Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2126(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0325/2007

Testi mressqa :

A6-0325/2007

Dibattiti :

PV 24/10/2007 - 12
CRE 24/10/2007 - 12

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2007 - 7.11
CRE 25/10/2007 - 7.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0482

Testi adottati
DOC 100k
Il-Ħamis, 25 t'Ottubru 2007 - Strasburgu Verżjoni finali
Relazzjonijiet UE-Serbja
P6_TA(2007)0482A6-0325/2007

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2007 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u s-Serbja (2007/2126(INI))

Il-Parlament Ewropew ,

–   wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni lill-Kunsill imressqa minn Jelko Kacin f'isem il-Grupp ALDE dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u s-Serbja (B6-0202/2007),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Settembru 2005 dwar id-difiża tal-multietniċità fil-Vojvodina(1) ,

–   wara li kkunsidra r-Rapport tat-2 ta' Marzu 2005 dwar il-missjoni ta' ġbir ta' fatti mid-delegazzjoni tiegħu ad hoc fil-Vojvodina u f'Belgrad ,

–   wara li kkunsidra t-twaqqif tar-Repubblika tas-Serbja bħala s-suċċessur ta' l-Unjoni Statali bejn is-Serbja u l-Montenegro wara referendum fil-Montenegro fil-21 ta' Mejju 2006 li ffavurixxa l-indipendenza,

–   wara li kkunsidra l-kostituzzjoni l-ġdida Serba adottata b'referendum popolari fit-28-29 ta' Ottubru 2006,

–   wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress tal-Kummissjoni għall-2006 dwar is-Serbja, tat-8 ta' Novembru 2006 (SEC(2006)1389),

–   wara li kkunsidra l-adeżjoni tas-Serbja mas-Sħubija għall-Paċi (Partnership for Peace) tan-NATO fl-14 ta' Diċembru 2006,

–   wara li kkunsidra r-riżultat ta' l-elezzjonijiet parlamentari Serbi tal-21 ta' Jannar 2007,

–   wara li kkunsidra s-sentenza tas-26 ta' Frar 2007 tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (ICJ) fil-każ tal-Bożnja u Ħerżegovina kontra s-Serbja u l-Montenegro,

–   wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 405/2006 tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar il-Kostituzzjoni tas-Serbja, mogħtija fid-19 ta' Marzu 2007,

–   wara li kkunsidra t-twaqqif ta' gvern ġdid f'Belgrad fil-15 ta' Mejju 2007,

–   wara li kkunsidra l-ħames objettivi prinċipali tal-gvern il-ġdid Serb, ippreżentati fil-15 ta' Mejju 2007,

–   wara li kkunsidra n-negozjati bejn l-UE u s-Serbja dwar l-Assoċjazzjoni u l-Istabbilizzazzjoni (SAA) li nbdew mill-ġdid fit-13 ta' Ġunju 2007,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar il-Balkani tal-Punent mill-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tat-12 ta' Frar u tat-18 ta' Ġunju 2007,

–   wara li kkunsidra r-rapport tat-18 ta' Ġunju 2007 ppreżentat mill-Kap Prosekutur tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex-Jugożlavja (ICTY) lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-koperazzjoni tas-Serbja ma' l-ICTY,

–   wara li kkunsidra l-iskambju ta' opinjonijiet mal-Kap Prosekutur ta' l-ICTY fil-laqgħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament tas-26 ta' Ġunju 2007,

–   wara li kkunsidra l-ftehim bejn l-UE u s-Serbja għall-infurzar xieraq tad-drittijiet ta' proprjetà sabiex tintlaħaq kemm l-istabilità politika kif ukoll dik ekonomika,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 114(3) u l-Artikolu 90 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A6-0325/2007),

A.   billi l-futur tas-Serbja jinsab fl-Unjoni Ewropea,

B.   billi s-Serbja hija fattur importanti għall-istabilità u l-prosperità fir-reġjun, bil-prospett ta' adeżjoni ma' l-UE jipprovdi inċentiv ewlieni għar-riforma,

C.   billi s-Serbja hija firmatarja ta' l-Assoċjazzjoni tal-Kummerċ Ħieles ta' l-Ewropa Ċentrali (CEFTA) u dan l-aħħar lestiet in-negozjati tekniċi li għandhom x'jaqsmu ma' l-SAA; billi l-adeżjoni tas-Serbja mad-WTO tista' tiġi ffinalizzata qabel l-2008,

D.   billi sebgħin fil-mija ta' dawk is-Serbi li vvutaw huma favur adeżjoni ma' l-UE u żewġ terzi taċ-ċittadini vvutaw għal partiti li jagħmlu parti mill-kamp demokratiku,

E.   billi s-Sebja għandha gvern ġdid li huwa favur l-Ewropa u favur ir-riformi,

F.   billi s-suċċess tal-ftuħ mill-ġdid tan-negozjati dwar l-SAA min-naħa tas-Serbja jista' jservi bħala eżempju ulterjuri tal-bidliet pożittivi fil-Balkani tal-Punent, influwenzati, inter alia, mill-UE,

G.   billi saru u għandhom jibqgħu jsiru sforzi ġodda u ġenwini biex tiġi megħluba d-diviżjonijiet u l-attitudnijiet tal-passat u biex jitħeġġeġ ġejjieni Ewropew għaċ-ċittadini tas-Serbja,,

H.   billi fl-2006 l-ekonomija Serba wriet tkabbir qawwi (madwar 5.8%) u volum dejjem jikber ta' investiment dirett barrani; billi, madankollu, jibqa' t-tħassib dwar id-defiċit tal-kont kurrenti, li qed ikompli jikber, u dwar ir-rata għolja ta' qgħad (madwar 20.9% fl-2006),

I.   billi l-korruzzjoni għadha problema serja fis-Serbja, u billi fl-Indiċi tal-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni ta' l-2006 ta' Trasparenza Internazzjonali, is-Serbja kellha l-punteġġ medju ta' 3.0 (fuq skala li tvarja minn 0, li tfisser "korrott ħafna" sa 10, li tfisser "nadif ħafna"),

J.   billi tnejn mis-sitt maħrubin akkużati b'delitti tal-gwerra u mfittxija mill-ICTY ġew arrestati riċentement u ttrasferiti lejn l-Aja u erbgħa minnhom għadhom ma nqabdux, inklużi Ratko Mladić u Radovan Karadžić,

K.   billi l-pubbliku Serb mhux infurmat biżżejjed dwar il-livell tad-delitti mwettqa fil-gwerer riċenti, speċjalment f' Srebrenica,

L.   billi l-gwerer fil-Jugożlavja biddlu b'mod profond in-nisġa soċjali tas-Serbja u wasslu, inter alia, għall-emigrazzjoni ta' ħafna mill-aħjar politiċi u intellettwali u għall-influss ta' refuġjati u persuni li ġew spustati internament (IDPs), flimkien mar-ritorn ta' veterani trawmatizzati mill-vjolenza tad-disgħinijiet,

M.   billi d-diżintegrazzjoni tal-Jugożlavja kellha konsegwenzi devastanti f'termini ta" mwiet u ta" tbatija umana, u għaldaqstant ir-rikonċiljazzjoni interetnika saret ta' l-akbar importanza biex tkun garantita l-istabilità fir-reġjun,

1.  Jemmen li s-Serbja jixirqilha tifħir speċjali għar-riżoluzzjoni paċifika ta' serje ta' sfidi diffiċli matul l-aħħar sena, inklużi x-xoljiment ta' l-Unjoni Statali bejn is-Serbja u l-Montenegro, elezzjonijiet parlamentari ġusti u ħielsa u t-twaqqif ta' gvern ġdid b'politika favur l-Ewropa,

2.  Jilqa' it-tlestija tan-negozjati tekniċi dwar SAA bejn il-Gvern Serb u l-UE wara waqfa ta' tlettax-il xahar; jinkoraġġixxi liż-żewġ naħat biex jagħmlu l-arranġamenti kollha meħtieġa sabiex jiġi evitat dewmien tekniku qabel fil-perjodu ta' l-interim bejn il-bidu u l-iffirmar ta'l-SAA, sabiex l-iffirmar ikun jista' jseħħ qabel it-tmiem ta' l-2007; jikkunsidra l-iffirmar ta' l-SAA bħala pass importanti fit-triq lejn l-adeżjoni ma' l-UE;

3.  Jilqa' b'sodisfazzjon ix-xewqa tal-Gvern Serb li jikkopera ma' l-ICTY, liema koperazzjoni twitti t-triq għal koperazzjoni ulterjuri ma' l-UE, iżda jinsisti li din il-koperazzjoni malajr għandha twassal għal aktar riżultati;

4.  Jinnota l-preżentazzjoni li saret mill-Kap Prosekutur ta' l-ICTY, Carla del Ponte, lill-Kunsill dwar Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni ta' l-UE, li ltaqa' fil-Lussemburgu fil-15 ta'Ottubru 2007; jitlob lis-Serbja biex issolvi l-kwistjonijiet li għadhom miftuħa rigward il-koperazzjoni sħiħa ma' l-ICTY b'rabta maż-żjara li ser tagħmel dalwaqt f'Belgrad is-Sra Del Ponte; jitlob lill-Kummissjoni, meta dawn il-kwistjonijiet jiġu solvuti, biex tinizjala l-SAA mingħajr aktar dewmien;

5.  Jifraħ lis-Serbja għall-progress reċenti tagħha fil-koperazzjoni ma' l-ICTY, li għamilha possibbli li n-negozjati SAA jkomplu u li l-Prosekutur Ewlieni ta' l-ICTY, Carla Del Ponte tagħti evalwazzjoni pożittiva rigward il-koperazzjoni tas-Serbja mat-Tribunal; jilqa' b'sodisfazzjon l-arrest u t-trasferiment lejn l-Aja ta' Zdravko Tolimir u Vlastimir Đorđević, l-assigurazzjoni tal-Prim Ministru Koštunica lil Carla Del Ponte li "aktar arresti huma probabbli" (inkluż l-arrest ta' l-ex-Ġeneral Serb Bożnijaku Ratko Mladić), u l-ħolqien ta' strutturi ġodda mmirati li jiċċentralizzaw l-attivitajiet kollha biex jinqabdu l-maħruba, inkluż it-titjib fit-trasparenza tal-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali; jilqa' b'sodisfazzjon il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet tas-Serbja, tal-Bożnja Ħerżegovina u tal-Montenegro fl-iffaċilitar tat-trasferimenti riċenti lejn l-Aja;

6.  Ifakkar lis-Serbja li l-firma ta' l-SAA hija bil-kundizzjoni li jkun hemm koperazzjoni sħiħa ma' l-ICTY, u li dan għandu jwassal għall-arrest u t-trasferiment ta' l-akkużati kollha li fadal, filwaqt li jinnota li l-arresti reċenti huma prova li l-awtoritajiet Serbi huma kapaċi jsibu u jaqbdu lill-kriminali akkużati b'delitti tal-gwerra; jenfasizza li koperazzjoni sħiħa ma' l-ICTY mhix biss obbligu internazzjonali iżda wkoll pass fundamentali lejn il-kisba ta' rikonċiljazzjoni dejjiema fir-reġjun; għal dan il-għan, jistieden lill-parlament Serb sabiex iwettaq l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mis-sentenza msemmija hawn fuq ta' l-ICJ u jadotta dikjarazzjoni li tiddenunzja l-ġenoċidju ta' Srebrenica;

7.  Jemmen, meta jitqies l-għeluq ippjanat ta' l-ICTY, li attwalment jipprevedi l-għeluq tal-proċessi sa l-2008, li jkun meħtieġ li tiġi kkunsidrata l-estensjoni tal-mandat ta' l-ICTY jekk il-kriminali tal-gwerra li huma akkużati jkollhom jiġu arrestati wara din id-data;

8.  Jinnota li l-ftehim ta' kompromess milħuqa fil-Kunsill Ewropew li seħħ fi Brussell fil-21 u 22 ta' Ġunju 2007 wittiet it-triq għal bażi legali mġedda għall-Unjoni Ewropea qabel l-2009, u li dan joħloq il-kuntest istituzzjonali meħtieġ għal tkabbir fil-ġejjieni u jippermetti lill-UE u lis-Serbja biex b'mod dinamiku jmexxu l-proċess ta' adeżjoni fuq il-bażi ta' l-iżvilupp u l-merti tas-Serbja;

9.  Huwa tal-fehma li riżoluzzjoni tal-kwistjoni dwar l-istatus tal-Kosovo se tikkonsolida l-istabilità fil-Balkani tal-Punent kif ukoll tiffaċilita l-integrazzjoni tar-reġjun fl-Unjoni Ewropea;

10.  Jinnota b'sodisfazzjon li s-Serbja għamlet progress ekonomiku sinifikattiv sa mill-2000, b'rata medja annwali ta' tkabbir ta' 5%; jinnota, madankollu, li skond l-evalwazzjoni ta' l-IMF, dan ma wassalx għal tnaqqis fil-faqar jew fir-rata għolja ta' qgħad (li hi aktar minn 20%); jemmen li hija sfida ewlenija għall-gvern il-ġdid li jindirizza dawn il-problemi; għaldaqstant jistieden lill-gvern Serb biex jimpenja ruħu b'aktar qawwa għall-ħolqien ta' l-impjiegi u għat-taffija tal-faqar u biex jadotta miżuri konkreti mmirati lejn żvilupp ekonomiku aktar ibbilanċjat fid-distretti kollha tal-pajjiż, filwaqt li tingħata attenzjoni partikulari lill-partijiet inqas żviluppati tax-Xlokk u tal-Lvant tal-pajjiż; more balanced economic development in all districts of the country, with particular attention being paid to underdeveloped south-eastern and eastern parts of the country;

11.  Jemmen li l-iżvilupp ulterjuri ta' l-istrutturi u l-proċeduri amministrattivi jista' jżid il-fiduċja fl-istat tad-dritt, isaħħaħ l-ekonomija tas-suq u jinkoraġġixxi t-tkabbir ekonomiku fis-Serbja; jistieden lill-awtoritajiet Serbi biex itejbu l-ambjent ekonomiku għall-investiment barrani u t-trasparenza fir-relazzjonijiet kummerċjali;

12.  Jinnota b'sodisfazzjon li s-Serbja għandha kostituzzjoni ġdida li tinkludi dispożizzjonijiet pożittivi fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem; jinnota, madankollu, li jeħtieġ li l-qafas legali għall-protezzjoni tal-minoranzi jittejjeb aktar; jinsab imħasseb dwar dispożizzjonijiet problematiċi li jirrigwardjaw, inter alia, il-proċedura għall-ħatra, l-għoti ta' promozzjoni u t-tneħħija ta' mħallfin u prosekuturi u n-nuqqas ta' konsultazzjoni pubblika xierqa jew dibattitu parlamentari xieraq matul il-proċess ta' abbozzar; jistieden lill-awtoritajiet Serbi sabiex jikkunsidraw it-tisħiħ ta' l-ambitu tad-deċentralizzazzjoni territorjali b'mod partikolari vis-à-vis l-Vojvodina;

13.  Jenfasizza l-importanza li jkun żgurat li l-għajnuna ta" l-UE tingħata b'mod li jqis l-istruttura attwali territorjali u amministrattiva tas-Serbja u l-kompożizzjoni etnika u r-relazzjonijiet tradizzjonali ekonomiċi u kulturali fi ħdan it-territorji konċernati, bl-involviment sħiħ ta" l-awtoritajiet lokali u reġjonali; Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Kumitati kompetenti jimmoniterjaw mill-qrib l-organizzazzjoni tar-reġjuni tal-livell NUTS 2 fis-Serbja;

14.  Ifaħħar lis-Serbja għall-kisba ta' aktar trasparenza fl-operat tal-gvern u tal-parlament u għall-kapaċità amministrattiva tajba tagħha; jifraħ lis-Serbja għall-adozzjoni tal-Liġi dwar il-Baġit għall-2007 u għall-ħatra ta' Ombudsman u ta' Kummissarju għall-Informazzjoni Pubblika;ta" Gvernatur tal-Bank Nazzjonali tas-Serbja u tal-membri tal-Kunsill ta" l-Istituzzjoni tal-Verifika ta" l-Istat; jiddispjaċih li n-nomina ta' mħallfin għall-Qorti Kostituzzjonali għadha pendenti;

15.  Jemmen fermament li kwistjoni ewlenija marbuta mad-drittijiet tal-bniedem hija li jinstabu soluzzjonijiet dejjiema għar-refuġjati u għall- IDPs, speċjalment minħabba li s-Serbja għadha tospita numru kbir ta' refuġjati, l-aktar mill-Kroazja u parzjalement mill-Bożnja Ħerżegovina, u IDPs mill-Kosovo; jiddispjaċih ħafna li ma ntlaħqitx l-iskadenza ta' l-aħħar ta' l-2006 biex jiġu solvuti l-kwistjonijiet kollha li għadhom pendenti, liema skadenza kienet prevista mid-Dikjarazzjoni ta' Sarajevo dwar ir-ritorn tar-refuġjati u l-kumpens għall-proprjetà, iffirmata fil-31 ta' Jannar 2005 mill-Kroazja, il-Bożnja Ħerżegovina u s-Serbja u l-Montenegro, u jiddispjaċih ukoll li sar ftit progress minn dak iż-żmien;

16.  Għaldaqstant jistieden lill-Gvern Serb biex ikompli fl-isforzi tiegħu biex jimplimenta d-Dikjarazzjoni ta' Sarajevo, anke billi jadotta qafas legali ċar li jkun ikopri, inter alia, id-dritt tar-ritorn lejn il-post ta' l-oriġini u d-dritt tal-kumpens għall-proprjetà; iħeġġeġ lill-UE, l-Istati Membri tagħha u l-komunità internazzjonali biex jibqgħu impenjati għad-difiża tad-drittijiet tar-refuġjati, u biex jipprovdu appoġġ kontinwu lill-pajjiżi kkonċernati, anke billi jallokaw riżorsi finanzjarji suffiċjenti għal dan il-għan; jenfasizza li l-integrazzjoni jew ir-ristabbiliment ta' l-IDPs u r-refuġjati m'għandux ibiddel sinifikatament il-bilanċ etniku oriġinali ta' zona jew reġjun; f'dan ir-rigward, jiġbed l-attenzjoni għall-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Kunsill ta' l-Ewropa ta'l-1 ta' Frar 1995 dwar il-Ħarsien tal-Minoranzi;

17.  Jirrikonoxxi l-progress li sar fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, li reċentement wassal għal ħafna arresti prominenti, filwaqt li jinnota li l-korruzzjoni, partikolarment fil-pulizija u fil-ġudikatura, għadha problema serja, u li l-investigazzjonijiet uffiċjali dwar il-korruzzjoni spiss jidhru li huma motivati politikament; jirrimarka li l-korruzzjoni hija ostakolu ewlieni biex jiġi mħajjar aktar investiment barrani, u jistieden lill-gvern Serb sabiex jimplimenta strateġija komprensiva għal kontra l-korruzzjoni; jikkunsidra li huwa meħtieġ li titkompla l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata;

18.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-tlestija tat-trasferiment tal-kompetenzi għall-ħarsien tal-fruntieri statali mingħand l-armata għal għand il-pulizija bħala pass ewlieni lejn l-ilħuq ta' l-istandards ta' l-UE; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jinkoraġġixxu aktar lill-gvern Serb sabiex iwettaq riforma sostanzjali tal-pulizija, is-servizzi tas-sigurtà u l-armata, inklużi miżuri li jipprovdu kontroll ċivili akbar fuq l-armata; jikkunsidra li r-riforma tal-pulizija għandha tikkunsidra l-bżonn ta' forzi tal-pulizija li jitkellmu bil-lingwa tal-minoranza f'reġjuni abitati minn popolazzjonijiet kbar minoritarji;

19.  Jemmen li l-promozzjoni ta' l-istat tad-dritt u l-implimentazzjoni stretta tad-dispożizzjonijiet legali għandhom ikunu waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-gvern; jilqa' b'sodisfazzjon il-miżuri ta' riforma ġudizzjarja meħuda s'issa iżda jenfasizza l-bżonn li dan il-proċess jitkompla, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħeffa tal-proċessi, il-ħarsien tax-xhieda, il-prevenzjoni tal-korruzzjoni, u l-indipendenza ta' l-imħallfin; jiddispjaċih li l-Qorti Kostituzzjonali mhijiex topera, u jinnota li dan ma jgħinx l-iżvilupp tad-demokrazija u tal-leġiżlazzjoni demokratika fis-Serbja;

20.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-tmiem tal-proċess krimimali dwar il-qtil tal-Prim Ministru Zoran Đinđić u jappoġġja l-inizjattiva reċenti mill-prosekuzzjoni speċjali sabiex jinkixfu l-motivazzjonijiet politiċi wara l-qtil;

21.  Jilqa' b'sodisfazzjon ix-xogħol tal-Prosekutur Serb għad-Delitti tal-Gwerra iżda jesprimi dispjaċir li l-proċessi domestiċi dwar id-delitti tal-gwerra huma mdgħajfa minn nuqqas ta' trasparenza u rieda politika biex jinstabu wkoll dawk li taw l-ordnijiet u mhux biss min wettaqhom; jemmen li s-sentenza imposta mill-qorti Serba għad-delitti tal-gwerra fuq erba' membri tal-grupp paramilitari, l-Iskorpjuni, għall-eżekuzzjoni ta' sitt Musulmani minn Srebrenica ma kenitx tirrifletti n-natura faħxija tad-delitt; jinnota li l-President Serbjan wera d-dispjaċir tiegħu fil-pubbliku li s-sentenzi imposti kienu qosra;

22.  Jemmen li ċ-ċittadini tas-Serbja huma intitolati li jkunu jafu l-verità dwar il-politiki riċenti ta' gwerra u ġenoċidju li twettqu f'isimhom, u li jkollhom għarfien dwar dawk li wettqu d-delitti tal-gwerra; jemmen li s-Serbja għandha tikkonfronta b'mod onest il-passat reċenti tagħha biex timxi 'l quddiem u li r-rikonoxximent tal-passat huwa parti integrali mit-triq tar-rikonċiljazzjoni mal-ġirien tas-Serbja; jistieden lill-gvern biex jiftaħ mill-ġdid il-Kummissjoni għall-Verità u r-Rikonċiljazzjoni stabbilita fl-2001, b'mod partikolari biex jitħeġġeġ ambjent pożittiv f'dawk il-partijiet tal-pajjiż li kienu affettwati l-aktar mill-kunflitt interetniku; ; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi inizzjattivi li jiffaċilitaw il-kuntatt bejn il-popli fir-reġjun u sabiex talloka propozjon akbar ta' fondi għal dan il-għan;

23.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-apoloġija tal-President Serb liċ-ċittadini Kroati għad-delitti tal-gwerra mwettqa f'isem is-Serbja matul il-gwerra riċenti ; jikkunsidra dik l-apoloġija bħala espressjoni ta' maturità politika u tmexxija demokratika kbira u bħala prova konkreta tad-determinazzjoni tal-gvern attwali li jattwa politika ta' ħbiberija u koperazzjoni mal-pajjiżi ġirien tiegħu;

24.  Jemmen li r-rikonċiljazzjoni u l-ġustizzja huma indispensabbli għall-istabilità u l-iżvilupp tal-pajjiżi kollha fir-reġjun kif ukoll għall-integrazzjoni tagħhom fl-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ lill-pajjiżi ġirien tas-Serbja biex isegwu dan il-mudell u jikkundannaw kwalunkwe manifestazzjoni ta' intolleranza etnika u razziżmu li jseħħu fit-territorji tagħhom;

25.  Jemmen li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jibdew u jappoġġjaw programmi mmirati lejn il-provvista ta' servizzi ta' pariri għal problemi psikosoċjali, iffukati primarjament iżda mhux esklussivament fuq nisa u tfal trawmatizzati mill-esperjenzi tagħhom qabel u matul il-gwerra;

26.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-koperazzjoni reċenti bejn Belgrad u Priština fit-tiftix ta' persuni li għebu wara l-kunflitt tal-Kosovo, b'mod partikolari l-isforzi konġunti li seħħew dan l-aħħar fid-distrett ta' Raška; jistieden lill-Gvern Serb biex joħroġ rapport pubbliku dwar Mačkatica;

27.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jallokaw riżorsi finanzjarji suffiċjenti lill-Kummissjoni Internazzjonali Għall-Persuni li Għebu (ICMP) biex din l-organizzazzjoni tkun tista' tlesti xogħolha, li hu li sa l-2010 tidentifika l-persuni kollha li għebu mit-territorju ta' l-ex-Jugożlavja; jemmen li x-xogħol ta' l-ICMP jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-proċess ta' verità, ġustizzja u rikonċiljazzjoni fir-reġjun;

28.  Jinnota li skond servej imwettaq fl-2004 mill-Aġenzija għall-Kummerċjalizzazzjoni Strateġika għall-Għaqda ta' l-Istudenti tas-Serbja, 70% ta' l-istudenti universitarji Serbi qatt ma siefru; jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi biex l-istudenti Serbi jingħatawlhom opportunitajiet ta' studju fil-pajjiżi ta' l-UE; jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu mezzi ġodda ta' interazzjoni mal-poplu Serb;

29.  Jinnota li s-Serbja tikkontribwixxi b'mod attiv għall-koperazzjoni reġjonali u għar-relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien permezz tas-sħubija f'għadd ta' inizjattivi reġjonali bħall-Patt ta' l-Istabilità/Kunsill għall-Koperazzjoni Reġjonali u s-CEFTA; jistieden lis-Serbja biex iżżomm rwol responsabbli fir-reġjun; jenfasizza li hu fl-aħjar interessi tas-Serbja li tiżviluppa u żżomm relazzjonijiet tajba mas-sħab reġjonali tagħha, li ttejjeb il-koperazzjoni transkonfinali effettiva, filwaqt li tutilizza b'mod sħiħ il-potenzjal tal-minoranzi nazzjonali fiz-zoni tal-fruntieri, u li tipparteċipa b'mod attiv fi proġetti infrastrutturali bilaterali, reġjonali u Ewropej; itenni li l-futur tal-pajjiżi kollha fir-reġjun jinsab fl-UE;

30.  Iħeġġeġ lill-Gvern Serb biex jippromwovi relazzjonijiet tajba tal-viċinat maż-żewġ entitajiet kostitwenti tal-Bożnja Ħerżegovina ;

31.  Iħeġġeġ lill-Gvern Serb biex ikompli d-djalogu mal-ġirien Ewropej tiegħu fix-Xlokk dwar kwistjonjiet marbuta mal-fruntieri, minħabba li d-demarkazzjonijiet territorjali bejn is-Serbja u l-Kroazja u bejn is-Serbja u l-Bożnija-Ħerżegovina għad iridu jiġu stabbiliti;

32.  Ifaħħar lis-Serbja għar-relazzjonijiet interetniċi mtejba, b'mod partikolari f'Vojvodina, fejn kien hemm tnaqqis, għalkemm mhux waqfa totali, fl-inċidenti interetniċi; jistieden lill-awtoritajiet Serbi biex jieħdu aktar miżuri biex jippromwovu l-iżvilupp tal-minoranzi nazzjonali fil-Vojvodina multietnika, jippromwovu l-koeżistenza paċifika bejniethom u jiżguraw li l-pulizija, il-ġudikatura u korpi statali oħra jaġixxu fuq bażi etnikament newtrali u, sabiex tinbena l-fiduċja meħtieġa f'dawn l-istituzzjonijiet fost il-popolazzjoni, jiżguraw li l-istaff ta' dawk l-awtoritajiet jirrifletti b'mod xieraq il-kompożizzjoni etnika barra minn hekk, jistieden lill-awtoritajiet Serbi biex jimmaniġġjaw b'attenzjoni kwalunkwe influss potenzjali ta' refuġjati sabiex ma jħarbtux il-bilanċ etniku, kulturali, reliġjuż, ekonomiku u politiku tar-reġjun, biex b'hekk jiżguraw suċċess fl-integrazzjoni tagħhom f'ambjent multikulturali; jenfasizza l-importanza fundamentali ta' programmi mmirati għat-tkattir tat-tolleranza bejn il-komunitajiet, b'mod partikulari f'Vojvodina; huwa tal-fehma li finanzjament mill-UE huwa meħtieġ ukoll għal dawn il-programmi;

33.  Jinnota b'sodisfazzjon li partiti etniċi Albaniżi mill-wied ta' Preševo pparteċipaw fl-elezzjonijiet riċenti għall-ewwel darba f'għaxar snin u li l-minoranzi huma rrappreżentati kemm fil-fergħa leġiżlattiva u kif ukoll f'dik eżekuttiva tal-poter; jemmen li s-Sandžak għadu reġjun li jqanqal tħassib partikolari u jistieden lill-gvern sabiex jaħdem mal-partijiet involuti fil-politika lokali bil-għan li jitfasslu politiki sabiex ikomplu jitnaqqsu r-radikalizzazzjoni u l-firdiet fil-komunità;

34.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-allokazzjoni ta' fondi fil-baġit 2007 għal proġetti marbuta direttament ma' l-Għaxar Snin ta' l-Inklużjoni tar-Roma; huwa mħasseb, madankollu, dwar in-nuqqas ġenerali ta' approċċ sistematiku ta' politika lejn it-titjib tal-ħajjiet u tal-kundizzjonijiet ta' l-għajxien tar-Roma, inklużi l-IDPs u dawk li rritornaw, u dwar diskriminazzjoni persistenti kontra l-komunità tar-Roma;

35.  Jistieden lill-gvern Serb biex jimplimenta b'mod sħiħ il-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali għall-implimentazzjoni ta' l-Għaxar Snin ta' l-Inklużjoni tar-Roma, kemm finanzjarjament u kif ukoll istituzzjonalment, sabiex jitfasslu soluzzjonijiet prattiċi u sostenibbli għall-komunità tar-Roma; ifakkar lis-Serbja li l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni komprensiva kontra d-diskriminazzjoni u r-ripatrijazzjoni sostenibbli tan-nies Roma li għadhom qed jgħixu f'kampijiet huma fost il-prijoritajiet tas-Sħubija Ewropea mas-Serbja;

36.  Jieħu nota tat-twaqqif ta' Aġenzija għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Drittijiet tal-Minoranzi, li huwa responsabbli għaliha l-Prim Ministru, li ssostitwixxiet dak li qabel kien il-Ministeru ta' l-Unjoni Statali għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Drittijiet tal-Minoranzi; jistieden lill-Prim Ministru biex jattwa politika koerenti u attiva għall-minoranzi u biex jiżgura li d-drittijiet tal-bniedem u dawk tal-minoranzi jkunu prijorità fuq l-aġenda tal-Gvern; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kostituzzjoni l-ġdida Serba tagħti bażi kostituzzjonali lill-Kunsilli Nazzjonali tal-minoranzi etniċi u jitlob l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida biex tkun ipprovduta regolamentazzjoni aħjar għall-istatus, il-ħidma u l-ħatra ta' dawn il-Kunsilli; jistenna b'ħerqa li tali leġiżlazzjoni tipprovdi qafas legali mtejjeb għall-ħarsien tad-drittijiet tal-minoranzi u l-integrazzjoni tal-minoranzi nazzjonali kollha fl-istrutturi statali;

37.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni ta' strateġija nazzjonali komprensiva għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, iżda jħeġġeġ lill-Gvern Serb biex ikun aktar strett fil-prosekuzzjoni tal-każijiet u biex jiżgura li t-traffikanti jieħdu u jservu sentenzi ta' ħabs konsistenti man-natura tar-reat;

38.  Jemmen li t-trasformazzjoni tar-Radju Televiżjoni tas-Serbja (RTS) f'servizz pubbliku tirrappreżenta pass 'il quddiem, iżda jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas ta' dibattitu pubbliku dwar it-tibdil fil-Liġi tax-Xandir u n-nuqqasijiet fil-proċedura biex jinħatru l-membri tal-bord ta' l-RTS; jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-ħtieġa li jiġu mfassla regoli li huma demokratiċi b'mod sħiħ li jirregolaw l-allokazzjoni ta' konċessjonijiet tax-xandir tar-radju u tat-televixin, u li jaħsbu b'mod partikolari għall-possibilità li wieħed jappella mid-deċiżjonijiet ta' l-awtorità konċessjonarja; jesprimi dispjaċir profond li ma kien hemm l-ebda progress fir-riżoluzzjoni ta' każi li jinvolvu qtil ta' ġurnalisti u jiddeplora l-attentat riċenti ta' qtil ta' ġurnalist prominenti li jinvestiga d-delitti tal-gwerra u l-kriminalità organizzata; jitlob li l-awtoritajiet rilevanti jaqbdu lil min wettaq ir-reat u jinvestigaw id-delitt bir-reqqa;

39.  Jinnota l-eżistenza ta' settur żviluppat sew ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi u jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi mill-awtoritajiet sabiex jikkonsultaw mas-settur ċivili, b'mod partikolari l-memorandum speċjali għall-koperazzjoni ffirmat bejn l-Uffiċċju Serb għall-Integrazzjoni Ewropea u l-NGOs u l-Kunsill għar-Relazzjonijiet mas-Soċjetà Ċivili mwaqqaf mill-President tas-Serbja, , u l-Kunsill għall-Politika Barranija, imwaqqaf mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Serb, kif ukoll l-inklużjoni ta' rappreżentanti ta' NGOs fil-Kunsill għall-Integrazzjoni Ewropea ta' l-istat ippresedut mill-Prim Ministru; jistieden lill-parlament Serb sabiex jadotta leġiżlazzjoni biex titjieb is-sitwazzjoni legali għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

40.  Jikkundanna l-malafama pubblika ta' partijiet involuti fis-soċjetà ċivika li jikkritikaw lill-gvern jew li jiġbdu l-attenzjoni għal kwistjonijiet sensittivi bħad-delitti tal-gwerra; jiddeplora s-sensiela riċenti ta' attakki motivati politikament u jwissi dwar il-prevalenza li qed tiżdied ta' diskors ta' mibegħda fil-midja u fil-politika kontra attivisti għad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti, u politiċi;

41.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-iffirmar tal-ftehimiet dwar il-ħruġ malajr tal-viżi u r-rijammissjoni fit-18 ta" Settembru 2007 u jħeġġeġ lill-Kunsill biex jiżgura li dawn jidħlu fis-seħħ sa tmiem l-2007; jilqa" b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-Liġi dwar id-Dokumenti ta" l-Ivvjaġġar u jinnota li bħalissa qed ikunu adottati liġijiet dwar il-kenn, il-fruntieri statali u l-barranin; jistieden lill-Kunsill, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, biex jistabbilixxi pjan direzzjonali konkret għall-moviment mingħajr viżi u biex jadotta miżuri ta' appoġġ mfassla biex jiżdiedu l-opportunitajiet ta' vvjaġġar għal proporzjon akbar ta' ċittadini, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ; jenfasizza l-importanza tal-mobilità għall-iżvilupp politiku u ekonomiku tas-Serbja, minħabba li l-mobilità tagħti lin-nies l-opportunità li jiksbu esperjenza diretta ta' l-UE u tiffaċilita l-proċess ta' integrazzjoni Ewropea tas-Serbja; jitlob parteċipazzjoni akbar fit-tagħlim tul il-ħajja u l-proġetti ta' skambju kulturali; jistieden lill-Kunsill sabiex jikkunsidra t-twaqqif ta' sistema komuni għall-immaniġġjar ta' l-applikazzjonijiet għall-viżi b'mod li l-konsulati li l-aktar ikollhom xogħol jitħaffilhom il-piż u sabiex jiġi żgurat li l-applikazzjonijiet jiġu pproċessati fi żmien skadenzi raġjonevoli;

42.  Huwa tal-fehma li r-riforma tas-sistema edukattiva mhijiex biss neċessità iżda anki l-unika mod għas-Serbja biex tiżviluppa sistema ġdida ta' valuri għall-ġenerazzjonijiet li huma iżgħar fil-proċess ta' demokratizzazzjoni attwali;

43.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha sabiex jagħmlu sforz konġunt sabiex iżidu l-viżibilità ta' l-UE fis-Serbja, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tevita aktar dewmien fl-impjegar ta' staff għall-uffiċċju tad-delegazzjoni tagħha, inklużi esperti biex jiġu mmaniġġjati l-fondi IPA (Strument ta' assistenza pre-adeżjoni);

44.  Jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u s-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem biex ikomplu jsegwu mill-qrib is-sitwazzjoni fil-Vojvodina, b'segwitu għall-konklużjonijiet milħuqa fir-rapport tal-missjoni tal-ġbir ta' fatti mid-delegazzjoni ad hoc tiegħu li twettqet f'Vojvodina

45.  Jistieden lill-awtoritajiet Serbi biex jadottaw, bħala kwistjoni ta' urġenza, liġijiet dwar ir-restituzzjoni konformi ma' dawk ta' pajjiżi oħra, li meta jkun xieraq jipprovdu għal kumpens reali ta' l-ispiża minflok bonds tal-gvern;

46.  Jistieden lill-Istati Membri l-ġodda sabiex ikollhom rwol attiv fit-triq tas-Serbja lejn l-UE, b'mod li jippermetti lis-Serbja tibbenefika mill-esperjenza tagħhom ta' riformi;

47.  Jistieden lill-awtoritajiet Serbi biex ikomplu bl-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-istandards ambjentali ta' l-UE u biex jimplimentaw u jinfurzaw il-leġiżlazzjoni adottata;

48.  Jilqa' b'sodisfazzjon is-sħubija tas-Serbja fis-Seba' Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku; jistieden lill-Kunsill biex iżid il-programmi ta' ġemellaġġ u ta' għajnuna teknika, b'mod partikolari dawk immirati lejn iż-żgħażagħ;

49.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri u tas-Serbja.

(1) ĠU C 227 E, 21.9.2006, p. 620.

Aġġornata l-aħħar: 15 t'Awissu 2008Avviż legali