Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni ta' l-UE kontra s-sajd illegali, mhux iddikjarat u mhux irregolat (2006/2225 (INI))
Il-Parlament Ewropew
,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata "Pjan ta" azzjoni tal-Komunità biex jinqered is-sajd illegali, mhux iddikjarat u mhux irregolat" (COM(2002)0180) u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta" Ġunju 2002 fuq din,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta" l-20 ta" Novembru 2002 dwar il-pjan ta" azzjoni tal-Komunità biex jinqered is-sajd illegali, mhux iddikjarat u mhux irregolat(1)
,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet ta' kull tliet snin tal-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd (CFP) u r-riżoluzzjonijiet korrispondenti tal-Parlament fuq dak is-suġġett,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet annwali tal-Kummissjoni u r-riżoluzzjonijiet rispettivi tal-Parlament dwar aġir li jikser serjament ir-regoli tas-CFP,
– wara li kkunsidra l-pjan ta" azzjoni internazzjonali tal-FAO dwar is-sajd illegali, mhux iddikjarat u mhux irregolat (IUU) u d-dokumenti tekniċi adottati sussegwentement mill-FAO,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 tas-26 ta' April 2005 li jistabilixxi Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd(2)
, u b'mod partikolari l-Artikolu 3, punt (h) tiegħu,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta" Diċembru 2001 dwar l-irwol ta" bnadar ta" konvenjenza fis-settur tas-sajd(3)
,
– wara li kkunsidra l-Green Paper bl-isem 'Lejn politika marittima ta' l-Unjoni għall-ġejjieni: viżjoni Ewropea għall-oċeani u l-ibħra' (COM(2006)0275),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta" Settembru 2006 dwar it-tnedija ta" dibattitu dwar approċċ Komunitarju għal skemi ta" ekottikkettar għal prodotti tas-sajd(4)
,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A6-0015/2007),
A. billi s-sajd IUU huwa problema ewlenija madwar id-dinja, li jikkawża degradazzjoni ambjentali konsiderevoli, li jikkontribwixxi għat-tnaqqis ta" stokkijiet tal-ħut kummerċjali u mhux kummerċjali u ta" speċijiet oħrajn u li jirriżulta f'diffikultajiet għal komunitajiet dipendenti fuq is-sajd għall-għajxien tagħhom kemm fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u kemm f'dawk żviluppati,
B. billi l-ġlieda kontra s-sajd IUU ġiet imxekkla minn fatturi bħall-użu ta' bnadar ta' konvenjenza, it-trażbord fl-ibħra miftuħa, in-nuqqas ta' kontroll xieraq fil-port u kooperazzjoni skarsa bejn l-awtoritajiet ta' kontroll,
C. billi, skond d-definizzjoni ta' l-FAO tas-sajd IUU, "sajd illegali" jirreferi għal attivitajiet immexxija minn bastimenti bi ksur tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-istati li huma parti mill-organizzazzjoni reġjonali ta' mmaniġġjar tas-sajd (RFMO), "sajd mhux iddikjarat" jirreferi għal attivitajiet li ġew rappurtati ħażin jew li ma ġewx rappurtati lill-awtorità nazzjonali kompetenti jew lill-RFMO relevanti, u "sajd irregolat" jirreferi għal attivitajiet li saru minn bastimenti mingħajr nazzjonalità jew taħt bandiera ta' stat li mhux parti minn RFMO partikolari, bi ksur tal-miżuri ta' konservazzjoni u mmaniġġjar ta' dik l-organizzazzjoni,
D. billi, anke jekk is-sajd IUU jista' jseħħ fi kwalunkwe parti tal-flotta, l-ikbar impatt tiegħu jidher fil-qasam tas-sajd 'il barra mill-kosta, li bi preferenza jopera f'ibħra internazzjonali u fil-blata kontinentali ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw bi ftit miżuri ta' kontroll, li jfisser li l-azzjoni ta' l-Unjoni Ewropea trid tiffoka fuq dawk l-oqsma u fuq dik il-parti tal-flotta,
E. billi bastimenti li jwettqu s-sajd IUU jgħinu biex idgħajfu l-kundizzjonijiet soċjali u l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol ta' l-ekwipaġġi,
F. billi s-sajd IUU u l-attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni marbuta miegħu jikkostitwixxu wkoll kompetizzjoni inġusta għal dawk is-sajjieda u persuni kummerċjali li jobdu r-regoli stipulati fil-liġi, inkluża l-leġiżlazzjoni fl-UE, fl-Istati Membri tagħha u f'pajjiżi oħra u l-miżuri ta" mmaniġġjar miftiehma minn organizzazzjonijiet reġjonali ta" mmaniġġjar tas-sajd (RFMOs),
G. billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom iżidu l-impenn tagħhom fil-ġlieda kontra l-forom kollha tas-sajd illegali, iżda huwa wkoll meħtieġ li jkun hemm distinzjoni bejn ksur minn bastimenti tal-Komunità ta' regoli tal-Komunità u s-sajd IUU kif interpretat f'livell internazzjonali, u meta jitqies li attivitajiet li jsiru fi ħdan il-qafas tas-CFP huma fil-fatt regolati, li jfisser li l-ġlieda kontra dawk iż-żewġ attivitajiet fil-maġġoranza tal-każijiet jinvolvu proċeduri differenti,
H. billi l-Kummissjoni nnifisha tirrikonoxxi d-diffikultà li tagħmel differenza bejn qabdiet leċiti u illeċiti, partikularment f'ċerti każijiet bħal meta l-ħut li jitniżżel l-art ikun friżat, jew fejn ikun hemm netwerks kummerċjali ma' pajjiżi terzi u l-ħut ikun ipproċessat qabel ma jasal fis-suq Ewropew,
I. billi l-RFMOs huma l-aħjar mezz biex tiġġieled is-sajd IUU f'livell internazzjonali u l-parteċipazzjoni tal-Komunità fihom tippermettilha li tistabbilixxi azzjonijiet konġunti u li titkellem b'vuċi waħda fl-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti,
J. billi l-eżistenza ta' sistema ta' kontroll effettiva u koerenti hija komponent prinċipali għal politika ta' konservazzjoni u mmaniġġjar ta' riżors sostenibbli, u tinvolvi mhux biss l-introduzzjoni ta' miżuri aktar restrittivi iżda wkoll l-applikazzjoni ta' miżuri eżistenti aħjar u b'mod aktar ġust,
K. konxju ta' l-importanza tal-bdil ta' l-informazzjoni u l-koperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra s-sajd IUU,
L. billi l-profitti li jirriżultaw mis-sajd IUU jistgħu f'xi każijiet jgħinu biex jiffinanzjaw l-attivitajiet ta' netwerks ta' kriminalità organizzata,
1. Itenni l-impenn tiegħu fil-ġlieda kontra s-sajd IUU fil-forom kollha tiegħu, kif espress fir-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-20 ta' Novembru 2002, hawn fuq imsemmija;
2. Jilqa" b'sodisfazzjon il-progress li sar fil-livell internazzjonali u mill-UE fil-ġlieda kontra s-sajd IUU, iżda jikkunsidra li l-fenomenu qed jibqa" jiżdied u, konsegwentement, li hemm bżonn ta" iktar sforzi;
3. Jikkunsidra li l-ammont tas-sajd IUU, id-diversità tal-fatturi li jikkontribwixxu għalih u l-firxa wiesgħa ta" għodda legali, loġistika u finanzjarja neċessarja biex jiġi miġġieled huma tali li jirrikjedu koperazzjoni fil-livelli kollha, inklużi d-diversi Direttorati-Ġenerali tal-Kummissjoni (speċjalment, iżda mhux biss, id-Direttorati Ġenerali għas-Sajd u l-Affarijiet Marittimi, għall-Kummerċ, għall-Iżvilupp u għas-Saħħa u l-Ħarsien tal-Konsumatur), il-Kunsill, l-Istati Membri individwali u l-komunità internazzjonali; huwa ta' l-opinjoni, għal dak il-għan, li l-Green Paper dwar politika marittima ġdida għall-Unjoni tista' sservi ta' qafas għal koperazzjoni fuq liema bażi l-ġlieda kontra s-sajd IUU tista' tiġi affrontata b'mod aktar effettiv;
4. Jikkunsidra li l-importanza ta" l-UE fid-dinja, fl-irwoli diversi tagħha bħala forza tas-sajd ewlenija u bħala l-ikbar suq fid-dinja għall-ħut, tobbligaha li tkun fuq quddiemnett fil-ġlieda kontra s-sajd IUU;
5. Jinnota li l-UE hija fost l-entitajiet l-iktar għonja u l-iktar avvanzati teknoloġikament u li hija tibbaża ruħha fuq l-istat tad-dritt, u b'hekk jixraq li l-UE twessa" u tintensifika l-isforzi tagħha fil-ġlieda kontra s-sajd IUU;
6. Jikkunsidra li l-UE tista" biss taġixxi b'mod kredibbli fix-xena globali jekk hija tkun diġà ħadet azzjoni effettiva biex twaqqaf l-involviment tagħha stess fis-sajd IUU, kemm fl-ilmijiet ta" l-UE u kemm minn bastimenti ta" l-UE jew interessi barra mill-UE;
7. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-iktar lil dawk li magħhom il-Komunità għandha ftehimiet tas-sajd, biex ikunu konformi kompletament ma' l-impenji tal-pjan ta' azzjoni internazzjonali hawn fuq imsemmi maħsub biex jimpedixxi s-sajd illegali, tgħin fit-tisħiħ tal-ftit mezzi disponibbli għalihom billi tinkludi azzjonijiet speċifiċi fil-ftehimiet ta' sħubija l-ġodda;
8. Itenni l-konvinzjoni tiegħu li l-ewwel pass kruċjali u ovvju li l-Unjoni Ewropea għandha tieħu huwa, l-ewwel, li timplimenta bi sħiħ id-dispożizzjonijiet eżistenti tas-CFP u leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-Komunità b'mod effettiv, ġust u rigoruż, sabiex jitnaqqas is-sajd mhux iddikjarat u illegali minn bastimenti tal-Komunità u fl-ilmijiet tal-Komunità u, it-tieni, li tinibixxi l-wasla u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti minn ħut maqbud illegalment minn barra l-UE; jinnota li dawn id-dmirijiet jaqgħu primarjament fuq il-gvernijiet ta' l-Istati Membri, fl-applikazzjoni tal-liġi tal-Komunità u bħala stati tal-port;
9. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-mekkaniżmi ta' deterrent (sorveljanza, kontroll, sanzjonijiet, eċċ.) u jipproponu miżuri li jagħmluha possibli li jiġi inibit il-ksur u jtejbu l-applikazzjonijiet tar-regoli eżistenti;
10. Jinnota li t-traċċabilità baxxa tal-ħut twassal għal konfużjoni dwar l-oriġini tiegħu, li jagħmilha diffiċli jew impossibbli biex wieħed jiddistingwi bejn ħut maqbud legalment u ħut maqbud illegalment;
11. Iqis bħala meħtieġ li jitjiebu l-assistenza u l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex jiġu msaħħa l-kontrolli u s-sorveljanza u biex jippromwovu miżuri ta' regolamentazzjoni kummerċjali li jagħmluha possibli biex jiġu identifikati l-oriġini tal-qabdiet li jinħattu l-art;
12. Iqis bħala meħtieġ li jiġi intensifikat il-kontroll mill-istati tal-port tal-ħut li jinħatt l-art u t-trażbordi ta' ħut iffriżat minn pajjiżi terzi u li titjieb il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri u dawn il-pajjiżi;
13. Ifakkar ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2006 dwar l-ekottikkettar, imsemmija hawn fuq, u jtenni l-opinjoni tiegħu li t-titjib fit-traċċabilità tal-ħut, mix-xibka għall-platt, li jkun meħtieġ bl-iskemi ta' ekottikkettar ikun ta' għajnuna konsiderevoli biex jiġi identifikat il-ħut IUU u biex jinżamm 'il barra mis-suq ta' l-EU; jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-proposta tagħha dwar l-ekottikkettar sa Ġunju 2007;
14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jerġgħu jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw il-15-il azzjoni inklużi fil-pjan ta" azzjoni ta" l-UE dwar is-sajd IUU kif miftiehem fl-2002, u b'mod partikolari biex:
i.
jiggarantixxu trattament ugwali għall-esponenti ekonomiċi, filwaqt li jiskoraġġixxu lil dawk fi ħdan il-Komunità li jixtiequ jużaw bnadar ta' konvenjenza;
ii.
jinkorporaw regoli fil-leġiżlazzjoni tal-Komunità biex ikun ipprojbit in-negozju ta" ħut ta" oriġini IUU;
iii.
jistabilixxu regoli li jorbtu dwar il-kontroll u l-ispezzjoni fi ħdan qafas legali komuni madwar l-Unjoni Ewropea;
iv.
jżidu l-kampanja ta" informazzjoni tal-Komunità sabiex jitjieb l-għarfien pubbliku dwar l-ammont u n-natura serja tas-sajd IUU;
v.
jippromwovu pjanijiet ta" kontroll u spezzjoni għal kull RFMO li l-UE tifforma parti minnha;
vi.
jaħdmu biex ikun żgurat li l-qasam ta" applikazzjoni ta" l-RFMOs ikun estiż biex jinkludi s-sajd ewlieni kollu fl-oċeani tad-dinja, inklużi speċijiet li jgħixu qrib qiegħ il-baħar, speċijiet pelaġiċi żgħar u speċijiet migratorji ħafna;
vii.
jikkontribwixxu b'mod attiv għall-ħolqien u r-reviżjoni, kif xieraq, ta" listi adottati mill-RFMOs ta" bastimenti li jdgħajfu l-miżuri ta" konservazzjoni, inkluż billi jkunu pprovduti l-pożizzjonijiet; jinkoraġixxu l-implimentazzjoni ta" sanzjonijiet kummerċjali kontra l-pajjiżi li dawk il-bastimenti jtajru l-bandiera tagħhom;
viii.
jippromwovu l-adozzjoni ta" pjanijiet ta" azzjoni uniformi mill-RFMOs billi ssir pressjoni għal-miżuri l-iktar effettivi possibbli;
ix.
jaħdmu bis-sħiħ biex jippromwovu l-iżvilupp ta' skemi ta' dokumentazzjoni ta' qabdiet, li jibdew mill-ispeċi l-iktar fil-periklu, u jiżguraw li l-ħut li jitħalla jidħol fis-suq ta' l-UE ma jkunx ġie maqbud illegalment;
x.
isaħħu l-koperazzjoni internazzjoni fin-netwerk MCS (Monitoraġġ, Kontroll u Sorveljanza) kif ukoll skemi reġjonali bil-ħsieb li tiġi stabbilita, taħt il-patroċinju tal-FAO, sistema internazzjonali ta' informazzjoni dwar il-bastimenti tas-sajd 'il barra mill-kosta;
xi.
jidefinixxu "rabta sostanzjali" bejn bastiment tas-sajd u l-bandiera li huwa jtajjar;
xii.
jiddefinixxu d-drittijiet u l-obbligi ta" l-istati tal-port;
xiii.
jassistu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-abilità tagħhom li jagħmlu monitoraġġ ta" l-attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tagħhom u fil-ġlieda kontra s-sajd IUU;
15. Jilqa" b'sodisfazzjoni l-inklużjoni fil-programm ta" ħidma tal-Kummissjoni għall-2007 ta" pakkett dwar is-sajd IUU, li jinkludi komunikazzjoni mill-Kummissjoni u proposta għal regolament tal-Kunsill biex tiżdied il-ġlieda kontra s-sajd IUU; jilqa" b'sodisfazzjon il-qawmien mill-ġdid tal-grupp ta" konsultazzjoni bejn is-servizzi tal-Kummissjoni, li kien inħoloq oriġinarjament fl-2002;
16. Jistieden lill-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd biex tinkludi l-ġlieda kontra s-sajd illegali u l-kordinazzjoni ta' l-attività ta' l-Istati Membri f'dan il-qasam mal-prijoritajiet tagħha bħala parti mill-programm tax-xogħol annwali tagħha;
17. Jistieden lil dawk kollha interessati li jeliminaw is-sajd IUU, inklużi l-istituzzjonijiet kollha ta" l-UE, il-gvernijiet ta" l-Istati Membri, is-segmenti diversi ta" l-industrija tas-sajd, ta" l-ipproċessar u ta" l-imnut, l-NGOs u partijiet oħra kkonċernati biex jippreżentaw il-proposti tagħhom dwar x'għandha tagħmel l-UE waqt id-diskussjoni li se tiġi mnedija mill-Kummissjoni flimkien mal-komunikazzjoni tagħha li qed titfassal dwar is-sajd IUU;
18. Jikkunsidra li l-Kummissjoni għandha tinkludi l-azzjonijiet li ġejjin fil-proposta tagħha biex tiġi adottata fil-liġi ta" l-UE:
–
il-bastimenti tas-sajd u l-bastimenti għat-trasport tal-ħut kollha rreġistrati fl-UE jew li jtajru l-bnadar ta" pajjiżi terzi u li jixtiequ jidħlu f'port ta" l-UE jridu jkunu identifikabbli malajr permezz tal-marki inklużi fl-Ispeċifikazzjonijiet Standard tal-FAO dwar l-Immarkar u l-Identifikazzjoni ta' Bastimenti tas-Sajd;
–
għandu jinħoloq reġistru tal-Komunità ta' bastimenti li qed iwettqu sajd IUU li għandu jinkludi bastimenti fuq il-listi s-suwed (blacklists) ta' l-RFMO; tali reġistru għandu jiffaċilita l-bdil malajr ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri u jagħmilha possibli li jsir monitoraġġ ta' bastimenti wara li titqies il-possibiltà ta' reġistrazzjoni mill-ġdid;
–
pieni minimi komuni għal ksur serju tar-regoli għandhom ikunu applikabbli fl-Istati Membri kollha, u għandhom ikunu dissważivi biżżejjed;
–
ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta" Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta" kontroll applikabbli għall-politika komuni tas-sajd(5)
u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 tas-17 ta" Diċembru 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u ta" l-akwakultura(6)
għandhom jissaħħu b'tali mod li jippermettu li l-ħut ikun traċċabbli kompletament mill-ħin ta" meta jittella" abbord bastiment tas-sajd sakemm jilħaq il-klijent finali tiegħu;
–
il-listi s-suwed kollha tal-bastimenti tas-sajd u tal-bastimenti għat-trasport tal-ħut, inklużi s-sidien jew l-operaturi tagħhom, adottati mill-RFMOs għandhom ikunu ppubblikati u inkorporati direttament fil-liġi tal-Komunità; bastimenti mhux ta' l-UE f'dawk il-listi għandhom ikunu pprojbiti milli jidħlu fil-portijiet tal-Komunità għal kwalunkwe skop, ħlief f'każijiet ta" forza maġġuri jew għal raġunijiet umanitarji; il-bastimenti kollha li jtajru l-bandiera ta" l-UE għandhom ikunu pprojbiti milli jipprovdu appoġġ (fjuwil, provvisti, trażbord, eċċ.) lil dawk il-bastimenti waqt li jkunu fuq il-baħar;
–
l-oriġini legali tal-ħut trid tintwera qabel ma jkun permess li jinħatt f'portijiet ta" l-UE jew li jiġi importat fl-UE; tali evidenza għandha tinkludi, kemm għall-ħatt minn bastimenti tas-sajd kif ukoll għat-trażbordi:
–
fil-każ ta' prodotti tal-ħut minn ilmijiet regolati b'RFMO, dokumenti li jistabilixxu li l-prodotti tal-ħut li jkunu se jinħattu inqabdu skond ir-regoli ta' dik l-RFMO u li l-kwoti allokati lill-parti kontraenti li taħt il-bandiera tagħha l-bastiment qed ibaħħar ġew rispettati;
–
fil-każ ta' prodotti tal-ħut maqbuda fiż-żoni ekonomiċi esklussivi ta' pajjiżi terzi, dokumentazzjoni li tistabilixxi li l-bastiment hu awtorizzat biex jistad jew huwa fil-pussess ta' liċenzja tas-sajd għal dawk l-ilmijiet u għall-ispeċi li jkunu se jinħattu;
–
l-Istati Membri għandhom jiskoraġixxu t-trasferiment ta' bastimenti mir-reġistru nazzjonali tagħhom jekk huma se jkunu rreġistrati mill-ġdid u jtajru bandiera ta" pajjiż li kien identifikat minn RFMO bħala pajjiż li l-bastimenti tiegħu kienu qed jistadu b'mod li jnaqqas l-effettività tal-miżuri ta" konservazzjoni adottati minn dik l-RFMO;
–
bastimenti u produtturi f'pajjiżi terzi li jitħallew jesportaw ħut jew prodotti tal-ħut lejn l-UE, kif inklużi fil-listi mfassla mill-pajjiż terz u ppubblikati mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għas-Saħħa u l-Ħarsien tal-Konsumatur, iridu jkunu ikkontrollati bir-reqqa ma' listi suwed ta' bastimenti magħmula minn RFMOs jew pajjiżi terzi oħra; il-Kummissjoni għandha tuża l-mezzi kollha possibli biex tassigura li bastimenti fuq tali listi suwed ma jitħallewx jesportaw ħut jew prodotti tal-ħut lejn l-UE; għal dan il-għan, tista' tingħata konsiderazzjoni lill-emenda għar-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġiniw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman(7)
;
19. Jilqa' b'sodisfazzjoni l-istabbiliment ta' aġenzija ta' kontroll ġdida u huwa kunfidenti li din l-aġenzija se tilgħab irwol importanti fil-ġlieda kontra s-sajd IUU; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-idea li twaqqaf għassiesa tal-kosta ta' l-UE;
20. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ma jħallux sajd fl-ilmijiet tal-Komunità u dħul fil-portijiet tal-Komunità minn bastimenti li huma involuti fis-sajd IUU skond ir-regoli fis-seħħ u jinibixxu l-importazzjoni ta' ħut minn dawk il-bastimenti; jistieden, bl-istess mod, lill-Istati Membri biex ma jħallux dan it-tip ta' bastiment jiġi reġistrat taħt il-bandiera tagħhom, u biex jistiednu lill-importaturi, lit-trasportaturi u lil setturi oħra konċernati biex ma jagħmlux trażbord jew ikollhom x'jaqsmu ma' ħut maqbud minn dawk il-bastimenti;
21. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li kull persuna naturali jew ġuridika ħatja ta' sajd IUU skond ir-regoli fis-seħħ ma tirċeviex xi tip ta' għajnuna jew sussidju mill-fondi tal-Komunità għal kwalunkwe fergħa ta' l-attivitajiet tagħhom, u biex titlob lill-Istati Membri jieħdu azzjoni simili fir-rigward ta' l-għajnuna nazzjonali rispettiva tagħhom;
22. Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq u tippreżenta studju dwar it-tariffi u r-regoli ta" oriġini, li jkollu eżami tal-modi li bihom din l-għodda tista" tintuża sabiex tinkoraġġixxi pajjiżi terzi biex jiżguraw li l-bastimenti tagħhom ikunu konformi mal-miżuri ta" mmaniġġjar internazzjonali rilevanti;
23. Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq u tippreżenta studju dwar il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Komunità dwar ix-xogħol, is-saħħa u s-sigurtà u dwar ir-rispett tad-drittijiet soċjali tal-ħaddiema fuq dak it-tip ta' bastiment, u dwar il-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol abbord;
24. Jistieden lill-Kummissjoni biex tuża l-influwenza konsiderevoli tagħha fl-RFMOs biex tinkoraġġihom sabiex jistabbilixxu listi ta" bastimenti li huma awtorizzati li jistadu (listi bojod) u ta" bastimenti li kienu nqabdu jistadu illegalment (listi suwed); tali listi għandhom jitfasslu b'mod trasparenti u koerenti skond kriterji ċari; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi lill-RFMOs biex jidentifikaw il-pajjiżi li ma jikkontrollawx l-attivitajiet tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom u biex jużaw dawk il-listi bħala għodda biex jippermettu l-aċċettazzjoni jew ir-rifjut tal-ħut;
25. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli tagħti prijorità massima lill-koperazzjoni ma' l-RFMOs bħall-Kummissjoni tas-Sajd ta' l-Atlantiku tal-Grigal, l-Organizzazzjoni tas-Sajd Atlantiku tal-Majjistral u l-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku li, bl-inizjattivi tagħhom maħsuba biex jiġġieldu s-sajd illegali, urew li huma l-istrumenti l-iktar addattati biex tkun żgurata t-tmexxija tajba ta' l-ibħra miftuħa;
26. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex isaħħu r-riżorsi allokati għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata fil-livelli kollha;
27. Huwa konvint li l-mezzi biex jitnaqqas u jiġi eliminat is-sajd IUU huma t-traċċabilità sħiħa matul il-katina ta" kustodja, it-trasparenza tad-deċiżjonijiet, il-koperazzjoni iktar wiesgħa fi ħdan l-UE u l-komunità internazzjonali u, l-iktar importanti, wiri ta" rieda politika mill-partijiet kollha; itenni li, sakemm ma jsirx ħafna iktar, l-istokkijiet tal-ħut se jkomplu jitnaqqsu u l-komunitajiet tas-sajd fl-UE u fi bnadi oħra se jsofru diffikultà anki ikbar;
28. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta" l-Istati Membri, lill-Kumitat għas-Sajd tal-FAO u lis-segretarjati ta" l-RFMOs li l-UE tagħmel parti minnhom.