjazzjoni ta' l-Għalliema Etjopjani u li dawn l-arresti ġodda jidhru li huma risposta għall-ilmenti ta' l-Assoċjazzjoni ta' l-Għalliema Etjopjani kontra l-indħil tal-Gvern fl-attivitajiet tagħha u kontra l-intimidazzjoni tal-mexxejja tagħha,

J.  Billi l-Prim Ministru Meles Zenawi huwa wieħed mill-mistiedna tal-Kummissjoni għall-Ġranet Ewropej għall-Iżvilupp, li se jiġu organizzati mit-13 sas-17 ta' Novembru 2006 fi Brussell,

K.  Billi, l-Etjopja hija firmatarja tal-Ftehima AKP-UE ta' Cotonou, li l-Artikoli 9 u 96 tagħha jistabbilixxi li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali huma element essenzjali tal-koperazzjoni ACP-EU,

1.  Jilqa' l-isforzi ta' l-UE biex jiżgura l-ħelsien ta' Yalemzewd Bekele u jiddispjaċih ħafna dwar it-tkeċċija mill-Etjopja ta'l-uffiċjali tal-Kummissjoni Björn Jonsson u Enrico Sborgi;

2.  Jistieden lill-Gvern Etjopjan biex jippubblika mingħajr emendi u fis-sħuħija tiegħu, u mingħajr aktar dewmien, ir-rapport finali tal-Kumitat ta' Inkjesta; jitlob li l-qrati rilevanti jingħataw ir-rapport, u jħeġġiġhom biex iqisuh kif xieraq sabiex ikunu jistgħu jsiru kawżi ġusti;

3.  Jitlob lill-awtoritajiet Etjopjani biex ma jagħmlux atti ta' intimidazzjoni u ta' fastidju kontra l-mexxejja nazzjonali, inklużi mħallfin tal-qrati u membri ta' l-Assoċjazzjoni ta' l-Għalliema Etjopjani, li qed jaqdu l-obbligi professjonali tagħhom;

4.  Jitlob lill-Gvern Etjopjan biex jeħles immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet lill-priġunieri politiċi kollha, kemm jekk huma ġurnalisti, attivisti tat-trejdjunjins, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u kemm jekk huma ċittadini normali, u biex jissodisfa l-obbligi tiegħu b'rispett għad-drittijiet tal-bniedem, għall-prinċipji demokratiċi u għall-istat tad-dritt;

5.  Jitlob lill-gvern Etjopjan biex jiżvela n-numru totali ta' persuni miżmuma taħt arrest fil-pajjiż kollu, biex jippermetti żjajjar mill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, u biex jippermetti lill-dawk kollha miżmuma taħt arrest aċċess għall-familji tagħhom, għal avukat u għal kwalunkwe kura medika li l-kundizzjoni ta' saħħithom tista' teħtieġ;

6.  Jitlob lill-Gvern Etjopjan biex jirrispetta l-Istqarrija Universali dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem u l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, inklużi l-jedd għall-assemblea paċifika u l-libertà ta' l-opinjoni, u sistema ġudizzjarja indipendenti;

7.  Jiddispjaċih ħafna dwar l-istedina tal-Kummissjoni lill-Prim Ministru Meles Zenawi biex jindirizza l-Ġranet Ewropej għall-Iżvilupp, b'mod speċjali rigward kwistjonijiet ta" tmexxija, deċiżjoni li tibgħat il-messaġġ żbaljat rigward il-politika Ewropea dwar ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u t-tmexxija tajba;

8.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jimmonitoraw is-sitwazzjoni fl-Etjopja u jikkunsidra li l-programmi ta' koperazzjoni għall-iżvilupp skond il-Ftehima ta' Cotonou għandhom jiddependu fuq ir-rispett għad-drittjiet tal-bniedem u t-tmexxija tajba, kif definit b'mod ċar fl-Artikoli 9 u 96;

9.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jesploraw mezzi ta' organizzazzjoni ta' djalogu inter-Etjopjan li jinkludi lill-partijiet kollha bil-parteċipazzjoni ta' partiti politiċi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati kollha sabiex tintlaħaq soluzzjoni dejjiema għall-kriżi politika attwali;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern Etjopjan, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-President ta' l-Unjoni Afrikana.

(1) ĠU C 157 E, 6.7.2006, p.495.
(2) ĠU C 233 E, 28.9.2006, p.116.
(3) Testi Adottati, P6_TA(2005)0535.

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Mejju 2007Avviż legali