Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/0274(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0350/2007

Testi mressqa :

A6-0350/2007

Dibattiti :

PV 28/11/2007 - 18
CRE 28/11/2007 - 18

Votazzjonijiet :

PV 29/11/2007 - 7.14

Testi adottati :

P6_TA(2007)0558

Testi adottati
DOC 108k
Il-Ħamis, 29 ta' Novembru 2007 - Brussell Verżjoni finali
Emenda tar-Regolament (KE) Nru 881/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji ***I
P6_TA(2007)0558A6-0350/2007
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Novembru 2007 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 881/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji (COM(2006)0785 – C6-0473/2006 – 2006/0274(COD))

(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew ,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2006)0785),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikolu 71(1) tat-Trattat KE, skond liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0473/2006),

–   wara li kkunsidra r-Regola 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A6-0350/2007),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sostanzjali jew li tissostitwiha b'test ieħor;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-29 ta' Novembru 2007 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-regolament (KE) nru …/2008 tal-parlament ewropew u tal-kunsill li jemenda r-regolament (KE) nru 881/2004 li jistabbilixxi aġenzija ewropea tal-ferroviji
P6_TC1-COD(2006)0274

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA" L-UNJONI EWROPEA,

wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari Artikolu 71(1) tiegħu,

wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni║,

wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1) ,

wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

filwaqt illi jaġixxu skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2) ,

billi:

(1)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 881/2004(3) waqqaf Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji, bil-missjoni li tikkontribwixxi fil-qasam tekniku għall-ħolqien ta' spazju ferrovjarju Ewropew mingħajr fruntieri. Fid-dawl ta' l-iżviluppi li saru fil-leġiżlazzjoni Komunitarja fl-oqsma ta' l-interoperabbiltà u tas-sikurezza ferrovjarja, u fid-dawl ta' l-evoluzzjoni tas-suq u l-esperjenza miksuba mill-funzjonament ta' l-Aġenzija u r-relazzjonijiet bejnha u bejn il-Kummissjoni, jaqbel li jsiru ċerti emendi fir-Regolament (KE) Nru 881/2004, u, b'mod partikolari, li jiżdiedu ċerti kompiti.

(2)  L-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/49/KE tad-29 ta' April 2004 dwar is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità(4) ħoloq proċedura komuni għall-awtorizzazzjoni tad-dħul fis-servizz tal-vetturi ferrovjarji (rolling stock ). Fl-ispirtu tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, jinħtieġ illi jitħaffef il-ksib ta' l-awtorizzazzjoni għad-dħul fis-servizz fi Stat Membru differenti minn dak li ħareġ l-ewwel awtorizzazzjoni, billi jiġu limitati l-elementi li tista' teżaminahom l-awtorità kompetenti. Għal dan il-għan, huwa xieraq illi r-regoli kollha tekniċi u ta' sikurezza eżistenti f'kull Stat Membru jiġu kklassifikati fi tliet gruppi, u li r-riżultati ta' din il-klassifikazzjoni jkunu ppreżentati f'dokument ta' riferenza. Għaldaqstant, jintalab mill-Aġenzija li tħaffef din il-klassifikazzjoni billi tistabbilixxi, għal kull parametru vverifikat, il-korrispondenza tar-regoli nazzjonali applikabbli, u billi tagħti pariri tekniċi speċifiċi fil-qafas ta' proġetti konkreti.

(3)  Regoli nazzjonali għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni sew skond id-Direttiva 2008/../KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' ... [id-Direttiva dwar l-interoperabbiltà] (5) u sew skond id-Direttiva 2004/49/KE. Il-fruntiera bejn iż-żewġ settijiet ta' regoli mhijiex ċara, fis-sens illi r-regoli ta' sikurezza jolqtu parzjalment is-sottosistemi, li huma wkoll suġġetti għal regoli fil-qasam ta' l-interoperabbiltà. B'hekk huwa xieraq li ż-żewġ settijiet ta' regoli jkunu kkomparati u kklassifikati, u li jkunu ppreżentati b'mod koerenti fil-websajt ta' l-Aġenzija.

(4)  Bis-saħħa ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 881/2004, l-Aġenzija tista' tissorvelja l-kwalità tal-ħidmiet ta' l-entitajiet nnotifikati mill-Istati Membri. Madankollu, studju magħmul mill-Kummissjoni wera li l-kriterji li għandhom ikunu rrispettati fin-notifikazzjoni ta' dawn l-entitajiet jistgħu jkunu interpretati b'mod wiesa' ħafna. Bla ħsara għar-responsabbiltà ta' l-Istati Membri fl-għażla ta' l-entitajiet li ser ikunu nnotifikati u fil-kontrolli li jwettqu biex jivverifikaw li dawn il-kriterji jkunu tħarsu, huwa importanti li jiġi evalwat l-impatt ta' tali diverġenzi ta' interpretazzjoni, u li jiġi vverifikat li dawn ma joħolqux xkiel fejn jidħol ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati ta' konformità u tad-dikjarazzjoni tal-verifika KE. Għaldaqstant, jaqbel li tkun prevista l-possibbiltà li l-Aġenzija tiżvolġi rwol ta' koordinazzjoni f'dan il-qasam, per eżempju billi twettaq missjonijiet ta' ġbir ta' tagħrif.

(5)  L-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 881/2004 jipprevedi li l-Aġenzija tevalwa, fuq talba tal-Kummissjoni, ċerti talbiet għal finanzjament Komunitarju għal proġetti ta' infrastruttura ferrovjarja, bil-għan li l-interoperabbiltà tkun ivverifikata. Huwa xieraq li jitwessa' l-kunċett ta' "proġetti ta' infrastruttura" sabiex tkun tista' tiġi evalwata wkoll il-koerenza tas-sistema, per eżempju fil-każ ta' proġetti ta' implimentazzjoni tas-sistema ERTMS (Sistema Ewropea għall-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju).

(6)  Fid-dawl ta' l-iżviluppi li saru fil-livell internazzjonali, u partikolarment wara d-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni l-ġdida dwar il-Ġarr Internazzjonali fuq il-Linji Ferrovjarji (Il-Konvenzjoni COTIF ta' l-1999) , jaqbel illi jintalab mill-Aġenżija li tevalwa r-relazzjonijiet bejn l-impriżi ferrovjarji u bejn is-sidien tal-vetturi ferrovjarji, fuq kollox fil-qasam tal-manutenzjoni, u li tagħti rakkomandazzjonijiet fejn meħtieġ. Dan il-kompitu għandu jkun parti mit-twessigħ tal-ħidmiet ta' l-Aġenzija fil-qasam taċ-ċertifikazzjoni tal-garaxxijiet tal-manutenzjoni.

(7)  Fid-dawl ta' l-adozzjoni tat-tielet pakkett ferrovjarju║, għandu jkun hemm riferenza għad-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta' Ottubru 2007 dwar iċ-ċertifikazzjoni ta" sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema ferrovjarja tal-Komunità (6) li tinkludi bosta kompiti li għandhom jitwettqu mill-Aġenzija.

(8)  Mill-adozzjoni tat-tieni pakkett ferrovjarju 'l quddiem, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tas-sistema ERTMS saru flimkien ma' għadd ta' inizjattivi, bħalma huma l-iffirmar ta' ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-partijiet differenti attivi fis-settur; il-ħolqien ta' kumitat ta' direzzjoni għall-implimentazzjoni ta' dan il-ftehim ta' kooperazzjoni; l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' l-ERTMS(7) ; il-ħatra, bid-Deċiżjoni ...(8) , ta' koordinatur Ewropew għall-proġett prijoritarju ERTMS, ta' interess Komunitarju; id-definizzjoni tar-rwol ta' l-Aġenzija bħala l-awtorità tas-sistema, fil-qafas tal-programmi ta' ħidma annwali differenti, u l-adozzjoni ta' l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabilità (TSIs) tal-"kmand tal-kontroll u tas-sinjalizzazzjoni" fil-qasam tal-ferrovija konvenzjonali(9) . Fid-dawl ta' l-importanza dejjem tikber tal-kontribut mogħti mill-Aġenzija f'dan il-qasam, huwa xieraq li l-kompiti tagħha jkunu speċifikati.

(9)  Minn issa 'l quddiem, l-Aġenzija ser ikollha għadd sinifikanti ta' esperti kkwalifikati fil-qasam ta' l-interoperabbiltà u tas-sikurezza tas-sistema ferrovjarja Ewropea. Huwa għalhekk xieraq li l-Aġenzija tkun tista' twettaq xogħlijiet speċifiċi fuq talba tal-Kummissjoni, bil-kundizzjoni li tali xogħlijiet jaqblu mal-missjoni ta' l-Aġenzija, mad-disponibbiltà tal-baġit u mar-rispett tal-prijoritajiet l-oħra ta' l-Aġenzija.

(10)  Huwa xieraq li d-data għall-adozzjoni tal-programm ta' ħidma annwali tinbidel, sabiex ikun hemm sinkronizzazzjoni aħjar mal-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet fuq il-baġit.

(11)  Fit-tfassil tal-programm ta' ħidma ta' l-Aġenzija, jaqbel li jkun indikat l-għan ta' kull attività, kif ukoll lil min jikkorrispondi. Jaqbel ukoll li l-Kummissjoni titgħarraf bir-riżultati tekniċi ta' kull attività, b'mod ħafna aktar dettaljat milli fir-rapport ġenerali li jintbagħat lil kull istituzzjoni.

(12)  Billi l-oġġettiv ewlieni ta' l-azzjoni proposta –jiġifieri t-twessigħ tal-missjoni ta' l-Aġenzija sabiex ikun previst is-sehem tagħha fis-simplifikazzjoni tal-proċedura Komunitarja għaċ-ċertifikazzjoni tal-vetturi ferrovjarji– ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri, u jista' għalhekk, minħabba l-iskala ta' l-azzjoni, jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif iddikjarat fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex dan il-għan jinkiseb,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 qiegħed jiġi emendat kif ġej:

(1)  Fl-Artikolu 3, il-paragrafu 1 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"

1.  "1. Sabiex tfassal ir-rakkomandazzjonijiet ipprovduti fl-Artikoli 6, 7, 12, 14, 16, 17 u 18, l-Aġenzija għandha tistabbilixxi numru limitat ta' gruppi tax-xogħol. Dawn il-gruppi tax-xogħol għandhom jieħdu bħala bażi, min-naħa l-waħda, il-kompetenza mibnija mill-professjonisti fis-settur ferrovjarju, b'mod partikulari l-esperjenza miksuba mill-Assoċjazzjoni ta' l-Interoperabbiltà tal-Ferroviji (l-AEIF), u, min-naħa l-oħra, il-kompetenza ta' l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. L-Aġenzija tista', fejn meħtieġ, twaqqaf gruppi orizzontali ta' xogħol biex tkopri suġġetti transdixxiplinari bħas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol.

L-Aġenzija għandha tiżgura li l-gruppi tax-xogħol tagħha jkunu kompetenti u rappreżentattivi u li jinkludu rappreżentanza adegwata ta' dawk is-setturi ta' l-industrija u minn dawk l-utenti li jiġu affettwati bil-miżuri li jistgħu jiġu proposti mill-Kummissjoni fuq il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lilha mill-Aġenzija. Ix-xogħol tal-gruppi tax-xogħol għandu jsir b'mod trasparenti.

Kull meta x-xogħol ipprovdut fl-Artikoli 6, 12, 16 u 17 ikollu impatt dirett fuq il-kondizzjonijiet tax-xogħol u s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fl-industrija, ir-rappreżentanti mill-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema għandhom jipparteċipaw fil-gruppi rilevanti tax-xogħol .";

"

(2)  Għandu jiddaħħal l-Artikolu 8a li ġej:

"

Artikolu 8a

Il-klassifikazzjoni tar-regoli nazzjonali

1.  L-Aġenzija se tħaffef l-aċċettazzjoni tal-vetturi ferrovjarji (rolling stock ) imdaħħlin fis-servizz fi Stat Membru minn Stati Membri oħra, skond il-proċeduri previsti fil-paragrafi 2 sa 5.

2.  L-Aġenzija se tfassal progressivament dokument ta' riferenza li jippermetti li tiġi stabbilita l-korrispondenza bejn ir-regoli nazzjonali kollha applikati mill-Istati Membri fil-qasam tad-dħul fis-servizz tal-vetturi ferrovjarji. Għal kull wieħed mill-parametri elenkati fl-Anness ... tad-Direttiva 2008/.../KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' ... [Direttiva dwar l-Interoperabilità]* dan id-dokument ta' riferenza għandu jkun fih ir-regoli nazzjonali ta' kull Stat Membru, kif ukoll il-grupp li dawn ir-regoli jaqgħu taħtu, identifikat fl-istess Anness ... Dawn ir-regoli jinkludu dawk innotifikati fil-qafas tal-paragrafu 3 ta' l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/../KE [id-Direttiva dwar l-interoperabbiltà], dawk innotifikati bl-adozzjoni tat-TSIs (każijiet speċifiċi, kwistjonijiet pendenti, derogi), u dawk innotifikati fil-qafas ta' l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/49/KE.

Inizjalment, l-Aġenzija għandha tidentifika u tqabbel id-differenzi bejn l-Istati Membri rigward id-distanza ta' sikurezza għall-infrastruttura u l-vetturi ferrovjarji.

Għall-iskopijiet ta' dan ix-xogħol, għandu jitwaqqaf grupp ta' xogħol; barra minn dan, l-involviment tal-parteċipanti għandu jkun żgurat skond l-Artikolu 3, u r-rappreżentazzjoni ta' l-imsieħba soċjali għandha tkun ikkonsultata skond l-Artikolu 4.

3.  Bil-kollaborazzjoni ta' l-awtoritajiet nazzjonali ta' sikurezza kif prevista fil-paragrafu 5 ta' l-Artikolu 6, u bil-għan illi jitnaqqsu progressivament ir-regoli nazzjonali tal-grupp B, l-Aġenzija se żżomm id-dokument ta' referenza aġġornat u tibagħtu lill-Kummissjoni. L-ewwel verżjoni tad-dokument tintbagħat lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard minn ...(10) .

4.  L-Aġenzija tista' tirċievi talbiet jew minn awtorità nazzjonali ta' sikurezza, fil-qafas tal-proċeduri ta' talba għall-awtorizzazzjoni ta' dħul fis-servizz ta' vetturi ferrovjarji, jew mill-Kummissjoni, bil-għan illi l-Aġenzija tagħti pariri tekniċi rigward:

   a) l-ekwivalenza tar-regoli tekniċi f'parametru wieħed jew aktar;
   b) talba għal tagħrif addizzjonali, għal analiżi tar-riskji jew provi, u/jew kull riżultat ta' tali talba;
   c) ir-raġunijiet għal ċaħda ta' awtorizzazzjoni.

5.  Qabel l-1 ta' Jannar 2010, l-Aġenzija, wara konsultazzjoni ma' l-awtoritajiet nazzjonali għas-sikurezza, għandha tipproponi soluzzjonijiet biex tnaqqas in-numru u l-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli nazzjonali dwar il-klassifikazzjoni ta' vetturi ferrovjarji fil-Grupp B.

6.  Sa mill-2015, u b'kooperazzjoni ma' l-awtorità nazzjonali kompetenti għas-sikurezza, l-Aġenzija għandha tingħata l-kompitu li tagħti awtorizzazzjonijiet għad-dħul fis-servizz ta' vetturi li jikkonformaw mat-TSIs.

_____________________

* ĠU L ...

"

(3)  L-Artikolu 10 għandu jiġi emendat kif ġej:

   a) għandu jiżdied il-paragrafu 3a li ġej: "
3a.  L-Aġenzija tista' tintalab, minn applikant, biex tagħti opinjoni teknika fuq deċiżjoni negattiva li tkun ittieħdet minn awtorità tas-sikurezza rigward l-għoti ta' ċertifikat ta' sikurezza jew ta' awtorizzazzjoni tas-sikurezza skond l-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 2004/49/KE. "
   b) għandu jiżdied il-paragrafu 3b li ġej: "
3b.  L-Aġenzija tista' tintalab tagħti opinjoni teknika dwar l-applikazzjoni tal-verżjoni adegwata ta' l-ispeċifikazzjonijiet tas-sistema ERTMS b'mod konformi ma' l-Artikolu 21a ."

(4 )  Fl-Artikolu 11, għandu jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

"

4.  L-Aġenzija tiddefinixxi, bi ftehim ma' l-Istati Membri u mal-Kummissjoni, il-modalitajiet prattiċi tal-komunikazzjoni tad-dokumenti msemmijin fil-paragrafu 1.";

"

(5 )  L-Artikolu 13 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"

"Artikolu 13

L-entitajiet innotifikati

Bla ħsara għar-responsabbiltà ta' l-Istati Membri rigward l-entitajiet innotifikati maħturin minnhom, fuq talba tal-Kummissjoni, l-Aġenzija tista' tivverifika biex tiżgura li l-kriterji għan-notifikar ta' dawn l-entitajiet, li jinsabu elenkati fl-Anness VII għad-Direttiva 2008/.../KE [Direttiva dwar l-interoperabbiltà], ikunu ġew rispettati, u biex tevalwa l-kwalità ta' ħidmiethom. Jekk ikun meħtieġ, l-Aġenzija tibgħat opinjoni lill-Kummissjoni.

"

(6 )  L-Artikolu 15 għandu jinbidel b'dan li ġej:

Artikolu 15

L-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja

Fuq talba tal-Kummissjoni, l-Aġenzija għandha teżamina, mill-perspettiva ta' l-interoperabbiltà, kull proġett ta' tiġdid, riabilitazzjoni jew kostruzzjoni li jolqot lis-sistema ferrovjarja u li tressqet talba għall-finanzjament Komunitarju għalih. Fi żmien miftiehem mal-Kummissjoni, l-Aġenzija għandha tagħti opinjoni rigward il-konformità tal-proġett mat-TSIs relattivi, skond l-importanza tal-proġett u r-riżorsi disponibbli. Din l-opinjoni għandha tqis bis-sħiħ id-derogi previsti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/48/KE u fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2001/16/KE.

(7 )  Għandu jiddaħħal l-Artikolu 16a illi ġej:

"

Artikolu 16a

Ir-relazzjonijiet bejn is-sidien tal-vetturi u l-impriżi ferrovjarji

1.   Fi żmien:

   sena għal vaguni,
   sentejn għal vetturi oħrajn,
minn ...(11) , l-Aġenzija se tevalwa r-relazzjonijiet bejn is-sidien tal-vetturi u l-impriżi ferrovjarji fil-qasam tal-manutenzjoni, skond l-Artikolu 14b tad-Direttiva 2004/49/KE. Fl-istess perjodu, l-Aġenzija se tibgħat rapport lill-Kummissjoni li fih tagħti, ▌rakkomandazzjonijiet rigward l-implimentazzjoni ta' sistema ▌ obbligatorja ta' ċertifikazzjoni tas-sidien tal-vetturi .

2.  Ir-rakkomandazzjonijiet ta' l-Aġenzija għandhom ikopru, b'mod partikolari, l-aspetti li ġejjin:

   a) il-kontenut u l-ispeċifikazzjonijiet għal sistema ta' ċertifikazzjoni għas-sidien tal-vetturi li tkun obbligatorja u rikonoxxuta reċiprokament;
   b) it-tip ta' entitajiet ta' ċertifikazzjoni li huma responsabbli mill-implimentazzjoni ta' sistema obbligatorja ma' l-awtoritajiet nazzjonali għas-sikurezza jew entitajiet nnotifikati, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/49/KE;
   c) l-ispezzjonijiet u l-kontrolli tekniċi u operattivi li għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri;
   d) il-kapaċità tas-sid, f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-organizzazzjoni,il-persunal u l-materjal, biex jiżgura l-manutenzjoni tat-tipi ta' vetturi li jieħu ħsieb u biex jieħu r-responsabilitajiet ta' l-entità kontraenti meta jiġu ordnati vetturi u sottosistemi ġodda jew meta jiġu mtejba jew mġedda vetturi jew sottosistemi, skond id-Direttiva 2008/.../KE [id-Direttiva dwar l-interoperabilità];
   ( e ) jekk sid il-vagun/i għandux it-tagħrif meħtieġ għall-attivitajiet previsti ta' manutenzjoni (partikolarment l-arkivji u l-pjani ta' manutenzjoni);
   ( f ) jekk sid il-vagun/i għandux l-għodda meħtieġa għas-segwiment u s-sorveljanza ta' l-istat tal-vetturi;
   ( g ) jekk fl-ispeċifikazzjonijiet tas-sistema ta' ċertifikazzjoni għandhiex tiddaħħal kondizzjoni marbuta ma' l-assikurazzjoni .

"

(8 )  L-Artikolu 17 għandu jiġi emendat kif ġej:

   (a) It-titlu u l-paragrafu 1 għandhom jinbidlu b'dan li ġej:"
Artikolu 17
Iċ-ċertifikazzjoni tal-personal tat-trejnijiet u kompetenzi professjonali
1.  L-Aġenzija se tfassal rakkomandazzjonijiet rigward l-istabbiliment ta' kriterji komuni għad-definizzjoni tal-kompetenzi professjonali u għall-evalwazzjoni tal-personal li jieħu sehem fit-tħaddim u fil-manutenzjoni tas-sistema ferrovjarja. Għal dan il-għan, l-Aġenzija għandha tqis il-kriterji u l-prijoritajiet tad-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta' Ottubru 2007 dwar iċ-ċertifikazzjoni ta" sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema ferrovjarja tal-Komunità* . L-Aġenzija se tikkonsulta lir-rappreżentanti ta' l-imsieħba soċjali skond il-metodi previsti fl-Artikolu 4.
_____________________
* ĠU L 315, 3 .12.2007, p. 51."
   (b) Għandu jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:"
 4.  L-Aġenzija għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2007/59/KE billi tiżvolġi l-funzjonijiet kollha assenjati lilha bis-saħħa tad-Direttiva msemmija.";"

(9 )  L-Artikolu 18 għandu jinbidel bit-test li ġej:

"

Artikolu 18

Ir-reġistrazzjoni tal-vetturi ferrovjarji (rolling stock )

L-Aġenzija se tfassal u tirrikkmanda lill-Kummissjoni mudell ta' formola għat-talba ta' reġistrazzjoni, kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet komuni tar-reġistru nazzjonali skond l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/../KE [id-Direttiva dwar l-interoperabbilta ].

"

(10 )  Għandu jiddaħħal l-Artikolu 18a ġdid li ġej:

"

Artikolu 18a

Reġistru Ewropew ta' tipi ta' vetturi awtorizzati

L-Aġenzija għandha twaqqaf u żżomm Reġistru Ewropew ta' tipi ta' vetturi awtorizzati. Dan ir-reġistru għandu jinkludi t-tipi ta' vetturi ferrovjarji awtorizzati mill-Istati Membri u għandu jkun aċċessibbli elettronikament. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Aġenzija regolarment dwar kwalunkwe awtorizzazzjonijiet li jingħataw jew jiġu sospiżi.

"

(11 )  L-Artikolu 19 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)  Fil-paragrafu 1, għandu jiddaħħal il-punt e) li ġej:

"
   e) ir-regoli tekniċi nnotifikati mill-Istati Membri fil-qafas ta' l-Artikolu 16(3) u 17(2) tad-Direttiva 2008/../KE [id-Direttiva dwar l-interoperabbiltà ].
"

(b)  Għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

"

 5.  Il-databases żviluppati fil-qafas ta' dan l-Artikolu u ta' l-Artikolu 11 għandhom ikunu elaborati b'mod koerenti, partikolarment fejn jidħlu r-regoli nazzjonali.

"

(12 )  Il-Kapitolu 4 għandu jiġi emednat kif ġej:

(a)  It-titolu tal-Kapitolu 4 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"

KOMPITI SPEĊIFIĊI";

"

(13 )  Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli 21a u 21b li ġejjin:

"

"Artikolu 21a

ERTMS

1.  L-Aġenzija tassumi r-rwol bħala l-awtorità tas-sistema, fil-qafas ta' l-iżvilupp u ta' l-implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea għall-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju, magħrufa bħala l-"ERTMS". Għal dan il-għan, l-Aġenzija għandha tiżvolġi l-kompiti deskritti fil-paragrafi 2 sa 5.

2.  L-Aġenzija se timplimenta proċedura għall-ġestjoni tat-talbiet għal tibdil fl-ispeċifikazzjonijiet tas-sistema ERTMS.

3.  L-Aġenzija għandha tagħti appoġġ għall-ħidmiet il-Kummissjoni fil-qasam tal-migrazzjoni lejn l-ERTMS, kif ukoll fil-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ta' l-installazzjoni ta' l-ERTMS fil-kurituri tat-trasport trans-Ewropej.

4.  B'kollaborazzjoni ma' l-entitajiet innotifikati u l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza, l-Aġenzija għandha tissorvelja l-applikazzjoni tal-proċeduri ta' verifika "KE" u tad-dħul fis-servizz fil-qafas ta' proġetti speċifiċi, partikolarment sabiex tkun evalwata l-kompatibbiltà teknika bejn l-infrastrutturi u l-vetturi ferrovjajri mgħammrin minn kostrutturi differenti. Fejn meħtieġ, l-Aġenzija tirrikkomanda lill-Kummissjoni l-miżuri li jkunu xierqa.

5.  L-Aġenzija għandha tfassal strateġija għall-ġestjoni tal-verżjonijiet differenti ta' l-ERTMS, bil-għan li tiżgura l-kompatibbiltà teknika u operazzjonali bejn l-infrastrutturi u l-vetturi ferrovjarji mgħammrin ta' verżjonijiet differenti.

6.  Fuq talba ta' impriża ferrovjarja, ta' maniġer ta' l-infrastruttura jew ta' fornitur, l-Aġenzija għandha tagħti opinjoni teknika dwar liema verżjoni ta' l-ispeċifikazzjonijiet tas-sistema ERTMS għandha tapplika.

Artikolu 21b

Kompiti oħrajn

Bi ftehim mal-Kummissjoni jew fuq talba tagħha, l-Aġenzija għandha twettaq kull kompitu konkret li jikkontribwixxi lejn l-għanijiet deskritti fl-Artikolu 1, anki jekk il-kompitu ma jkunx espliċitament previst f'dan ir-Regolament jew fil-programm ta' ħidma previst fl-Artikolu 25, il-paragrafu 2, punt (c).

"

(14)  Fl-Artikolu 24(3), l-ewwel inċiż għandu jinbidel b'dan li ġej:

"

- impjegati temporanji li jitqabbdu jaħdmu minn Aġenzija għal massimu ta' ħames snin, minn fost professjonisti fis-settur fuq il-bażi tal-kwalifi u l-esperjenza tagħhom fil-qasam tas-sikurezza u l-interoperabilità ferrovjarja; il-kuntratti ta' persunal bħal dan jistgħu jiġu estiżi għal perijodu ieħor ta' mhux iżjed minn tliet snin, meta dan ikun meħtieġ biex tkun garantita l-kontinwità tas-servizz .

"

(15 )  L-Artikolu 25 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)  Fil-paragrafu 2, il-punt c) għandu jinbidel b'dan li ġej:

"
   c) taddotta, sat-30 ta' Novembru ta' kull sena, waqt li tieħu qies ta' l-opinjoni tal-Kummissjoni, il-programm ta' ħidma ta' l-Aġenzija għas-sena li ġejja u tibagħtu lill-Istati Membri, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Dan il-programm ta' ħidma għandu jiġi adottat mingħajr ħsara għall-proċedura Komunitarja annwali tal-baġit. Fil-każ illi l-Kummissjoni tesprimi, fi żmien 15-il ġurnata mid-data ta' l-adozzjoni tal-programm ta' ħidma, in-nuqqas ta' qbil tagħha mal-programm imsemmi, il-Bord Amministrattiv għandu jeżamina mill-ġdid il-programm u jadottah, possibbilment emendat, f'perjodu ta' xahrejn, fit-tieni qari jew b'maġġoranza ta' żewġ terzi, inklużi r-rappreżentanti tal-Kummissjoni, jew b'unanimità tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri.
"

(b)  Għandu jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

"

3.  Il-programm ta' ħidma ta' l-Aġenzija tidentifika l-għanijiet imfittxa għal kull attività. B'mod ġenerali, kull attività u/jew kull riżultat huwa suġġett għal rapport indirizzat lill-Kummissjoni.

"

(16 )  Fl-Artikolu 26, il-paragrafu 1 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"

1.  Il-Bord Amministrattiv għandu jkun magħmul minn rappreżentant wieħed maħtur minn kull Stat Membru u erba' rappreżentanti maħturin mill-Kummissjoni, kif ukoll sitt rappreżentanti mingħajr dritt għall-vot li jirrappreżentaw, fil-livell Ewropew, il-kategoriji li ġejjin:

   a) l-impriżi ferrovjarji,
   b) l-amministraturi ta' l-infrastruttura,
   c) l-industrija ferrovjarja,
   d) it-trejdjunjins,
   e) il-passiġġieri,
   f) il-klijenti tas-servizzi tat-trasport ta' merkanzija.

Għal kull waħda minn dawn il-kategoriji, il-Kummissjoni se taħtar rappreżentant u sostitut, fuq il-bażi ta' lista ta' erba' ismijiet ippreżentat mill-organizzazzjonijiet Ewropej rispettivi.

Il-membri tal-Bord Amministrattiv, kif ukoll is-sostituti tagħhom, se jinħatru fuq il-bażi ta' l-esperjenza u l-għarfien tagħhom.

"

(17 )  Fl-Artikolu 36, il-paragrafu 1 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"

1.  L-Aġenzija hija miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi Ewropej u tal-pajjiżi marbutin mal-Politika Ewropea tal-Viċinat1 li ffirmaw ftehimiet mal-Komunità Ewropea li jistipulaw l-adozzjoni u l-applikazzjoni, minn dawn il-pajjiżi, tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam kopert minn dan ir-Regolament.

_____________________

1 Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2004)0373 tat-12 ta' Mejju 2004

"

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu, u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi ║,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1) ĠU C 256, 27.10.2007, p. 39.
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Novembru 2007.
(3) ĠU L 164, tat-30.4.2004, p. 1; Verżjoni kkoreġuta fil-ĠU L 220, 21.6.2004, p. 3.
(4) ĠU L 164, tat-30.4.2004, p. 44 ; Verżjoni kkoreġuta fil-ĠU L 220, 21.6.2004, p. 16.
(5) ĠU L ...
(6) ĠU L 315, 3.12.2007, p. 51.
(7) ĠU ...
(8) ĠU ...
(9) ĠU ...
(10)* Sena wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
(11)* Id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Aġġornata l-aħħar: 9 ta' Settembru 2008Avviż legali