Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0543/2007

Dibattiti :

PV 12/12/2007 - 11
CRE 12/12/2007 - 11

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2007 - 6.8
CRE 13/12/2007 - 6.8

Testi adottati :

P6_TA(2007)0622

Testi adottati
PDF 311kWORD 66k
Il-Ħamis, 13 ta' Diċembru 2007 - Strasburgu
Samit UE/Ċina - UE/Ċina djalogu drittijiet tal-bniedem
P6_TA(2007)0622RC-B6-0543/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2007 dwar is-Samit UE/Ċina u l-UE/Ċina djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Istqarrija Konġunta ta' l-10 Sammit ta' bejn l-UE u ċ-Ċina li sar f'Beijing fit-28 ta' Novembru 2007,

–   wara li kkunsidra s-sessjoni ta' smigħ pubbliku li saret fis-26 ta' Novembru 2007, mis-Sottokumitat tiegħu dwar 'Id-Drittijiet tal-Bniedem fiċ-Ċina matul il-perjodu li jwassal għall-Olimpijadi',

–   wara li kkunsidra r-rounds tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina li saru f'Beijing fis-17 ta' Ottubru 2007 u f'Berlin fil-15 u s-16 ta' Mejju 2007,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2007 dwar it-tħaddim tad-djalogi u l-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Frar 2007 dwar id-djalogu bejn il-gvern Ċiniż u r-rappreżentanti tad-Dalai Lama(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2006, dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina(3) u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina;

–   wara li kkunsidra l-Linji Gwida ta' l-Unjoni Ewropea dwar id-Djalogi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, adottati fit-13 ta' Diċembru 2001, u l-evalwazzjoni ta' l-implimentazzjoni ta' dawn il-linji gwida, adottata fid-9 ta' Diċembru 2004,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet annwali preċedenti tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem fid-dinja,

–   wara li kkunsidra t-Tregwa dwar l-Olimpjadi min-NU, kif għaddiet mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-31 ta' Ottubru 2007 (A/RES/62/4), li stiednet lill-Istati Membri tan-NU biex iħarsu u jippromwovu l-paċi matul il-Logħob Olimpiku,

–   wara li kkunsidra s-60 Anniversarju tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi minn meta ġie stabbilit il-mekkaniżmu tas-Samit UE-Ċina fl-1998, ir-relazzjonijiet ta' bejn iċ-Ċina u l-UE żviluppaw b'mod qawwi politikament u ekonomikament,

B.   billi kwalunkwe deċiżjoni sabiex jinbeda djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem tittieħed fuq il-bażi ta" ċerti kriterji adottati mill-Kunsill li jqisu t-tħassib ewlieni ta" l-UE dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż konċernat, impenn ġenwin min-naħa ta" l-awtoritajiet tal-pajjiż konċernat, fir-rigward ta" dan it-tip ta" djalogu, għat-titjib tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-post, u l-impatt pożittiv li jista" jkollu djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem fuq is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem,

C.   billi l-Logħob Olimpiku ta' l-2008 f'Beijing għandu jikkostitwixxi opportunità ideali biex l-attenzjoni tad-dinja tkun iffukata fuq is-sitwazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fiċ-Ċina;

D.   billi l-UE hija bbażata u ddefinita bil-konformità tagħha għall-prinċipji tal-libertà, id-demokrazija u r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt; billi l-UE tqis li l-konformità ma' dawn il-prinċipji hija kundizzjoni obbligatorja għall-paċi u l-istabilità fi kwalunkwe soċjetà,

E.   billi s-sħubija strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina hija ta' importanza kbira għar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina, u billi sħubija ġenwina għandha tkun bbażata fuq valuri komuni għat-tnejn,

F.   billi t-tisħiħ u l-approfondiment tar-relazzjonijiet ta' bejn l-UE u ċ-Ċina jistgħu jgħinu biex jiġu żviluppati opinjonijiet konverġenti dwar azzjonijiet biex jiġu indirizzati l-isfidi globali bħall-bidla fil-klima, is-sigurtà, it-terroriżmu u n-nonproliferazzjoni ta' l-armi,

G.   billi hemm rapporti disturbanti u kontinwi ta' ripressjoni politika, b'mod partikulari ta' ġurnalisti, attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem u membri ta' minoritajiet reliġjużi u etniċi, allegazzjonijiet ta' tortura, użu mifrux ta' xogħol sfurzat, użu frekwenti tal-piena tal-mewt u repressjoni sistematika tal-libertà tar-reliġjon, tal-libertà tal-kelma u tal-midja, inkluż l-Internet, u l-kontrolli stretti magħmula mill-Gvern Ċiniż fuq l-informazzjoni dwar iż-żoni tat-Tibet taċ-Ċina u u fuq l-aċċess għal dawn iż-żoni; billi huwa għalhekk diffiċili li wieħed jiddetermina b'mod preċiż l-ambitu ta' l-abbużi tad-drittijiet ta-bniedem,

H.   billi l-involviment u l-influwenza taċ-Ċina fid-dinja żdiedu b'mod konsiderevoli matul dawn l-aħħar għaxar snin, billi l-kredibilità, il-valuri demokratiċi u r-responsabilità għandhom jikkostitwixxu l-bażi fundamentali għar-relazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina,

Is-Samit UE-Ċina

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-Istqarrija Konġunta ta' l-Għaxar Sammit bejn l-UE u ċ-Ċina li fih iż-żewġ partijiet ikkonfermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jiżviluppaw sħubija strateġika komprensiva biex jiġu indirizzati sfidi globali, u kif ukoll l-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina u l-koperazzjoni aktar mill-qrib ta' bejniethom biex jindirizzaw firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet;

2.  Jiddispjaċih mill-fatt li għal darba oħra l-Kunsill u l-Kummissjoni ma rnexxilhomx iqajmu b'mod ferm il-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem waqt is-Samit bejn l-UE u ċ-Ċina sabiex jagħtu iżjed piż politiku lit-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem, u li l-UE ma ħaditx l-opportunità ta' l-Olimpijadi li ġejjin sabiex tindirizza t-tħassib serju dwar id-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina;

3.  Jistieden liċ-Ċina u lill-UE biex jiżguraw sħubija kummerċjali u ekonomika iktar ibbilanċjata li għandha twassal għal tkabbir sostenibbli u żvilupp soċjali, b'mod partikulari fl-oqsma tal-bidla fil-klima, l-ambjent u l-enerġija;

4.  Iqis li l-piraterija u l-iffalsifikar ta' prodotti u ditti Ewropej mill-industriji Ċiniżi jikkostitwixxu ksur serju tar-regoli kummerċjali internazzjonali; iħeġġeġ lill-Awtoritajiet Ċiniżi biex itejbu konsiderevolment il-ħarsien tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali (IPR);

5.  Jitlob, fl-istess ħin, iżjed koerenza u konsistenza bejn id-drittijiet tal-bniedem, min-naħa waħda, u l-kummerċ u s-sigurtà min-naħa l-oħra; għalhekk, iħeġġeġ l-UE biex tiżgura li relazzjoni kummerċjali aħjar maċ-Ċina tkun kontinġenti fuq riformi dwar id-drittijiet tal-bniedem, u jistieden lill-Kunsill, f'dan ir-rigward, biex jagħmel evalwazzjoni komprensiva tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem qabel ma jiffinalizza kwalunkwe Ftehima ta' Qafas ġdida dwar Sħubija u Koperazzjoni (PCFA);

6.  Għalhekk, jilqa' b'sodisfazzjon it-tnejida u l-bidu ta' negozjati dwar PCFA, li se tkopri l-ambitu kollu tar-relazzjoni bilaterali bejn l-UE u ċ-Ċina, inkluża klawżola effettiva u operazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u kif ukoll koperazzjoni msaħħa u mtejba fi kwistjonijiet politiċi; itenni t-talba tiegħu dwar l-involviment tal-Parlament Ewropew fir-relazzjonijiet bilaterali futuri kollha bejn il-partijiet, filwaqt li jitqies li, mingħajr il-kunsens formali tal-Parlament, ma jista' jkun hemm l-ebda PCFA;

7.  Jinsisti li l-embargo ta' l-armi min-naħa ta' l-UE kontra ċ-Ċina wara l-avvenimenti ta' Tiananmen għandu jibqa' kif inhu sakemm isir progress sostanzjali fir-rigward ta' kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar lill-Istati Membri ta' l-UE li l-Kodiċi ta' Kondotta ta' l-UE dwar l-Esportazzjoni ta' l-Armi jinkludi, bħala kriterju, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż tad-destinazzjoni aħħarija ta' dawn l-esportazzjonijiet;

8.  Jiddispjaċih li, minkejja l-istqarrijiet ripetuti mill-gvern Ċiniż dwar l-intenzjonijiet biex jirratifika il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), ir-ratifika għadha pendenti; għalhekk iħeġġeġ liċ-Ċina sabiex mingħajr aktar ittardjar, tirratifika u timplimenta l-Konvenzjoni;

Id-djalogu dwar id-drittijiet umani bejn l-UE u ċ-Ċina

9.  Jiddispjaċih li r-rekord tad-drittijiet tal-bniedem taċ-Ċina għadu kwistjoni ta' tħassib serju; għalhekk, jenfasizza l-bżonn li jissaħħaħ u jittejjeb b'mod konsiderevoli d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina; jitlob lill-Kunsill biex jipprovdi tagħrif iktar dettaljat lill-Parlament; iqis bħala relevanti li titkompla l-organizzazzjoni tas-seminar legali dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina, li kien jippreċedi d-djalogu, bil-parteċipazzjoni ta' rappreżentanti akkademiċi u tas-soċjetà ċivili, u f'dan ir-rigward jilqa' b'sodisfazzjon it-twaqqif ta' Network Akkademiku tad-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina taħt l-Objettiv 3 ta' l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR); jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li dan in-network jaħdem b'mod effettiv b'koperazzjoni mal-Parlament;

10.  Iqis li l-kwistjonijiet diskussi fir-rounds ta' djalogu suċċessivi maċ-Ċina, bħar-ratifika ta' l-ICCPR, ir-riforma tas-sistema tal-ġustizzja kriminali, inkluża l-piena tal-mewt u s-sistema ta' edukazzjoni mill-ġdid permezz tax-xogħol, il-libertà ta' espressjoni, partikolarment fuq l-Internet, il-libertà ta' l-istampa, il-libertà ta' l-aċċess għall-informazzjoni, il-libertà ta' kuxjenza, ħsieb u reliġjon, is-sitwazzjoni tal-minoritajiet fit-Tibet, il-ħelsien ta' dawk miżmuma wara l-ġrajjiet fi Pjazza Tiananmen, u d-drittijiet tal-ħaddiema u drittijiet oħra, għandhom ikomplu jitqajmu fil-kuntest tad-djalogu, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-applikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li ħarġu minn djalogi preċedenti li kien hemm qbil reċiproku dwarhom miż-żewġ partijiet u minn seminars dwar kwistjonijiet legali; għal dan il-għan, jistieden lill-Kunsill biex iqis li jestendi l-perjodu ta' żmien tad-djalogu u jippermetti aktar żmien għad-diskussjoni għall-kwistjonijiet imqajma; barra dan, jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħtu attenzjoni speċjali lill-konformità mal-konvenzjonijiet ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, b'mod partikulari fir-rigward tat-tradeunions indipendenti u tat-tħaddim tal-minuri;

11.  Jinnota l-impenn taċ-Ċina fl-appoġġ tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fit-twettiq tal-funzjoni tagħha li tindirizza l-kwistjonijiet marbuta mad-drittijiet tal-bniedem b'mod kredibbli, objettiv u b'mod mhux selettiv u jitlob koperazzjoni msaħħa fi ħdan is-sistema tan-NU u jistieden liċ-Ċina biex tikkopera mal-mekkaniżmi favur id-drittijiet tal-bniedem tan-NU u r-rispett tagħhom għall-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem previsti fi strumenti internazzjonali rilevanti tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-minoritajiet;

12.  Jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li ċ-Ċina tippermetti l-libertà ta' l-espressjoni, tal-ħsieb, u tar-reliġjon; jafferma l-bżonn, partikolarment fid-dawl tad-diskussjonijiet fost l-uffiċjali Ċiniżi fir-rigward tad-definizzjoni ta' 'reliġjon' u speċjalment ta' 'reliġjon legali', jafferma l-bżonn ta' liġi komprensiva dwar ir-reliġjon, li tissodisfa l-istandards internazzjonali u li tiggarantixxi libertà reliġjuża ġenwina; jiddeplora l-kontradizzjoni bejn il-libertà kostituzzjonali tat-twemmin (imħaddna fl-Artikolu 36 tal-Kostituzzjoni Ċiniża) u l-indħil li jseħħ min-naħa ta' l-istat fl-affarijiet tal-komunitajiet reliġjużi, b'mod partikolari fir-rigward tat-taħriġ, ta' l-għażla, tal-ħatra u ta' l-indottrinazzjoni politika ta' ministri reliġjużi;

13.  Jiddispjaċih li s-sitt round ta' taħdidiet Sino-Tibetan ma kellu l-ebda riżultat; jistieden lill-partijiet biex jagħmlu kull sforz sabiex jitkompla d-djalogu u jistieden lill-gvern Ċiniż biex jinvolvi ruħu f'negozjati sostantivi li jqisu kif jixraq it-talbiet tad-Dalai Lama għall-awtonomija tat-Tibet; jitlob liċ-Ċina biex tieqaf milli titfa' pressjoni fuq l-istati li għandhom relazzjonijiet tajbin mad-Dalai Lama;

14.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar ir-rapporti dwar il-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tibet u fi provinċji oħrajn abitati mill-poplu Tibetan inklużi t-tortura, l-arrest arbitrarju u d-detenzjoni, ir-ripressjoni tal-libertà tal-kult, ir-restrizzjonijiet arbitrarji tal-moviment ħieles u r-rijabilitazzjoni permezz tal-kampijiet tax-xogħol sfurzat; jikkundanna l-intensifikazzjoni ta' l-hekk imsejħa 'kampanja għall-edukazzjoni patrijottika' minn Ottubru 2005 fil-monasteri u l-kunventi tas-sorijiet, li qegħdin jisfurzaw lit-Tibetani biex jiffirmaw dikjarazzjonijiet li jikkundannaw lid-Dalai Lama bħala separatist perikoluż; jitlob liċ-Ċina biex tippermetti li jkun hemm korp indipendenti li jkollu aċċess għal Choekyi Nyima, il-Panchen Lama tat-Tibet, u għall-ġenituri tiegħu, kif mitlub mill-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

15.  Jistieden liċ-Ċina, bħala membru tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tar-rapporteur speċjali tan-NU li jirrigwardaw it-tortura u biex tagħmel stedina miftuħa għall-esperti tan-NU biex imorru fiċ-Ċina;

16.  Huwa tal-fehma li t-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem għandu jirċievi ħafna iżjed attenzjoni matul it-tħejjijiet għal-Logħob Olimpiku ta' Beijing, u jtenni l-ħtieġa "tar-rispett tal-prinċipji etiċi fundamentali universali" u l-promozzjoni ta' soċjetà paċifika li timpenja ruħha "fil-preservazzjoni tad-dinjità tal-bniedem", kif imħaddna fil-prinċipji 1 u 2 tal-Karta Olimpika;

17.  Jitlob lill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali biex jippubblika l-evalwazzjoni tiegħu dwar kemm iċ-Ċina hija konformi ma' l-impenji meħuda fl-2001, qabel ma' Beijing ġiet magħżula biex tospita l-Logħob Olimpiku; jenfasizza r-responsabilità ta' l-UE biex tieħu nota ta' din l-evalwazzjoni u sabiex taħdem man-Network Olimpiku tagħha u biex toħloq bażi għal imġiba responsabbli fit-tħejjija, matul u wara l-Olimpijadi;

18.  Huwa mħasseb ħafna biż-żieda riċenti ta' persekuzzjonijiet politiċi konnessi ma' l-Olimpijadi ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti, avukati, persuni li jressqu petizzjonijiet, attivisti tas-soċjetà ċivili, gruppi etniċi bħall-Uighurs, u nies reliġjużi ta' kull twemmin, speċjalment il-prattikanti tal-Falun Gong; jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jilliberaw lil dawn in-nies immedjatament u biex itemmu kemm dan il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u kif ukoll it-twaqqigħ mingħajr kumpens ta' numru sostanzjali ta' djar sabiex ikunu jistgħu jinbnew l-infrastrutturi għal-Logħob Olimpiku;

19.  Huwa mħasseb bl-istess mod dwar is-sorveljanza u ċ-ċensura ta' l-informazzjoni fuq l-Internet, u jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi biex itemmu l-ibblukkjar ta' eluf ta' websajts, inklużi websajts tal-midja Ewropea; jitlob lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jilliberaw lill-kittieb Yang Maodong u lill-50 persuna dissidenti u utenti tal-web miżmuma l-ħabs fiċ-Ċina;

20.  Jistieden liċ-Ċina biex tieħu passi konkreti biex tippermetti l-libertà ta' l-espressjoni u r-rispett għall-libertà ta' l-istampa, kemm għall-ġurnalisti Ċiniżi u kif ukoll għal dawk barranin; hu imħasseb b'mod partikulari dwar in-nuqqas ta' implimentazzjoni tar-regolament il-ġdid rigward ġurnalisti internazzjonali attivi fiċ-Ċina, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi sabiex iwaqqfu immedjatament iċ-ċensura u l-imblukkar - speċjalment bl-għajnuna ta' kumpaniji multinazzjonali - ta' eluf ta' websites ibbażati barra l-pajjiż; jitlob għall-ħelsien tal-ġurnalisti, ta' l-utenti ta' l-Internet u tad-dissidenti taċ-ċibernetika li jinsabu miżmuma fiċ-Ċina talli eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-informazzjoni; itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jistabbilixxu moratorja fuq l-eżekuzzjonijiet matul il-Logħob Olimpiku fl-2008, u biex jirtiraw il-lista tal-projbizzjoni ta' 42 kategorija ta' nies;

21.  Jiġbed l-attenzjoni għall-konklużjonijiet tas-17-il Kungress Nazzjonali tal-Partit Nazzjonali Ċiniż, li sar f'nofs Ottubru 2007, li matulu ħarġu diversi perspettivi u gradi ta' ftuħ fir-rigward ta' l-implimentazzjoni ta' standards internazzjonali ogħla fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina;

22.  Iħeġġeġ liċ-Ċina biex ittemm l-appoġġ li qed tagħti bħalissa lir-reġimi fil-Myanmar u fid-Darfur;

o
o   o

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, lill-Kungress Nazzjonali tal-Poplu taċ-Ċina, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Bord Eżekuttiv Olimpiku Internazzjonali.

(1) Testi Adottati, P6_TA(2007)0381.
(2) Testi Adottati, P6_TA(2007)0055.
(3) ĠU C 305 E, 14.12.2006, p.219.

Avviż legali - Politika tal-privatezza