Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2019(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0492/2007

Testi mressqa :

A6-0492/2007

Dibattiti :

PV 11/12/2007 - 14
CRE 11/12/2007 - 14

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2007 - 6.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0616

Testi adottati
DOC 186k
Il-Ħamis, 13 ta' Diċembru 2007 - Strasburg Verżjoni finali
Abbozz tal-baġit ġenerali 2008, modifikat mill-Kunsill (it-taqsimiet kollha)
P6_TA(2007)0616A6-0492/2007
Riżoluzzjoni
 Anness
 Anness
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2007 dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2008 kif immodifikat mill-Kunsill (it-taqsimiet kollha) (15717/2007 – C6-0436/2007 – 2007/2019(BUD) - 2007/2019B(BUD)) u Ittri ta' emenda Nri 1/2008 (13659/2007 - C6-0341/2007) u 2/2008 (15716/2007 - C6-0435/2007) għall-abbozz tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2008

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 272 tat-Trattat KE u l-Artikolu 177 tat-Trattat Euratom,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom tad-29 ta' Settembru 2000 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej(1) ,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta" Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(2) ,

–   wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(3) ,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-24 ta' April 2007 dwar l-istrateġija politika annwali tal-Kummissjoni għall-proċedura baġitarja ta' l-2008(4) ,

–   wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2008, li l-Kunsill stabbilixxa fit-13 ta' Lulju 2007 (C6-0287/2007 - C6-0288/2007),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta" Ottubru 2007 dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2008, Taqsima III – Il-Kummissjoni (C6-0287/2007) u l-Ittra ta' Emenda Nru 1/2008 (13659/2007 – C6-0341/2007) għall-abbozz tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2008(5) ,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta" Ottubru 2007 dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2008, Taqsima I – Il-Parlament Ewropew, Taqsima II – Il-Kunsill, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja, Taqsima V – Il-Qorti ta' l-Awdituri, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew, Taqsima IX – Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (C6-0288/2007)(6) ,

–   wara li kkunsidra l-Ittra ta' emenda Nru 2/2008 (15716/2007 - C6-0435/2007)_għall-abbozz tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2008,

–   wara li kkunsidra l-emendi u l-modifiki proposti tiegħu tal-25 ta" Ottubru 2007 għall-abbozz tal-baġit ġenerali(7) ,

–   wara li kkunsidra l-modifiki tal-Kunsill għall-emendi u l-modifiki proposti adottati mill-Parlament għall-abbozz tal-baġit ġenerali (15717/2007 – C6-0436/2007),

–   wara li kkunsidra r-riżultati tal-laqgħa ta" konċiljazzjoni tal-baġit tat-23 ta" Novembru 2007,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar dak li ħareġ mid-deliberazzjonijiet tiegħu dwar l-emendi u l-modifiki proposti adottati mill-Parlament għall-abbozz ta" baġit ġenerali,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 69 u l-Anness IV tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A6-0492/2007),

Kwistjonijiet ewlenin - Ċifri ġenerali, proposta għar-reviżjoni tal-qafas finanzjarju multiannwalli (MFF), Ittri ta' emenda Nru 1 u Nru 2

1.  Ifakkar li l-prijoritajiet politiċi tiegħu għall-baġit 2008 kienu stipulati fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-istrateġija politika annwali (APS) ta' l-24 ta' April 2007, imsemmija aktar 'il fuq, li tibni fuq l-approċċi meħuda waqt il-preparazzjoni tal-baġit 2007 u n-negozjati li wasslu għall-Ftehima Interistituzzjonali (IIA) tas-17 ta' Mejju 2006; jenfasizza li l-approċċ "baġit biex jinkisbu r-riżultati" li ġie approvat f'dik ir-riżoluzzjoni huwa bbażat fuq il-pilastri ta' preżentazzjoni trasparenti, objettivi ċari u implimentazzjoni preċiża, b'tali mod li l-Kummissjoni tiġi ġġudikata mhux fuq il-bażi ta' proċess burokratiku, iżda fuq ir-riżultati li tikseb fl-ilħuq ta' objettivi li ġew miftiehma politikament; se jkompli jenfasizza dawn l-elementi fil-bqija tal-ħidma tiegħu fuq il-baġit 2008;

2.  Fuq il-figuri ġenerali, jistabbilixxi l-livell finali ta" l-approprjazzjonijiet ta" impenn għal EUR 123 149 656 468 ; jiżgura li pakketti ta" programmi multiannwali li ġew miftiehma biss dan l-aħħar bejn il-Parlament u l-Kunsill ikunu rrispettati, kuntrarju għat-tnaqqis propost mill-Kunsill, b'mod partikolari fl-intestatura 1a; jiffissa l-livell ġenerali tal-ħlasijiet għal EUR 120 346.76 miljun, ammont ekwivalenti għal 0.96% tad-dħul gross nazzjonali (GNI) ta' l-UE; jinnota li dan iħalli marġini sinjifikanti ħafna ta" EUR 9 411 241 388 taħt l-ogħla limitu tal-pagamenti tal-qafas finanzjarju multiannwali (MFF) għall-2008; jissottolinja l-importanza ta" implimentazzjoni effettiva tal-baġit u l-importanza tat-tnaqqis ta" impenji mhux imħallsa (reste à liquider - RALs) , minħabba l-livell ġenerali modest tal-ħlasijiet;

3.  Jilqa' r-riżultat tal-konċiljazzjoni tat-23 ta' Novembru 2007 mal-Kunsill, b'mod partikulari fir-rigward ta' l-iffinanzjar tal-programm Galileo, permezz ta' reviżjoni ta' l-MFF 2007 - 2013 u l-użu ta' l-istrument ta' flessibilità, u l-Istitut Ewropew ta' l-Innovazzjoni u t-Teknoloġija mill-marġni tat-titolu 1a; jenfasizza li din is-soluzzjoni ta' finanzjament hija kompletament konformi ma' l-approċċ li huwa favur tiegħu l-Parlament Ewropew, b'mod partikulari peress li ma tnaqqasx l-approprjazzjonijiet ippjanati għall-programmi finanzjarji multiannwali fit-titolu 1a, hekk kif kien irrakkomanda preċedentement il-Kunsill; jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet konġunti, annessi ma' din ir-riżoluzzjoni bħala Anness 2 , li jistipulaw l-arranġamenti dettaljati għall-iffinanzjar ta' Galileo u ta' l-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija;

4.  Jappoġġja l-ittra ta' emenda Nru 1/2008 għall-abbozz preliminari tal-baġit 2008 (PDB) adottata mill-Kummissjoni fis-17 ta' Settembru 2007, u b'mod partikolari ż-żidiet fl-approprjazzjonijiet ta' impenn proposti għall-Kosovo (EUR 120 miljun) u għall-Palestina (EUR 142 miljun), li b'kollox jammontaw għal EUR 262 miljun iktar miċ-ċifri ta' l-abbozz preliminari tal-baġit; fil-kuntest tal-konċiljazzjoni tat-23 ta' Novembru 2007, jaqbel dwar approprjazzjonijiet ta' EUR 285 miljun għall-CFSP fil-baġit ta' l-2008, partikularment fid-dawl tal-bżonnijiet li se jkollu l-Kosovo fil-ġejjieni; jitlob bi dritt li l-Kummissjoni żżomm lill-Parlament involut u infurmat għal kollox fl-implimentazzjoni; jappoġġja l-ittra ta' emenda Nru 2/2008 kompletament, bħala parti mir-riżultat tal-konċiljazzjoni tat-23 ta' Novembru 2007;

5.  Awtorizza t-talba DEC 36/2007 għat-trasferiment "Globali" fit-totalità tagħha u jilqa" b'sodisfazzjoni l-ammont aktar baxx ta" approprjazzjonijiet fl-2007, meta mqabbla mat-trasferimenti globali ta" l-2006 u l-2005; jagħraf li l-fatt li bħalissa m'hemmx implimentazzjoni biżżejjed ta" ċerti linji fl-2007 jista" jkun konsegwenza ta" l-adozzjoni li saret tard tal-bażijiet legali fl-ewwel sena tal-qafas finanzjarju multiannwali; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li diversi tnaqqis sinjifikanti ieħor fil-pagamenti ta" EUR 1,7 biljun fl-2007 qed jiġu proposti fil-Baġit ta' Emenda 7/2007 u fit-trasferiment "globali"; jinsisti li għandu jsir monitoraġġ mill-qrib ta' l-implimentazzjoni tal-Baġit ta' l-2008 permezz tad-diversi għodod bħal m'huma t-Twissija regolari għat-Tbassir tal-Baġit (Budget Forecast Alert) u l-Gruppi ta' Monitoraġġ; jistieden lill-kumitati speċjalizzati tiegħu biex jagħtu kontribut (input) bikri rigward il-fondi meħtieġa u dwar il-problemi li jista' jkun hemm ta" implimentazzjoni fir-rigward tal-programmi multiannwali; jenfasizza li żgur se jkun hemm bżonn ta' ammont ogħla ta' ħlasijiet fil-baġit ta' l-2008, u jistenna li jsir l-aħjar użu ta' din iż-żjieda moderata fil-ħlasijiet b'5.9% meta mqabbla ma' l-2007; b'referenza għall-istqarrija konġunta fuq din il-kwistjoni, jistenna li l-Kummissjoni tipproponi ħlasijiet ogħla fejn hu xieraq matul l-2008, jekk ikun hemm bżonn permezz ta" baġit ta" emenda;

6.  Jistenna b'interess ir-riżultati tal-proċess ta' konsultazzjoni mibdi mill-Kummissjoni dwar "Ir-riforma tal-baġit, it-tibdil ta' l-Ewropa" (SEC(2007)1188); jitlob li jkun hemm iktar involviment tal-Parlament kemm fir-reviżjoni ta' l-infiq ta' l-UE kif ukoll fir-reviżjoni tas-sistema ta' risorsi proprji ta' l-UE, hekk kif previst fid-Dikjarazzjoni Nru 3 dwar ir-reviżjoni tal-Qafas Finanzjarju tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006;

It-twassil ta' baġit biex jinkisbu r-riżultati - bini fuq il-bażi tal-konċiljazzjoni ta' l-ewwel qari

7.  Jirreferi għall-ftehima ta" ħames dikjarazzjonijiet konġunti, annessa mar-riżoluzzjoni tiegħu imsemmija hawn fuq tal-25 ta" Ottubru 2007 dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali għas-sena finanzjarja 2008, Taqsima III – Il-Kummissjoni, bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-konċiljazzjoni ta" l-ewwel qari dwar il-baġit ta" l-2008 tat-13 ta" Lulju 2007; irrinforza l-importanza politika ta' dawn id-dikjarazzjonijiet billi kkunsidrahom fit-tħejjija tal-baġit ta" l-2008, f'konformità ma' l-approċċ ta' "baġit biex jinkisbu r-riżultati"; jieħu nota ta' l-ittra ta' eżekuzzjoni tal-Kummissjoni u jippretendi li jinstabu soluzzjonijiet għall-implimentazzjoni ta' l-emendi proposti;

8.  Jilqa" b'sodisfazzjon l-iżviluppi fl-approvazzjoni tal-programmi operazzjonali mill-Kummissjoni fil-fondi strutturali, il-fond ta" koeżjoni u l-iżvilupp rurali imma, f'konformità mad-dikjarazzjoni konġunta miftiehma mal-Kunsill fit-13 ta" Lulju 2007, jixtieq jara aktar progress b'mod sinjifikanti sabiex il-flus operazzjonali jkunu jistgħu jintefqu; jiddispjaċih li "l fuq minn 50% tal-programmi ta" l-ERDF u "l fuq minn 67% tal-programmi ta" l-ESF u l-EAFRD għad m'humiex approvati għalkemm l-ewwel sena tal-perjodu ta" programmazzjoni kważi waslet fi tmiemha; jibqa" jżomm ċerti spejjeż amministrattivi tal-Kummissjoni f'riserva jissottolinja li l-ebda fondi operazzjonali m'huma mqiegħda f'riserva; se jirrilaxxa r-riservi fuq l-ispejjeż amministrattivi f'konformità ma" rata mtejba ta" approvazzjoni ta" programmi operazzjonali;

9.  Jieħu nota tar-rapport ta' deskrizzjoni fornit mill-Kummissjoni dwar il-ġestjoni bbażata fuq l-attivitajiet (ABM) qabel it-tieni qari tiegħu; fuq il-bażi ta' impenn sod ipprovdut mill-Kummissjoni biex tipproduċi studju, inklużi xi proposti għal miljoramenti li għandu jiġi ppreżentat matul seduta ta' smigħ prevista għar-Rebbiegħa ta' l-2008 fil-Kumitat għall-Baġits tal-Parlament, jaqbel li jpoġġi biss EUR 5 miljun f'riserva; jesprimi l-intenzjoni tiegħu li jipproduċi rapport mill-inizjattiva tiegħu stess fuq it-titjib ta" l-implimentazzjoni ta" l-immaniġġjar ibbażat fuq l-attività (ABM);

10.  Ifakkar li l-istudju dwar l-implimentazzjoni ta' l-immaniġġjar ibbażat fuq l-attività (ABM) għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja għall-awtorità baġitarja:

   kif jistgħu jiġu integrati ma" xulxin aħjar il-komponenti differenti taċ-ċiklu SPP-ABM (APS, CLWP, AMP ...)?
   kif tista" tiġi mtejba, possibilment permezz ta" sistema integrata ta" IT, l-integrazzjoni taċ-ċiklu SPP-ABM ma" ċikli oħra (iċ-ċiklu HR, l-immaniġġjar tar-riskju, l-evalwazzjoni, eċċ.)?
   il-komunikazzjoni ta" lista ta" indikaturi ta" prestazzjoni li jkunu ċari u ddeterminati minn qabel li jridu jigu uzati fic-ciklu kollu kemm hu sabiex jiġi mtejjeb l-immaniġġjar tal-prestazzjoni;
u jitlob:
   impenn mingħand il-Kummissjoni li tippreżenta segwitu għar-rapport tagħha "dwar l-ippjanar u l-ottimizzazzjoni tar-risorsi umani tal-Kummissjoni biex jaqdu l-prijoritajiet ta' l-UE" sat-30 ta' April 2008 li se jinkludi b'mod partikolari lista mqassma fid-dettall ta' staff f'kull kategorija, u skond id-Direttorat Ġenerali, u l-evoluzzjoni prevista għas-snin li ġejjin,
   komunikazzjoni mingħand il-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni kurrenti u kif tkun il-qagħda rigward l-implimentazzjoni tal-Punt 44 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta" Mejju 2006;

11.  Barra minn hekk jitlob lill-Kummissjoni:

   - pjan ta" azzjoni b'miżuri ddettaljati biex jiġi rrijorganizzat kull settur eżaminat fl-eżerċizzju ta" l-iskrining (Risorsi Umani, Teknoloġija ta" l-Informatika, Immaniġġjar/Loġistika/Sigurtà ta" Dokumenti, Verifikar Intern, Evalwazzjoni, Immaniġġjar Ibbażżat fuq l-Attività (ABM), Relazzjonijiet Interistituzzjonali, Komunikazzjoni/Informazzjoni/Pubblikazzjoni, Koordinazzjoni tal-Politiki); jitlob li l-istaff ta' l-aġenziji eżekuttivi wkoll jiġi inkluż f'dawn iċ-ċifri; jitlob lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament sa Jannar 2009 dwar il-qagħda kurrenti u r-riżultati ta' dawn il-proċeduri li għadhom għaddejjin; jitlob lill-Kummissjoni biex tintegra r-riżultati ta' dan is-segwitu fil-Komunikazzjoni tagħha dwar politika għall-akkomodazzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni fi Brussell u fil-Lussemburgu (COM(2007)0501) u biex konsegwentement tirrevedi l-ħtiġijiet ta' spazju msemmija fiha;
   - li timpenja ruħha b'mod aktar serju għall-koperazzjoni interistituzzjonali u li tqiegħdha fil-prattika b'mod aktar tanġibbli; jappoġġja t-talbiet insistenti ifformulati fir-rapport speċjali tal-Qorti Ewropea ta" l-Awdituri 2/2007 dwar l-infiq ta" l-Istituzzjonijiet f'binjiet, u jitlob li jittieħdu passi aktar konkreti lejn arranġamenti komuni; jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta b'manjiera iktar iddettaljata għand il-Parlament fuq il-fatturi li wassluha biex tikkonkludi fil-Komunikazzjoni tagħha COM(2007)0501 imsemmija hawn fuq li l-Kwartieri Ewropej għandhom jibqgħu iċ-ċentru ta" l-attivitajiet tal-Kummissjoni; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa u tippreżenta b'mod kumparabbli xenarji alternattivi tal-preżenza tal-Kummissjoni fi Brussell "il barra mill-Kwartieri Ewropej;

12.  Dwar id-dħul assenjat, jinsisti fuq trasparenza mtejba; jipproponi tibdil fl-istrument tad-dħul assenjat għall-aġenziji ddeċentralizzati bit-tama li jsir tqabbil aktar qrib bejn id-dħul assenjat u aġenziji speċifiċi; jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li l-użu tad-dħul assenjat fi ħdan il-fond għar-ristrutturar taz-zokkor ħoloq "baġit ġewwa baġit" de facto li huwa diffiċli li jiġi rrikonċiljat mal-prinċipju baġitarju ta' l-universalità li hu mnaqqax fir-Regolament Finanzjarju; jesprimi d-disponibilità tiegħu li jirrevedi r-Regolament Finanzjarju fir-rigward tad-dħul assenjat;

13.  Dwar l-aġenziji ddeċentralizzati, jerġa" jġib kif kienu l-livelli ta" l-abbozz preliminari tal-baġit bl-eċċezzjoni tal-Frontex li għaliha hemm adottata żjieda ta" EUR 30 miljun u bl-eċċezzjoni ta" l-Aġenzija Ewropea ta" l-Ambjent b'daqsxejn ta" żjieda taħt it-Titolu 3; jilqa" b'sodisfazzjon il-progress li sar mill-aġenziji l-aktar ġodda billi espandew l-attivitajiet tagħhom b'manjiera effettiva u effiċjenti; jitlob ċarezza akbar fil-ġejjieni fir-rigward ta" pjanijiet ta" ħidma u ħtiġijiet ta" provvediment ta" staff fuq medda medja ta" żmien;

14.  Jisħaq li sabiex jiġu stabbiliti l-Intrapriżi Konġunti, kif ukoll l-imħabbra Aġenzija ddeċentralizzata l-ġdida għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi ta" l-Enerġija, il-proċedura li jipprovdi għaliha l-Punt 47 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 trid tiġi miftuħa;

15.  Dwar aġenziji eżekuttivi, ifakkar fl-obbligazzjonijiet tal-Kummissjoni stipulati mill-"Kodiċi ta" Kondotta dwar it-twaqqif ta" Aġenzija Eżekuttiva"(8) ; jidhirlu li aġenziji eżekuttivi m'għandhomx, la issa u l-anqas fil-ġejjieni, iwasslu għal żjieda fis-sehem ta" l-ispiża amministrattiva; jenfasizza li kwalunkwe proposta għall-ħolqien ta' aġenzija eżekuttiva ġdida, u l-espansjoni ta" aġenziji eżekuttivi eżistenti, għandhom ikunu bbażati fuq analiżi komprensiva ta' l-ispiża involuta meta mqabbla mal-benefiċċji miksuba, u li għandhom jiġu stipulati b'mod ċar fil-proposta linji ta' kontabilità u responsabilità; jilqa" b'sodisfazzjoni il-ftehima tiegħu mal-Kummissjoni dwar arranġamenti ta" ħidma rriveduti dwar aġenziji eżekuttivi tas-16 ta" Ottubru 2007 anness ma" din ir-riżoluzzjoni bħala Anness 1 ;

16.  Jitlob bi dritt li r-rendikonti ta' l-attivitajiet u r-Rapporti Annwali ta" l-Attività iwasslu konċentrament aħjar fuq l-objettivi u l-indikaturi tar-riżultati minflok deskrizzjonijiet twal tal-proċess amministrattiv; jinnota, madankollu, li għad baqa' diskrepanza sinjifikanti bejn id-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kwalità tar-Rendikonti ta' l-Attività u r-Rapporti Annwali ta" l-Attività; jistenna aktar miljoramenti fis-snin li ġejjin;

17.  Jidhirlu li indikaturi ex-ante u ex-post tal-prestazzjoni huma għodod integrali fl-implimentazzjoni ta" l-immaniġġjar ibbażat fuq l-attività ABM u l-ibbaġitjar ibbażat fuq l-attività (ABB); jitlob li l-indikaturi tal-prestazzjoni għandhom jilagħbu parti aktar b'saħħitha fl-evalwazzjoni ex-ante tal-prestazzjoni; huwa tal-fehma li d-data pprovduta fir-rendikonti ta" l-attività għandha tkun integrata aħjar mar-rapporti annwali ta' l-attività ta' kull Direttorat Ġenerali sabiex issir evalwazzjoni aħjar ta" l-effiċjenza u r-riżultati ta" l-immaniġġjar; jikkunsidra li dan għandu jgħin lill-Awtorità Baġitarja biex timmoniterja l-punt sa fejn ir-riżorsi addizzjonali mitluba jwasslu għall-ksib ta' riżultati u mhux sempliċement għall-ħolqien ta' aktar burokrazija;

18.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-eżerċizzju tal-grupp ta' l-immoniterjar li tmexxa mill-Kumitat għall-Baġits matul l-2007; jittama li dan l-eżerċizzju jkun jista" jkompli jikkontribwixxi għal livell imsaħħaħ ta" moniterjar baġitarju; ikompli jappoġġja s-sistema tat-Twissija għat- Tbassir tal-Baġit bħala kontribuzzjoni għat-titjib ta' l-implimentazzjoni tal-baġit; jitlob li t-tieni dokument tat-Twissija għat-Tbassir tal-Baġit jiġi ppreżentat f'Settembru, u mhux f'Ottubru, 2008 sabiex il-Parlament ikun jista' jikkunsidra dan id-dokument fil-preparazzzjoni ta' l-ewwel qari tiegħu ta' l-abbozz tal-baġit 2009;

   19. Ifakkar li, skond l-Artiklu 53b tar-Regolament Finanzjarju u l-Punt 44 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, li għandhom bħala l-għan aħħari tagħhom li jiżguraw kontroll intern effettiv u integrat tal-fondi Komunitarji u dikjarazzjonijiet ta' mmaniġġjar nazzjonali, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li "jipproduċu sommarju annwali fil-livell nazzjonali xieraq tal-verifiki u d-dikjarazzjonijiet disponibbli"; jinnota li, skond informazzjoni li waslet mill-Kummissjoni, s'issa kien biss numru limitat ta' Stati Membri li kkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehima Interistituzzjonali; jiddispjaċih li l-ebda waħda mill-proposti dwar dikjarazzjonijiet (ta" mmaniġġjar) nazzjonali mressqa mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjonijiet ta" kwittanza tiegħu ta" l-2003, l-2004 u l-2005 ma huma inkorporati fl-Istrateġija ta" Verifika tal-Kummissjoni u jitlob lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament infurmat; ifakkar lill-Istati Membri dwar l-obbligu tagħhom li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju rrivedut, li kien biss dan l-aħħar li qablu miegħu; itenni li l-Istati Membri huma barra minn hekk obbligati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Punt 44 tal-Ftehima Interistituzzjonali barra li huma obbligati wkoll skond l-Artikolu 274 tat-Trattat KE li jikkoperaw għal kollox mal-Kummissjoni skond il-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja soda;
   20. Itenni l-importanza li tiġi ammeljorata l-implimentazzjoni tal-baġit f'konformità mad-dikjarazzjoni adottata fil-konċiljazzjoni tal-baġit f'Novembru 2006; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi tagħrif fuq l-azzjonijiet li ttieħed inkariku tagħhom jew li huma previsti sabiex din id-deċiżjoni tiġi applikata; ifakkar li dan it-tagħrif għandu jiġi ppreżentat b'mod regolari fil-laqgħat tat-trijalogu;
   21. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tapplika kompletament ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1/1958 tal-15 ta' April 1958 li jiddetermina l-lingwi li għandhom jiġu utilizzati mill-Komunità Ekonomika Ewropea u jirrifjuta bħala invalidi raġunijiet finanzjarji għal derogi, peress li ma tressqux waqt il-proċedura baġitarja;

Kwistjonijiet speċifiċi - elementi ewlenin skond l-intestatura baġitarja, il-proġetti pilota, l-azzjonijiet preparatorji

22.  Dwar l-intestatura 1a, "Kompetittività għat-tkabbir u għall-impjiegi", jirrifjuta t-tnaqqis fl-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' ħlas li sar mill-Kunsill fl-ewwel qari tiegħu, speċjalment fejn dawn ikopru programmi multiannwali li ġew kodeċiżi reċentement mal-Parlament u li għandhom il-għan li jwettqu l-Istrateġija ta' Liżbona; jinnota li dan l-approċċ kien iffaċilitat bil-ftehim li l-programm Galileo jiġi ffinanzjat fuq il-bażi ta' reviżjoni ta' l-MFF u permezz ta' l-użu ta' l-istrument tal-flessibilità; jipproponi numru ta' proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji f'konformità mal-prerogattivi baġitarji tiegħu; jenfasizza l-importanza li titnaqqas l-istigma tal-falliment kummerċjali u l-importanza ta' l-appoġġ finanzjarju għall-Aġenda ta' Oslo għall-Edukazzjoni fl-Intraprenditorija fil-kuntest tal-Programm tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP); ipoġġi ammonti f'riserva għall-programm tas-CIP sakemm isiru miljoramenti fl-implimentazzjoni;

23.  Dwar l-intestatura 1b, "Koeżjoni għat-tkabbir u l-impjiegi", jiddispjaċih għad-dewmien biex issir l-eżekuzzjoni u jissottolinja li anke ż-żmien huwa flus;

24.  Ifakkar fid-deċiżjoni li jiġi stabbilit iċ-Ċentru Ewropew tad-Dejta ta" Identifikazzjoni u Ttraċċar fuq Medda Twila (LRIT) imħaddem mill-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima (EMSA) sal-31 ta' Diċembru 2008 (Pożizzjoni tal-PE tal-25 ta' April 2007(9) u r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Ottubru 2007); jagħraf il-ħtieġa ta" finanzjament addizzjonali fl-2008 għall-EMSA sabiex tiġi koperta din il-funzjoni ġdida;

25.  Jilqa" b'sodisfazzjon id-dokumentazzjoni u l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni u l-Bank Ewropew għall-Investiment (EIB) rigward Faċilitajiet Finanzjarji għall-Kondiviżjoni tar-Riskju (RSFF); huwa tal-fehma li r-riserva fuq dawn il-linji tista" tinqala" minn ġol-baġit; jitlob madanakollu li jkun mgħarraf u li d-dokumenti relevanti jiġu mgħoddija lilu meta l-linji gwida jkunu adottati għat-tieni komponent tal-Programm tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP), l-istrumenti tal-kapital ta" riskju, u jitlob li jkun mgħarraf dwar xi jkun ħareġ min-negozjati bejn il-Bank Ewropew għall-Investiment u l-Kummissjoni dwar il-koperazzjoni konġunta għall-istrument ta" garanzija għas-self għat-TEN-Trasport (LGTT);

26.  Dwar l-intestatura 2, "Preservazzjoni ta' risorsi naturali", jitlob bi dritt preżentazzjoni aktar ċara taċ-ċifri għall-miżuri tas-suq u l-għajnuniet diretti fil-proċeduri baġitarji ġejjiena; jinsab imħasseb b'kemm hi miexja bil-mod ir-rata ta' l-adozzjoni tal-programmi operazzjonali fir-rigward tal-pilastru ta' l-iżvilupp rurali tal-politika agrikola komuni (PAK), prijorità tal-Parlament li ilha teżisti; jistenna li jara miljoramenti rapidi f'dan ir-rigward;

27.  Jenfasizza l-ħtieġa li titħaffef il-proċedura rigward it-tfassil ta' programmi nazzjonali speċjali għall-irkuprar ta' l-uċuħ tar-raba' u l-produzzjoni tal-bhejjem f'zoni milquta minn nirien u forom oħra ta' diżastri naturali; jisħaq li dawk il-programmi għandhom ikunu ffinanzjati mill-EAFRD (Fond Ewropew ta' l-Agrikoltura għall-Iżvilupp Rurali) permezz ta" trasferimenti jew sussidji interni fi ħdan Stat Membru;

28.  Jiċħad it-tentattiv tal-Kunsill li jerġa jikklassifika numru żgħir ta' linji bħala nefqa obbligatori fl-Intestatura 2, b'mod partikulari l-linji 17 04 05 01 u 17 04 05 02 li jikkonċernaw l-Uffiċċju dwar il-Varjetajiet tal-Pjanti;

29.  Jirrikonoxxi l-bżonn għal finanzjament ulterjuri tal-fondi għat-tqassim tal-ħalib fl-iskejjel (biex il-varjetà ta' prodotti tiġi estiża billi jiżdiedu prodotti ġodda u innovattivi); itenni l-importanza ta' appoġġ adegwat għall-proċess ta' ristrutturazzjoni fis-settur tal-ħalib (billi titwaqqaf skema ta' ristrutturazzjoni tal-fondi ddestinati għas-settur tal-ħalib);

30.  Jenfasizza mill-ġdid l-impenn qawwi tiegħu għall-għoti adegwat ta' flus tal-baġit għall-fondi għall-frott u l-ħaxix fl-iskejjel u għall-ħalib fl-iskejjel (u prodotti oħra tal-ħalib); jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' progress tal-Kummissjoni fil-preżentazzjoni ta' proposti minħabba li qed iddum biex twettaq l-evalwazzjonijiet ta' l-impatt meħtieġa; jesprimi s-sorpriża tiegħu li l-Kunsill ma implimentax l-impenji politiċi tiegħu rigward dawn il-kwistjonijiet bil-ħolqien ta' linja ġdida u riserva fil-baġit, fin-nuqqas ta' twaqqif ta' bażi legali; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġislattiva f'dan ir-rigward, kif stipulat fil-konklużjonijiet ta" Ġunju 2007 tal-Kunsill ta" l-Agrikoltura;

31.  Dwar it-titolu 3a, ''Libertà, sigurtà u ġustizzja'', jenfasizza l-importanza tax-xogħol ta' l-aġenzija Frontex; jidhirlu li l-aġenzija Frontex għandha tilgħab parti aktar effettiva fit-tisħiħ tal-fruntieri esterni ta" l-UE, b'mod notevoli billi ttaffi l-piż li bħalissa qed jiffaċċjaw Stati Membri f'rabta ma" l-immigrazzjoni illegali; jistieden lill-Aġenzija tippreżenta b'mod regolari lill-kumitat kompetenti tal-Parlament rapport dwar il-qagħda kurrenti u l-operazzjonijiet skedati li jkunu se jseħħu ma jdumux; iħeġġeġ lill-Istati Membri jżommu l-wegħdiet tagħhom u jappoġġjaw il-missjonijiet ta" l-Aġenzija sabiex l-Aġenzija tkun tista" twettaq il-kompiti tagħha b'aktar effikaċja; jieħu nota tal-qbil tal-Kunsill li jiżdied il-finanzjament għall-Frontexi EUR 30 miljun, għalkemm bi tqassima ddettaljata differenti għall-infiq amministrattiv u operazzjonali; jimmodifika din it-tqassima ddettaljata b'manjiera li hu jqis l-aktar xierqa biex ikun żgurat valur miżjud massimu; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta baġit ta" emenda fil-każ li l-organigramma tiġi li tkun teħtieġ modifika wkoll;

32.  Dwar l-intestatura 3b, "Ċittadinanza", jerġa' jġib kif kien l-abbozz preliminari tal-baġit għal pakketti ta" programmi multiannwali u jipproponi f'dan ir-rigward approprjazzjonijiet għal numru ta' proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji ġodda jew li għadhom għaddejjin; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-finanzjament għall-kampanja ta" tagħrif u prevenzjoni HELP jasal fi tmiemu fil-baġit għall-2008 u jistenna li l-Kummissjoni tressaq inizjattiva ta" segwitu; jappoġġja, addizzjonalment, fi ħdan l-Istrument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili, il-provvediment ta" kapaċità kumplementari fis-sura ta" forza li tkun disposta għal-lest biex tittratta diżastri naturali jew dawk magħmula mill-bniedem kif ukoll f'każijiet ta' atti ta' terroriżmu jew inċidenti ambjentali;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti rinforz ripetut għall-investiment fl-infrastruttura biex tittejjeb l-akkomodazzjoni għar-rifuġjati;

34.  Ifittex li jinkoraġġixi vuċi aktar b'saħħitha għal gruppi li huma rrapreżentati inqas aħjar fis-soċjetà ċivili, filwaqt li jiġu miġġielda l-forom kollha tad-diskriminazzjoni u jissaħħu d-drittijiet tan-nisa, tat-tfal, ta' min għandu diżabilità u ta' l-anzjani;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tuża l-approprijazzjonjiet assenjati għall-informazzjoni biex tipprovdi tagħrif divers, li, inter alia, jaħseb għall-ħtiġijiet ta" informazzjoni pubblika tal-minoranzi parlamentari;

36.  Fit-titolu 4, ''L-UE bħala msieħeb globali'', hija kkonċernata min-nuqqas kroniku ta' finanzjament ta' dan it-titolu fl-MFF 2007-2013; jappoġġja ż-żidiet, inkluż għall-Kosovo u l-Palestina, fl-ittra ta' emenda tal-Kummissjoni Nru 1/2008 lill-PDB tas-17 ta' Settembru 2007; jilqa' l-użu ta' l-istrument tal-flessibilità għall-iffinanzjar ta' EUR 70 miljun taż-żieda tas-CFSP; jaġġusta l-ewwel qari tiegħu għat-titolu 4 b'konformità mal-prijoritajiet tiegħu fid-dawl tar-riżultat tal-konċiljazzjoni tat-23 ta' Novembru 2007;

37.  Jirrimarka li, wara l-iżviluppi li seħħew fil-konferenza reċenti ta" Annapolis, l-istimi għall-kontribuzzjoni ta" l-UE għall-Palestina hemm possibilità qawwija li jiżdiedu u jistieden lill-Kummissjoni biex tersaq b'baġit ta" emenda meta jkun meħtieġ;

38.  Huwa tal-fehma li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għall-valuri demokratiċi għandu jkun waħda mill-kundizzjonijiet ta" l-allokazzjoni ta" fondi ta" l-UE lill-pajjiżi ġirien u lil dawk li qed jiżviluppaw;

39.  Ifakkar lill-Kunsill li laqgħat regulari tal-kumitat konġunt dwar is-CFSP għandhom jippromwovu djalogu politiku ex ante reali, minflok ma jkunu użati sempliċement biex jinfurmaw lill-Parlament b'manjiera ex-post"

40.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni biex tidħol fi djalogu politiku regolari tliet darbiet fis-sena, skond id-dikjarazzjoni mehmuża bħala Anness 3 għal din ir-riżoluzzjoni , mal-Parlament Ewropew dwar il-kontroll demokratiku u l-koerenza ta' l-azzjonijiet esterni fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjonijiet Nru 4 u 5 tal-IIA tas-17 ta' Mejju 2006;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi lill-Parlament Ewropew bl-informazzjoni kollha meħtieġa relatata ma' l-istabbiliment tal-Fond Globali għall-Effiċjenza fl-Użu ta" l-Enerġija u għall-Enerġija li Tiġġedded (GEEREF) il-ġdid, b'mod partikulari l-mandati bil-miktub li ngħataw lill-Fond Ewropew għall-Investiment, sabiex il-Parlament Ewropew ikun jista' jevalwa l-implikazzjonijiet baġitarji u finanzjarji kollha ta' dan il-fond;

42.  Jemmen li l-UE għandha tikkoordina aħjar id-diversi inizjattivi tagħha ta" min ifaħħarhom biex jiġi miġġieled u eradikat il-mard marbut mal-faqar fil-pajjiżi ġirien u dawk li qed jiżviluppaw; jipproponi li jiġu allokati risorsi baġitarji biżżejjed biex dawn il-pajjiżi jkunu pprovduti l-istrumenti meħtieġa ta" assistenza teknika; iddeċieda li joħloq linja baġitarja separata għall-Fond Globali għall-Ġlieda Kontra l-AIDS, it-Tuberkulożi u l-Malarja sabix tiġi mtejba t-trasparenza u jkun iggarantit il-finanzjament meħtieġ kemm għall-Fond Globali u kemm għall-prijoritajiet l-oħrajn tas-saħħa;

43.  Dwar l-intestatura 5, "Amministrazzjoni", jikkunsidra li linji ċari ta' responsabilità u kontabilità huma komponent essenzjali biex jitkompla l-proċess ta' l-immodernizzar ta' l-amministrazzjoni ta' l-UE; ifakkar li objettivi politiċi ċari u r-responsabilità individwali għat-twettiq tagħhom f'paragun ma' indikaturi li għandhom jiġu stabbiliti meta d-data mid-diversi studji mitluba mill-Kumitat tiegħu għall-Baġits dwar is-suġġett tiġi mressqsa għandhom ikunu d-direzzjoni tar-riformi ġejjiena tas-sistema;

44.  F'dan il-kuntest, jiddeplora l-ineffiċjenzi inerenti f'sistema ta' kompetizzjonijiet li tista' tħalli "kandidati approvati" jinfnew f'lista ta' riżerva għal bosta snin, bl-ebda garanzija li se jiġu offruti pożizzjoni; jidhirlu li ż-żamma ta' dan l-approċċ tista' tikkontribwixxi biex jonqos l-istandard medju ta' l-uffiċjali l-ġodda ta' l-UE minħabba li l-aħjar kandidati se jfittxu impjieg f'setturi aktar dinamiċi ta' l-ekonomija ta' l-UE; jitlob li jkun hemm impenn serju mill-Kummissjoni biex terġa" tħares lejn din il-kwistjoni fil-kuntest ta' ħidma ta' segwitu għall-eżerċizzju ta' stħarriġ u tipprovdi aktar tagħrif b'lista mqassma f'aktar dettall ta' l-istaff għal kull kategorija u skond id-Direttorat Ġenerali u l-evoluzzjoni prevista għas-snin li ġejjin;

45.  Jerġa' jġib kif kien l-abbozz preliminari tal-baġit fir-rigward tat-tnaqqis li sar mill-Kunsill fl-approprjazzjonijiet u fl-organigrammi fl-intestatura 5; jixtieq iżomm u jiżviluppa djalogu interistituzzjonali kostruttiv fir-rigward ta' l-isforzi kontinwi biex jittejbu l-prattiki amministrattivi fl-istituzzjonijiet ta" l-UE; jenfasizza l-importanza ta' reklutaġġ adegwat mill-Istati Membri tat-"12 ta" l-UE"; hu tal-fehma li, f'rabta mat-tkabbir, dokumenti ta" relevanza għal diskussjonijiet u deċiżjonijiet, bħal m'huma, pereżempju, il-valutazzjonijiet ta" l-impatt, għandhom isiru disponibbli fil-lingwi kollha meħtieġa, peress li dawk id-dokumenti huma għodda għal leġiżlazzjoni aħjar; ifakkar f'dan ir-rigward li l-Kumitat tiegħu għall-Baġits illanċja, permezz ta" żewġ studji, proċess biex janalizza l-objettivi tar-riforma amministrattiva tal-Kummissjoni, filwaqt li jiffoka fuq l-introduzzjoni ta" ABB u ABM, l-introduzzjoni taċ-ċiklu ta" ppjanar strateġiku u l-allokazzjoni tan-nefqa amministrattiva relatata;

46.  Jitlob lill-Kummissjoni li timmoniterja l-impatt li jkollha fuq is-settur tal-proprjetà immobbli l-implimentazzjoni tal-metodoloġija maħsuba biex ittejjeb il-proċeduri eżistenti meta tkun qed tiffirma kuntratti ta" bini u li tqabblu mas-sitwazzjoni kurrenti, li tkompli bl-isforzi tagħha biex tirrinforza l-koperazzjoni istituzzjonali f'din l-affari u li żżomm lill-Parlament infurmat b'mod regolari;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar il-livelli ffissati ma" l-istaff f'organizzazzjonijiet internazzjonali oħra bħala segwitu għar-rapport tagħha fuq l-ippjanar u l-ottimizzazzjoni tar-riżorsi umani; barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni wkoll biex tippreżenta linji gwida biex ikun aġevolat il-finanzjament ta" l-infrastruttura pubblika skond il-ftehimiet bejn is-settur pubbliku u dak privat (PPP);

48.  Dwar proġetti pilota, jipproponi firxa ta" proġetti innovattivi li jirrispondu għall-isfidi ta" politika li hemm bħalissa fl-UE;

49.  Dwar azzjonijiet preparatorji, jipproponi firxa ta" inizjattivi li għandhom iwittu t-triq għal azzjonijiet ġejjiena li jseddqu l-kapaċità ta" l-Unjoni Ewropea li tittratta l-ħtiġijiet veri taċ-ċittadini tagħha;

Taqsimiet oħra tal-baġit 2008

50.  Jiġbed l-attenzjoni għall-Artikolu 29 ta' l-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew, li jgħid li kull Stat Membru jista' jadotta, għall-Membri li ġew eletti fih, regoli differenti mid-dispożizzjonijiet ta' dan l-Istatut fir-rigward tas-salarju, l-allowance tranżizzjonali u l-pensjonijiet għal perjodu tranżizzjonali li m'għandux ikun itwal minn żewġ termini parlamentari tal-Parlament Ewropew; fid-dawl tad-dħul fis-seħħ ta' l-Istatut fil-bidu tal-mandat parlamentari ta' wara l-elezzjonijiet Ewropej ta' l-2009, jagħti mandat lill-Kwesturi biex jistiednu lill-Istati Membri biex jinfurmaw lill-Parlament fi żmien utli, u partikularment fil-ħin għat-tfassil tat-tbassir baġitarju tiegħu għall-2009, dwar jekk għandhomx l-intenzjoni li jirrikorru għall-opzjonijiet provduti mill-Artikolu 29 u l-Artikolu 12(3) u (4) ta' l-Istatut imsemmi hawn fuq;

51.  Ifakkar li l-ewwel qari tiegħu kien imsejjes fuq l-eżami tat-talbiet u l-ħtiġijiet speċifiċi ta" kull istituzzjoni; kien konsegwentement jistenna li jilħaq pożizzjoni komuni mal-Kunsill meta jkun qed jiġi deċiż it-tieni qari tiegħu;

52.  Jieħu nota tal-fatt li l-Kunsill approva uffiċjalment il-pożizzjoni tiegħu f'dak li jirrigwarda l-baġit tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew; jidhirlu madanakollu li l-istituzzjonijiet l-oħra għamlu proposti sostanzjali biex inaqqsu l-estimi tagħhom billi pprijoritizzaw it-talbiet tagħhom; jixtieq li jinkuraġġihom biex isegwu dan l-approċċ fil-ġejjieni u jiddeċiedi li jibqa' jżomm il-pożizzjoni oriġinali tiegħu li kien ħa fl-ewwel qari u b'dan il-mod jerġa' jġib kif kien it-tnaqqis magħmul mill-Kunsill;

53.  Jinnota li minkejja sinjali mogħtija lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, it-tiġdid tal-ftehima ta" koperazzjoni għadu mhux iffirmat; ifakkar li 10% ta' l-approprjazzjonijiet tas-Servizz Konġunt huma mdaħħla fir-riserva sakemm isir it-tiġdid tal-ftehima li huwa mistenni li jseħħ sa mhux aktar tard minn Diċembru 2007; jidhirlu li governanza ġdida tista" tiġi mill-ftehima ta" koperazzjoni l-ġdida li tista" tkun ta" ġid għaż-żewġ kumitati;

o
o   o

54.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit ġie finalment adottat u biex jirranġa għall-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta" l-Unjoni Ewropea;

55.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u l-Annessi lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Qorti ta" l-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta, u lill-korpi l-oħra kkonċernati.

(1) ĠU L 253, 7.10.2000, p. 42.
(2) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1).
(3) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(4) Testi Adottati , P6_TA(2007)0131.
(5) Testi Adottati , P6_TA(2007)0473.
(6) Testi Adottati , P6_TA(2007)0474.
(7) Testi Adottati ta" dik id-data, Anness.
(8) "Kodiċi ta" Kondotta dwar it-twaqqif ta' Aġenzija Eżekuttiva" kif qablet dwaru l-Kummissjoni fl-ittra tagħha ta" l-20 ta" April 2004 (Anness mar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta" April 2004 dwar l-Abbozz tal-baġit ta" emenda Nru 6 ta" l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2004 (ĠU C 104 E, 30.4.2004, p. 951)).
(9) Testi Adottati , P6_TA(2007)0146.


ANNESS 1

Arranġamenti ta" ħidma rriveduti dwar Aġenziji Eżekuttivi

1.  Skond l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta" Diċembru 2002 li jistabbilixxi l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li għandhom ikunu fdati b'ċerti kompiti fl-immaniġġjar ta" programmi Komunitarji u skond l-Artikolu 54 (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta" Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, il-Kummissjoni għandha tiddikjara l-ħsieb tagħha li tistabbilixxi aġenzija eżekuttiva fil-memorandum ta" spjegazzjoni tal-proposta tagħha għal att legali tal-programm innifsu.

2.  Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar it-twaqqif ta" Aġenzija Eżekuttiva ġdida, jew il-modifikazzjoni ta" l-ambitu u l-kompetenzi ta" Aġenzija Eżekuttiva eżistenti, fuq il-bażi ta" l-evalwazzjoni tagħha tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003.

3.  Il-ħolqien ta" aġenziji eżekuttivi jista" jikkostitwixxi kontribuzzjoni għall-effiċjenza tal-metodi utilizzati mill-Kummissjoni biex timplimenta l-politiki u l-programmi ta" l-UE, iżda biss jekk dan il-metodu jirrispetta għal kollox il-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja soda u t-trasparenza totali. Dan ifisser li tali aġenziji eżekuttivi ma jridux iwasslu, kemm issa kif ukoll fil-futur, għal żieda fis-sehem ta' l-ispiża amministrattiva. Għalhekk, irid ikun hemm konformità rigoruża mal-prinċipju ta' l-iffriżar ta' postijiet kif definit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003, bħala riżultat ta' tali organizzazzjoni mill-ġdid tal-kompiti. Il-Kummissjoni għandha tressaq tagħrif komplut u ddettaljat dwar il-livelli ta" provediment ta" staff u l-utilizzazzjoni tagħhom sabiex l-awtorità baġitarja tkun tista" tevalwa jekk is-sehem ta" l-ispiża amministrattiva biex jiġi implimentat programm tassew ma jkunx żdied.

Kwalunkwe proposta għall-ħolqien ta' Aġenzija Eżekuttiva ġdida għandha tkun ibbażata fuq analiżi komprensiva tal-qligħ meta mqabbel man-nefqa. Il-linji ta' kontabilità u responsabilità għandhom jitpoġġew b'mod ċar fil-proposta.

4.  L-awtorità baġitarja għandha tiġi mgħarrfa bir-riżultati ta" l-analiżi tal-qligħ meta mqabbel man-nefqa mill-inqas sitt ġimgħat qabel ma l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni finali li tistabbilixxi l-Aġenzija Eżekuttiva. Jekk jagħti l-każ li matul dan il-perjodu jitqajmu raġunijiet iġġustifikati kif jixraq minn xi waħda jew oħra mill-fergħat ta" l-awtorità baġitarja għat-twaqqif ta" l-Aġenzija Eżekuttiva, il-Kummissjoni se tirrevedi l-proposta tagħha.

5.  Meta l-Kummissjoni tikkontempla li twaqqaf Aġenzija Eżekuttiva ġdida, jew li timmodifika l-ambitu u l-kompetenzi ta" Aġenzija Eżekuttiva eżistenti, hija tinforma lill-awtorità baġitarja skond il-proċedura baġitarja filwaqt li tirrispetta l-prinċipju tat-trasparenza. Għandu jkun hemm rendikont finanzjarju speċifiku għall-Aġenzija Eżekuttiva. Huwa għandu jinkludi elementi kkwantifikati fejn il-Kummissjoni tiġġustifika r-raġunijiet għala jidhrilha li hu xieraq li titwaqqaf Aġenzija biex tgħin fl-implimentazzjoni tal-programm ikkonċernat.

6.  L-awtorità baġitarja jrid ikollha fil-pussess tagħha l-informazzjoni meħtieġa kollha biex tgħinha timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja soda u t-trasparenza totali kemm bħalissa kif ukoll fil-ġejjieni. L-informazzjoni fir-rendikont finanzjarju speċifiku għall-aġenzija eżekuttiva għandha għalhekk tkopri:

   a. ir-riżorsi f'dawk li huma approprjazzjonijiet u staff meħtieġa biex titmexxa l-Aġenzija Eżekuttiva, bin-nefqa għall-istaff (uffiċjali ssekondati, staff temporanju rreklutat direttament mill-Aġenzija Eżekuttiva u staff b'kuntratt) u infiq amministrattiv ieħor analizzati b'mod dettaljat;
   b. l-issekondar ippjanat ta' uffiċjali mill-Kummissjoni lill-Aġenzija Eżekuttiva;
   c. riżorsi amministrattivi meħlusin billi jkunu trasferiti kompiti mid-dipartimenti tal-Kummissjoni lill-aġenzija eżekuttiva, u l-allokazzjoni mill-ġdid tar-riżorsi umani; b'mod partikulari n-numru ta' staff (inkluż staff estern) assenjat għal kull kompitu rilevanti fi ħdan il-Kummissjoni, in-numru ta' dan l-istaff li għandu jkun ittrasferit lil Aġenzija Eżekuttiva proposta ġdida jew imkabbra, in-numru ta' postijiet tal-Kummissjoni li għandu jkun iffriżat bħala konsegwenza u n-numru ta' staff tal-Kummissjoni li għandu jkun propost li jkun imqassam mill-ġdid għal kompiti oħrajn;
   d. it-tqassim mill-ġdid konsekuttiv fi ħdan l-organigramma tal-Kummissjoni;
   e. l-impatt tal-ħolqien ta" l-Aġenzija skond l-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju plurijennali;
   f. il-vantaġġi li kompiti implimentattivi jkunu delegati lil Aġenzija Eżekuttiva minflok il-ġestjoni diretta mis-servizzi tal-Kummissjoni: kwalunkwe tqabbil ta' xenarju ta' "Ġestjoni diretta mis-servizzi tal-Kummissjoni" ma' xenarju ta' "Aġenzija Eżekuttiva" għandu jkun ibbażat fuq ir-riżorsi użati biex il-programm(i) eżistenti jkun(u) implimentat(i) fil-forma preżenti tiegħu (tagħhom) sabiex ikun hemm bażi soda u fattwali għal tqabbil; għal programmi ġodda u li qed jespandu se tiġi kkunsidrata wkoll l-evoluzzjoni tal-pakkett finanzjarju relatat li se jkun immaniġġjat mill-Aġenzija Eżekuttiva;
   g. abbozz ta' organigramma għal kull grad u għal kull kategorija kif ukoll stima b'bażi soda tan-numru ta' aġenti kuntrattwali ppjanati u bbaġitjati proviżorjament;
   h. analiżi fid-dettall ċara dwar l-atturi kollha involuti fl-implimentazzjoni tal-programm inkluż is-sehem li jibqa" tal-pakkett tal-programm operazzjonali li huma responsabbli mill-implimentazzjoni tiegħu (Kummissjoni, Aġenziji Eżekuttivi, Uffiċċji ta" Għajnuna Teknika li jibqa", Stati Membri, aġenziji nazzjonali, eċċ.);
   i. analiżi fid-dettall ċara ta" l-ispiża ġenerali totali ta" l-implimentazzjoni tal-programm Komunitarju li turi s-sehem għal kull attur involut (Kummissjoni, Aġenziji Eżekuttivi, aġenziji nazzjonali) u paragun ta" l-estimi ta' l-infiq kollu amministrattiv, ta' l-istaff u ta' l-infrastruttura marbut ma' l-implimentazzjoni tal-programm ikkonċernat u mħallsa mill-baġit ta' l-UE, tkun xi tkun l-intestatura tal-qafas finanzjarju, mas-sehem li jkun baqa" tal-pakkett tal-programm operazzjonali.

7.  L-ispiża amministrattiva globali tal-programm inkluża l-ispiża interna u ta" mmaniġġjar għall-Aġenzija Eżekuttiva (Kapitolu 01) għandha tiġi eżaminata każ każ u skond il-kompiti stabbiliti fil-programm ikkonċernat.

8.  Il-Kummissjoni tipproponi, bħala parti mill-proċedura annwali tal-baġit, is-sussidju annwali għall-baġit operazzjonali ta" l-Aġenzija. Dan is-sussidju jiddaħħal fil-baġit ġenerali ta" l-Unjoni Ewropea. Il-punt fil-baġit jista" jkun akkumpanjat minn rimarki baġitarji, bħal m'huma referenzi ta" l-att bażiku u kull spjegazzjoni xierqa rigward in-natura u l-għan ta" l-approprjazzjonijiet skond l-Artikolu 29 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

F'konformità ma" l-Artikolu 12, il-paragrafu1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003, l-organigramma ta" l-Aġenzija Eżekuttiva matul is-sena finanzjarja kkonċernata għandha tkun approvata mill-awtorità baġitarja u ppubblikata f'anness għat-Taqsima III – Kummissjoni – tal-baġit ġenerali ta" l-Unjoni Ewropea flimkien ma' stima tan-numru ta" aġenti kuntrattwali ppjanati u li jkun hemm baġit proviżorju maħsub għalihom għas-sena finanzjarja kkonċernata.

9.  Il-Kummissjoni tindika l-previżjonijiet tagħha (APS, PDB) b'mod regolari għal Aġenziji Eżekuttivi ġodda.

10.  Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-awtorità baġitarja abbozz tal-baġit operazzjonali u rapport annwali ta" l-attività ta' l-Aġenzija Eżekuttiva kif ukoll rapport ta" evalwazzjoni wara 3 snin.

11.  Dawn l-arranġamenti ta" ħidma ma jistgħu bl-ebda mod jaffettwaw il-poteri eżekuttivi tal-Kummissjoni, kif stabbilit b'mod partikulari fit-Trattat u fir-Regolament (KE) Nru 58/2003 tal-Kunsill. Huma ma jistgħux jiġġudikaw minn qabel il-kompetenza tal-Kummissjoni biex tevalwa l-opportunità li toħloq aġenzija eżekuttiva u biex tadotta d-deċiżjonijiet rilevanti skond ir-rekwiżiti proċedurali. Id-deċiżjoni finali dwar il-provediment ta" staff tibqa" kwistjoni li taqa" fuq l-awtorità baġitarja.


ANNESS 2

Dikjarazzjoni konġunta dwar il-finanzjament tal-programmi Ewropej GNSS (EGNOS-GALILEO) u dwar il-finanzjament ta" l-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill

   - wara li ħadu nota tal-proposta magħmula mill-Kummissjoni(1) biex tkun emendata l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta" Mejju 2006 fir-rigward tal-Qafas Finanzjarju Purijennali sabiex ikun ipprovdut il-finanzjament pubbliku addizzjonali meħtieġ għall-programmi Ewropej GNSS (EUR 2 400 miljun) u għall-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija (EUR 309 miljun);
   - jikkonfermaw li l-ammont totali stmat għal Kapaċità Operazzjonali Sħiħa tal-proġett GNSS Galileo hu EUR 3 400 miljun għall-perjodu 2007-2013;
   - jiddikjaraw li dan l-ammont m'għandux jinqabeż sakemm idum il-qafas finanzjarju 2007-2013.

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li jipprovdu dan il-finanzjament permezz ta" reviżjoni tal-Qafas Finanzjarju Plurijennali 2007–2013 f'konformità mal-Punti 21, 22 u 23 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta" Mejju 2006, kif ġej:

-  EUR 400 miljun se jsiru disponibbli fi ħdan l-attivitajiet ta" riċerka relatati mat-trasport iffinanzjati taħt is-7 Programm ta" Qafas għar-Riċerka;

-  EUR 200 miljun se jitqassmu mill-ġdid fis-sotto-Intestatura 1a fuq il-bażi li ġejja:

(EUR miljun)

Linja

Definizzjoni

2009-2013

02 03 04

Standardizzar u approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni

28.0

08 20

08 21

Euratom

50.0

26 02 01

Proċeduri għall-għoti u r-riklamar ta" forniment pubbliku, kuntratti ta" xogħol u servizzi

46.0

26 03 01

Servizzi elettroniċi e Government pan-Ewropej għall-amministrazzjoni pubblika, l-intrapriżi u ċ-ċittadini (IDAbc)

15.9

31 02 01

Taħriġ għall-Interpreti tal-Konferenzi għall-Ewropa "CITE"

10.1

Aġenziji deċentralizzati (tnaqqis lineari)

50.0

TOTAL

200.0

-  EUR 300 miljun se jsiru disponibbli mill-marġni disponibbli taħt is-sotto-Intestatura 1a għas-snin 2008-2013.

-  Il-limiti massimi għall-approprjazzjonijiet għal impenji taħt is-sotto-Intestatura 1a għas-snin mill-2008 sa l-2013 se jiżdiedu b'ammont ta" EUR 1 600 miljun. Din iż-żieda se tiġi kkumpensata billi jitnaqqas il-limitu massimu għall-approprjazzjonijiet għal impenji taħt l-Intestatura 2 għas-sena 2007 bl-istess ammont.

-  Il-limitu massimu għall-approprjazzjonijiet għal ħlasijiet totali se jkun aġġustat biex tinżamm relazzjoni xierqa bejn l-impenji u l-ħlasijiet. L-aġġustament se jkun newtrali.

-  Ir-reviżjoni tal-qafas finanzjarju se jkun formalizzat minn Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda fir-rigward tal-Qafas Finanzjarju Plurijennali.

-  It-tqassim mill-ġdid miftiehem fis-sotto-Intestatura 1a se jkun inkorporat mill-Kummissjoni fl-ipprogrammar finanzjarju sa Jannar 2008.

–  L-impatt ta" dan ta" hawn fuq għall-baġit tas-sena 2008 se jkun kif ġej:

-  Galileo: - c/a: EUR 940 miljun (EUR 151 miljun diġà inklużi fl-abbozz preliminari tal-baġit 2008), li minnhom EUR 50 miljun minn attivitajiet ta" riċerka relatati mat-trasport flimkien ma" mobilizzazzjoni ta' l-Istrument ta' Flessibilità għal dan il-għan għal ammont ta' EUR 200 miljun;

- p/a: EUR 300 miljun (EUR 100 miljun diġà inklużi fl-abbozz preliminari tal-baġit 2008).

-  EIT: -c/a: EUR 2.9 miljun;

- p/a: EUR 2.9 miljun.

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni:

   - jaffermaw li l-użu tar-reviżjoni tal-Qafas Finanzjarju u l-użu ta' fondi mill-marġni tas-sena ta" qabel huma miżura eċċezzjonali u bl-ebda mod ma huma se joħolqu preċedent għal reviżjonijiet futuri;
   - jaffermaw il-prinċipju ta" l-impenn għal kompetizzjoni b'saħħitha u ġusta fil-programm biex jgħin ħalli jkunu żgurati l-kontroll ta" l-ispejjeż, il-mitigazzjoni tar-riskju minn forniment wieħed, il-valur għall-flus u effiċjenza mtejba. Il-pakketti kollha ta" ħidma għal Galileo għandhom ikunu miftuħa għall-ikbar kompetizzjoni possibbli, skond il-prinċipji ta" l-akkwisti ta" l-UE, u biex ikun żgurat li l-akkwisti fi programmi spazjali jkunu miftuħa b'mod iktar wiesa" għal parteċipanti ġodda u għal SMEs. Dan għandu jkun bla ħsara għad-dettalji elaborati fil-Kunsill tat-Trasport;
   - jaffermaw li kwalunkwe talba oħra fuq ir-riżorsi rigward Galileo tista" biss tiġi kkunsidrata jekk tkun tista" tiġi milqugħa fil-limiti massimi tal-Qafas Finanzjarju Plurijennali miftiehem u mingħajr ma jerġa" jkun hemm użu tal-Punti 21-23 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta" Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda.

Il-Kummissjoni tikkonferma li:

   - il-marġni għall-agrikoltura (Intestatura 2) fl-2007, disponibbli wara l-għeluq tas-sena finanzjarja agrikola u wara l-adozzjoni tal-Baġit ta" Emenda Nru 7/2007, hu suffiċjenti biex ikun kopert il-finanzjament addizzjonali minn dik l-Intestatura meħtieġ għal Galileo. Għalhekk, ir-reviżjoni mhix se jkollha impatt fuq il-limiti massimi tal-qafas finanzjarju għall-agrikoltura jew fuq il-provediment tal-baġit għall-agrikoltura, inklużi ħlasijiet diretti, fis-snin li ġejjin;
   - l-użu ta" kwalunkwe marġni ta" l-agrikoltura (Intestatura 2) fl-2007 mhux preċedent għas-snin li ġejjin.

________________________

Dikjarazzjoni konġunta dwar trasferiment ta" approprjazzjonijiet Nru DEC50/2007

"Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni:

   - itennu l-importanza tal-programm Galileo bħala prijorità għall-Unjoni Ewropea;
   - jirrikonoxxu li l-ammont inizjalment allokat għal Galileo fl-2007 (EUR 100 miljun) mhux se jintuża, sakemm ikun hemm inċertezza dwar l-adozzjoni tal-bażi legali qabel tmiem din is-sena, li tagħmilha impossibbli li jkun hemm użu ta" trasferimenti, kif stipulat fl-Artikolu 9 tar-Regolament Finanzjarju;
   - jaqblu li, sabiex jiġu mħarsa l-fondi li diġà huma mdaħħla fil-baġit 2007 għal Galileo u fuq il-bażi ta' l-informazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni fil-31 ta" Ottubru 2007, filwaqt li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi mhux previsti u bla ħsara għall-prinċipju ta" l-annwalità, l-ammont ta" EUR 100 miljun se jkun trasferit b'mod temporanju, bl-intenzjoni li dawn l-approprjazzjonijiet jingħataw lura lill-programm Galileo fl-2009.
   - jilqgħu b'sodisfazzjon għalhekk l-impenn tal-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal trasferiment ta" ammont ekwivalenti ta" EUR 100 miljun lura lill-programm Galileo fl-2009, f'konformità sħiħa ma" l-allokazzjonijiet finanzjarji plurijennali."

________________________

Dikjarazzjoni konġunta dwar Impriżi Konġunti

"Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill irrikonoxxew il-kontribuzzjoni tal-Komunità għall-Impriżi Konġunti ARTEMIS, Sema Nadif, ENIAC u IMI, li ġejjin mis-7 Programm ta" Qafas (EUR 2 666 miljun għall-perjodu 2008-2013 bħala massimu) kif proposta mill-Kummissjoni bl-ammont li jikkorrispondi għall-perjodu attwali tal-Qafas Finanzjarju Plurijennali previst fl-ipprogrammar finanzjarju.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jinnutaw, iżda, li kwalunkwe finanzjament futur ta" l-Impriżi Konġunti ARTEMIS, Sema Nadif, ENIAC u IMI se jkun parti mid-diskussjonijiet fil-qafas finanzjarju li jmiss u li ma jista' jsir l-ebda impenn finanzjarju għaż-żmien wara l-2013."

________________________

Dikjarazzjoni konġunta dwar il-proċedura biex tiġi implimentata l-ftehima li ntlaħqet fit-23 ta" Novembru 2007

"Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li l-ftehima globali li ntlaħqet fil-Konċiljazzjoni tat-23 ta" Novembru 2007 se tkun implimentata biss jekk ikun hemm qbil dwar il-bażi legali ta" Galileo.

Fil-każ li l-ftehima ma tkunx fil-ħin biex tiġi kkunsidrata mill-Parlament Ewropew fis-Sessjoni Plenarja ta" Diċembru, il-Parlament Ewropew se jivvota t-tieni qari fis-Sessjoni Plenarja fir-rispett sħiħ tal-limiti massimi stabbiliti mill-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta" Mejju 2006.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jimpenjaw ruħhom għal proċedura mgħaġġla biex il-ftehima tkun inkorporata fil-baġit 2008 fuq il-bażi ta" proposta mill-Kummissjoni kmieni kemm jista" jkun fl-2008."

(1) COM(2007)0549, 4.10.2007.


ANNESS 3

Dikjarazzjoni

dwar l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjonijiet 4 u 5

dwar

id-djalogu politiku regolari dwar l-iskrutinju demokratiku u l-koerenza ta" azzjonijiet esterni

Il-Parlament u l-Kummissjoni jaqblu li d-djalogu politiku regolari msemmi fid-dikjarazzjonijiet 4 u 5 tal-Ftehima Interistituzzjonali għandu jsir mill-inqas kull sena u sa tliet darbiet kull sena.

Il-parteċipazzjoni f'dawn il-laqgħat għandha tkun kif ġej:

   iċ-Chairperson u l-Membri tal-kumitati rilevanti (AFET/DEVE/BUDG)
   Il-Kummissarju kompetenti

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Settembru 2008Avviż legali