Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-24 ta' Mejju 2007 dwar is-Sirja
Il-Parlament Ewropew
,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ta' l-1948,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 11(1) tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea u li jistabbilixxi l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem bħala objettiv tal-Politika Barranija u ta' Sigurta' Komuni u l-Artikolu 177 tat-Trattat, li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja u l-Lvant Nofsani u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2006 li tinkludi r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranja bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa, u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja, fuq in-naħa l-oħra(1)
,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Presidenza ta' l-UE ta' l-14 ta' Mejju 2007 dwar il-kundanna fis-Sirja ta' Michel Kilo, intelletwali, u ta' Mahmoud Issa, attivist politiku, fis-Sirja,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li ġie rratifikat mis-Sirja fil-21 ta' April 1969,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huwa komponent essenzjali ta' l-Isħubija Ewro-Mediterranja, manifestat fil- Ftehim ta' Koperazzjoni bejn l-UE u s-Sirja u fil- Ftehim ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranja bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa, u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja, fuq in-naħa l-oħra li għad irid jiġi finalizzat,
B. billi l-Parlament Ewropew u l-President tiegħu diġà intervenew diversi drabi biex jiksbu l-ħelsien ta' attivisti għad-drittijiet tal-bniedem, politiċi u parlamentari miżmuma f'ħabsijiet Sirjani,
C. billi Michel Kilo, kittieb militanti favur id-demokraziji, li ġie arrestat fl-14 ta' Mejju 2006, prinċipalment minħabba l-pożizzjoni tiegħu rigward id-Dikjarazzjoni ta' Bejrut-Damasku, u Mahmoud Issa ġew ikkundannati fit-13 ta' Mejju 2007 għal tliet snin ħabs,
D. billi Suleiman Al-Shamar, membru mexxej tal-Komunità Nazzjonali Demokratika, u Khalil Hussein, il-President ta' l-Uffiċju għar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-Kurd Future Trend, ġew ikkundannati għal għaxar snin ħabs talli 'dgħajfu l-etika nazzjonali' u 'kkonfoffaw ma' pajjiż barrani',
E. billi Faek El Mir u Aref Dalila, membri ta' organizzazzjonijiet varji għad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja, issa ġew miżmuma ssegregati f'ċelel waħedhom għal sitt snin,
F. billi l-forzi tas-sigurtà Sirjani arrestaw lil Kamal al-Labwani, tabib u wieħed mill-fundaturi tad-Democratic Liberal Gathering, fit-8 ta' Novembru 2005 fuq il-wasla tiegħu lura minn vjaġġ lejn l-Ewropa, l-Istati Uniti u l-Eġittu, u issa ġie kkundannat għal 12-il sena ħabs b'xogħol iebes fuq akkużi motivati politikament,
G. billi Anwar Al Bunni, membru fundatur ta' l-Organizzazzjoni Sirjana għad-Drittijiet tal-Bniedem u avukat speċjalizzat fi kwistjonijiet ta' drittijiet tal-bniedem, ġie arrestat fit-toroq ta' Damasku fl-2006 fiż-żmien meta kien kważi nħatar bħala direttur ta' ċentru għad-drittijiet tal-bniedem iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea u issa ġie kkundannat għal ħames snin ħabs talli 'xerred informazzjoni falza ta' ħsara għall-istat',
1. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar is-sentenzi reċenti mogħtija rigward priġunieri politiċi u attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja li jaffettwaw kull temdenza politika ta' l-oppożizzjoni;
2. Huwa mħasseb ħafna dwar ir-restrizzjonijiet imposti fuq Mahmoud Issa, Fayek El Mir, Aref Dalila, Kamal al Labwani, Anwar Al Bunni, Michel Kilo, Suleiman Al-Shamar u Khalil Hussein, u l-akkużi kontrihom, talli eżerċitaw id-drittijiet demokratiċi tagħhom u ħadu sehem f'attivitajiet paċifiċi;
3. Iħeġġeġ lill-Awtoritajiet Sirjani biex jikkonformaw b'mod strett mal-liġi internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem u, b'mod partikulari, mal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u kif ukoll mal-Konvenzjoni kontra t-Tortura u t-Trattamenti jew il-Kastigi Krudili, Inumani jew Degradanti, irratifikati rispettivament mis-Sirja fl-1969 u fl-2004 rispettivament;
4. Jistieden lis-Sirja biex tirrispetta l-libertà ta' l-opinjoni u d-dritt għal proċess ġuridiku ġust;
5. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sirjani biex jieħdu nota tat-tħassib tal-Kumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u biex:
a)
jiżguraw li d-detenuti hawn fuq imsemmija jiġu trattati tajjeb u ma jkunux suġġetti għal tortura jew trattament ħażin ieħor,
b)
jiżguraw li l-persuni miżmuma jew mibgħuta l-ħabs jingħataw aċċess fil-pront u regolari għall-avukati, it-tobba u l-familji tagħhom;
6. Iħeġġeġ lill-korpi Sirjani relevanti biex jibdlu s-sentenzi msemmija hawn fuq, u biex iwaqqgħu l-akkużi li għadhom pendenti fil-Qorti Militari ta' Damasku u jeħilsu lill-priġunieri tal-kuxjenza u l-priġunieri politiċi kollha msemmija hawn fuq;
7. Jitlob li l-istat ta' emerġenza fis-Sirja, stabbilit iżjed minn 40 sena ilu, jiġi abrogat.
8. Jistieden b'mod partikulari lill-Istituzzjonijiet Kommunitarji u lill-Istati Membri biex jipprovdu l-appoġġ kollu neċessarju lill-attivisti tas-soċjetà ċivili Sirjani permezz ta' l-Istrument Ewropew tal-Viċinat u Sħubija (ENPI) u l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) li għadu kif ġie adottat, inkluż permezz ta' l-implimentazzjoni mingħajr dewmien ta' l-hekk imsejħa miżuri ad hoc dedikati għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;
9. Jitlob lis-Sirja, li jista' jkolla rwol importanti fil-promozzjoni tal-paċi fir-reġjun, biex ittejjeb u tappoġġja d-drittijiet tal-bniedem u l-libertà ta' l-espressjoni fil-pajjiż;
10. Jistieden lis-Sirja biex tappoġġja t-twaqqif ta' tribunal penali ta' natura internazzjonali wara li tiġi finaliżżata l-inkjesta ta' l-Imħallef Brammertz, Membru tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti Investigattiva tan-NU fil-Libanu;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern Sirjan u lill-Parlament tar-Repubblika Għarbija tas-Sirja.