Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fid-Darfur
Il-Parlament Ewropew
,
– wara li kkunsidra r-riżultati tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tat-12 sat-13 ta" Frar 2007;
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti dwar is-sitwazzjoni fid-Darfur u b'mod partikolari dawk tas-16 ta' Settembru 2004(1)
, tat-23 ta' Ġunju 2005(2)
, tas-6 ta' April 2006(3)
u tat-28 ta' Settembru 2006(4)
,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1706(2006) tal-Kunsill tas-Sigurta' tan-NU li tipproponi forza ta' 22 000 ruħ għaż-żamma tal-paċi fid-Darfur,
– wara li kkunsidra l-Ftehima ta" Paċi għad-Darfur iffirmata f'Abuja, in-Niġerja, fil-5 ta" Mejju 2006,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li hija obbligatorja u li tiġi applikata mingħajr eċċezzjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi jinsab imħasseb profondament dwar il-fatt li l-konflitt fir-reġjun tad-Darfur, li jinvolvi truppi regolari, milizzji favur il-gvern u ribelli, irriżulta fil-mewt ta' mill-inqas 400 000 ruħ u ħoloq aktar minn żewġ miljuni u nofs rifuġjat u persuni spustjati tul l-aħħar tliet snin, minkejja l-iffirmar tal-Ftehima ta' Paċi għad-Darfur fil-5 ta' Mejju 2006 f'Abuja, in-Niġerja,
B. billi fil-11 ta' Jannar 2007 l-Gvern tas-Sudan u l-gruppi ribelli qablu fuq waqfien mill-ġlied ta' 60 jum, iżda attakki mingħajr l-ebda distinzjoni fuq nies ċivili u fuq ħaddiema umanitarji qed jissoktaw mingħajr kontroll b'dik li l-aġenziji umanitarji qed ddeskrivu bħala 'vjolenza fuq skala li ħadd qatt ma għadu ra fid-Darfur',(5)
C. billi l-kunflitt tad-Darfur - flimkien ma" impunità mill-prosekuzzjoni - qed jaffettwa dejjem iktar l-istabilità tar-reġjun Ċenrali ta" l-Afrika u jikkostitwixxi theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali,
D. billi d-duttrina tan-NU ta" 'Responsabilità għall-Protezzjoni' tistipula li, fejn "awtoritajiet nazzjonali jonqsu b'mod ċar li jipproteġu l-popolazzjonijiet tagħhom minn ġenoċidju, reati tal-gwerra, tindif etniku u reati kontra l-umanità," ħaddieħor għandu r-responsabilità li jipprovdi l-protezzjoni meħtieġa,
E. billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, fir-Riżoluzzjoni tiegħu 1706(2006), awtorizza forza ġdida tan-NU għaż-żamma tal-paċi b'sa 22 500 suldat u uffiċjal tal-pulizija biex tieħu f'idejha l-kontroll ta" l-operazzjonijiet tad-Darfur mill-Missjoni Afrikana fis-Sudan (AMIS), filwaqt li afferma mill-ġdid ir-rispett sħiħ tiegħu għas-sovranità, l-unità, l-indipendenza u l-integrità territorjali Sudaniża,
F. billi l-vjolenza sesswali kontra n-nisa u t-tfal ġiet irrikonoxxuta bħala reat kontra l-umanità, iżda l-istupru sistematiku għadu qed jintuża minn partijiet fil-kunflitt tad-Darfur bħala arma tal-gwerra, u minkejja l-għadd kbir ta' assigurazzjonijiet mogħtija mill-Gvern Sudaniż, il-vjolenza sesswali qed tissokta mingħajr waqfien,
G. billi l-Qorti Kriminali Internazzjonali (l-ICC) fetħet investigazzjoni dwar ir-reati mwettqa fid-Darfur f'Ġunju ta" l-2005,
H. billi t-tortura u l-lieva sfurzata ta' l-adulti u t-tfal saret karatteristika ta' l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali fid-Darfur, bil-konsegwenza li l-vittmi tat-tortura huma wisq beżgħana biex jirrappurtaw l-abbuż jew lill-AMIS jew lill-ħaddiema umanitarji minħabba l-biża" li jiġu kkastigati,
1. Jistieden lin-NU biex iġġib ruħha skond it-twemmin tagħha tar-"Responsabbiltà għall-Protezzjoni" billi tibbaża l-azzjoni tagħha fuq in-nuqqas tal-Gvern tas-Sudan li jħares lill-popolazzjoni tiegħu fid-Darfur mir-reati tal-gwerra u mir-reati kontra l-umanità, kif ukoll fuq in-nuqqas tiegħu li jipprovdi għajnuna umanitarja għall-popolazzjoni;
2. Jistieden għalhekk lin-NU biex, anke fin-nuqqas ta' kunsens jew fehim mill-Gvern Sudaniż, sabiex tistabbilixxi b'mod ċar data biex tintbagħat fid-Darfur forza għaż-żamma tal-paċi appoġġjata min-NU, skond il-Kapitolu VII tal-Karta tan-NU, bi qbil mar-Riżoluzzjoni 1706(2006) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u l-Ftehima tan-NU tas-16 ta" Novembru 2006, sabiex jiġu żgurati kurituri għall-għajnuna umanitarja mingħajr aktar dewmien biex jingħata appoġġ lill-popolazzjoni tar-reġjun li tinsab dejjem iżjed iżolata u fit-tbatija;
3. Jitlob lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri ta" l-Unjoni Ewropea, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jassumu r-responsabiltajiet tagħhom u jagħmlu kull sforz possibbli biex jipprovdu protezzjoni effettiva għall-poplu tad-Darfur minn diżastru umanitarju;
4. Jiddeplora l-appoġġ tal-Gvern Sudaniż lill-milizzji tal-Janjaweed u l-attakki bil-bombi li wettaq fuq ir-reġjun tad-Darfur, li jammontaw għal ksur ċar u skandaluż tal-Ftehima ta' Paċi għad-Darfur;
5. Jitlob lill-komunità internazzjonali, inklużi l-Istati Membri ta" l-Unjoni Ewropea, biex jaraw li jkun disponibbli fir-reġjun tagħmir għall-infurzar taz-zona bla tajran fuq id-Darfur stabbilita mir-Riżoluzzjoni 1591(2005) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti;
6. Jistieden lill-istituzzjonijiet ta' l-UE, u atturi internazzjonali oħra biex japplikaw sanzjonijiet li jimmiraw lejn kwalunkwe parti, inkluż il-Gvern tas-Sudan, li tikser it-tregwa jew li tattakka lin-nies ċivili, lil min qiegħed hemm għaż-żamma tal-paċi jew għall-operazzjonijiet umanitarji u biex jieħdu kull azzjoni neċessarja biex jgħinu ħalli tintemm l-impunità billi jinfurzaw u jimplimentaw ir-reġim ta" sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU permezz ta' sanzjonijiet ekonomiċi mmirati li jinkludu l-projbizzjoni ta' l-ivjaġġar u l-iffriżar ta' assi, kif għamlet l-UE fl-imgħoddi ma" pajjiżi oħra(6)
;jenfasizza li s-sanzjonijiet kontra s-Sudan għandhom ukoll jinkludu t-theddida ta' embargo fuq iż-żejt;
7. Jistieden lill-istituzzjonijiet ta' l-UE u lill-komunità internazzjonali sabiex jerġgħu jiltaqgħu għal taħdidiet ta' paċi sabiex itejbu l-kontenut tal-Ftehima ta' Paċi għad-Darfur u sabiex din tkun aċċettabbli għall-partijiet kollha; jistieden lill-atturi internazzjonali biex iżommu responsabbli lill-partijiet kollha għall-ftehima li tirriżulta u jħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-kunflitt fid-Darfur biex juru l-impenn tagħhom għal soluzzjoni paċifika għall-kriżi billi jimplimentaw dik il-ftehima mingħajr dewmien;
8. Jistieden lill-Gvern tas-Sudan sabiex tikkoopera ma' l-ICC sabiex tintemm l-impunità;
9. Jistieden liċ-Ċina sabiex tuża l-influwenza sinifikanti tagħha fir-reġjun sabiex iġġiegħel lill-Gvern tas-Sudan sabiex ikompli jżomm l-impenji tiegħu skond il-Ftehima ta' Paċi Comprensiva tad-9 ta' Jannar 2005 u l-Ftehima ta' Paċi tad-Darfur; barra minn hekk jappella liċ-Ċina sabiex tieqaf tesporta armi lejn is-Sudan u sabiex tieqaf timblokka d-deċiżjonijiet dwar sanzjonijiet immirati kontra l-Gvern tas-Sudan fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;
10. Jinnota d-deċiżjoni tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU li tintbagħat Missjoni ta' Livell Għoli fid-Darfur biex tinvestiga l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun, li għandha tipprovdi bażi għal azzjoni biex min wettaq reati ta' dan it-tip jinżamm responsabbli, u jenfasizza l-bżonn li t-tim tal-Missjoni jkun indipendenti u kredibbli; jikkritika l-ħafna dewmien ikkawżat mill-fatt li mhumiex qed jingħataw viżi lill-membri ta" din il-Missjoni;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Kapijiet ta" Stat u tal-Gvern ta" l-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tas-Sudan, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kapijiet ta" Stat u tal-Gvern tal-Lega Għarbija, lill-gvernijiet tal-pajjiżi ta" l-ACP, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta ta" l-ACP u l-UE u lill-istituzzjonijiet ta" l-Unjoni Afrikana.
'Aġenziji umanitarji jwissu li l-operazzjonijiet fid-Darfur waslu biex iċedu', stqarrija għall-istampa mill-Action Against Hunger, CARE International, Oxfam International, Norwegian Refugee Council, World Vision u Save the Children dwar l-eżitu tas-Samit ta' l-AU tad-29 ta' Jannar 2007.