Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2007 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (COM(2007)0600 - C6-0343/2007 - 2007/2226(ACI))
Il-Parlament Ewropew
,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (COM(2007)0600 - C6-0343/2007),
– wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(1)
, u b'mod partikolari l-punt 28 tagħha,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l- 20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(2)
,
– wara li kkunsidra r-riżultati tat-Trilogu tas-6 ta' Lulju 2007 u tal-Kumitat għall-Konċiljazzjoni Baġitarja tat-13 ta' Lulju 2007,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A6-0485/2007),
A. billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji xierqa biex jipprovdu appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li jsofru mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fil-kummerċ globali u biex jgħinuhom jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol,
B. billi l-għajnuna finanzjarja ta' l-Unjoni Ewropea għall-ħaddiema li tkeċċew mix-xogħol għandha tkun għajnuna dinamika u disponibbli b'mod effiċjenti u malajr kemm jista' jkun,
C. billi l-Ġermanja u l-Finlandja talbu assistenza f'żewġ każijiet li jikkonċernaw tkeċċijiet mix-xogħol fil-qasam tat-telefonija ċellulari: BenQ fil-Ġermanja u Perlos Oyj fil-Finlandja, permezz ta' l-ittri tas- 27 ta' Ġunju u tas-17 ta' Lulju 2007(3)
,
1. Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti biex jagħmlu l-isforzi neċessarji biex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-Fond
2. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jagħmel l-arranġamenti għall-pubblikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din id-Deċiżjoni, inklużi l-Annessi, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Applikazzjonijiet EGF/2007/003/DE/BenQ u EGF/2007/004/FI/Perlos.
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-18 ta' Diċembru 2007
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni
Il-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw il-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(1)
, u b'mod partikolari l-punt 28 tagħha,
Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(2)
,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni.,
Wara li kkunsidra l-Konċiljazzjoni Baġitarja tat-13 ta' Lulju 2007,
Billi:
(1) L-Unjoni Ewropea ħolqot Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-"Fond") biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li jsofru mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fil-kummerċ globali u biex jgħinuhom jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol.
(2) Il-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 tippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond fil-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun.
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 jinkludi d-dispożizzjonijiet li permezz tagħhom il-Fond jista' jiġi mmobilizzat.
(4) Il-Ġermanja u l-Finlandja ppreżentaw l-applikazzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-Fond, minħabba żewġ każijiet ta' tkeċċijiet ta' ħaddiema fis-settur tat-telefonija ċellulari: BenQ fil-Ġermanja u Perlos Oyj fil-Finlandja,
IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Għall-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jkun immobilizzat għal ammont totali ta' EUR 14 794 688.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.