Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0102/2007

Dibattiti :

PV 15/03/2007 - 11.2
CRE 15/03/2007 - 11.2

Votazzjonijiet :

PV 15/03/2007 - 12.2

Testi adottati :


Testi adottati
PDF 206kWORD 45k
Il-Ħamis, 15 ta' Marzu 2007 - Strasburgu
Kambodja
P6_TA(2007)0085RC-B6-0102/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2007 dwar il-Kambodja

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta' Jannar 2005(1), ta' l-10 ta' Marzu 2005(2), u tad-19 ta' Jannar 2006(3) dwar il-Kambodja u r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-1 ta' Diċembru 2005 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja, fil-Laos u fil-Vjetnam(4),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Kambodja(5), approvat fl-4 ta'Ottubru 1999,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem adottata fid-9 ta' Diċembru ta' l-1998,

–   wara li kkunsidra l-Linji Gwida ta' l-Unjoni Ewropea (UE) dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem adottata mill-Kunsill fl-14 ta' Ġunju 2004,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Politiċi u Ċivili, it-tnejn adottati fis-16 ta' Diċembru 1966, u li l-Kambodja hi parti fihom,

–   wara li kkunsidra li l-Ftehim bejn in-Nazzjonijiet Uniti u l-Gvern Irjali tal-Kambodja dwar il-Prosekuzzjoni taħt il-Liġi tal-Kambodja ta' Reati Magħmulin fil-Perjodu tal-Kampuchea Demokratika tas-6 ta' Ġunju 2003,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi fl-24 ta' Frar 2007, il-President tat-Trejdunjin Ħielsa tal-Ħaddiema fir-Renju tal-Kambodja (FTUWKC), fil-fabbrika tal-ħwejjeġ Suntex, Hy Vuthy, inqatel b'tir wara li kien spiċċa x-xift ta' bil-lejl fl-istess fabbrika fid-distrett Dangkao ta' Phnom Penh;

B.   billi l-President ta' l-FTUWKC, Chea Vichea, inqatel b'tir fit-22 taJannar 2004, u billi l-President ta' l-FTUWKC, Ros Sovannareth, inqatel fil-fabbrika Trinunggal Komara fis-7 ta'Mejju 2004, fil-waqt li trejdunjonisti oħrajn fil-Kambodja kienu vittmi ta' fastidju gravi, intimidazzjoni u attakki fiżiċi matul is-sena li għaddiet,

C.   billi l-qtil ta' Chea Vichea għadu ma ssolviex; billi fit-28 ta' Jannar 2004 Born Sammang u Sok Sam Oeun ġew arrestati minħabba l-allegat qtil ta' Chea Vichea u iżjed tard ikkundannati u mibgħutin 20 sena ħabs, minkejja li ma kienx hemm evidenza kredibbli kontra tagħhom,

D.   billi l-Kambodja hija waħda mill-partijiet fil- -Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Politiċi u Ċivili, li jipprovdu d-dritt għal kulħadd li jifforma trejdunjin u li jissieħeb fit-trejdunjin ta' l-għażla tiegħu jew tagħha kif ukoll għad-dritt tat-trejdunjins li joperaw bla xkiel,

E.   billi d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet Umani tħaddan ukoll "id-dritt, individwalment u f'assoċjazzjoni ma" oħrajn, li (wieħed) jippromwovi u jissielet għall-protezzjoni u r-realizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem' (Artiklu 1),

F.   billi huwa mħasseb serjament li il-każijiet msemmija hawn fuq juru li għad m'hemmx garanzija ta' indipendenza u ta' imparzjalità tal-ġudikatura jew ta' l-abilità tagħha li tipproċessa lill-mexxejja tal-Khmer Rouge fil-qorti li nħolqot apposta mingħajr interferenza politika,

G.   billi l-proċeduri fil-kmamar straordinarja tal-qrati tal-Kambodja (ECCC) għadhom ma bdewx, minħabba n-nuqqas ta' qbil varju bejn l-uffiċjali ġudizzjarji tal-Kambodja u dawk internazzjonali dwar l-abbozz tar-regoli interni għall-ECCC,

H.   allarmat dwar l-istatus legali inċert tar-rifuġjati Montagnard mill-Vjetnam l-Kambodja,

1.  Jikkundanna l-qtil ta' Hy Vuthy u l-atti vjolenti kollha fuq it-trejdunjonisti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kambodja biex iniedu investigazzjoni urġenti, imparzjali u effettiva tal-każijiet ta' qtil ta' Hu Vuthy, Chea Vichea, Ros Sovannarith u Yim Ry, biex tippublika s-sejbiet tagħha u biex tressaq lill-persuni responsabbli quddiem il-ġustizzja; jitlob lill-awtoritajiet sabiex jagħtu fil-pront lil Born Sammang u lil Sok Sam Oeum ġuri ieħor li jkun jikkonforma ma' l-istandards internazzjonali;

2.  Jinsisti li l-Gvern tal-Kambodja jrid iwaqqaf il-klima prevalenti ta' impunità u japplika l-liġi b'mod effettiv għal dawk li jiksru d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili;

3.  Ifakkar lill-Gvern tal-Kambodja li għandu jissodisfa l-obbligi u l-impenji tiegħu fir-rigward tal-prinċipji demokratiċi u tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, li huma element essenzjali tal-Ftehim ta' Koperazzjoni mal-Komunita' Ewropea, kif definiti fl-Artikolu 1 ta' din il-ftehima;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Kambodja biex iwettqu riformi politiċi u istituzzjonali bil-għan li jibnu Stat demokratiku mmexxi mill-istat tad-dritt u msejjes fuq ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, u biex jiżgura fiċ-ċirkostanzi kollha r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali, skond l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-konvenzjonijiet internazzjonali rratifikati mill-Kambodja;

5.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Kambodja biex iħalli lit-Tribunal tal-Khmer Rouge jibda jaħdem bla iżjed dewmien, skond l-istandards internazzjonali ta' l-indipendenza ġuridika, u tal-proċess ġuridiku u legali ġust, kif miftiehem man-NU f'Ġunju 2003;

6.  Jappoġġja l-isforzi tal-Kumitat ta' Reviżjoni ta' l-ECCC dwar ir-Regoli Interni biex inaqqsu d-differenzi dwar numru ta' kwistjonijiet sabiex imexxu 'l quddiem il-prosekuzzjonijiet u l-proċessi ġuridiċi;

7.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jindirizzaw it-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istat ta' dritt fil-Kambodja fil-kuntatti tagħhom mal-Gvern tal-Kambodja;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Renju tal-Kambodja, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Kambodja, u lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri ta' l-ASEAN.

(1) ĠU C 247 E, 6.10.2005, p.161.
(2) ĠU C 320 E, 15.12.2005, p.280.
(3) ĠU C 287 E, 24.11.2006, p.334.
(4) ĠU C 285 E, 22.11.2006, p.129.
(5) ĠU L 269, 19.10.1999, p.18.

Avviż legali - Politika tal-privatezza