Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Settembru 2007 dwar Bangladexx
Il-Parlament Ewropew
,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2006(1)
,
– wara li kkunsidra l-istat ta' emerġenza li ġie ddikjarat mill-Gvern Proviżorju tal-Bangladexx fil-11 ta' Jannar 2007,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-16 ta' Jannar 2007 mill-Presidenza f'isem l-UE dwar l-iżviluppi politiċi riċenti fil-Bangladexx,
– wara li kkunsidra ż-żjara fil-Bangladexx tat-Troika ta' l-UE f'Ġunju 2007,
– wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Popolari tal-Bangladexx dwar Partnership u Żvilupp(2)
,
– wara li kkunsidra l-istqarrija tas-17 ta' Lulju 2007 mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bangladexx,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115 (5) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,
A. billi l-elezzjonijiet parlamentari li kellhom isiru fil-Bangladexx fit-22 ta' Jannar 2007 ġew posposti b'deċiżjoni tal-Qorti Għolja tad-29 ta' Jannar 2007 minħabba vjolenza relatata ma' l-elezzjonijiet u issa tħabbar li se jsiru qabel l-aħħar ta' l-2008;
B. billi s-sitwazzjoni politika qabel l-impożizzjoni ta' l-istat ta' emerġenza kienet ikkaratterizzata minn rifjut li jkun hemm djalogu bejn il-parteċipanti politiċi ewlenin, minn antagoniżmu personali, minn vjolenza okkażjonali u minn livelli għoljin ħafna ta' korruzzjoni;
C. billi l-istat ta' emerġenza kien iddikjarat fil-11 ta' Jannar 2007 u l-ex Gvernatur tal-Bank Ċentrali Fakhruddin Ahmed inħatar bħala l-Kap tal-Gvern Proviżorju, mingħajr partit, bl-objettiv li jeqred il-korruzzjoni;
D. billi l-Missjoni ta' l-UE għall-Osservazzjoni ta' l-Elezzjoni ssospendiet l-operazzjoni tagħha fit-22 ta' Jannar 2007 minħabba li l-possiblità li jkun hemm elezzjoni ħielsa u ġusta dak iż-żmien kienet remota ħafna;
E. billi fl-istess ġurnata, in-Nazzjonijiet Uniti ddeċidew li jirtiraw l-appoġġ tagħhom għall-proċess elettorali;
F. billi l-Gvern Proviżorju appoġġjat mill-militar, bl-objettiv li jeqred il-korruzzjoni, introduċa miżuri ripressivi kbar, inklużi l-projbizzjoni ta' l-attività politika kollha, id-detenzjoni jew l-akkuża ta' iktar minn 160 mexxej politiku, inklużi tlett ex prim ministri, Moudud Ahmed, Sheikh Hasina u Khaleda Zia, u iktar minn 100,000 persuna ċivili,
G. billi kienu rrappurtati vjolazzjonijiet frekwenti tal-libertà ta' l-istampa inklużi arresti u każijiet ta' tortura, li jinvolvu ġurnalisti u staff tal-media;
H. billi l-forzi konġunti jilgħabu irwol dejjem iktar sinifikanti fl-isforz nazzjonali sabiex tinqered il-korruzzjoni, b'poteri kbar sabiex jispezzjonaw id-djar ta' persuni suspettati u jikkonfiskaw proprjetà;
I. billi t-tradizzjoni twila tal-Bangladexx ta' demokrazija sekulari, inklużi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u speċjalment id-drittijiet tan-nisa, il-libertà tal-kelma u t-tolleranza reliġjuża, qed tkun dejjem iktar mhedda;
J. billi Sigma Huda, avukata magħrufa mill-Bangladexx, attivista tad-drittijiet tal-bniedem u Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Traffikar tal-Bnedmin, f'Lulju 2007 kienet akkużata b'tixħim u korruzzjoni u ngħatat sentenza ta' tliet snin priġunerija; billi hemm tħassib dejjem jikber dwar is-Sra Huda, li ssofri minn problemi mediċi serji u li qed tiġi mċaħħda minn trattament mediku speċjalizzat; billi s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Ban-Ki Moon fis-17 ta' Lulju 2007 talab lill-awtoritajiet tal-Bangladexx sabiex jirrispettaw b'mod sħiħ id-drittijiet fundamentali tas-Sra Huda;
K. billi b'konformità ma' l-Artikolu 10 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, "kull persuna hija intitolat b'ugwaljanza sħiħ għal smigħ pubbliku ġust quddiem tribunal indipendenti u imparzjali, fl-istabbiliment ta' x'inhuma d-drittijiet u l-obbligi tagħha u quddiem kwalunkwe akkuża kriminali kontriha";
L. billi fis-27 ta' Awwissu 2007 il-Qorti Suprema qalbet is-sentenza tal-qorti Għolja għall-ħelsien fuq pleġġ ta' l-ex Prim Ministru u President tal-Lega Awami Sheik Hasina li beda jinżamm il-ħabs mis-16 ta' Lulju, 2007;
M. billi l-ex Prim Ministru Khaleda Zia u binha kienu arrestati fit-3 ta' Settembru 2007 f'Dhaka fuq allegazzjonijiet ta' korruzzjoni,
N. billi l-UE u l-Bangladexx għandhom relazzjonijiet tajbin u huma sħab ekonomiċi importanti,
1. Jinsab imħasseb ħafna dwar ir-reazzjoni sproporzjonata tal-militar u tal-pulizija kontra l-protesti ta' l-istudenti li żbruffaw fl-aħħar ta' Awwissu 2007 fl-Università ta' Dhaka; jikkunsidra li d-dimostrazzjonijiet kienu evidenza ta' l-irwol politiku mhux popolari li qed tilgħab l-armata; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-curfew impost f'Dhaka u ħamest ibliet oħra fejn seħħew dawn il-protesti tneħħa fit-28 ta' Awwissu 2007; jitlob għall-ħelsien immedjat tal-persuni li kienu arrestati minħabba l-protesti ta' l-għalliema u ta' l-istudenti, inklużi membri ta' l-assoċjazzjoni ta' l-għalliema Shikkhok Samity, i.e. Anwar Hossain, Harun Ur Rashid, Saidur Rahman Khan u Abdus Sobhan;
2. Jinsab imħasseb dwar l-arrest u l-ġustifikazzjoni għad-detenzjoni li għaddejja bħalissa tal-President tal-Lega Awami Sheikh Hasina, li kien arrestat fis-16 ta' Lulju 2007 u akkużat b'estorsjoni, u l-President tal-Partit Nazzjonalista tal-Bangladexx Khaleda Zia akkużata b'korruzzjoni; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladexx sabiex jagħmlu ġuri trasparenti u skond l-Istat tad-Dritt; b'mod partikolari jistieden lill-gvern sabiex jibbaża l-kampanja tiegħu kontra l-korruzzjoni fuq il-fatti biss irrilevanti mill-kuntest tal-proċedimenti kriminali li jikkonċernaw korruzzjoni;
3. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladexx sabiex jippermettu aċċess għat-tribunali kollha lill-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-Bniedem, lill-partijiet interessati u lill-osservaturi internazzjonali bħad-diplomatiċi ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea jew l-istaff tad-delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, sabiex dawn jiżguraw li l-proċedimenti huma ġusti u imparzjali;
4. Jinsab ikkonċernat ħafna dwar il-kundizzjonijiet li qed tinżamm fihom Sigma Huda, li ngħatat sentenza ta' priġunerija fuq akkużi ta' tixħim; b'mod partikolari dwar in-nuqqas ta' kwalunkwe trattament mediku li għandha bżonn b'mod urġenti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bangladexx sabiex jipprovdu lis-Sna Huda bit-trattament mediku u l-għajnuna meħtieġa mill-kundizzjoni ta' saħħitha; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladexx sabiex jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tas-Sna Huda, b'mod partikolari d-dritt li jkollha żjarat fil-ħabs mill-familja tagħha u minn ħbiebha; iħeġġeġ lill-awtoritajiet sabiex jippermettu dawn iż-żjarat immedjatament;
5. Jiddispjaċih li l-Gvern Proviżorju, filwaqt li qed jagħmel progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, kien ħafna inqas assertiv fir-riforma politika; jitlob sabiex ikun hemm ritorn lejn id-demokrazija u t-tneħħija ta' l-Istat ta' emerġenza fil-Bangladexx; jitlob b'mod partikolari sabiex titneħħa l-projbizzjoni fuq l-attività politika kollha, sabiex il-partijiet u l-organizzazzjonijiet politiċi kollha jkunu lesti sabiex jippreparaw għal elezzjonijiet miftuħa u ġusti, kif stabbilit fil-kostituzzjoni;
6. Jiġbed l-attenzjoni għall-pubblikazjoni ta' pjan direzzjonali għal elezzjoniiet mill-Kummissjoni Elettorali f'Lulju 2007 u għall-isforzi kollha sabiex jinbidel il-proċess elettorali kollu u sabiex tkun emendata l-leġiżlazzjoni elettorali iħeġġeġ lill-gvern sabiex jikkunsidra mill-ġdid il-pjan direzzjonali preżenti għall-elezzjoni u sabiex titħaffef il-preparazzjoni tagħha;
7. Jilqa' l-impenn ta' l-UE li tagħti l-appoġġ tekniku sħiħ tagħha lill-awtoritajiet tal-Bangladexx għall-organizzazzjoni ta' l-elezzjonijiet; jistieden lill-Missjoni ta' l-UE għall-Osservazzjoni ta' l-Elezzjoni sabiex terġa tibda l-attivitajiet tagħha fuq tul ta' żmien twil hekk kif dan ikun fattibbli u xieraq;
8. Jitlob li tintemm il-militarizzazzjoni tal-pajjiż; jinsab imħasseb dwar l-irwol tas-Servizz ta' Intelliġenza Militari tal-Bangladexx (DGFI), dwar l-allegazzjonijiet ta' tortura ta' persuni miżmuma f'kustodja;
9. Jistieden lill-gvern tal-Bangladexx sabiex ma jagħmilx espulsjonijiet arbitrarji ta' persuni li jgħixu f'kerrejjiet u ta' bdiewa mingħajr territorju miz-zoni urbani u minn artijiet mhux mahduma b'konformita mas-sentenza tal-Qorti Gholja u sabiex jaghmel biss żgumbramenti neċessarji fuq il-bażi ta' pjanijiet ta' rijabilitazzjoni preparati sew;
10. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex fid-dawl ta' l-avvenimenti riċenti, jimmoniterjaw bir-reqqa d-drittijiet tal-bniedem u s-sitwazzjoni politika fil-Bangladexx u sabiex jagħmlu rappreżentazzjonijiet dwar it-tkomplija ta' l-użu ta' l-istat ta' emerġenza; jistieden lill-gruppi ta' ħidma mwaqqfa bejn l-UE u l-Bangladexx dwar it-twaqqif ta' istituzzjonijiet, ir-riforma amministrattiva, il-governanza u d-drittijiet tal-bniedem sabiex jikkontribwixxu b'mod attiv għall-istabbilizzazzjoni tad-demokrazija fil-Bangladexx;
11. Jistieden lill-Gvern Proviżorju sabiex jagħmel progress fit-twaqqif ta' Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem, l-implimentazzjoni ta' liema għandha tkun prijorità ukoll għall-gvern ċivili futur;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern Proviżorju tal-Bangladexx u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.