Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0434/2007

Dibattiti :

PV 13/11/2007 - 25

Votazzjonijiet :

PV 14/11/2007 - 3.22
CRE 14/11/2007 - 3.22
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


Testi adottati
PDF 247kWORD 83k
L-Erbgħa, 14 ta' Novembru 2007 - Strasburgu
EU-Russia Summit
P6_TA(2007)0528RC-B6-0434/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Novembru 2007 dwar il-Laqgħa Għolja UE-Russja

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Ftehima ta" Sħubija u Koperazzjoni (PCA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri, min-naħa, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra(1), li daħlet fis-seħħ fl-1997 u tiskadi fl-2007,

–   wara li kkunsidra l-objettiv ta' l-UE u r-Russja, stabbilit fid-dikjarazzjoni konġunta maħruġa wara il-Ħdax-il Laqgħa Għolja UE-Russja, li saret fil-31 ta" Mejju 2003 f'San Petroburgu, biex tiġi stabbilita zona ekonomika komuni, zona komuni ta" libertà, sigurtà u ġustizzja, zona komuni ta" koperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà esterna u zona komuni ta" riċerka u edukazzjoni, inklużi aspetti kulturali,

–   wara li kkunsidra r-riżultat ta" l-Għoxrin Laqgħa Għolja UE-Russja, li saret fis-26 ta" Ottubru 2007 f'Mafra, il-Portugall,

–   wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet ta" l-UE mar-Russja, b'mod partikulari ir-riżoluzzjoni tiegħu ta" l-10 ta" Mejju 2007 dwar il-Laqgħa Għolja UE-Russja f'Samara fit-18 ta' Mejju 2007(2) u r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta" Ġunju 2007 dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali ta" l-UE mar-Russja(3),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  A billi koperazzjoni msaħħa u relazzjonijiet tal-viċinat tajbin bejn l-UE u r-Russja huma ta' importanza ewlenija għall-istabilità, is-sigurtà u l-prosperità ta" l-Ewropa kollha,

B.   billi l-Federazzjoni Russa hi membru sħiħ tal-Kunsill ta" l-Ewropa u ta" l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) u għalhekk impenjat ruħha għall-prinċipji tad-demokrazija u ta" elezzjonijiet demokratiċi stipulati minn dawk l-organizzazzjonijiet,

C.   billi hemm tħassib serju dwar l-iżviluppi fil-Federazzjoni Russa fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-ħarsien tagħhom u għar-rispett għall-prinċipji, ir-regoli u l-proċeduri demokratiċi li ġew miftiehma b'mod komuni, b'mod partikulari meta wieħed iqis l-elezzjonijiet li ġejjin għad-Duma ta" l-Istat (2 ta' Diċembru 2007) u għalll-Uffiċju ta' President tal-Federazzjoni Russa (Marzu 2008),

D.  D billi l-elezzjonijiet parlamentari (Duma) u presidenzjali li ġejjin huma ta' importanza kruċjali għall-iżvilupp tad-demokrazija u ta' l-istat tad-dritt fir-Russja;

E.   billi f'dawn l-aħħar xhur ir-Russja wettqet kampanja bil-vuċi dejjem iżjed qawwija kontra l-osservaturi elettorali ta' l-OSCE, u akkużathom b'imparzjalità u li jiffukaw kważi għal kollox fuq l-elezzjonijiet fuq in-naħa, 'tal-Lvant ta' Vjenna'; billi x-xahar li għadda d-delegazzjoni diplomatika tar-Russja fil-kwartieri ta' l-OSCE fi Vjenna ċċirkolat proposti biex tillimita l-missjonijiet ta' l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem ta' l-OSCE (ODIHR) għal 50 ruħ u biex twaqqafhom milli jagħmlu evalwazzjonijiet pubbliċi immedjatament wara l-elezzjonijiet; billi, skond Vladimir Churov, il-kap tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali, ir-Russja se tistieden 'minn 300 sa 400 osservatur barrani' għall-elezzjoni tat-2 ta' Diċembru 2007 - parti żgħira mill-1,165 osservatur li kienu preżenti waqt l-aħħar elezzjonijiet parlamentari f'Marzu 2003,

F.   billi l-konklużjoni tal-PCA bejn l-UE u l-Federazjoni Russa tibqa" ta" importanza kbira għall-iżvilupp u l-intensifikazzjoni addizzjonali tal-koperazzjoni bejn iż-żewġ imsieħba,

G.   billi l-bidu tan-negozjati dwar il-PCA ġiet posposta u saret tiddependi fuq it-tneħħija mill-Gvern Russu tal-projbizzjoni li ddaħħlet fl-2005 fuq l-importazzjonijiet agrikoli tal-Polonja; billi qegħdin isiru sforzi mill-UE u mir-Russja biex jinstab kompromess dwar il-kwistjoni ta' l-importazzjonijiet tal-Polonja, sabiex jintemm dan l-impass politiku, u dwar l-għeluq tal-linja ta' pajpijiet 'Druzhba' għal-Litwanja, li deher li kien politikament motivat,

H.   billi kien hemm impenn ċar min-naħa tar-Russja fis-Samit UE-Russja li sar f'Samara fit-18 ta' Mejju 2007 biex tiffirma ftehima dwar l-'over flights' Siberjani; billi l-prospetti li dan jiġri fil-ġejjieni jidhru remoti ħafna; billi reċentement kien hemm problemi bid-drittijiet tal-Lufthansa Cargo biex ittir fuq territorju Russu fuq rotot mill-Ewropa għax-xlokk ta" l-Ażja

I.   billi l-adeżjoni rapida tal-Federazzjoni Russa fid-WTO tagħti kontribut sostanzjali għal titjib ulterjuri tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn ir-Russja u l-UE, dejjem jekk ir-Russja tikkonforma bis-sħiħ ma' l-impenji u l-obbligi tad-WTO u timplimentahom,

J.   billi l-implimentazzjoni rapida ta" l-erba" Spazji Komuni, bi Spazju Ekonomiku Komuni (CES), Spazju Komuni ta" Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, Spazju Komuni ta" Sigurtà Esterna u Spazju Komuni ta" Riċerka, Edukazzjoni u Kultura, għandha tkun fil-qalba tan-negozjati dwar il-Ftehima ta" Sħubija Strateġika l-ġdida,

K.   billi reċentement ir-Russja inkludiet xi wħud mill-akbar kumpaniji ta' l-enerġija ta' l-UE fi rwol ta' sħubija strateġika f'bosta proġetti ta' l-enerġija ewlenin jew ippermettiet lill-kumpaniji ta' l-UE li jixtru ammont strateġiku ta' ishma minn kumpaniji Russi; jinnota madankollu, li ż-żarmar ta' Yukos u l-irkant ta' l-assi tagħha ma jipprovdux ambjent kummerċjali trasparenti; jinnota ulterjorment, id-deċiżjoni riċenti tat-13 ta' Awissu 2007 tat-Tribunal Federali Żvizzeru, li qatagħha li l-prosekuzzjoni ta' l-awtoritajiet Russi ta' Mikhail Khodorkovsky u ta' Yukos kienet illegali u motivata politikament,

L.   billi s-sigurtà tal-forniment ta' l-enerġija hija waħda mill-ikbar sfidi għall-Ewropa u waħda mill-oqsma ewlenin ta' koperazzjoni mar-Russja, u billi sforzi konġunti huma meħtieġa biex isir użu sħiħ u effiċjenti mis-sistemi ta' trasport ta' l-enerġija, kemm dawk li diġà jeżistu kif ukoll dawk li għadhom iridu jiġu żviluppati,

M.   billi l-kwistjonijiet dwar il-kundizzjonijiet ta" forniment u trasport ta" l-enerġija għandhom jiġu riżolti permezz ta' negozjati, b'mod mhux diskriminatorju u trasparenti u m'għandhom qatt jintużaw bħala mezz ta" pressjoni politika fuq l-Istati Membri ta" l-UE jew fuq il-pajjiżi tal-viċinat komuni,

N.   billi ftehima fil-futur bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa għandha għalhekk tinkludi l-prinċipji tat-Trattat tal-Karta ta" l-Enerġija,

O.   billi l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa jistgħu u għandu jkollhom irwol attiv flimkien fil-ħolqien tal-paċi u ta" l-istabilità fil-kontinent Ewropew, b'mod partikulari fil-viċinat komuni, u f'partijiet oħra tad-dinja, inkluż fl-Iran u fil-Lvant Nofsani; billi nibtu tensjonijiet ġodda fl-Abkażja u fl-Ossettja tan-Nofsinhar u ma sar l-ebda progress lejn is-soluzzjoni tal-"kunflitti ffriżati" l-oħra bħal fit-Transnistria;

P.   billi għandha tingħata prijorità assoluta miż-żewġ imsieħba biex tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni ta' l-istatus futur tal-Kosovo li tista" tiġi aċċettata miż-żewġ partijiet involuti fil-konflitt,

Q.   billi d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-awtoritajiet Russi b'reazzjoni għall-pjanijiet ta' l-Istati Uniti li jistabbilixxu parti mis-sistema ta' difiża tagħha bit-tqegħid ta' missili fil-Polonja u fir-Repubblika Ċeka u t-theddida xejn xierqa tar-Russja li toħroġ mit-Trattat dwar il-Forzi Konvenzjonali fl-Ewropa (Trattat CFE) ħolqu tħassib serju dwar iż-żamma tal-paċi u ta" l-istabilità fil-kontinent Ewropew,

R.   billi huwa importanti li l-UE titkellem b'vuċi waħda, li turi solidarjetà u unità fir-relazzjonijiet tagħha mal-Federazzjoni Russa, u li tibbaża dawk ir-relazzjonijiet fuq interessi reċiproċi u valuri komuni,

1.  Jafferma l-konvinzjoni tiegħu li r-Russja għadha sieħba importanti għall-iskop tal-bini ta" koperazzjoni strateġika bbażata fuq valuri komuni, li magħha l-UE għandha mhux biss interessi ekonomiċi u kummerċjali, iżda anki l-objettiv komuni ta' koperazzjoni mill-qrib fl-arena internazzjonali;

2.  Jistieden lill-Gvern Russu biex joħloq flimkien ma' l-UE l-kundizzjoni meħtieġa għal bidu rapidu tan-negozjati dwar PCA ġdida bejn l-UE u r-Russja; jenfasizza l-importanza ta" unità u solidarjetà fost l-Istati Membri ta" l-UE fir-relazzjonijiet tagħhom mar-Russja; jenfasizza għal darba oħra, f'din ir-rabta, li d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem iridu jkunu fil-qalba ta' kull ftehima futura mal-Federazzjoni Russa;

3.  Jilqa' b'sodisfazzjon f'dan ir-rigward, minkejja r-riżultati limitati li nkisbu fil-Laqgħa Għolja ta' Mafra, l-atmosfera tal-laqgħa u l-istqarrijiet inkoraġġanti li ħarġu wara li jistgħu jwasslu biex fil-ġejjieni qarib is-sitwazzjoni ma tibqax staġnata; jinnota d-dinamiċi pożittivi fix-xogħol li għadu għaddej fuq l-implimentazzjoni prattika tal-pjanijiet direzzjonali għall-erba' Spazji Komuni, imsemmija hawn fuq, u jisħaq li l-approfondiment ulterjuri tas-sħubija jkun ta' benefiċċju għat-tnejn;

4.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-progress li sar fil-Laqgħa Għolja ta' Mafra rigward l-adeżjoni tar-Russja mad-WTO li se jpoġġi lill-komunitajiet tan-negozju taż-żewġ naħat fuq livell indaqs u li se jgħin ħafna lill-isforzi tar-Russja biex din tibni ekonomija moderna, diversifikata u li jkollha teknoloġija għolja; jistieden lir-Russja biex din tieħu l-passi meħtieġa biex tneħħi l-ostakoli li fadal għall-proċess ta' adeżjoni, liema proċess jinsab fi stadju kritiku, u biex tkun tista' tikkonforma b'mod sħiħ u timplimenta l-impenji u l-obbligi tas-sħubija mad-WTO;

5.  Jesprimi t-tama li ftehima tkun tista' tintlaħaq malajr dwar il-kundizzjonijiet għal adeżjoni rapida tal-Federazzjoni Russa mad-WTO;

6.  Jilqa" b'sodisfazzjon l-iskambju kontinwu ta" opinjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-Russja bħala parti mill-konsultazzjonijiet ta' l-UE-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza, iżda, li s-sitwazzjoni attwali fir-Russja toħloq tħassib serju f'termini tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija, tal-libertà ta" l-espressjoni u tad-drittijiet tas-soċjetà ċivili u ta" individwi li jisfidaw lill-awtoritajiet u jżommuhom responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom; huwa inkwetat ħafna dwar in-nuqqas ta' risposta sostantiva mill-awtoritajiet Russi għad-diversi stqarrijiet dwar dan it-tħassib; jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-liġi attwali dwar l-NGOs kellha impatt negattiv fuq ix-xogħol ta' bosta NGOs u jappoġġja l-inizjattivi kontinwi biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri għar-reġistrazzjoni ta' l-NGOs;

7.  Jenfasizza li s-sitwazzjoni taċ-Ċeċnja qed tkompli tkun punt ta' diżgwid tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja; jerġa" jtenni l-kritika qawwija tiegħu tal-politika tar-Russja fiċ-Ċeċnja u l-kundanna tiegħu tal-ħafna ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċeċnja; jistieden lill-Federazzjoni Russa bħala kwistjoni ta" urġenza sabiex tieħu passi konkreti sabiex teqred it-tortura u trattament ħażin ieħor, id-detenzjoni arbitrarja u "l-għajbien" fir-Repubblika taċ-Ċeċnja, u sabiex taffronta l-impunità ta" dan il-ksur ta" drittijiet;

8.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jistiednu lill-Federazzjoni Russa biex tirratifika l-Protokoll Addizzjonali 14 għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

9.  Jitlob li jiżdied il-djalogu UE-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem u li dan il-proċess ikun miftuħ għal kontribut effettiv mill-Parlament Ewropew, mid-Duma ta" l-Istat u mis-soċjetà ċivili u minn organizzazzjonijiet ghad-drittijiet tal-bniedem; jitlob li s-sitwazzjoni tal-minoritajiet fir-Russja tkun inkluża fl-aġenda tad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem; jistieden lir-Russja biex tirrispetta bi sħiħ l-obbligi tagħha bħala membru tal-Kunsill ta' l-Ewropa, inkluż ir-rispett tad-dritt ta' assoċjazzjoni u d-dritt għal demostrazzjoni paċifika;

10.  Jiġbed l-attenzjoni għall-kundizzjonijiet iebsa ta' xogħol, pressjoni u intimidazzjoni tal-ġurnalisti, inklużi korrispondenti barranin, fil-Federazzjoni Russa;

11.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-restrizzjoni tal-libertajiet demokratiċi fiż-żmien ta" qabel l-elezzjonijiet tad-Duma f'Diċembru 2007 u ta' l-elezzjonijiet presidenzjali f'Marzu 2008; jistieden lill-awtoritajiet Russi biex jiggarantixxu proċess ħieles u ġust fiż-żewġ elezzjonijiet sabiex jiġi żgurat li l-partiti ta" l-oppożizzjoni jkollhom il-possibilità li jipparteċipaw f'dawn l-elezzjonijiet u l-opportunità li jagħmlu kampanja elettorali kompetittiva, filwaqt li jirrispettaw b'mod sħiħ il-prinċipju tal-libertà ta" l-espressjoni; jenfasizza li l-libertà tal-midja se tkun ta' importanza ewlenija sabiex l-elezzjonijiet ikunu jistgħu jitqiesu bħala ħielsa u ġusti; jenfasizza l-importanza ta" NGOs indipendenti minn gvernijiet nazzjonali għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili;

12.  Jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, minħabba d-dewmien ta" l-awtoritajiet Russi biex joħorġu stedina lill-OSCE biex tosserva l-elezzjoni, ħaġa li se żżomm lura milli ssir missjoni fuq medda twila ta" żmien, u minħabba li ppermettew biss għadd ristrett ta" osservaturi ta" l-OSCE biex jissorveljaw l-elezzjonijiet parlamentari; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-għadd limitat ta" osservaturi jdgħajjef b'mod qawwi l-kwalità tal-ħidma li trid titwettaq u l-kredibilità ġenerali tal-missjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi biex malajr kemm jista' jkun jagħtu l-visas meħtieġa lill-osservaturi internazzjonali;

13.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu għall-isforzi diplomatiċi tal-Federazzjoni Russa biex tirrestrinġi l-attivitajiet ta" l-ODHIR billi ressqet proposti lill-OSCE biex iċċekken id-daqs tal-missjonijiet ta' osservazzjoni u billi ċaħdu l-pubblikazzjoni tar-rapporti tagħhom immedjatament wara elezzjoni; jenfasizza l-irwol essenzjali u li ma jistax jinbidel li għandha din l-organizzazzjoni fit-tranżizzjoni minn reġimi totalitarji għal sistemi demokratiċi; jisħaq li proċess elettorali ħieles u ġust huwa fil-qalba ta" demokrazija operattiva, ġenwina u żviluppata għal kollox u li l-missjonijiet ta" osservazzjoni ta" l-OSCE jistgħu jagħtu kontribut deċiżiv f'din id-direzzjoni;

14.  Itenni, iktar u iktar, l-importanza li tiġi stabbilita Zona Ekonomika Komuni (CES) fuq imsemmija u li jiġu żviluppati iktar l-objettivi miftiehma fuq il-pjan direzzjonali CES, speċjalment fir-rigward tal-ħolqien ta" suq miftuħ bejn l-UE u r-Russja;

15.  Jenfasizza l-importanza li jkun hemm titjib fil-klima għall-investiment Ewropew fir-Russja, liema titjib jista" jseħħ biss billi jiġu promossi u ffaċilitati kundizzjonijiet ta' negozju mhux diskriminatorji u trasparenti, inqas burokrazija u investiment miż-żewġ naħat; hu mħasseb dwar in-nuqqas ta" prevedibilità fl-applikazzjoni tar-regoli mill-awtoritajiet;

16.  Jilqa" b'sodisfazzjon id-djalogu intensifikat UE-Russja dwar kwistjonijiet ta" l-enerġija; jenfasizza l-importanza ta" importazzjonijiet ta" l-enerġija għall-ekonomiji Ewropej, li fil-fatt jirrappreżentaw opportunità potenzjali għal iktar koperazzjoni kummerċjali u ekonomika bejn l-UE u r-Russja; jenfasizza li l-prinċipji ta" interdipendenza u trasparenza għandhom ikunu l-bażi ta" tali koperazzjoni, flimkien ma" aċċess ugwali għal swieq, infrastruttura u investiment; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li l-prinċipji tat-Trattat tal-Karta ta" l-Enerġija, li, skond l-Artikolu 45 tiegħu, jorbot lir-Russja anki qabel ma jiġi ratifikat mid-Duma ta' l-Istat Russu, il-Protokoll ta" Tranżitu anness miegħu u l-konklużjonijiet tal-G8 ikunu inklużi f'PCA ġdida bejn l-UE u r-Russja, inkluża koperazzjoni ulterjuri dwar l-użu ta" l-enerġija, fl-iffrankar ta" l-enerġija u fl-enerġija li tiġġedded; jirrimarka li dawn il-prinċipji għandhom ikunu applikati għal proġetti ewlenin ta" infrastruttura ta" l-enerġija, bħal-linja ta' pajpijiet tal-gass fiż-żona tal-Baltiku; jistieden lill-UE biex tikkomunika mar-Russja b'vuċi waħda dwar dawn il-kwistjonijiet sensittivi ta" l-enerġija;

17.  Jistieden lill-Federazzjoni Russa sabiex tinvesti bil-kbir f'miżuri ta' effiċjenza enerġetika, minħabba l-ħtieġa urġenti li tiġi indirizzata l-problema tal-bidla fil-klima u l-benefiċċji soċjali li jġib miegħu investiment bħal dan; f'dan ir-rigward, ifakkar li l-mekkaniżmu ta' flessibilità previst fil-Protokoll ta' Kyoto jista' jiġbed lejh investimenti sabiex jimmodernizzaw is-settur Russu ta' l-enerġija u tal-prodotti enerġetiċi maħsuba għall-użu aħħari;

18.  Jilqa' t-tisħiħ tal-koperazzjoni UE-Russja fil-qasam ta' l-ispazju fil-qafas tad-Djalogu dwar l-Ispazju fi Tliet Partijiet li ġie stabbilit f'Marzu 2006 bejn il-Kummissjoni, l-Aġenzija Spazjali Ewropea u r-Roscosmos, li jinkludi l-applikazzjonijiet spazjali (navigazzjoni bis-satellita, osservazzjoni tad-dinja, u komunikazzjonijiet bis-satellita), l-aċċess għall-ispazju (launchers u sistemi ta' trasport spazjali futuri), ix-xjenza spazjali u l-iżvilupp tat-teknoloġija spazjali; jinnota li fi ħdan is-CES, il-koperazzjoni fl-ispazju ġiet identifikata bħala settur ta' prijorità;

19.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-iffirmar li sar fil-Laqgħa Għolja ta' Mafra ta' ftehima dwar il-kummerċ ta' ċerti prodotti ta' l-azzar, li żiedet il-kwoti għal prodotti ċatti u twal ta' l-azzar (flat steel and long steel products) sabiex jitqies it-tkabbir ta' l-UE li jinkludi l-Bulgarija u r-Rumanija u biex ikopri konsenji lil ċentri ta' servizzi ta' l-azzar fl-Istati Membri ta' l-UE;

20.  Jistieden liż-żewġ partijiet sabiex isibu soluzzjoni għall-problema tad-dazju fuq l-esportazzjoni ta' l-injam skond ir-regoli tad-WTO;

21.  Jilqa' l-progress li sar f'termini ta' l-implimentazzjoni tal-programmi ta' koperazzjoni transkonfinali bbażati fuq il-prinċipju tal-finanzjament konġunt u ta' l-istatus ugwali fl-għażla tal-proġetti ta' prijorità; jilqa' b'mod partikulari t-tħabbira magħmula min-naħa Russa fis-Samit ta' Mafra li tgħid li lesta talloka l-fondi meħtieġa għal dawn il-programmi, billi tibda bl-ewwel somma ta' EUR 122 000 000;

22.  Jenfasizza li kjuwijiet ta' 50 km ta' trakkijiet tul in-naħa tal-fruntiera ta' l-UE m'humiex aċċettabbli u għalhekk jistieden lir-Russja biex tissimplifika l-proċeduri tagħha fil-fruntieri u biex timplimenta l-miżuri li qablet dwarhom ma' l-UE biex jitnaqqsu dawn il-konġestjonijiet;

23.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex isolvu l-problemi fil-qsim tal-fruntieri bejn l-UE u r-Russja, biex jinvolvu ruħhom fi proġetti konkreti u biex jagħmlu użu sħiħ mill-Istrument tal-Viċinat u tas-Sħubija l-ġdid u l-fondi INTERREG għall-koperazzjoni transkonfinali;

24.  Jiddispjaċih mill-fatt li r-Russja ma onortax l-impenn tagħha biex tnaqqas bil-mod il-mod il-ħlasijiet ta' l-'overflights' Siberjani, jistieden lir-Russja biex tiffirma l-ftehima li ntlaħqet fuq din il-kwistjoni fl-aħħar Samit u jenfasizza li mossa pożittiva mir-Russja tippermetti lill-UE biex tmexxi 'l quddiem is-Samit ta' l-Avjazzjoni li hu ppjanat li jsir f'Moska fir-rebbiegħa ta' l-2008 biex jiġi identifikat il-potenzjal enormi għal koperazzjoni f'dan is-settur prinċipali;

25.  Jappella lill-Gvernijiet tar-Russja u ta" l-Istati Uniti biex jintensifikaw id-diskussjonijiet dwar kwistjonijiet ta" difiża u sigurtà li jinvolvu b'mod dirett jew indirett lill-Istati Membri ta" l-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ lill-Gvernijiet taż-żewġ stati biex jinvolvu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha b'mod sħiħ f'dawn id-diskussjonijiet u biex ma jieħdu l-ebda pass jew deċiżjoni li jista' jitqies bħala theddida għall-paċi u l-istabilità fil-kontinent Ewropew;

26.   iħeġġeġ lir-Russja biex terġa" tqis il-pjanijiet biex ma tibqax konformi mat-Trattat CFE u biex tagħżel it-triq tan-negozjati sabiex tħares l-interessi leġittimi tagħha u tevita li jiddgħajjef it-Trattat CFE, billi dan jista' jwassal għal tiġrija ġdida għall-armi u għal linji ġodda ta" konfrontazzjoni;

27.  Jistieden lill-Gvern Russu biex jagħmel kontribut pożittiv għall-isforzi tal-Grupp ta' Kuntatt għall-Kosovo u ta' l-UE biex tinstab soluzzjoni politika sostenibbli għall-istatus futur tal-Kosovo li tista" tiġi aċċettata mill-partijiet involuti fil-konflitt;

28.  Jistieden lill-UE u lir-Russja, bħala membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, biex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex isibu soluzzjoni għall-kwistjoni nukleari Iranjana;

29.  Jilqa' t-tqegħid fis-seħħ ta' l-ewwel Kunsill tas-Sħubija Permanenti dwar il-Kultura; jenfasizza l-importanza tal-kuntatti bejn in-nies; jinnota li l-ftehima riċenti dwar faċilitazzjoni għall-ksib ta' viża bejn l-UE u r-Russja ikkontribwiet sa ċertu punt biex jingħelbu d-diffikultajiet eżistenti f'dan il-qasam, imma jenfasizza li teżisti l-ħtieġa għal faċilitazzjoni aktar ambizzjuża tal-viża li tkopri wkoll lil vjaġġaturi ordinarji bona fide li ma jiffurmaw parti minn ebda kategorija stabbilita minn qabel, u għal-liberalizzazzjoni fuq medda twila ta" żmien;

30.  Jilqa" b'sodisfazzjon l-inizjattivi biex ikun hemm vjaġġar mingħajr viża bejn l-UE u r-Russja; jitlob li jkun hemm iktar koperazzjoni dwar l-immigrazzjoni illegali, kontrolli mtejba ta' dokumenti ta' l-identità u skambju aħjar ta' informazzjoni dwar it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata; jenfasizza li l-Kunsill u l-Kummissjoni jridu jiżguraw li r-Russja tkun konformi mal-kundizzjonijiet kollha stipulati fi kwalunkwe ftehima nnegozjata dwar l-eliminazzjoni tal-viżi bejn iż-żewġ naħat, sabiex ikun evitat kwalunkwe ksur tas-sigurtà u tad-demokrazija fl-Ewropa;

31.  Jisħaq fuq l-importanza tal-ġlieda kontinwa kontra l-korruzzjoni; jilqa' b'sodisfazzjon il-parteċipazzjoni tal-Federazzjoni Russa fil-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni, tal-Kunsill ta' l-Ewropa, iżda jenfasizza li l-konvenzjonijiet internazzjonali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-kodiċi ta' kondotta mhumiex biżżejjed jekk ma jiġux segwiti minn implimentazzjoni effettiva;

32.  Jilqa" b'sodisfazzjon l-iffirmar ta" memorandum ta" ftehim bejn is-Servizz Federali Russu għall-Kontroll tad-Drogi u ċ-Ċentru Ewropew ta" Monitoraġġ għad-Drogi u l-Vizzju tad-Droga li jitlob it-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn l-UE u r-Russja fl-oqsma kollha tal-ġlieda kontra d-drogi, mill-għajnuna medika għad-drogati sal-ħidma għal miżuri preventivi mal-midja u l-organizzazzjonijiet pubbliċi;

33.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti ta' l-Istati Membri u lil dak tal-Federazzjoni Russa, lill-Kunsill ta' l-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa.

(1) ĠU L 327, 28.11.1997, p. 1.
(2) Testi Adottati, P6_TA(2007)0178.
(3) Testi Adottati, P6_TA(2007)0262.

Avviż legali - Politika tal-privatezza