Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2113(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0326/2007

Testi mressqa :

A6-0326/2007

Dibattiti :

PV 26/09/2007 - 17
CRE 26/09/2007 - 17

Votazzjonijiet :

PV 27/09/2007 - 9.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0417

Testi adottati
DOC 76k
Il-Ħamis, 27 ta' Settembru 2007 - Strasburg Verżjoni finali
Effiċjenza u l-ekwità tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ Ewropej
P6_TA(2007)0417A6-0326/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Settembru 2007 dwar l-effiċjenza u l-ekwità tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ Ewropej (2007/2113(INI))

Il-Parlament Ewropew ,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bl-isem "L-effiċjenza u l-ekwità fis-sistemi ta" edukazzjoni u taħriġ ewropej" (COM(2006)0481),

–   wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta" Qafas Ewropew għall-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (COM(2006)0479),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fit-tieni qari fil-25 ta" Ottubru 2006 bil-għan li tiġi adottata deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm ta" azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja(1) , u wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Parlament u tal-Kunsill Nru 1720/2006/KE tal-15 ta" Novembru 2006 li tistabbilixxi programm ta" azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja(2) ,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem "Tagħlim għall-adulti: qatt m'hu tard wisq biex titgħallem" (COM(2006)0614),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fis-26 ta" Settembru 2006 dwar il-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja(3) u r-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta" Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja(4) ,

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari tat-13 ta" Ottubru 2005 dwar il-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iktar koperazzjoni Ewropea fl-assigurazzjoni tal-kwalità ta" l-edukazzjoni ogħla(5) u wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Nru 2006/143/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta" Frar 2006 dwar iktar koperazzjoni Ewropea fl-assigurazzjoni tal-kwalità ta" l-edukazzjoni ogħla(6) ,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0326/2007),

A.   billi bħala reazzjoni għall-qtugħ fil-baġits pubbliċi, l-isfidi tal-globalizzazzjoni, il-bidla demografika u l-innovazzjoni teknoloġika, qed issir iktar enfażi madwar l-Ewropa biex l-edukazzjoni u t-taħriġ isiru iktar effettivi,

B.   billi d-differenza konsiderevoli fis-suċċess bejn is-sistemi ta" l-edukazzjoni fl-UE, kif muri fir-Rapport Pisa 2003, hija kwistjoni ta" tħassib,

C.   billi dan il-fattur jista" jiġi tradott f'żieda fid-differenzi fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta" l-Istati Membri u jipperikola li ma jintlaħqux il-miri strateġiċi ta" Liżbona,

D.   billi d-dritt għall-edukazzjoni huwa prinċipju rikonoxxut kemm fuq livell internazzjonali kif ukoll fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta" l-Unjoni Ewropea,

E.   billi l-biċċa l-kbira tas-sistemi attwali ta" edukazzjoni u taħriġ jirrepetu u jkabbru l-inugwaljanzi eżistenti,

F.   billi l-inġustizzja fl-edukazzjoni u t-taħriġ għandha spejjeż moħbija kbar,

G.   billi l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ iħalli l-frott fuq perjodu ta" żmien fit-tul u jrid ikun ippjanat fuq bażi ta" żmien fit-tul,

H.   billi f'sistemi ta" edukazzjoni u taħriġ trid tiġi stabbilita kultura ta" evalwazzjoni sabiex ikun żgurat li l-iżvilupp ta" dawk is-sistemi jkun jista" jiġi sorveljat b'mod effettiv fuq bażi ta" żmien fit-tul,

I.   billi l-politiki dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ iridu jkunu marbuta ma" politiki relatati ma" l-impjiegi, l-ekonomija u l-integrazzjoni soċjali,

J.   billi l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom irwol fundamentali fl-iżvilupp ta" identità Ewropea ibbażata fuq l-edukazzjoni interkulturali u l-paċi,

K.   billi n-nisa żgħażagħ għadhom s'issa aktar biċ-ċans li jkunu qiegħda milli l-irġiel żgħażagħ peress li r-rata tal-qgħad fl-2006 fl-UE-27 kienet ta' 18.1% għan-nisa żgħażagħ, meta mqabbla mar-rata ta' 16.9% għall-irġiel żgħażagħ; billi n-nisa huma anqas rappreżentati fil-pożizzjonijiet ta' tmexxija, minkejja l-fatt li fil-parti l-kbira ta' l-Istati Membri aktar nisa minn irġiel jilħqu livell għoli ta' edukazzjoni,

Effiċjenza u ekwita' fit-tagħlim tul il-ħajja

1.  Japprova l-proċess ta" ppjanar fit-tul fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja, minħabba li l-investiment f'dak il-qasam iħalli l-frott fuq perjodu ta" żmien fit-tul;

2.  Jirrikonoxxi li l-investiment f'livell wieħed ta" edukazzjoni mhux biss jagħmilha possibbli li jiġu żviluppati ħiliet u kapaċitajiet f'dak il-livell, huwa jistabbilixxi wkoll il-bażi biex jinkisbu iktar abilitajiet u kwalifiki f'livelli oħra ta" edukazzjoni;

3.  Jappoġġja l-pjan li jinħoloq qafas Ewropew għall-kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja li se jiffaċilita r-rikonoxximent ta" kisbiet edukattivi u jippermetti bidliet viżibbli u trasparenti bejn għażliet ta" studju differenti;

4.  Jemmen li hemm bżonn ta" kultura ta" evalwazzjoni fis-sistemi ta" edukazzjoni u taħriġ - għalhekk politiki effettivi fit-tul iridu jkunu bbażati fuq kejl affidabbli;

5.  Jilqa" b'sodisfazzjon l-attentat tal-Kummissjoni biex tikkunsidra l-effiċjenza u l-ekwità fl-edukazzjoni meta tfassal qafas ta" indikaturi u punti ta" referenza (benchmarks) għall-monitoraġġ tal-progress biex jinkisbu l-Objettivi ta" Liżbona;

6.  Jemmen li sabiex wieħed jipproċedi b'eżami dwar l-effettività/effiċjenza u l-ekwità ta' sistemi ta' edukazzjoni fl-Ewropa, it-terminoloġija, kemm għall-effettività/effiċjenza kif ukoll għall-ekwità, għandha tiġi kkjarifikata; għall-eżami ta" l-ekwità, karatteristiċi individwali bħas-sess, l-oriġini etnika jew id-diżabilità (minbarra dik soċjo-ekonomika) għandhom ikunu inklużi;

7.  Jirrikonoxxi li l-investiment fit-tagħlim tul il-ħajja li għandu l-għan li jtejjeb l-aċċess u l-ekwità jrawwem il-koeżjoni soċjali u jagħmilha possibbli għall-individwi biex isolvu problemi, biex jadattaw, biex jibnu kunfidenza fihom infushom u biex jiffaċċjaw bidliet, li ttejbilhom l-iżvilupp personali tagħhom b'hekk tkun iktar faċli għalihom biex jittrattaw bidliet oħra f'ħajjithom;

8.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw politiki u materjal ta' tagħlim u taħriġ li jikkunsidraw l-kwistjonijiet tas-sess bħala strument sabiex jelimina l-inugwaljanza bejn is-sessi fl-edukazzjoni u fl-impjieg u biex jiġu eradikati l-isterjotipi dwar is-sess; iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jippromwovu impjieg atipiku (pereżempju aktar għalliema rġiel fl-iskejjel primarji u aktar għalliema nisa fix-xjenza) liż-żgħażagħ, inklużi tfal żgħar, qabel l-età meta jittieħdu ċerti deċiżjonijiet fundamentali dwar edukazzjoni u karriera, u b'mod li titnaqqas il-firda okkupazzjonali bbażata fuq is-sess; itenni li data ta' kwalità mtejba, disaggregata skond is-sess u l-età, hija prerekwiżit għal kwalunkwe politika;

L-iżgurar ta'l-effiċjenza u l-ekwita' fil-qafas tal-politiki ta' edukazzjoni u taħriġ
Edukazzjoni ta" qabel l-iskola: enfażi fuq it-tagħlim lil dawk żgħar ħafna

9.  Jemmen li l-effiċjenza u l-ekwità jistgħu jinkisbu individwalment jekk l-investiment u r-riforma jkunu ffukati fuq l-istadji bikrin ta" l-edukazzjoni;

10.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati, mill-fażi ta" qabel l-iskola, miżuri li jinkoraġixxu l-integrazzjoni ta" tfal minn pajjiżi terzi residenti fit-territorju ta" l-Unjoni Ewropea;

11.  Jistieden lill-Istati Membri biex jinvestu ħafna iktar fl-edukazzjoni ta" qabel l-iskola – inklużi nursery - minħabba li tali investiment jista" jkun mezz effettiv biex tkun stabbilita l-bażi għall-edukazzjoni futura, biex ikun żviluppat l-intellett tat-tfal, biex jiżdied il-livell ġenerali tal-ħiliet u jista" jżied b'mod sinifikanti l-ekwità tas-sistema edukattiva;

12.  Jemmen madankollu li hi meħtieġa aktar riċerka dwar l-edukazzjoni ta" qabel l-iskola fil-livell ta" l-UE, b'mod partikolari fil-qasam ta" azzjoni bikrija u mmirati biex jidentifikaw il-prattiċi li jħallu l-effetti mistennija;

13.   jikkunsidra li l-kwalità ta" l-edukazzjoni ta" qabel l-iskola tiddependi parzjalment fuq għalliema mħarrġa b'mod adegwat, u għalhekk hemm bżonn li tiġi żviluppata strateġija li tiggarantixxi karrieri ta" għalliema li huma kemm orjentati għall-futur u ta" kwalità għolja edukattiva kif ukoll sodisfaċenti.

14.  Jirrikonoxxi li mill-istadju ta" qabel l-iskola, id-diversità soċjali tal-klassijiet u ta" l-istabbilimenti għandha tkun żgurata biex ikunu evitati differenzi fil-kurrikula u fl-aspettativi;

15.  Jemmen li l-involviment tal-ġenituri permezz ta" programmi edukattivi u ta" informazzjoni (partikolarment fil-każ ta" tfal żvantaġġjati) huwa importanti għas-suċċess ta" l-edukazzjoni ta" qabel l-iskola;

16.  Huwa favur kull forma ta" edukazzjoni ta" qabel l-iskola u ta" intervent f'età bikrija (meta l-ħiliet ta" konjizzjoni tat-tfal ikunu qed jiżviluppaw) – peress li mill-istadji kollha fil-proċess sħiħ tat-tagħlim tul il-ħajja, dan l-istadju huwa dak li jħalli l-iktar frott;

17.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżidu n-numru ta" postijiet sussidjati fl-edukazzjoni ta" qabel l-iskola u b'hekk joffru opportunitajiet aħjar għal tfal taħt l-età ta" l-iskola li m'għandhomx is-sigurtà finanzjara sabiex jibbenefikaw mis-sistema edukattiva;

Edukazzjoni primarja u sekondarja: titjib fil-kwalità ta" l-edukazzjoni primarja għal kulħadd

18.  Jenfasizza li l-attendenza obbligatorja fl-iskola u s-sistema ta" taħriġ għandha tipprovdi edukazzjoni bażika u ħiliet ewlenin; jenfasizza wkoll li l-edukazzjoni u l-ħiliet ewlenin xierqa jikkontribwixxu biex jintlaħqu valuri soċjali u ċiviċi fundamentali, isaħħu l-koeżjoni soċjali u jgħinu biex itejbu l-livelli individwali tal-kwalifiki u l-impjegar;

19.  Jinnota wkoll li l-irwol ta" l-iskejjel, b'mod partikolari f'livell primarju u sekondarju, l-ewwel nett għandu jikkunsidra l-valuri interkulturali u l-edukazzjoni għall-paċi, billi dawn huma l-karatteristiċi ta' identità Ewropea;

20.  Jemmen li t-tqassim prematur f'kategoriji għandu effett ħażin fuq l-effiċjenza u l-ekwità fis-sistemi ta" edukazzjoni;

21.  Jemmen li l-aċċess ekwu ta" persuni żvantaġġjati għal edukazzjoni ta" kwalità jista" jtejjeb ukoll l-effiċjenza u l-ekwità tas-sistemi edukattivi Ewropej;

22.  Hu favur, min-naħa l-oħra, il-ħolqien ta" sensiela flessibbli ta" għażliet ta" studju f'livell skolastiku sekondarju, li m'għandux jipprekludi għażla ta" rotta differenti fi stadji edukattivi sussegwenti;

23.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jissorveljaw il-karrieri skolastiċi kollha, b'mod partikolari fil-mumenti ta" l-għażla u ta" l-orjentazzjoni, u sabiex jiżguraw li s-sistemi edukattivi tagħhom jappoġjaw lill-istudenti billi jimmotivaw l-isforzi tagħhom biex jilħqu l-iżvilupp personali tagħhom;

24.  Fid-dawl tal-livelli differenti ta" appoġġ li l-istudenti jistgħu jibbenefikaw minnhom fid-dar, matul il-karriera skolastika tagħhom, u n-natura li xi drabi ma tkunx ugwali ta' l-edukazzjoni pprovduta, jappoġġja l-isforzi biex il-ġenituri jiġu involuti fil-proċess edukattiv bil-għan li jitnaqqas b'mod sinifikanti r-riskju ta' esklużjoni soċjali futura;

25.  Jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġjaw it-taħriġ inizjali u iktar taħriġ għall-għalliema, biex jagħtu spinta lill-motivazzjoni tagħhom u biex itejbu l-kundizzjonjiet kwalitattivi tal-ħajja ta" l-iskola - billi dawn huma fatturi deċiżivi fil-kisba ta" l-effiċjenza u l-ekwità;

26.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu l-multilingwaliżmu f'kull livell fis-sistema edukattiva, b'hekk itejbu l-mobilità tat-tfal, żgħażagħ u adulti fit-territorju Ewropew u b'hekk il-proċess edukattiv fl-UE isir aktar effiċjenti;

27.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex joħolqu għarfien dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fost l-għalliema u dawk li jipprovdu l-edukazzjoni sabiex dawn ikuni kapaċi jippromwovu dan il-prinċipju fost il-ġenerazzjoni żgħażugħa;

Edukazzjoni universitarja: żieda fl-investiment u iktar aċċess

28.  Jirrikonoxxi li l-edukazzjoni universitarja hija aspett ewlieni ta" ekonomija u soċjetà bbażata fuq l-għerf;

29.  Jappoġġja l-pjan biex l-universitajiet ikunu modernizzati bil-ħsieb li jkun żgurat li l-edukazzjoni universitarja ssir iktar kompetittiva, tkun disponibbli għal kulħadd fuq bażi ġusta u tibqa" finanzjarjament vijabbli u effettiva;

30.  Jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-effiċjenza u l-ekwità billi joħolqu kundizzjonijiet u inċentivi xierqa biex ikun żgurat iktar investiment minn sorsi pubbliċi u privati;

31.  Jirrikonoxxi li l-provvediment ta" edukazzjoni universitarja bla ħlas mhux bilfors se jiggarantixxi ekwità; Jistieden f'dan ir-rigward li jsiru aktar studju dwar l-assunzjoni li l-miżati tat-tagħlim m'humiex kwistjoni iżolata iżda huma parti minn għaqda ta" fatturi konnessi ma" inċentivi finanzjarji li, flimkien ma" appoġġ finanzjarju li jakkumpanjawhom, inaqqsu l-inġustizzja fl-aċċess għall-edukazzjoni universitarja fil-każ ta" gruppi żvantaġġjati;

32.  Jisħaq li l-universitajiet iridu jfasslu politiki komprensivi ta" informazzjoni u dħul, sabiex ikunu jistgħu jirreaġixxu għal ħtiġijiet soċjali u ekonomiċi li jiżviluppaw malajr;

Edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali: żieda fil-kwalità u l-valur

33.  Jikkunsidra li, meta wieħed jaraha fid-dawl ta" popolazzjoni li qed tixjiħ, il-problema ta" qgħad għoli permanenti fost iż-żgħażagħ qed issir dejjem iktar serja;

34.  Minħabba l-problema ta" popolazzjoni li qed tixjiħ, jappoġġja l-provvediment ta" edukazzjoni għall-adulti sabiex ikun iktar faċli għan-nies biex jadattaw għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u għal dawk b'ħiliet baxxi biex jiġu involuti fl-edukazzjoni;

35.  Jisħaq li ż-żgħażagħ bil-livelli l-iktar baxxi ta" kisbiet edukattivi għandhom diffikultà kbira biex jidħlu fis-suq tax-xogħol u huma l-iktar vulnerabbli fil-każ ta" tnaqqis fl-ekonomija, għandhom riskju ikbar ta" qgħad u x'aktarx jispiċċaw jagħmlu xogħol li jirrikjedi inqas sengħa jew xogħol każwali;

36.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jippromwovi l-aċċess għall-edukazzjoni u għat-taħriġ ta' nisa żgħażagħ, speċjalment dawk minn reġjuni imbiegħda u gruppi vulnerabbli bħalma huma nisa migranti, nisa minn minoritajiet etniċi, nisa b'diżabilità u nisa bi ftit kwalifiki; jistieden lill-Istati Membri sabiex jidentifikaw u jagħmlu skambju ta' l-aqwa prattiki fil-qasam u jħeġġeġ lill-intrapriżi privati u pubbliċi sabiex jikkontribwixxu b'mod aktar attiv għall-għoti ta' taħriġ ibbażat fuq ix-xogħol, billi jneħħu kull ostakolu marbut ma' l-età, u billi jappoġġjaw il-liv għal taħriġ għal dawk żvantaġġjati;

37.  Jistieden lill-Istati Memberi sabiex jippromwovu l-aċċess għal skemi ta' taħriġ iffinanzjati mis-settur pubbliku għal nisa qiegħda u għal dawk li ma rnexxewx fis-sistema edukattiva obbligatorja;

38.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw politiki li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol għaż-żgħażagħ, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali għan-nisa żgħażagħ, li għandhom tendenza li jiltaqgħu ma' aktar diffikultajiet; jenfasizza li l-kwalità ogħla ta' edukazzjoni u taħriġ u l-investimenti waqt iż-żgħożija, u l-aċċess aħjar għalihom, għandhom implikazzjoni għas-suq tax-xogħol fl-istadji suċċessivi tal-ħajja; jinnota li għandu jiġi implimentat mekkaniżmu ta' evalwazzjoni li jistma l-effiċjenza u l-impatt ta' l-ispiża tal-gvern għall-edukazzjoni fuq il-qgħad fost iż-żgħażagħ, l-aktar fost in-nisa żgħażagħ;

39.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw programmi universitarji ta" eċċelenza peress illi bil-forniment ta" nies speċjalizzati bi kwalifiki għolja f'oqsma differenti, it-talba fuq is-suq tax-xogħol tintlaqa" b'mod aktar effettiv;

40.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-aċċess ugwali għan-nisa u l-irġiel għal teknoloġiji ġodda għandu jiġi mħeġġeġ fi ħdan l-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex il-qasma diġitali bejn l-irġiel u n-nisa titqarreb;

41.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex ikabbru l-proporzjon tan-nisa fix-xjenza, fl-inġinerija u fit-teknoloġija u jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom f'dawn l-oqsma; jistieden lill-gvernijiet nazzjonali sabiex iżidu n-numru tan-nisa f'pożizzjonijiet ta' tmexxija u sabiex ikejlu l-progress billi jadottaw miri kwalitattivi u kwantitattivi;

42.  Jirrakkomanda aċċess aħjar għall-edukazzjoni terzjarja u l-iżvilupp ta" opportunitajiet li jagħmluha possibbli għal dawk li jkunu temmew it-taħriġ tagħhom biex ikomplu jistudjaw u biex javvanzaw fl-edukazzjoni tagħhom filwaqt li jkunu qed jaħdmu;

43.  Jenfasizza li l-programmi ta" taħriġ li jiġu offruti għandhom ikunu flessibbli sabiex titqies id-domanda tas-suq tax-xogħol - b'hekk ikunu mod partikolarment effettiv biex jiżdiedu l-opportunitajiet ta" xogħol għan-nies żvantaġġjati; jirrikonoxxi f'dak ir-rigward li l-investiment pubbliku għandu jiffoka fuq il-gruppi ta" miri l-iktar żvantaġġjati peress li huma jibbenefikaw l-inqas minn taħriġ kontinwu;

44.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jipproponu l-organizzazzjoni flessibbli ta' l-istudju, bi sħab ma' istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja u ta' taħriġ vokazzjonali, sabiex jissodisfaw b'mod aktar effiċjenti l-bżonnijiet ta' żgħażagħ irġiel u nisa li qed jaħdmu jew jieħdu ħsieb responsabilitajiet familjari fl-istess waqt li jistudjaw u biex b'hekk jiġi evitat li dawn jieqfu jistudjaw qabel il-waqt;

45.  Jistieden lill-Istati Membri biex jinvolvu istituzzjonijiet ta" l-edukazzjoni, kumpaniji, sħab soċjali u oħrajn u s-settur pubbliku fi sħubija konġunta rigward l-implimentazzjoni ta" programmi effettivi ta" taħriġ;

Azzjoni mill-Unjoni Ewropea

46.  Jenfasizza li l-mira fundamentali ta' l-azzjoni ta' l-UE hija li tippromwovi l-konverġenza tas-sistemi edukattivi ta' l-UE lejn livelli għoli ta' suċċess;

47.  Jemmen li biex l-azzjoni ta" l-UE tkun immirata aħjar jeħtieġ li jiġi żviluppat proċess, ibbażat fuq rapporti perjodiċi ppreżentati mill-Istati Membri kif ukoll b'verifika indipendenti, sabiex jiġi evalwat ir-rendiment tas-sistemi edukattivi u ta' taħriġ fl-UE, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari sabiex jiġu akkwistati ħiliet bażiċi mill-istudenti u sabiex jintlaħqu l-objettivi ta" l-ekwità;

48.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tippubblika rapporti regolari dwar l-effiċjenza u l-ekwità fis-sistemi edukattivi u ta" taħriġ Ewropew sabiex jiġi sorveljat il-progress lejn livelli ogħla ta" rendiment;

49.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta'l-Istati Membri.

(1) ĠU C313E, 20.12.2006, p.187.
(2) ĠU L 327, 24.11.2006, p. 45.
(3) ĠUC306E, 15.12.2006, p.165.
(4) ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.
(5) ĠU C 233 E, 28.9.2006, p. 100.
(6) ĠU L 64, 04.03.2006, p. 60.

Aġġornata l-aħħar: 2 ta' Ġunju 2008Avviż legali