Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' April 2007 dwar l-inizjattiva favur moratorju universali għall-piena tal-mewt
Il-Parlament Ewropew
,
- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-1 ta' Frar 2007 dwar l-inizjattiva favur moratorju universali għall-piena tal-mewt(1)
,
- wara li kkunsidra l-Linji gwida dwar il-politika ta' l-UE lejn pajjiżi terzi fir-rigward tal-piena tal-mewt, tat-29 ta' Ġunju 1998,
- wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali tat-tielet Kungress Dinji kontra l-Piena tal-Mewt li sar f'Pariġi bejn l-1 u t-3 ta' Frar 2007;
- wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar it-tneħħija tal-piena tal-mewt li ngħatat fid-19 ta' Diċembru 2006 fl-Assemblea Ġenerali tan-NU mill-Presidenza ta' l-UE, li ġiet iffirmata inizjalment
minn 85 pajjiż mill-gruppi ġeografiċi kollha;
- wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni li nqrat mill-Presidenza ta' l-UE f'isem l-Unjoni Ewropea waqt ir-raba' sessjoni tal-Kunsill tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-29 ta' Marzu 2007;
- wara li kkunsidra l-appoġġ pubbliku għall-moratorju espress mis-Segretarju Ġenerali tan-N.U waqt iż-żjara reċenti tiegħu f'Ruma
- wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta" Proċedura;
A. Billi l-bżonn ta' moratorju universali għall-piena tal-mewt huwa pass strateġiku lejn it-tneħħija tal-piena tal-mewt fil-pajjiżi kollha;
B. Billi r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-1 ta' Frar 2007 ħeġġet lill-Presidenza ta' l-UE biex tressaq malajr test ta' riżoluzzjoni lill-Assemblea Ġenerali tan-NU attwali u biex iżżomm lill-Parlament informat dwar ir-riżultati miksuba; billi sa dan il-punt ma tressqet l-ebda riżoluzzjoni lill-Assemblea Ġenerali tan-NU;
C. Billi d-dikjarazzjoni dwar il-piena tal-mewt, imressqa mill-Unjoni Ewropea fl-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-19 ta' Diċembru 2006, issa ġabret 88 firma minn pajjiżi mill-gruppi ġeografiċi kollha;
1. Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri ta' l-UE biex jiġbru appoġġ għad-Dikjarazzjoni minn pajjiżi terzi;
2. Iħeġġeġ lill-UE biex taħtaf l-opportunitajiet eżistenti u tinsisti fuq il-pożizzjoni tagħha u jitlob lill-Istati Membri Ewropej ta' l-UE u lill-UE biex iressqu immedjatament - billi jfittxu ko-sponsorizzazzjoni ta' pajjiżi f'kontinenti oħra - riżoluzzjoni għall-moratorju universali għall-piena tal-mewt lill-Assemblea Ġenerali tan-NU attwali;
3. Jitlob lill-Presidenza ta' l-UE biex tħeġġeġ il-pajjiżi li fadal li għadhom ma ffirmawx u ma rratifikawx it-Tieni Protokoll Fakultattiv għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi biex jagħmlu dan, kif ukoll dawk l-Istati Membri li għadhom ma ffirmawx il-Protokoll No. 13 lill-Konvenjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-piena tal-mewt;
4. Jappoġġja bis-sħiħ id-dikjarazzjoni finali tat-tielet Kungress Dinji u għandu intenzjoni li jsegwi dan il-Kungress, partikolarment billi jiżviluppa d-dimensjoni parlamentari tal-kampanja globali kontra il-piena tal-mewt u billi jqajjem il-kwistjoni fost id-delegazzjonijiet u l-parteċipazzjonijiet inter-parlamentari waqt l-Assemblea Parlamentari Konġunta ta' l-ACP-EU u l-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja;
5. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu kull opportunità possibbli biex jappoġġjaw it-twaqqif ta' koalizzjonijiet reġjonali abolizzjonisti,
6. Jitlob lill-Istituzzjonijiet kollha ta' l-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Kunsill ta' l-Ewropa, biex jappoġġjaw il-Jum Dinji kontra l-Piena tal-Mewt billi l-10 ta' Ottubru jiġi ddikjarat bħala, il-Jum Ewropew kontra l-Piena tal-Mewt, mill-2007 il quddiem, u jappoġġa l-inizjattiva li jorganizza Konferenza Ewropea ta' importanza kbira kontra l-piena tal-mewt b'konnessjoni ma' dak il-jum; jagħti mandat lill-President biex jirrappreżenta l-Parlament Ewropew, flimkien mad-delegazzjoni relevanti, għal din l-okkażjoni;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri ta' l-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU u lill-Istati Membri tan-NU.