Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2518(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

B6-0053/2007

Dibattiti :

PV 15/02/2007 - 10.1
CRE 15/02/2007 - 10.1

Votazzjonijiet :

PV 15/02/2007 - 11.1
PV 26/09/2007 - 6.4

Testi adottati :

P6_TA(2007)0055

Testi adottati
WORD 41k
Il-Ħamis, 15 ta' Frar 2007 - Strasburgu Verżjoni finali
Id-djalogu bejn il-Gvern Ċiniż u l-Mibgħuta tad-Dalai Lama
P6_TA(2007)0055B6-0051, 0053, 0057, 0059, 0061 u 0066/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-djalogu bejn il-Gvern Ċiniż u l-Mibgħuta tad-Dalai Lama

Il-Parlament Ewropew ,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2006 dwar it-Tibet(1) ,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-Relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina tas-7 ta' Settembru 2006(2) ,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-22 ta' Frar 2006 mill-Presidenza li l-Unjoni Ewropea tappoġġja bis-sħiħ id-djalogu bejn il-Gvern Ċiniż u l-Mibgħuta tad-Dalai Lama u tispera li ż-żewġ partijiet ikunu lesti li jindirizzaw bona fide kwistjonijiet ta' importanza sabiex jinsabu soluzzjonijiet pragmatiċi li jistgħu jwasslu għal ftehim paċifiku u sostenibbli għat-Tibet li dwaru jaqblu ż-żewġ naħat,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija tal-15 ta' Diċembru 2005 minn Günter Verheugen, Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, f'isem il-Kummissarju għal Relazzjonijet Esterni Benita Ferrero-Waldner, li fiha l-Kummissjoni tispera li tinsab dalwaqt soluzzjoni għall-kwistjoni tat-Tibet li tkun kompatibbli mas-sovranità Ċiniża u li tirrispetta l-popolazzjoni tat-Tibet, u li l-unika mod biex jintlaħaq dan l-għan aħħari hu permezz ta' proċess paċifiku bbażat fuq djalogu miftuħ u dirett li m'huwiex suġġett għal ebda kundizzjoni preliminari,

–   wara li kkunsidra l-ħames laqgħat ta' djalogu preċedenti bejn il-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u r-Rappreżentanti tal-Qdusija Tiegħu d-Dalai Lama, li tnedew f'Settembru ta' l-2002.

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   filwaqt li jilqa' l-impenn tal-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u tal-Qdusija Tiegħu d-Dalai Lama sabiex tingħeleb il-kwistjoni tat-Tibet permezz ta' proċess ta' djalogu,

B.   filwaqt li hemm differenzi dwar kwistjonijiet ta' importanza, u filwaqt li b'mod partikulari ż-żewġ partijiet ma kienux kapaċi jaslu għal ftehim komuni dwar ir-relazjoni storika bejn it-Tibet u ċ-Ċina,

C.   wara li kkunsidra t-tħassib tal-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-għaqda u l-istabilità taċ-Ċina u l-appoġġ ta' l-Unjoni Ewropea mal-politika ta' "Ċina waħda",

D.   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konsistenti tad-Dalai Lama li m'hux qed ifittex l-indipendenza iżda awtonomija devoluta ġenwina għat-Tibet,

E.   filwaqt li jafferma mill-ġdid li l-identità komuni etnika, lingwistika, reliġjuża u kulturali tal-poplu tat-Tibet għandha tiġi rispettata u li l-aspirazzjonijiet tal-poplu tat-Tibet għal sistema amministrattiva unifikata għandha tiġi nkoraġġita,

F.   billi fis-17 ta' Jannar 2007 f'Beijng in-negozzjati dwar Ftehima ta' Qafas ġdida għas-Sħubija u Koperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina bdew uffiċjalment,

G.   billi d-Dalai Lama esprima x-xewqa li jagħmel pellegrinaġġ fiċ-Ċina u billi l-Parlament tat-Tibet fl-Eżilju talab għal laqgħa bejn il-President taċ-Ċina u l-Qdusija Tiegħu d-Dalai Lama li għandha tibni fiduċja bejn il-popli tat-Tibet u taċ-Ċina kif ukoll fil-komunità internazzjonali,

1.  Iħeġġeġ lill-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u lid-Dalai Lama, biex minkejja d-differenzi tagħhom fuq ċerta kwistjonijiet ta' importanza, jerġgħu jaqbdu u jkomplu d-djalogu tagħhom, mingħajr kundizzjonijiet preliminari u b'mod li jħares lejn il-futur u li jippermetti li jinstabu soluzzjonijiet pragmatiċi li jirrispettaw l-integrità territorjali taċ-Ċina u jissodisfaw l-aspirazzjonijiet tal-poplu tat-Tibet;

2.  Jilqa' l-liġijiet u r-regolamenti dwar l-awtonomija reġjonali etnika adottata mill-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, iżda hu mħasseb li ħafna minn dawn il-liġijiet ikun fihom kundizzjonijiet li jxekklu jew idgħajfu l-implimentazzjoni tagħhom;

3.  Jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw b'mod attiv it-tisħiħ tad-djalogu u, fin-nuqqas ta' riżultati tanġibbli dwar kwistjonijiet ta' importanza u b'konsultazzjoni maż-żewġ partijiet, jevalwaw l-irwol ulterjuri li l-Unjoni Ewropea jista' jkollha sabiex tħaffef soluzzjoni politika għat-Tibet, inkluż permezz tal-ħatra ta' Rappreżentant Speċjali ta' l-UE għat-Tibet;

4.  Jitlob lir-Rappreżentant Għoli/Segretarju Ġenerali tal-Kunsill biex jinkludi informazzjoni dwar l-evoluzzjoni tad-djalogu bejn il-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u r-Rappreżentanti tal-Qdusija Tiegħu d-Dalai Lama fl-2007 u wara, fir-rapport tas-CFSP lill-Parlament;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tqajjem il-kwistjoni tat-Tibet u t-tkomplija tad-djalogu bejn iż-żewġ naħat waqt in-negozzjati dwar il-Ftehima ġdida dwar Qafas għas-Sħubija u l-Koperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina u tirrapporta dwar l-iżvilupp tad-djalogu bejn il-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u r-Rappreżentanti tal-Qdusija Tiegħu d-Dalai Lama fl-2007 u wara lill-Parlament.

6.  Jitlob lill-Presidenza tal-Kunsill sabiex tadotta dikjarazzjoni li tindika kif l-UE tista' tħaffef il-progress għal soluzzjoni paċifika u nnegozzjata għat-Tibet;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri sabiex jikoperaw ma' l-Istati Uniti u ma' pajjiżi oħra mhux ta' l-UE fi sforzi sabiex jiffaċilitaw id-djalogu bejn l-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u d-Dalai Lama;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lil Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u lil-Qdusija Tiegħu d-Dalai Lama.

(1) Testi Adottati , P6_TA(2006)0465.
(2) ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 219.

Aġġornata l-aħħar: 4 t'Ottubru 2007Avviż legali