Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Settembru 2007 dwar l-iffinanzjar tal-Qorti Speċjali għas-Sierra Leone
Il-Parlament Ewropew
,
– wara li kkunsidra l-Qorti Speċjali għas-Sierra Leone, stabbilit permezz ta' ftehim bejn in-Nazzjonijiet Uniti u l-gvern tas-Sierra Leone skond ir-Riżoluzzjoni 1315 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ta' l-14 ta' Awissu 2000, bil-għan li jiġu mressqa quddiem il-qorti 'persuni li għandhom l-akbar responsabilità għal diversi ksur serju tal-liġi umanitarja internazzjonali u tal-liġi tas-Sierra Leone mwettqa fit-territorju tas-Sierra Leone mit-30 ta' Novembru 1996', partikolarment reati tal-gwerra u reati kontra l-umanità,
– wara li kkunsidra il-baġit tat-tkomplija tal-Qorti Speċjali għas-Sierra Leone approvat mill-Kumitat ta' Tmexxija għall-Qorti Speċjali fil-15 ta' Mejju 2007.
– wara li kkunsidra l-liġi internazzjonali, partikolarment il-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-Protokoll Addizzjonali II tagħhom dwar il-protezzjoni tal-vittmi ta'kunflitti armati mhux internzzjonali, u l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu ta' qabel, partikolarment dawk tas-16 ta' Marzu 2006 dwar l-impunità fl-Afrika u partikolarment il-każ Hissène Habré(1)
u ta' l-24 ta' Frar 2005 dwar il-Qorti Speċjali għas-Sierra Leone u l-każ ta' Charles Taylor(2)
,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou bejn il-Ġrupp ta' Stati ta'l-Afrika, Karibew u l-Paċifiku u l-Komunita' Ewropea (il-Ftehim ta' Cotonou), u l-impenn mill-partijiet fil-iFtehim ta' Cotonou li jikkontribwixxu għall-paċi, sigurtà u stabilità, trispett lejn id-drittijiet tal-bniedem, tal-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-ġlieda kontra l-impunità hi waħda mill-punti importanti tal-politika tad-drittijiet tal-bniedem ta' l-Unjoni Ewropea u l-komunità internazzjonali għandha r-responsabilità li tatiha appoġġ għal dik il-politika sabiex tippromwovi l-effettività tal-mekkaniżmi ta' responsibilità li hemm imwaqqfa,
B. billi l-Qorti Speċjali għas-Sierra Leone kienet stabbilita b'mod konġunt min-Nazzjonijiet Uniti u mill-Gvern tas-Sierra Leone fl-2002, wara gwerra ċivili brutali, li damet sejra għal aktar minn għaxar snin u l-mandat tagħha hu li tressaq quddiema lil dawk li għandhom l-akbar responsabilità għall-atroċitajiet li seħħew fis-Sierra Leone,
C. billi Qorti Speċjali għas-Sierra Leone għandha l-appoġġ tal-komunità internazzjonali, u billi l-fatt li topera in situ
tikkontribwixxi għal impatt lokali aktar b'saħħtu,
D. billi t-twqqif tal-Qorti Speċjali għas-Sierra Leone hi żvilupp li joħloq preċedent fil-liġi internazzjonali, peress li hi l-ewwel tribunal li akkuża kap ta' stat Afrikan għal reati tal-gwerra u reati kontra l-umanità u s-sentenza li ngħatat fl-20 ta' Ġunju 2007 lil tliet mexxejja ribelli ta' qabel tal-Kunsill Rivoluzzjonarju tal-Forzi Armati ta' Sierra Leone (AFRC) kienet l-ewwel sentenza li nqatgħet dwar ir-reklutaġġ u l-użu ta' tfal suldati u dwar żwieġ furzat,
E. billi l-Qorti Speċjali għas-Sierra Leone qed ikollu rwol importanti fil-kontribut għall-paċi u l-ġustizzja fir-reġjun tax-Xmara Mano ta' l-Afrika tal-Punent u għandu l-impenn li jiżgura sitwazzjoni li ttul; billi, fir-rigward ta' dan, il-Qorti Speċjali bdiet attivitajiet li jimirħu u l-arkivjar u t-trasformazzjoni ta' programmi li jikkomunikaw ix-xogħol tiegħu, kif ukoll ta' programmi dwar il-protezzjoni tal-vittmi, u qed jikkontribwixxi biex tinbena l-kapaċità tal-poplu tas-Sierra Leone fil-qasam tal-ġustizzja; billi dawn l-attivitajiet li mhumiex marbuta mal-liġi huma essenzjali biex jiżguraw li l-Qorti Speċjali tħalli impatt dejjiemi u billi dawn jibqgħu sfidi importanti li jridu jintlaħqu,
F. billi, fis-7 ta' Marzu 2003, il-President ta' qabel tal-Liberja Charles Taylor kien akkużat mill-Prosekutur tal-Qorti Speċjali għas-Sierra Leone fuq 17-il kap ta' reat kontra l-umanita u reati tal-gwerra, inkluż qtil, mutilazzjoni, stupru, skjavitú sesswali u reklutaġġ ta' tfal suldati; billi l-proċess ta' Charles Taylor fetaħ fl-4 ta' Ġunju 2007,
G. billi l-inabilità li jitwassal fi tmiemu l-proċess ta' Charles Taylor jew li jiġu pprovduti l-aħjar u l-aktar kundizzjonijiet ġusti fil-proċess tiegħu mhux biss tista' ddgħajjef it-twaqqif ta' paċi dejjiema fir-reġjun tax-Xmara Mano fil-Punent ta' l-Afrika imma wkoll hi ta' ħsara għall-ġlieda kontra l-impunità u tippreġudika l-iżvilupp tal-ġustizzja kriminali internazzjonali, diġà fil-periklu wara t-tentattiv fallut li jiġi proċessat Slobodan Milosevic jew il-kundanna kontroversjali ta' Saddam Hussein,
H. billi fl-20 ta' Awissu 2007 il-Qorti Speċjali għas-Sierra Leone sabet li kien fl-interess tal-ġustizzja li tagħti lit-tim ta' difiża ta' Charles Taylor, li kien għadu kif ġie appuntat, żmien addizzjonali u għalhekk aġġornat il-proċess għas-7 ta' Jannar 2008,
I. billi differenti minn tribunali kriminali internazzjonali oħra, il-Qorti Speċjali għas-Sierra Leone hi ffinanzjata minn kontribuzzjonijiet volontarji ta' Stati interessati; billi ħafna pajjiżi, inkluż l-Istati Membri, u l-Kummissjoni enfasizzaw l-impenn tagħhom lejn il-liġi umanitarja internazzjonali billi ffinanzjaw l-attivitajiet tal-Qorti Speċjali,
J. billi l-kumitat ta' ġestjoni kien stabbilit biex jgħin lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti isib fondi xierqa għall-Qorti Speċjali, biex japprova l-baġit u biex jagħti pariri dwar funzjonijiet mhux ġudizzjarji,
K. billi l-kumitat ta' ġestjoni sab fil -baġit tat-tkomplija, approvat fil-15 ta' Mejju 2007, li l-Qorti Speċjali għas-Sierra Leone għandu bżonn USD 89 miljun biex jikkonkludi l-operazzjonijiet tiegħu (USD 36 miljun għall-2007; USD 33 miljun għall-2008; u USD 20 miljun għall-2009); billi skond l-estimi attwali, il-fondi disponibbli se jispiċċaw sa Ottubru 2007,
1. Jilqa' l-progress li sar mill-Qorti Speċjali għas-Sierra Leone fil-prosekuzzjoni ta' dawk responsabbli għall-atroċitajiet li saru fis-Sierra Leone; partikolarment, jilqa' l-verdetti tal-Qorti Speċjali kontra tliet membri anzjani ta'l- AFRC akkużati b'reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra; jilqa' partikolarment il-ftuħ tal-proċess ta' Charles Taylor u jemmen li dan se jibgħat messaġġ ċar lill-mexxejja madwar id-dinja li abbużi eċċezzjonali kontra d-drittijiet tal-bniedem mhux se jiġu aktar tolerati mingħajr impunità;
2. Jinnota li l-Qorti Speċjali għas-Sierra Leone tirċievi appoġġ finanzjarju mill-UE permezz ta' l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem, u li l-Istati Membri, speċjalment ir-Renju Unit u l-Olanda, ikkontribwew b'mod konsistenti u sew għall-attivitajiet tal-Qorti;
3. Jibqa', madankollu, mħasseb li l-fondi disponibbli qed jonqsu milli jipprovdu ambjent xieraq għall-Qorti Speċjali; hu ferm imħasseb li dan se jfixkel il-ġlieda kontra l-impunità u, partikolarment, jippreġudika l-proċess ta' Charles Taylor, li hu każ ta' prova (test case) għall-iżvilupp tal-ġustizzja kriminali internazzjonali, u jfixkel il-proċess ta' rikonċiljazzjoni u t-twaqqif ta' paċi dejjiema fis-Sierra Leone u fir-reġjun tal-Punent ta' l-Afrika kollu kemm hu;
4. Iwissi wkoll li l-fatt illi l-Qorti Speċjali għas-Sierra Leone ma jkunx provdut bl-għajnuna finanzjarja meħtieġa se jwassal biex l-isforzi tal-komunità internazzjonali li tikkontribwixxi għall-bini tal-paċi fis-Sierra Leone u li tindirizza r-reati magħmula tul il-gwerra ikunu serjament skreditati;
5. Iħeġġeġ lill-istati kollha, inkluż lill-Istati Membri, sabiex jikkontribwixxu aktar għall-operazzjonijiet tal-Qorti Speċjali fis-Sierra Leone ħalli jiżguraw li l-Qorti Speċjali jkun jista' jwassal ix-xogħol tiegħu lejn it-tmiem b'suċċess, inkluż dawk l-attivitajiet immirati li jiżguraw sitwazzjoni li ttul u li jtejbu l-indipendenza tal-ġudikatura fis-Sierra Leone;
6. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi fondi kontinwi fl-attivitajiet primarji u mhux għall-Qorti Speċjali fil-programmi nazzjonali li se jsiru mas-Sierra Leone; jistieden lill-awtoritajiet ta' Sierra Leone biex jikkonsidraw il-ġustizzja tranżizzjonali u l-indipendenza tal-ġustizzja bħala priorità;
7. Jistieden lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, f'konsultazzjoni mal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, sabiex jesplora kull mod finanzjaru possibbli biex jippermetti lill-Qorti Speċjali tkompli l-funzjonijiet kruċjali tagħha;
8. Jinkoraġġixxi koperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-Qorti Speċjali u l-awtoritajiet u l-qrati tas-Sierra Leone; jenfasizza l-ħtieġa li l-vittmi għandu jkollhom il-possibilità li jfittxu rimedju quddiem il-qrati nazzjonali mingħajr dewmien u l-ħtieġa li jagħmlu bħall-Qorti Speċjali li jpoġġu fil-ġemb l-amnestiji, partikolarment dawk inklużi fil-Ftehim Lomé dwar it-twaqqif tat-Tribunal, u li jinkorporaw fil-liġi domestika kull reat li hu definit fuq livell internazzjonali;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu li jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-Qorti Speċjali għas-Sierra Leone, lill-gvern u l-parlament tas-Sierra Leone, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lill-membri ta' l-Unjoni ta' l-Afrika u lill-KoPresidenti ta' l-Assemblea Parlamentari Konġunta ta' l-ACP-EU.