Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2644(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

B6-0413/2007

Dibattiti :

PV 25/10/2007 - 13.3
CRE 25/10/2007 - 13.3

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2007 - 14.3

Testi adottati :

P6_TA(2007)0490

Testi adottati
DOC 55k
Il-Ħamis, 25 t'Ottubru 2007 - Strasburgu Verżjoni finali
Sudan
P6_TA(2007)0490B6-0408, 0411, 0413, 0415, 0416 u 0421/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2007 dwar is-Sudan

Il-Parlament Ewropew ,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu ta' qabel dwar il-qagħda fid-Darfur, b'mod partikulari r-riżoluzzjoni tas-27 ta' Settembru 2007(1) ;

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni ta' l-Assemblea Parlamentari Konġunta bejn l-ACP u l-UE dwar il-qagħda fid-Darfur, adottata f'Wiesbaden fit-28 ta' Ġunju 2007,

–   wara li kkunsidra l-Kunsens ta' Tripli dwar il-Proċess Politiku għad-Darfur, adottat fi Tripli fit-28 u d-29 ta' April 2007,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni ta' l-Unjoni Afrikana (UA) ta' April 2004 li twaqqaf il-Missjoni ta' l-Unjoni Afrikana fis-Sudan (AMIS),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1706 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li tipproponi forza taż-żamma tal-paċi ta' 22,000 ruħ għad-Darfur,

–   wara li kkunsidra l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali rigward il-missjonijiet internazzjonali taż-żamma tal-paċi,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1778 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-25 ta' Settembru 2007, li tipprovdi li tintbagħat preżenza internazzjonali multi-dimensjonali fiċ-Ċad tal-Lvant u fir-Repubblika Afrikana Ċentrali (CAR) li tikkonsisti minn missjoni tan-NU (MINURCAT), forza tal-pulizija taċ-Ċad imħarrġa min-NU u operazzjoni militari ta' l-Unjoni Ewropea (EUFOR),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Reġoli tal-Poċedura,

A.   billi fit-30 ta' Settembru 2007, forzi mhux identifikati attakkaw bażi ta' l-Unjoni Afrikana (UA) f'Haskanita, fid-Darfur tan-Nofsinhar, u qatlu 10 membri tal-forza taż-żamma tal-paċi ta' l-UA u tal-pulizija ċivili, u mill-inqas tmien membri oħra ta' l-istaff mill-Missjoni ta' l-Unjoni Afrikana fis-Sudan (AMIS) sfaw feruti gravi u madwar 40 persuna baqgħu ma nsatbux, skond stqarrijiet ta' l-UA,

B.   billi dan kien l-agħar każ ta' telfa ta' ħajja li seħħ sa issa fil-forza ta' l-UA li għandha nuqqas ta' riżorsi,

C.   billi ż-żieda fil-vjolenza fin-Nofsinhar tad-Darfur fl-aħħar ġimgħat wasslet għall-qtil ta' tliet sewwieqa tal-Programm Dinji għall-Ikel (WFP) u wasslet biex il-grupp Médecins Sans Frontières ineħħi l-istaff tiegħu mill-belt ta' Muhajiriya u b'hekk ħafna nies li kienu sfurzati jħallu djarhom baqgħu mingħajr kura medika;

D.   billi l-forza ta' l-AMIS fid-Darfur bħalissa hija magħmula minn madwar 7000 suldat u pulizija ċivili, u kważi hija l-unika forza fid-Darfur li tipprovdi protezzjoni ċivili; billi operazzjoni ibrida ta' l-UA u n-NU ta' 26,000 membru, UNAMID, ġiet awtorizzata f'Lulju 2007 u għandha ma ntbagħtitx,

E.   billi l-missjoni ta' l-AMIS kienet li tissorvelja l-Ftehima ta' Paċi għad-Darfur u diversi ftehimiet oħra ta' waqfien mill-ġlied,

F.   billi l-attakki fuq l-istaff ta' l-AMIS żdiedu dan l-aħħar u, minn meta l-forza ntbagħtet fl-2004, aktar minn 25 suldat u membru ta' l-istaff inqatlu u għexieren sfaw midruba,

G.   billi minn wara l-falliment tal-Ftehima tal-Paċi għad-Darfur żdiedu l-illegalità u n-nuqqas ta' sigurtà,

H.   billi l-forza UNAMID, mhux bħall-osservaturi ta' l-UA bħalissa, hija awtorizzata li tintervjeni b'mod attiv biex issalva l-ħajjiet,

I.   billi se jkun hemm bżonn ta' sena jew aktar qabel mal-missjoni taż-żamma tal-paċi tilħaq is-saħħa sħiħa tagħha,

1.  Jinsab imnikket u xxukkjat bl-imwiet vjolenti u bis-serq madwar il-bliet ta' Haskanita u Muhajiriya,

2.  Jikkundanna bis-sħiħ il-qtil ta' 10 membri tal-forza taż-żamma tal-paċi ta' l-UA fid-Darfur, u jqis li dan huwa krimini tal-gwerra li għandu jiġi investigat fil-pront mill-UA u min-NU;

3.  Jiddeplora n-nuqqas ta' sigurtà li dejjem qed jaggrava fir-reġjun, kif deher minn dawn l-atti vjolenti u kif ġie rrappurtat mid-Darfur minn osservaturi internazzjonali u NGOs;

4.  Jitlob li jieqfu immedjatament l-ostilitajiet u l-attakki fuq l-AMIS, fuq il-persuni ċivili u fuq l-aġenziji umanitarji, l-istaff u l-assi tagħhom u l-konvojs li jwasslu l-għajnuna;

5.  Jitlob lill-Gvern tas-Sudan u lill-gruppi ribelli biex jikkoperaw b'mod sħiħ ma' inkjesta indipendenti dwar l-attakk ikrah ġo Haskanita u biex iressqu lil kull min kien involut quddiem il-qorti;

6.  Jenfasizza li jrid jiġi stabbilit x'ġara minn dawk il-membri tal-forza taż-żamma tal-paċi li għadhom ma nstabux, u jitlob li l-grupp responsabbli mill-attakk immedjatament jagħti kont ta' fejn jinsabu;

7.  Jiddeplora l-fatt li l-attakk seħħ fil-mument meta l-UA u n-NU qed jagħmlu sforz massimu biex ikomplu t-taħditiet dwar il-paċi fid-Darfur fil-Libja fis-27 ta' Ottubru ta' din is-sena; iħeġġeġ li tintbagħat forza ta' l-UNAMID fid-Darfur biex tgħin sabiex jintemm il-kunflitt tad-Darfur;

8.  Jenfasizza li l-liġijiet konvenzjonali dwar il-gwerra jipprojbixxu l-attakki kontra l-istaff u l-oġġetti involuti fil-missjonijiet internazzjonali taż-żamma tal-paċi, sakemm dawn ma jkunux involuti direttament fl-ostilitajiet;

9.  Jilqa' b' sodisfazzjon il-fatt li l-Gvern tas-Sudan aċċetta l-forza UNAMID fit-12 ta' Ġunju 2007; ifakkar, madankollu, li l-Gvern tas-Sudan qabel kien ħa impenji lil ma wettaqx biex jagħti l-permess lill-forza ibrida li tidħol fis-Sudan; jitlob li l-forza UNAMID tintbagħat malajr, b'mandat li jħalliha tipproteġi l-persuni ċivili b'mod effiċjenti, u jitlob lin-NU biex iwettqu l-impenn tagħhom u jipprovdu t-truppi li ġew imwiegħda;

10.  Ifakkar lill-Gvern tas-Sudan li huwa għandu l-akbar sehem fir-responsabiltà għas-sigurtà interna u li m'għandux jaħrab minn din ir-responsabiltà u jħalliha f'idejn il-komunità internazzjonali;

11.  Jitlob lill-Istati Membri ta' l-UE u lin-NU biex jimmobilizzaw, mingħajr aktar dewmien, appoġġ politiku, finanzjarju, loġistiku u tekniku, flimkien ma' tipi oħra ta' appoġġ fosthom staff speċjalizzat għall-AMIS u għall-UNAMID, sabiex l-intervent jitlesta f'waqtu sa l-aħħar ta' Diċembru 2007; iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sudan biex jaċċetta l-appoġġ u t-truppi min-nazzjonijiet kollha u biex jagħmel l-aħjar tiegħu biex jiffaċilita t-twettiq tal-mandati tagħhom;

12.  Jenfasizza li t-truppi tan-naħat kollha u l-istaff, il-vetturi u l-assi tagħhom għandhom ikunu jingħarfu mill-ħaddiema ta' l-għajnuna umanitarja sabiex tiġi żgurata n-newtralità stretta tagħhom u jiġu evitati l-attakki militari;

13.  Jitlob lill-Kummissjoni biex iżżomm lill-Parlament infurmat dwar kwalunkwe progress magħmul dwar l-użu xieraq ta' l-għajnuna finanzjarja tagħha lill-AMIS u b'mod partikulari l-ħlas ta' salarji u allowances ta' kuljum lis-suldati ta' l-AMIS;

14.  Jitlob lill-UE, lin-NU u lill-UA biex jingħaqdu fl-isforzi tagħhom biex isolvu l-kuflitt fid-Darfur u biex jagħtu prijorità lil proċess komprensiv ta' paċi permezz ta' djalogu politiku mal-partijiet kollha konċernati;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri ta' l-UE, lill-Gvern u lill-Parlament tas-Sudan, lis-Segretarju-Ġenerali tan-NU, lill-Kapijiet ta' l-Istat u tal-Gvern tal-Lega Għarbija, lill-gvernijiet tal-pajjiżi ta' l-ACP, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta bejn l-ACP u l-UE u lill-Istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Afrikana.

(1) Testi adottati, P6_TA(2007)0419.

Aġġornata l-aħħar: 15 t'Awissu 2008Avviż legali