Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2026(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0371/2007

Testi mressqa :

A6-0371/2007

Dibattiti :

PV 24/10/2007 - 18
CRE 24/10/2007 - 18

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2007 - 7.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0486

Testi adottati
PDF 213kWORD 50k
Il-Ħamis, 25 ta' Ottubru 2007 - Strasburgu
Green Paper dwar titjib fl-effiċjenza ta' l-infurzar tas-sentenzi fl-Unjoni Ewropea: is-sekwestru tal-kontijiet bankarji
P6_TA(2007)0486A6-0371/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2007 dwar il-Green Paper dwar titjib fl-effiċjenza ta' l-infurzar tas-sentenzi fl-Unjoni Ewropea: is-sekwestru tal-kontijiet bankarji (2007/2026 (INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Green Paper dwar titjib fl-effiċjenza ta' l-infurzar tas-sentenzi fl-Unjoni Ewropea: is-sekwestru tal-kontijiet bankarji (COM(2006)0618),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0371/2007),

A.   billi l-mod ta' ħlas mingħajr l-użu ta' kontanti u l-pagamenti transkonfinali għamlu progress determinanti u fl-isfond tas-SEPA (Żona Waħdanija ta' Ħlas bl-Euro) huma destinati li jinfirxu b'mod aktar wiesgħa.

B.   billi kważi l-Istati Membri kollha għandhom arranġamenti għall-eżekuzzjoni ta' miżuri ta' sekwestru, imma s-sistemi legali u r-rekwiżiti proċedurali differenti ifissru li l-eżekuzzjoni tagħhom ma' l-UE kollha tista' ssir biss permezz ta' proċeduri kumplikati u twal li jippermettu lid-debitori li jittrasferixxu flushom f'kontijiet barranin,

C.   billi proċedura unika Ewropea għall-każijiet transkonfinali tkun ta' benefiċċju għal dawk li jkollhom tilwim legali pendenti f'bosta pajjiżi u għall-istituzzjonijiet bankarji li jirċievu ordnijiet minn diversi Stati Membri,

D.   billi kreditur għandu jkun f'qagħda li jikkumbatti l-possibilità li d-debitur tiegħu eventwalment għal bosta drabi jittrasferixxi flus fuq kontijiet barranin,

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni, permezz tal-Green Paper, ħadet l-inizjattiva ta' introduzzjoni ta' proċedura transkonfinali Ewropea biex jiġu ggarantiti d-depożiti fil-banek.

2.   jissuġġerixxi li, meta jsiru aktar studji, tinġabar wkoll data statistika sabiex jitkejjel kemm huma fil-fatt dawk il-każijiet li fihom id-debituri jevadu il-miżuri eżekuttivi meħuda kontrihom, u b'hekk tingħata indikazzjoni aktar eżatta dwar l-espedjenza tal-miżuri proposti;

3.  Jiffavorixxi l-introduzzjoni ta' sistema uniformi Ewropea li tkun indipendanti mir-regoli ta' eżekuzzjoni nazzjonali rispettivi u li tkun addizzjonali għalihom;

4.  Iqis li proċedura Ewropea awtonoma, koerenti u faċli għall-użu, għas-sekwestru ta' kontijiet bankarji, soġġetta għal salvagwardji proċedurali stretti, hija preferibbli minn armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri;

5.  Jenfasizza li din il-proċedura għandha tapplika biss għall-każijiet transkonfinali;

6.  Jenfasizza li r-regolamentazzjoni għandha tkun limitata għass-sekwestru ta' kontijiet u l-iffriżar temporanju ta' depożiti fil-banek, u taħt l-ebda ċirkostanza m'għandha testendi għas-sodisfazzjoni tal-kreditur;

7.  Huwa tal-fehma li bħala kompetenza leġiżlattiva għal proċedura bħal din għandu jiġi kkunsidrat l-Artikolu 65, punt c, tat-Trattat KE;

8.  Jinnota li l-introduzzjoni ta' proċedura bħal din għandha tkun tista' tinbeda qabel ma jibdew il-proċeduri ewlenin;

9.  Jinnota li din hija sempliċement proċedura sommarja li teħtieġ li l-kreditur jagħti prova kredibbli tal-mertu tal-pretensjoni tiegħu u juri li l-każ tiegħu huwa urġenti u li l-jeddijiet tiegħu huma mhedda;

10.  Huwa tal-fehma li ordnijiet għandhom iservu biex jiffriżaw il-kontjiet, mhux biex jittrasferixxu fondi, sakemm ikun hemm ordni sussegwenti mill-qorti fl-Istat Membru fejn jinżamm il-kont, li permezz tiegħu għandha tiġi solvuta kull kwistkoni dwar il-prijorità tat-talbiet; huwa ta' l-opinjoni li assi li jaqbżu l-ammont tat-talbiet ta' kreditu, inklużi l-ispejjeż, m'għandhomx jiġu ffriżati;

11.  Huwa tal-fehma li hija meħtieġa stqarrija dwar ir-raġunijiet għall-ordni, pereżempju, minħabba r-riskju li l-assi jogħsfru; jinnota li għandu jkun hemm salvagwardji biex jiġi evitat li l-ordnijiet ikopru aktar kontijiet milli jkun meħtieġ;

12.  Huwa tal-fehma li għandu jkun hemm bilanċ meqjus bejn id-drittijiet tal-kredituri li jirkupraw id-djun u l-forniment ta' protezzjoni xierqa tal-konvenut;

13.  Huwa tal-fehma li fejn kreditur jagħmel li jiġi sekwestrat kont tal-bank mingħajr raġunti tajba, ikun xieraq li huwa ikun responsabbli mill-ħsara li tirriżulta lid-debitur;

14.  Jemmen li għandha tingħata informazzjoni biżżejjed biex jiġi identifikat kont, anki jekk dan ikun ifisser li l-banek ikollhom jagħmlu tfittxija fuq l-isem u l-indirizz, liema tfittxjia għandha ssir b'kawtela;

15.  Iqis li huwa xieraq li tiġi eżaminata l-kwistjoni ta' rimborż ta' l-ispejjeż imġarrba mill-banek fl-ipproċessar ta' sekwestru ta' kontijiet;

16.  Huwa ta' l-opinjoni li l-kreditur għandu jkun obbligat li jagħti bidu għall-proċess prinċipali fi żmien perjodu definit;

17.  Huwa tal-fehma li għandha tkun permessa estensjoni jekk il-proċeduri legali ikunu għadhom ma ngħalqux b'mod aħħari, kemm-il darba l-proċeduri jitmexxew bid-diliġenza meħtieġa;

18.  Huwa tal-fehma li s-sekwestru ta' kontijiet tal-bank jeħtieġ li jkun suġġett għal limitu kwantitattiv sabiex jiġi evitat li ħafna flus jiġu ffriżati għall-benefiċċju tal-kreditur u sabiex jiġi protett id-debitur;

19.  Jisħaq, b' mod partikolari, dwar il-ħtieġa li d-debitur jiġi mħares fis-sens li għandha tiġi evitata ħsara lir-reputazzjoni tiegħu mingħajr ġustifikazzjoni u li għandu jkun iggarantit dak li huwa meħtieġ għall-għixien tiegħu;

20.  Jikkunsidra neċessarju bħala miżura għall-protezzjoni tad-debitur u biex jiġi evitat abbuż min-naħa tal-kreditur, li sakemm ma jkunx hemm titolu eżekuttiv mhux appellabbli, il-kreditur għandu jipprovdi garanzija, f'ammont li għandu jkun imsejjes fuq is-somma li għandha tiġi ffriżata;

21.  Jopponi limitu ta' eżenzjoni standard ma' l-UE kollha u jqis li għandu jitħalla f'idejn id-debitur li jinvoka il-limitu nazzjonali rispettiv dwar ammonti eżentati mis-sekwestru;

22.  Jemmen li d-debitur għandu jkollu l-jedd li jappella u jwaqqaf is-sekwestru billi jipprovdi garanzija; b'mod partikolari, fil-każ ta' appell jew talba ta' annullament tad-deċiżjoni tas-sekwestru, il-konvenut ma jistax jitpoġġa f'sitwazzjoni żvantaġġata għal dak li għandu x'jaqsam mal-kriterji u t-tul tal-proċess;

23.  Huwa tal-fehma li kontijiet ta' fiduċjarji għandhom ikunu mħarsa b'mod speċjali mis-sekwestri; jikkunsidra li għandu jkun possibbli s-sekwestru ta' kontijiet konġunti suġġett għal garanziji u salvagwardji adegwati fir-rigward tad-drittijiet ta' partijiet terzi apparti d-debitur;

24.  Jenfasizza li fir-rigward ta' għoti ta' ordni ta' sekwestru għandu jkun żgurat li jinħolqu standards uniformi ma' l-Unjoni Ewropea għall-komunikazzjoni bejn il-qrati u l-banek (pereżempju, permezz ta' l-użu ta' formoli standardizzati);

25.   huwa ta' l-opinjoni li ordnijiet ta' sekwestru għandhom jiġu trażmessi b'mod li jiggarantixxi li jiġu notifikati lill-bank sa l-ewwel jum wara li jintbgħatu u li jiġu proċessati fi żmien 24 siegħa mill-identifikazzjoni tal-kont; jemmen li l-bank għandu jkun meħtieġ li javża b'mod uffiċjali lill-awtoritajiet eżekuttivi u lill-kreditur dwar il-fatt jekk il-fondi tad-debitur ġewx imblukkati; jemmen li l-bank għandu wkoll ikun meħtieġ li jinforma uffiċjalment lid-debitur meta l-ordni ta' sekwestru tidħol fis-seħħ; iqis li jkun tajjeb li jkunu disponibbli avviżi ta' notifika formali standardizzati, disponibbli għal-lingwi uffiċjali kollha ta' l-UE, u b'hekk tiġi eliminata jew titnaqqas il-ħtieġa għal traduzzjonijiet mfassla għal kull każ speċifiku;

26.  Huwa ta' l-opinjoni li l-att legali meħtieġ għall-iskopijiet ta' hawn fuq jista' jkun meħtieġ li jieħu l-forma ta' regolament;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, qabel ma tippreżenta proposta, tiċċara l-kwistjonijiet miftuħa, u f'partijiet minnhom diffiċli, permezz ta' studji fil-fond u estensivi, u b'mod partikolari billi twettaq valutazzjoni dwar l-impatt tal-leġiżlazzjoni;

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Avviż legali - Politika tal-privatezza