Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2005/2145(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0337/2007

Testi mressqa :

A6-0337/2007

Dibattiti :

PV 10/10/2007 - 23
CRE 10/10/2007 - 23

Votazzjonijiet :

PV 11/10/2007 - 8.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0432

Testi adottati
DOC 126k
Il-Ħamis, 11 t'Ottubru 2007 - Brussell Verżjoni finali
Ġlieda kontra l-frodi u l-kuntrabandu tas-sigaretti (Ftehim KE-Philip Morris)
P6_TA(2007)0432A6-0337/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Ottubru 2007 dwar l-implikazzjonijiet tal-ftehim bejn il-Komunità, Stati Membri u l-kumpanija Philip Morris dwar l-intensifikar tal-ġlieda kontra l-frodi u l-kuntrabandu tas-sigaretti u dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Inkjesta tal-Parlament dwar is-Sistema tat-Tranżitu Komunitarju (2005/2145(INI))

Il-Parlament Ewropew ,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-13 ta" Marzu 1997(1) , li tapprova r-rapport tal-Kumitat ta' Inkjesta dwar is-Sistema tat-Tranżitu Komunitarju u t-38 rakkomandazzjoni tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-ftehima bejn il-Kummissjoni, għaxar Stati Membri u l-Philip Morris International tad-9 ta" Lulju 2004 kontra l-kuntrabandu u l-iffalsifikar,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 11/2006 tal-Qorti ta' l-Awdituri dwar is-Sistema tat-Tranżitu tal-Komunità, flimkien mat-tweġibiet tal-Kummissjoni(2) ,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A6-0337/2007),

A.   billi s-Sistema tat-tranżitu tal-komunità tiffaċilita l-moviment ta" prodotti Komunitarji u ta" prodotti li m'humiex tal-Komunità, li huma importati minn jew esportati lejn pajjiżi terzi madwar it-territorju ta" l-UE, billi jiġu sospiżi b'mod temporanju d-dazji tad-dwana u taxxi oħra sakemm il-prodotti jilħqu d-destinazzjoni finali tagħhom,

B.   billi wara li ħarġu r-riżultati tal-Kumitat ta" Inkjesta imsemmi hawn fuq, il-Parlament, b'appoġġ mill-Kunsill u mill-Qorti Ewropea ta" l-Awdituri, irrakkomanda li sabiex jiġu evitati frodi, għandhom jiġu kkompjuterizzati l-movimenti ta" tranżitu, jiġi rivedut il-qafas legali u li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jtejbu l-kontrolli fiżiċi bbażati fuq analiżi tar-riskji komuni,

C.   billi Kumitat ta" Inkjesta imsemmi hawn fuq, li kien l-ewwel kumitat tali tal-Parlament Ewropew, irnexxielu joħroġ il-kwistjoni tat-tranżitu 'l barra min-nuqqas amministrattiv għall-arena politika, ġab bidla fir-rispons mill-partijiet interessati u ta xhieda li l-kumitati ta' inkjesta jista' jkollhom valur miżjud sostanzjali fil-proċess politiku u li jistgħu jkunu ta' benefiċċju għaċ-ċittadini ta' l-UE,

1.  Jilqa" b'sodisfazzjon r-Rapport Speċjali imsemmi hawn fuq tal-Qorti Ewropea ta" l-Awdituri Nru 11/2006; jinnota li l-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri għamlet żjarat ta" kontroll fi 11-il Stat Membru li jagħmlu 80% tal-movimenti ta' tranżitu; ifakkar li fil-każ ta" taxxa għolja u prodotti b'piż baxx bħas-sigaretti, l-imposturi jistgħu jagħmlu profitt kbir minn numru żgħir ta" movimenti; jitlob lill-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri biex issegwi s-sejbiet tagħha, mhux biss mal-11-il Stat Membru li żaret, iżda wkoll ma' l-Istati Membri l-oħra;

Kompjuterizzazzjoni tal-proċedura tat-tranżitu

2.  Jinnota li minkejja dewmien sostanzjali, is-Sistema Ġdida ta" Tranżitu Kompjuterizzata (NCTS) ilha taħdem fl-Istati Membri kollha minn Jannar ta' l-2006, għalkemm il-ħidma tagħha tvarja minn Stat Membru għall-ieħor; jikkunsidra dan bħala bidla enormi meta wieħed jqabbilha mal-proċedura l-antika u arkajka ibbażata fuq il-karti; jinnota li mill-aspett tekniku, il-Kummissjoni kkoordinat b'suċċess l-implimentazzjoni ta" l-NCTS fl-Istati Membri;

3.  Jinnota li, għal kuntrarju tal-proċedura l-antika ibbażata fuq il-karti, l-NCTS tipprevjeni approvazzjonijiet foloz ta" operazzjonijiet ta" tranżitu bl-għajnuna ta" dokumenti foloz u bolol iffalsifikati; ifakkar li l-NTCS għandha tgħin ukoll fl-ittraċċar f'ħin reali ta' każi fejn prodotti jitneħħew mis-superviżjoni tad-dwana qabel ma jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom u biex jingħata bidu immedjat ta" inkjesti; jieħu nota tas-sejbiet tal-Qorti Ewropea ta" Awdituri u juri dispjaċir li l-ebda wieħed mill-11-il Stat Membru ma żamm id-data ta' skadenza biex jingħata bidu għal inkjesti; jitlob lill-Kummissjoni biex toqgħod attenta għall-fatt li l-NCTS ma tistax tevita dikjarazzjoni falza ta" prodotti u tieħu azzjoni xierqa sabiex id-dikjarazzjonijiet foloz ta' prodotti jkunu ffaċċjati kif jixraq;

Nuqqasijiet serji fl-applikazzjoni mill-Istati Membri ta" regoli ġodda ta" tranżitu

4.  Jinsab imħasseb dwar diversi punti ta" dgħjufija li l-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri sabet fl-applikazzjoni tal-qafas legali rivedut mill-Istati Membri, b'mod partikulari fir-rigward tal-verifika tas-simplifikazzjonijiet tal-proċedura, ta' l-inkjesti u l-irkupri; jinnota li l-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri ppreżentat lista dettaljata ta" nuqqasijiet u ta" l-Istati Membri kkonċernati (ara l-Anness 1 tar-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea ta" l-Awdituri Nru 11/2006 imsemmi hawn fuq);

5.  Ifakkar li, skond ir-Regolament tar-riżorsi proprji(3) , l-Istati Membri huma obbligati li jdaħħlu d-dazji stabbiliti, wara li jnaqqsu l-ispejjeż tal-ġbir fil-kont A u jpoġġuhom għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fit-tieni xahar wara x-xahar f'liema jkun ġie stabbilit l-intitolament; jinnota li, bħala eċċezzjoni, l-Istati Membri jistgħu jdaħħlu dazji li jibqgħu mhux imħallsa, mhux garantiti jew taħt appell fil-kont B; jinsab imħasseb li l-Qorti sabet li fil-Ġermanja, fi Spanja, fi Franza, fil-Belġju u fl-Ungerija, id-dazji fuq tranżiti mhux kompluti ddaħħlu fil-kontijiet B għalkemm kienu koperti b'garanziji; jinnota li f'xi Stati Membri, il-prattika amministrattiva fir-rigward tal-kontijiet B hija dubjuża;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tibda proċeduri għall-ksur kontra Stati Membri kull meta ssib żbalji fir-rigward tal-kontijiet B li ma jkunux ta' darba, iżda jkunu sistematiċi u strutturali; huwa sodisfatt li, matul dawn l-aħħar sentejn, wara l-proċeduri għall-ksur mibdija mill-Kummissjoni kontra diversi Stati Membri, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tat numru ta' deċiżjonijiet importanti li jikkonfermaw l-interpretazzjoni tar-regoli mill-Kummissjoni; huwa ta" l-opinjoni li s-sistema tal-kontijiet A u B mhix qiegħda taħdem sew u li hemm bżonn li tiġi riveduta wara l-2009;

7.  Jinnota li l-House of Lords(4) tikkunsidra li madwar 4% tad-dħul potenzjali mill-VAT fir-Renju Unit qiegħed jintilef kull sena minħabba frodi tat-tip 'carousel'; jinnota li skond is-sejbiet tal-House of Lords, għalkemm jidher iktar attraenti li jsiru frodi tal-VAT fil-kummerċ intrakomunitarju, dawn it-tip ta' frodi jistgħu jsiru wkoll f'kummerċ ma" pajjiżi terzi; jinsab imħasseb ħafna dwar l-ispjegazzjonijiet tal-House of Lords li fil-każi msemmija, l-abbuż mis-Sistema tat-Tranżitu tal-Komunità, jagħmel parti mir-rutina klassika ta' frodi tat-tip "carousel";

8.  Jinsab allarmat li l-House of Lords ġabret evidenza li ajruplani tal-merkanzija qed jinkrew kull ġimgħa biex iġorru prodotti elettroniċi "l barra mill-UE bħala parti mill-frodi tat-tip "carousel"; josserva li l-House of Lords, b'kunsiderazzjoni għar-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea ta" l-Awdituri Nru 11/2006 imsemmi hawn fuq, ikkonkludiet li: "Dan it-tip ta' frodi qiegħed isir minħabba l-ġestjoni u s-sorveljanza fjakka tas-Sistema tat-Tranżitu Komunitarja mill-Istati Membri";

9.  Huwa rikonoxxenti lejn il-House of Lords talli indirizzat il-vulnerabilità għall-frodi tas-Sistema tat-Tranżitu tal-Komunità, minkejja li l-Qorti Ewropea ta" l-Awdituri ma ffukatx fuq ir-Renju Unit b'mod partikulari; jilqa" b'sodisfazzjon ir-rakkomandazzjoni tal-House of Lords li "l-Gvern għandu jaħdem ma' Stati Membri oħrajn biex jaċċerta li l-bidliet proposti mill-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri għas-Sistema tat-Tranżitu tal-Komunità jsiru prijorità sabiex tkun tista' tiġi missielta l-katina tal-provvista għal dan il-varjant ta'... frodi"; jistieden lill-Istati Membri l-oħra biex jikkoperaw mal-Gvern tar-Renju Unit sabiex fl-aħħar is-Sistema tat-Tranżitu tal-Komunità ma tibqax suxxettibbli għall-frodi; jitlob lill-Kummissjoni biex tikkoordina din il-koperazzjoni;

10.  Jemmen li għandhom jiġu kkunsidrati modi ġodda li jikkoordinaw il-ġlieda kontra l-frodi fiskali fuq il-livell ta' l-UE; jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward, b'mod partikulari l-Komunikazzjoni tagħha tal-31 ta' Mejju 2006 rigward il-bżonn li tiġi żviluppata strateġija kkoordinata biex tittejjeb il-ġlieda kontra l-frodi fiskali (COM(2006)0254); jinnota li l-Kunsill ECOFIN tal-5 ta' Ġunju 2007, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, mhux biss staqsa lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-miżuri konvenzjonali ta' kontra l-frodi, iżda talabha tikkunsidra wkoll il-miżuri ta' kontra l-frodi li huma influwenti b'mod iżjed wiesgħa bħat-tassazzjoni fl-Istati Membri tat-tluq jew l-introduzzjoni ta' sistema mhux obligatorja ta' 'reverse charge'; jinnota li fis-sistema ta' 'reverse charge', l-obbligu tal-ħlas tat-taxxa huwa trasferit mill-kumpanija fornitriċi għall-kumpanija li tirċievi;

11.  Huwa sodisfatt li l-Kunsill ECOFIN tal-5 ta' Ġunju 2007 stieden lill-Kummissjoni biex tanalizza l-effetti ta' mekkaniżmu mhux obbligatorju ta' 'reverse charge' u biex tressaq is-sejbiet tagħha lill-Kunsill sa l-aħħar ta' l-2007; jinnota b'mod partikulari li l-Kunsill staqsa lill-Kummissjoni biex teżamina l-possibilità li tmexxi proġett pilota fl-Awstrija; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq is-sejbiet tagħha wkoll lill-Parlament;

12.  Jinnota li, minn Ġunju 2007, ir-Renju Unit ingħata deroga mir-regoli tal-VAT li jippermettu l-applikazzjoni tar-'reverse charge' għall-VAT fuq it-telefowns ċellulari u ċ-ċippi tal-kompjuter; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq l-evalwazzjoni ta' l-effettività ta' din il-miżura, li hija skedata għall-2009, lill-Parlament ukoll;

13.  Jenfasizza l-fatt li d-derogi fuq dispożizzjonijiet Komunitarji ġenerali fuq il-ġbir tal-VAT dejjem jistgħu jagħtu lok għar-riskju li derogi bħal dawn ma jwaqqfux l-attivitajiet ta' frodi, iżda sempliċiment jittrasferixxu dawn l-attivitajiet f'setturi oħrajn ta' l-ekonomija jew f'pajjiżi oħrajn;

14.  Jenfasizza li t-tfassil ta' strateġija konġunta fuq livell Komunitarju li tissielet il-frodi fiskali għandu jibqa' objettiv ta' prijorità;

15.  Jitlob lill-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri għal opinjoni dwar il-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni li huma mistennija mill-Kunsill għat-tmiem ta' l-2007;

16.  Jinsab maħsud bis-sejba tal-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri li l-Kummissjoni ma għamlet l-ebda spezzjoni tar-riżorsi proprji li jiffukaw fuq it-tranżitu bejn l-2001 u l-2005 iżda għamlet spezzjonijiet biss fuq dawk ta' l-2006; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tinforma lill-Parlament dwar kif in-nuqqas ta' spezzjonijiet se jkun irrimedjat fil-futur;

Spejjeż u benefiċċji ta' l-NCTS rigward il-ġlieda kontra l-frodi

17.  Jinnota li l-Kumitat ta' Inkjesta msemmi hawn fuq ikkunsidra l-investiment għall-NCTS bħala relattivament baxx; jinnota li hu ddependa fuq l-estimi tal-Kummissjoni li l-NCTS se tnaqqas il-frodi b'mod sostanzjali u li se tipprovdi benefiċċju ta' EUR 5 sa 10 biljun fuq perjodu ta' ħames snin; jinnota li studju estern ikkummissjonat mill-Kummissjoni fl-2006, ikkalkula l-ispejjeż totali tal-NCTS għal EUR 359 000 000; jiddispjaċih li ftit li xejn kien hemm data disponibbli u l-ebda data dwar l-ammonti rkuprati mis-sejbien tal-frodi;

18.  Barra minn hekk, jinnota s-sejbiet li ġejjin mill-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri(5) : "Evalwazzjoni tar-riforma tas-sistema ta' tranżitu, f'termini tat-tnaqqis tal-frodi ta' tranżitu, se tkun teħtieġ data affidabbli u kompluta dwar frodi fuq livell ta' l-UE. Madanakollu r-rapport tal-verifika wera li l-affidabilità u l-kompletezza tas-sorsi ta' data ewlenin disponibbli dwar frodi u irregolaritajiet waqt tranżiti fil-livell ta' l-UE, ma jistgħux ikunu żgurati"; ma jinsabx lest biex jikkonsidra r-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-NCTS li jkunu pożittivi sakemm il-Kummissjoni tippreżenta data dwar il-limitu safejn l-NCTS se tnaqqas il-frodi u tevita t-telf tar-riżorsi proprji;

Razzjonalizzazzjoni ta' sistemi ta' skambju ta' informazzjoni u kontrolli fiżiċi

19.  Jinnota t-talba tal-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri li l-Kummissjoni tingħata aċċess sħiħ għas-sistemi ta' l-informatika disponibbli jew ippjanati għal kull tip ta' oġġett - mhux biss għall-oġġetti sensittivi - għall-iskop ta' analiżi operazzjonali u strateġika u għall-ġestjoni tar-riskju, filwaqt li tiżgura l-ħarsien xieraq tad-data personali(6) ; jinnota li l-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri tagħti eżempji tal-NCTS, l-ECS (Export Control System), l-AIS (Automated Import System) u l-EMCS (Excise Movement and Control System);

20.  Jistieden lis-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għas-sistemi ta' skambju ta' informazzjoni relatati ma' irregolaritajiet u frodi, speċjalment id-DĠ għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali (TAXUD), id-DĠ għall-Baġit (BUDG) u l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), sabiex isaħħu dawn il-banek tad-data, sabiex jipprovdu lill-Komunità statistika affidabbli u sħiħa dwar il-limitu safejn l-attivitajiet tagħha jnaqqsu l-irregolaritajiet u l-frodi, sabiex jistabbilixxu approċċ komuni għall-analiżi tar-riskju fil-livelli Komunitarji u nazzjonali u sabiex jikkoordinaw il-kontrolli fiżiċi skond il-bżonn; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tirrapporta s-sejbiet tagħha lill-Parlament u lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit sa l-aħħar ta' l-2008;

21.  Jiddispjaċih għal fatt li minkejja li l-Kumitat ta' Inkjesta imsemmi hawn fuq kien diġà ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tfassal politika komuni dwar il-ġestjoni tar-riskju fl-1997, qafas komuni ta' ġestjoni tar-riskju fir-rigward tat-tranżitu u għal proċeduri tad-dwana oħrajn iddaħħal fil-liġi Komunitarja għall-ewwel darba fir-Regolament (KE) Nru 648/2005(7) , li jipprovdi għal perjodi twal ta' tranżitu sakemm l-Istati Membri jkunu obbligati jimplimentaw ġestjoni ta' riskju kompjuterizzata;

22.  Jinnota li, skond il-leġiżlazzjoni Komunitarja, id-definizzjoni ta' riskji fir-rigward tat-tranżitu u ta' proċeduri tad-dwana oħrajn tinkludi b'mod espliċitu avvenimenti li jikkompromettu l-interessi finanzjarji tal-Komunità u ta' l-Istati Membri; jinnota li, skond ir-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea ta" l-Awdituri Nru 11/2006 imsemmi hawn fuq, is-servizzi tal-Kummissjoni għadhom ma affaċċjawx b'mod xieraq ir-riskju ta' frodi fis-settur tat-tranżitu;

23.  Iqis li x-xogħol ta' l-OLAF jeħtieġ li jiġi ffaċilitat aktar b'mod urġenti sabiex ikun jista' jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità b'mod effettiv; għalhekk jistieden lill-awtorità baġitarja biex tiffriża l-finanzjament ulterjuri għall-NCTS sakemm l-OLAF ikollu aċċess sħiħ għad-data ta' l-NCTS fil-prattika, li għandu jipprovdi stampa ġenerali tar-rotot tat-traffiku kkonsolidati ta' prodotti sensittivi fi tranżitu u tippermetti analiżi strateġika u operattiva li għandha ssir fir-rigward ta' prodotti bħal dawn; jirrimarka li l-OLAF għandu jkollu aċċess ukoll għal dik id-data meta tidħol fis-seħħ id-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ, propost mill-Kummissjoni (COM(2005)0609);

24.  Jifraħ lill-OLAF talli kkoordina b'suċċess lill-awtoritajiet tad-dwana kollha tas-27 Stat Membru waqt l-operazzjoni "Diabolo" fi Frar 2007, li wasslet għall-qbid ta' 135 miljun sigarett falz u prodotti foloz oħra u li evita t-telf potenzjali ta' EUR 220 000 000 lill-baġits tal-Komunità u ta' l-Istati Membri;

25.  Jinnota li, fir-rigward tal-ġestjoni tar-riskju fl-Istati Membri, ir-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri Nru 11/2006 imsemmi hawn fuq jikkonkludi li "f'diversi Stati Membri l-ġestjoni sistematika tar-riskju fir-rigward tat-tranżitu hija rudimentali jew ineżistenti, u ftit minnhom biss għandhom profili ta' riskju integrati fl-NCTS"(8) ; huwa sodisfatt li xi Stati Membri diġà rreaġixxew għas-sejbiet tal-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri u bħalissa qegħdin jinkludu għodod ta' l-analiżi tar-riskju fl-applikazzjoni nazzjonali ta' l-NCTS; jinkuraġġixxi lill-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri biex issegwi s-sejbiet tagħha dwar il-ġestjoni tar-riskju ma' kull Stat Membru; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw il-konformità mal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-ġestjoni tar-riskju fir-rigward tat-tranżitu u ta' proċeduri ta' dwana oħrajn;

26.  Jinnota li l-awtoritajiet tad-dwana ta' xi Stati Membri jużaw teknoloġiji iżjed avvanzati minn oħrajn, pereżempju għall-iskannjar ta' kontejners li jidħlu fil-portijiet ta' l-UE; jibża' li dawk li jagħmlu l-frodi jiffokaw fuq portijiet li jużaw teknoloġiji inqas avvanzati; jitlob lill-Kummissjoni biex iżżomm għajnejha fuq l-iżviluppi teknoloġiċi u biex tippromwovi t-teknoloġiji l-iżjed riċenti ma' l-UE kollha;

Koperazzjoni ma" pajjiżi terzi

27.  Jirrimarka li kull sistema ta' skambju ta' informazzjoni transkonfinali taħdem biss jekk l-amministrazzjonijiet tad-dwana jkunu mgħammra tajjeb u jekk l-uffiċjali tad-dwana jkunu mħarrġa sewwa; għalhekk jilqa' b'sodisfazzjon l-estensjoni tal-programm ta' azzjoni Komunitarja għad-dwana sa l-2013; jistieden lill-Kunsill biex iħaffef il-proċedura leġiżlattiva sabiex jestendi l-programm Fiscalis li jirrigwarda t-titjib tat-tħaddim tas-sistemi tat-tassazzjoni fis-suq intern sa l-2013; jirrimarka li trid tingħata attenzjoni partikulari għall-parteċipazzjoni f'dawn il-programmi mill-pajjiżi kandidati, ġirien u terzi oħrajn, mhux l-inqas bil-ħsieb li tiġi ffaċċjata l-problema ta' pajjiżi li joffru kenn mit-taxxa (tax havens);

28.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li tissaħħaħ iżjed il-koperazzjoni fir-rigward ta' kwistjonijiet tad-dwana ma' pajjiżi li jmissu mal-fruntieri ta' l-Unjoni; iqis li s-sitwazzjoni fil-fruntiera ta' Kaliningrad tjiebet, iżda xorta għad hemm numru sostanzjali ta' importazzjonijiet illegali ta' sigaretti u prodotti oħrajn;

Approċċ ġdid għall-ġlieda kontra l-kuntrabandu u l-iffalsifikar tas-sigaretti: Il-ftehima Philip Morris u iktar

29.  Iqis bħala allarmanti l-konklużjoni(9) tal-Kummissjoni li l-prodotti tat-tabakk, bħas-snin preċedenti, xorta għadhom fost l-iżjed prodotti li jintlaqtu l-aktar mill-frodi u minn irregolaritajiet; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-prezzijiet bl-imnut, fl-UE li issa kibret, jinġiebu fi strixxa iżjed dejqa biex b'hekk jonqos il-profitt mill-kuntrabandu tas-sigaretti; jistieden lill-OLAF biex jiżvela mhux biss l-ammont ta' qabdiet iżda wkoll l-ismijiet tad-ditti involuti;

30.  Huwa mħasseb dwar iż-żieda fl-ammont ta' sigaretti foloz li nstabu fis-suq Ewropew; iqis bħala problematiċi mhux biss it-telf fid-dħul u mid-dwana, iżda wkoll il-fatt li l-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' dawn il-prodotti huma sors ta' dħul li qiegħed jikber għal organizzazzjonijiet kriminali; jistieden lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament dwar azzjonijiet li tieħu biex tiffaċċja dan it-tip ta' reat partikulari;

Il-ftehim ma' Philip Morris

31.  Ifakkar li l-ftehim mal-kumpanija Philip Morris biex tintemm kull litigazzjoni bejn il-partijiet, skond liema ftehim l-kumpanija ġiet obbligata tħallas USD 1,25 biljun fuq perjodu ta' 12-il sena, u li kellha l-għan li tissielet il-frodi u l-kummerċ illegali tas-sigaretti, kien pass kbir 'il quddiem; jinnota li skond dan il-ftehim, il-kumpanija Philip Morris se ssaħħaħ l-ittraċċar u l-lokalizzazzjoni tal-prodotti tagħha sabiex tassisti lill-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra l-kummerċ illegali; jinnota li skond il-ftehim, il-kumpanija Philip Morris għandha tħallas kumpens għat-telf ta' drittijiet fil-każ tal-qbid ta' sigaretti bl-isem tad-ditta Philp Morris; jistieden lill-gvern tar-Renju Unit sabiex jingħaqad mal-ftehim minħabba li r-Renju Unit huwa l-uniku Stat Membru li għadu ma ffirmax il-ftehim; jistieden lill-House of Lords sabiex tappoġġja din it-talba fid-dawl tal-ħidma tagħha kontra l-frodi fl-UE;

32.  Huwa ddiżżappuntat ħafna dwar il-mod kif il-Kummissjoni pproċessat id-distribuzzjoni tal-ħlasijiet mill-ftehim tal-Philip Morris fost l-10 Stati Membri u l-Komunità, fejn minn dawn il-ħlasijiet il-Komunità rċeviet 9.7% biss u l-bqija mar dritt, bla ma ġie assenjat, għand il-Ministri tal-Finanzi ta' l-Istati Membri; iqis li din id-distribuzzjoni tmur kontra l-ispirtu u l-ħsieb tal-ftehim, li kien innegozjat fuq il-bażi li l-USD 1,25 biljun inkwistjoni kellhom jintużaw fil-ġlieda kontra l-frodi;

33.  Iqis u jifhem li d-distribuzzjoni xejn għaqlija tal-ħlasijiet magħmula mill-kumpanija Philip Morris fil-kuntest tal-ftehim jiskuraġġixxi bis-sħiħ lil manifatturi oħrajn milli jikkonkludu ftehim simili, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex qabel ma jiffirmaw ftehim oħrajn, jagħmluha ċara lill-partijiet kollha li l-ħlasijiet futuri se jintużaw għall-ġlieda kontra l-frodi;

Negozjati għal ftehim oħrajn

34.  Jiddispjaċih li sa issa, l-ebda manifattur ieħor tas-sigaretti ma kkonkluda ftehim simili; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tkompli negozjati mal-parteċipanti ewlenin kollha fis-suq, sabiex ittemm ftehim fejn il-ftehim Philip Morris, minbarra l-ħlas prinċipali, hija l-istandard prinċipali; jappoġġja lill-Kummissjoni fl-istedina riċenti tagħha lill-Japan Tobacco u lir-Reynolds American biex jiffirmaw ftehim simili sabiex l-UE twaqqa' l-proċeduri legali kontriehom;

35.  Madankollu huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tuża l-poteri legali kollha tagħha biex tfittex kumpens sostanzjali għat-telf li ġarrbu l-UE u l-Istati Membri, kemm direttament u kemm indirettament, minħabba kumpaniji involuti fit-tħaffif tal-kummerċ illegali tas-sigaretti u ta' prodotti tat-tabakk oħrajn, kemm fl-imgħoddi u kemm fil-ġejjieni;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni, u b'mod partikulari l-OLAF, biex jinfurmaw lill-kumitat kompetenti tal-Parlament fuq bażi regolari u kunfidenzjali dwar il-progress li jkun sar fil-konklużjoni tal-ftehim ma' produtturi tal-prodotti tat-tabakk, inkluż fir-rigward ta' proċeduri legali possibbli kontra dawn il-kumpaniji;

37.  Huwa tal-fehma li l-ftehim mal-kumpanija Philip Morris għandha sservi ta' eżempju għal ftehim ma' kumpaniji li jipproduċu u jinnegozjaw prodotti riskjużi ħafna oħrajn bħall-alkoħol, it-tessuti, il-prodotti taż-żejt minerali u anke prodotti agrikoli oħrajn; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament dwar liema passi biħsiebha tieħu biex tiżviluppa u tinnegozja ftehim standard f'setturi oħrajn;

38.  Huwa tal-fehma li dan it-tip ta' ftehim għandu jkun konkluż ukoll mal-produtturi u n-negozjanti tat-tabakk mhux ipproċessat, b'mod speċjali fir-rigward ta' l-intraċċar u l-lokalizzazzjoni; iqis li ftehim bħal dawn għandhom jgħinu biex tissaħħaħ it-trasparenza u biex jiġi stabbilit qsim ġust tar-riskju finanzjarju fost il-persuni u l-kumpaniji kollha li jkollhom interess finanzjarju fil-kummerċ tas-sigaretti;

39.  Jinnota li r-riskju għoli ta' frodi fil-qasam tat-tranżitu f'każi ta' prodotti sensittivi bħas-sigaretti jew l-alkoħol wassal għal bidla fis-suq tat-trasport u l-loġistika; jinnota li llum il-ġurnata bosta kumpaniji tat-trasport qegħdin jirrifjutaw li jkollhom x'jaqsmu ma' dawn il-prodotti; jinnota li kumpaniji tat-trasport oħrajn speċjalizzaw fit-trasport ta' dawn il-prodotti, filwaqt li jipproteġu lilhom infushom b'mod speċifiku kontra l-frodi, pereżempju billi jitolbu lill-klijenti tagħhom biex iġorru r-responsabilità tat-tranżitu ta' dawn il-prodotti;

40.  Jistieden lill-kumpaniji tal-loġistika u lill-produtturi, lill-esportaturi u lill-importaturi ta' prodotti sensittivi - minkejja n-negozjati li għadhom għaddejjin dwar ftehim simili għal dik tal-Philip Morris - biex isaħħu l-miżuri ta' kontra l-frodi tagħhom b'koperazzjoni mal-Kummissjoni u ma' l-awtoritajiet nazzjonali tad-dwana;

Miżuri ulterjuri biex jiġi missielet in-negozju illegali tas-sigaretti

41.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, minkejja d-dewmien fil-proċedura leġiżlattiva, sabiex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-programm Hercule II; jinnota li l-pakkett finanzjarju għall-2007 sa l-2013 huwa ta' EUR 98 500 000 u li l-Kummissjoni qiegħda tippjana li tonfoq EUR 44 000 000 fuq il-prijorità l-ġdida tagħha li tiġġieled il-kummerċ illegali tas-sigaretti;

42.  Jappoġġja bis-sħiħ l-attivitajiet tal-Kummissjoni sabiex torbot il-prinċipji tal-ftehim Philip Morris fil-protokoll dwar il-kummerċ illegali mal-Konvenzjoni ta' Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ta' l-2005;

43.  Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni twaqqaf laboratorju li jippermetti lill-membri ta' l-istaff responsabbli mill-infurzar biex jivverifikaw jekk is-sigaretti jkunux ġenwini jew le u biex jiġbor ir-riżultati ta' dawn il-verifiki f'bank ta' data li tinkludi l-oriġini tat-tabakk u ta' komponenti oħrajn tas-sigaretti; iqis li l-manifatturi tas-sigaretti għandhom ikunu mistiedna biex jagħtu appoġġ finanzjarju għal dan il-proġett;

44.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tniedi studju u, jekk jista' jkun, proġett pilota biex tidentifika l-aħjar soluzzjoni teknika possibbli sabiex jiġu identifikati s-sigaretti oriġinali, li fl-istess ħin tiżgura wkoll li l-konsumaturi jixtru sigaretti ġenwini u tiggarantixxi l-aqwa reżistenza għall-frodi; huwa tal-fehma li jekk soluzzjoni teknika bħal din hija possibbli, il-Kummissjoni, b'koordinazzjoni ma' l-industrija tat-tabakk u l-Istati Membri, għandha tipproponi li n-normi u l-istandards Ewropej ta' dan il-qasam jkunu adattati kif jixraq;

45.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, sabiex tissielet il-kutrabandu tas-sigaretti, biex tipproponi leġiżlazzjoni li tintroduċi sistema ta' liċenzjar għax-xiri ta' magni u ta' apparati oħrajn li jipproduċu s-sigaretti, u projbizzjoni fuq in-negozju ta' magni diġà użati (second hand);

46.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi pjattaforma għall-partijiet interessati kollha, li tkun tinkludi l-industrija u s-soċjetà ċivili, biex jinstabu u jiġu kkoordinati strateġiji iżjed effettivi fil-ġlieda kontra l-kummerċ illegali tal-prodotti tat-tabakk, inklużi s-sigaretti tal-kutrabandu;

47.  Fl-aħħar, jistieden lill-Kummissjoni sabiex (a) tirrimedja n-nuqqas ta' spezzjonijiet waqt it-tranżitu; (b) isaħħaħ il-banek tad-data, tiżgura data affidabbli rigward il-frodi u l-irregolaritajiet u ssib approċċ komuni għall-analiżi tar-riskju u l-kontrolli fiżiċi; u (c) tkompli tippromwovi l-kisbiet tal-ftehim Philip Morris fuq livell Ewropew u internazzjonali;

48.  Barra minn dan, jistieden lill-Istati Membri biex (a) jarmonizzaw l-applikazzjonijiet ta' l-informatika li jimplimentaw l-NCTS, kif issuġġeriet il-Kummissjoni fil-proposta leġiżlattiva dwar ambjent mhux ibbażat fuq il-karti għad-dwana u n-negozju ("Deċiżjoni dwar l-eCustoms"); (b) iwaqqfu il-prattiki ambigwi li jintużaw f'xi Stati Membri fir-rigward tal-kontijiet B; u (c) jindirizzaw b'urġenza n-nuqqasijiet imsemmija mill-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri, speċjalment rigward kontrolli fuq simplifikazzjonijiet tal-proċedura, ta' l-inkjesti u ta' l-irkupri;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta rapport komprensiv dwar is-segwitu tagħha u ta' l-Istati Membri għal din ir-riżoluzzjoni lill-kumitat kompetenti tal-Parlament sat-tmiem ta' l-2008.

50.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri.

(1) ĠU C 115, 14.4.1997, p. 157.
(2) ĠU C 44, 27.2.2007, p. 1.
(3) Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 tat-22 ta' Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi propji tal-Komunità (ĠU L 130, 31.5.2000, p.1).
(4) House of Lords, Kumitat ta" l-Unjoni Ewropea, l-20 Rapport tas-Sessjoni 2006-07, "Stopping the Carousel: Missing Trader Fraud in the EU", ippubblikat fil-25 ta" Mejju 2007.
(5) ĠU C 44, 27.2.2007, p. 1, paragrafu 56.
(6) ĠU C 101, 4.5.2007, p. 4, paragrafu 9.
(7) Ir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-13 April 2005 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi tad-Dwana tal-Komunita (ĠU L 117, 4.5.2005, p. 13).
(8) ĠU C 44, 27.2.2007, p. 1, paragrafu 74.
(9) Ara l-anness għar-rapport annwali 2006 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità, ippubblikat fis-6 ta' Lulju 2007 (COM(2007)0390 - SEC(2007)0938).

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Ġunju 2008Avviż legali