Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0250/2007

Dibattiti :

PV 21/06/2007 - 14.1
CRE 21/06/2007 - 14.1

Votazzjonijiet :

PV 21/06/2007 - 15.1
CRE 21/06/2007 - 15.1

Testi adottati :


Testi adottati
PDF 215kWORD 54k
Il-Ħamis, 21 ta' Ġunju 2007 - Strasburgu
Kuba
P6_TA(2007)0288RC-B6-0250/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-21 ta' Ġunju 2007 dwar Kuba

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni f'Kuba u, b'mod partikolari, dawk tas-17 ta' Novembru 2004(1) u tat-2 ta' Frar 2006(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Rapporti Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja għall-2004, l-2005 u l-2006, u l-politika ta' l-UE dwar din il-kwistjoni tat-28 ta' April 2005(3), tat-18 ta' Mejju 2006(4) u tas-26 ta' April 2007(5) rispettivament,,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Diċembru 2006 dwar is-segwitu tal-Premju Sakharov (6),

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-Kunsill ta' l-14 ta' Diċembru 2005 dwar id-Damas de Blanco u d-dikjarazzjonijiet preċedenti tiegħu tas-26 ta' Marzu 2003 u tal-5 ta' Ġunju 2003 dwar is-sitwazzjoni ta' Kuba,

–   wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 96/697/CFSP(7) dwar Kuba, li ġiet adottata fit-2 ta' Diċembru 1996 u li ġiet aġġornata perjodikament,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tat-18 ta' Ġunju 2007 dwar Kuba,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-ħarsien ta' l-universalità u l-impossiblità li jinqasmu d-drittijiet tal-bnidemn, inklużi drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, tibqa' wieħed mill-objettivi prinċipali ta' l-Unjoni Ewropea;

B.   billi tużżani ta' ġurnalisti indipendenti, dissidenti paċifiċi u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (membri ta' l-oppożizzjoni demokratika u, f'ħafna każi, marbuta mal-proġett Varela) għadhom qed jinżammu fil-ħabs, xi wħud minnhom morda serjament u ħafna minnhom huma qraba viċini tad-Damas de Blanco;

C.   billi l-Parlament ta l-Premju Sakharov 2005 għal-Libertà tal-Ħsieb lid-Damas de Blanco; billi r-rifjut ta' l-awtoritajiet Kubani li jippermettu lid-Damas de Blanco li jivvjaġġaw lejn is-sedi tal-Parlament Ewropew biex jirċievu l-premju jikser wieħed mid-drittijiet bażiċi tal-bniedem, jiġifieri d-dritt li wieħed jitlaq minn pajjiż u jirritorna fih b'libertà, kif miktub fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

D.   billi l-Parlament Ewropew iddeċieda li jibgħat delegazzjoni lejn Kuba biex tinforma ruħha dwar is-sitwazzjoni tar-rebbieħa tal-premju Sakharov; billi jiddispjaċih bir-rifjut ta' l-Awtoritajiet Kubani li joħorġu viżi lill-membri ta' din id-delegazzjoni,

E.   billi, barra minn dan, ir-rebbieħ tal-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew ta' l-2002, Oswaldo Payá Sardiñas, ġie miċħud b'mod sistematiku mil-libertà li jħalli Kuba u li jaċċetta l-istedina maħruġa mill-Parlament u minn korpi oħra ta' l-UE,

F.   billi jikkunsidra l-ħtieġa li f'Kuba jinbeda proċess ta' tranżizzjoni politika lejn demokrazija multipartidista u billi f'proċess bħal dan għandhom jipparteċipaw u jiddeċiedu l-Kubani kollha permezz ta' djalogu miftuħ u mingħajr esklużjonijiet,

G.   blli kif irrikonoxxa l-Kunsill, ma nkisbux riżultati tanġibbli f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tal-bniedem fil-ġżira, lanqas minkejja r-rieda tajba murija mill-Kunsill meta fl-2005 issospenda l-miżuri kumplimentari għall-pożizzjoni komuni,

H.   billi d-djalogu politiku bejn l- UE u l-Gvern Kuban skond il-konklużjonijiet tal-Kunsill, m'għandhom la jinsew u lanqas jittraskuraw id-djalogu intensiv dirett mas-soċjetà ċivili u ma' l-oppożizzjoni paċifika, u għandu jsegwi l-perspettivi ta' l-UE dwar id-demokrazija, id-drittijiet universali tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll il-politika globali tagħha dwar l-appoġġ tad-Difensuri tad-Drittjiet tal-Bniedem,

I.   billi l-aħħar reviżjoni tal-pożizzjoni komuni tal-Kunsill kienet timplika li ż-żjarat ta' livell għoli f'La Habana kellhom jinkludu b'mod simultanju laqgħat ma' l-awtoritajiet Kubani, imma wkoll ma' l-oppożizzjoni paċifika u demokratika u mas-soċjetà ċivili, kif ukoll l-obbligu li tiġi diskussa s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem,

J.   jiddispjaċih għad-deċiżjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU li jitwaqqaf il-monitoraġġ ta' l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kuba,

1.  Jiddispjaċih mill-fatt li, minkejja l-ewwel trasferiment temporanju tal-poter minn 48 sena minn Fidel Castro għal tmexxija kollettiva mmexxija minn ħuh Raúl Castro, is-sistema politika, ekonomika u soċjali f'Kuba baqgħet essenzjalment l-istess;

2.  Jiddispjaċih min-nuqqas ta' sinjali sinifikanti min-naħa ta' l-awtoritajiet Kubani bħala reazzjoni għas-sejħa ta' l-UE għar-rispett sħiħ għal-libertajiet fundamentali, speċjalment il-libertà ta' l-espressjoni u ta' l-assoċjazzjoni politika;

3.  Jiddispjaċih li ma ntlaqgħetx it-talba tal-Parlament u tal-Kunsill dwar il-ħelsien immedjat tal-priġuniera politiċi u ta' kuxjenza kollha u jinsisti li l-ttpoġġija fil-ħabs tad-dissidenti f'Kuba minħabba l-ideali u l-attività politika paċifika tagħhom tmur kontra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

4.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu jieħdu l-azzjoni li hi meħtieġa sabiex jitolbu l-ħelsien tal-priġunieri politiċi u biex jiżguraw li l-abbuż ta' l-opponenti politiċi u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jitwaqqaf immedjatament;

5.  Jistieden lill-istituzzjonijiet ta' l-UE biex jagħtu appoġġ bla kundizzjoni u biex iħeġġu mingħajr riżervi l-bidu ta' proċess paċifiku ta' tranżizzjoni politika lejn demokrazija multipartidista f'Kuba b'konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 96/697/PESC) ta' l-1996;

6.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-qbil li ntlaħaq dan l-aħħar mill-gruppi ta' l-oppożizzjoni Kubani taħt id-dokument "Unidad por la Libertad" (Unità għal-Libertà); Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tipprepara pjan ta' azzjoni biex ixxerred id-dokument imsemmi hawn fuq fost il-poplu Kuban;

7.  Ifakkar li r-rikonċiljazzjoni u l-fehim reċiproku għandhom jinkludu lill-Kubani kollha li jkunu lesti li jaħdmu b'mod paċifiku għal-libertà, għad-demokrazija u għall-armonija;

8.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet ta' l-UE biex ikomplu d-djalogu tagħhom mas-soċjetà ċivili ta' Kuba u biex joffru l-appoġġ tagħhom għal bidliet paċifiċi f'Kuba, permezz ta' strumenti ta' kooperazzjoni ta' l-iżvilupp, inkluż l-Istrument Ewropew għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem(8);

9.  Jisħaq li l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 96/697/PESC u l-objettivi tagħha jibqgħu validi; jiddispjaċih bil-kbir li ż-żjarat fuq livell għoli ta' l-istituzzjonijiet ta' l-UE u ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea li ġew milquta s'issa, iltaqgħu ma' l-awtoritajiet kollha tar-reġim Kuban, u li ma għamlux dan la direttament mar-rappreżentanti ta' l-oppożizzjoni paċifika u demokratika u lanqas mal-familjari tal-priġuniera politiċi;

10.  Itenni d-deċiżjoni tiegħu li jibgħat delegazzjoni uffiċjali tal-Parlament f'Kuba u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Kubani biex jerġgħu jikkunsidraw il-pożizzjoni tagħhom u biex jippermettu d-dħul ta' din id-delegazzjoni;

11.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kubani biex jippermettu immedjatament lid-Damas de Blanco biex iħallu l-ġżira biex ikunu jistgħu jaċċettaw l-istedina tal-Parlament Ewropew, u jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jieħu l-passi kollha possibbli biex jiżgura li r-rebbieħa tal-premju jkunu verament jistgħu jirċievu l-Premju Sakhorov personalment;

12.  Iġedded l-istedina tiegħu lil Oswaldo Payá Sardiñas, u jitlob li l-awtoritajiet Kubani jippermettulu li jivvjaġġa lejn l-Ewropa biex jidher quddiem l-istituzzjonijiet Komunitarji;

13.  Jitlob li l-awtoritajiet Kubani jippermettu lil membri mill-oppożizzjoni politika, lil attivisti għad-drittijiet tal-bniedem u liċ-ċittadini biex jivvjaġġaw barra mill-pajjiż u biex jiġu lura b'libertà;

14.  Jinnota li l-Kunsill iddeċieda li jistieden lid-delegazzjoni Kubana Brussell sabiex jerġa' jibda djalogu politiku komprensiv u miftuħ ma' l-awtoritajiet Kubani; jistenna li, meta tiġi preparata din iż-żjara, il-Kunsill għandu jindirizza fid-diskussjonijiet mal-Gvern Kuban l-istediniet ta' l-istituzzjonijiet ta' l-UE lid-Damas de Blanco u lil Oswaldo Payá Sardinas, kif ukoll ir-rieda tal-Parlament Ewropew li jibgħat delegazzjoni f'Kuba;

15.  Iqis estremament importanti li kwalunkwe tisħiħ tar-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi - inkluża l-għajnuna għall-iżvilupp - bejn l-UE u l-awtoritajiet Kubani li tista' tirriżulta minn djalogu politiku komprensiv u miftuħ bħal dan, ikun marbut ma' titjib konkret u li jista' jiġi verifikat tal-kundizzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini Kubani, billi wieħed jibda mill-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha u dawk ta' kuxjenza;

16.  Jikkundanna kull politika ta' diskriminazzjoni sesswali u ripressjoni bħal dik li hi pprattikata attwalment f'Kuba u jilqa' bi pjaċir il-kampanji edukattivi dwar id-diskriminazzjoni sesswali li huma bħalissa implimentati miċ-ċentru nazzjonali għall-edukazzjoni sesswali ta' Kuba

17.  Ifakkar li r-reviżjoni li jmiss tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill se ssir f'Ġunju 2008;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Assemblea EUROLAT, lill-Gvern ta' Kuba, lill-Assemblea Nazzjonali tal-Poter Popolari, lid-Damas de Blanco u lil Oswaldo Payá Sardiñas, rebbieħ tal-Premju Sakharov tal-Parlament.

(1) ĠU C 201 E, 18.8.2005, p.83
(2) ĠU C 288 E, 25.11.2006, p.81.
(3) ĠU C 45 E, 23.2.2006, p.107.
(4) ĠU C 297 E, 7.12.2006, p.341.
(5) Testi Adottati, P6_TA(2007)0165.
(6) Testi Adottati, P6_TA(2006)0601.
(7) ĠU L 322, 12.12. 1996, p.1.
(8) Regolament (KE) Nru 1889/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment ta' strument ta' finanzjar għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem global (ĠU L 386, 29.12.2006, p.1).

Avviż legali - Politika tal-privatezza