Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/0013(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0497/2007

Testi mressqa :

A6-0497/2007

Dibattiti :

PV 14/01/2008 - 17
CRE 14/01/2008 - 17

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2008 - 8.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0004

Testi adottati
PDF 195kWORD 124k
It-Tlieta, 15 ta' Jannar 2008 - Strasburgu Verżjoni finali
L-imposti ta' l-ajruporti ***I
P6_TA(2008)0004A6-0497/2007
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2008 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-imposti ta' l-ajruporti (COM(2006)0820 – C6-0056/2007 – 2007/0013(COD))

(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew ,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM (2006)0820),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikolu 80(2) tat-Trattat KE, skond liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0056/2007),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A6-0497/2007),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-15 ta' Jannar 2008 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Direttiva 2008/.../KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-imposti ta' l-ajruporti
P6_TC1-COD(2007)0013

(Test b'relevanza għall-EEA)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA" L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 80(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni║,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1) ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni(2) ,

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat(3) ,

Billi:

(1)  Il-kompitu ewlieni u l-attività kummerċjali primarja ta' l-ajruporti huma li jiżguraw it-trattament ta' l-inġenji ta' l-ajru, mil-landjar sat-tluq, u tal-passiġġieri u l-merkanzija, sabiex iħallu lill-operaturi ta' l-ajru jipprovdu s-servizzi tagħhom tat-trasport bl-ajru. Għal dan il-għan, l-ajruporti joffru għadd ta' faċilitajiet u servizzi relatati ma' l-operat ta' l-inġenji ta' l-ajru u l-ipproċessar tal-passiġġieri u l-merkanzija, li l-ispejjeż tagħhom ġeneralment jirkuprawhom permezz ta' imposti ta' l-ajruporti. Il-faċilitajiet u s-servizzi li għalihom jitħallsu imposti għandhom jiġu pprovduti fuq il-bażi ta' l-effiċjenza ta' l-ispejjeż.

(2)  Jeħtieġ li jiġi stabbilit qafas komuni li jirregola l-karatteristiċi essenzjali ta' l-imposti ta' l-ajruporti u l-mod li bih jiġu stabbiliti, minħabba li, fin-nuqqas ta' qafas bħal dan, ir-rekwiżiti bażiċi fir-relazzjoni bejn il-korpi tal-ġestjoni ta' l-ajruporti u l-utenti ta' l-ajruporti jistgħu ma jiġux rispettati.

(3)  Din id-Direttiva għandha tapplika għal ajruporti li jinsabu fit-territorju tal-Komunità u li jisbqu daqs minimu, minħabba li l-ġestjoni u l-finanzjament ta' ajruporti żgħar ma jirrikjedux l-applikazzjoni ta' qafas Komunitarju.

(4)  Il-ġbir ta' l-imposti fir-rigward tal-fornimanet ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u ta' groundhandling diġà ġie ttrattat rispettivament fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru  1794/2006(4) ║ u fid-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE(5) ║.

(5)  L-imposti ta' l-ajruporti għandhom ikunu ħielsa mid-diskriminazzjoni. Għandha tiġi stabbilita proċedura obbligatorja għall-konsultazzjoni regolari bejn il-korpi tal-ġestjoni ta' l-ajruporti u l-utenti ta' l-ajruporti, bil-possibbiltà lil kull waħda mill-partijiet li tirrikorri għand awtorità regolatorja indipendenti kulmeta l-utenti ta' l-ajruporti ma jaqblux ma' deċiżjoni dwar l-imposti ta' l-ajruporti jew ma' modifika tas-sistema tal-ġbir.

(6)  F'kull Stat Membru għandha tiġi nnominata jew titwaqqaf awtorità regolatorja indipendenti waħda b'tali mod li tiġi żgurata l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tagħha u l-applikazzjoni sewwa u effikaċi ta' din id-Direttiva. L-awtorità għandu jkollha l-pussess tar-riżorsi kollha meħtieġa, fir-rigward ta' l-għadd tal-persunal, l-għarfien espert, u l-mezzi finanzjarji għat-twettiq tax-xogħol tagħha, sabiex jiġi żgurat li l-ajruporti jipprovdu s-servizzi u l-faċilitajiet tagħhom fuq il-bażi ta' l-effiċjenza meta mqabbla ma' l-ispejjeż.

(7)  Huwa ta' importanza vitali għall-utenti ta' l-ajruporti li, mingħand il-korp ta' ġestjoni ta' l-ajruport, fuq bażi regolari jiksbu t-tagħrif dwar kif u fuq liema bażi jiġu kkalkolati l-imposti ta' l-ajruporti. Lill-operaturi tat-trasport bl-ajru, trasparenza tali sejra tippermettilhom jifhmu l-ispejjeż li jkun ġarrab l-ajruport u l-produttività ta' l-investimenti ta' ajruport. Sabiex korp tal-ġestjoni ta' ajruport ikun jista' jivvaluta sewwa r-rekwiżiti rigward l-investimenti tal-ġejjieni tiegħu, l-utenti ta' l-ajruport għandhom ikunu obbligati jaqsmu f'waqthom mal-korp tal-ġestjoni ta' l-ajruport it-tbassir operattiv, il-proġetti ta' żvilupp u t-talbiet u x-xewqat speċifiċi tagħhom.

(8)  L-ajruporti għandhom jinfurmaw lill-utenti ta' l-ajruporti dwar proġetti kbar ta' l-infrastruttura, minħabba li dawn ikollhom impatt sinifikanti fuq il-livell ta' l-imposti ta' l-ajruporti. It-tali informazzjoni għandha tingħata sabiex ikun jista' jsir il-monitoraġġ ta' l-ispejjeż infrastrutturali, u bil-għan li fl-ajruport ikkonċernat jingħataw faċilitajiet adegwati u ta' spiża effiċjenti.

(9)  Ladarba ħarġu fis-suq operaturi ta' l-ajru li joperaw servizzi tat-trasport bl-ajru bl-irħis, l-ajruporti moqdija minn dawn l-operaturi għandhom ikunu jistgħu japplikaw imposti li jikkorrispondu għall-infrastruttura u/jew il-livell ta' servizz ipprovdut, ladarba l-operaturi ta' l-ajru għandhom interess leġittimu jirrikjedu mill-ajrupot servizzi li jikkorisspondu mal-proporzjon bejn il-prezz u l-kwalità. Madankollu, l-aċċess għal livell daqstant differenti ta' infrastruttura jew servizzi għandu jkun miftuħ għall-operturi kollha li jkunu jixtiequ jagħmlu użu minnu, fuq bażi ħielsa mid-diskriminazzjoni. Jekk id-domanda tisboq l-offerta, l-aċċess jeħtieġlu jiġi ddeterminat abbażi ta' kriterji oġġettivi u ħielsa mid-diskriminazzjoni, li għandu jiżviluppahom korp tal-ġestjoni ta' ajruport. Kwalunkwe differenzjar u/jew żieda fl-imposti għandha tkun trasparenti, oġġettiva u bbażata fuq kriterji ċari. Id-differenzjar jista' jitqies bħala inċentiv għal ftuħ ta' rotot ġodda u b'hekk jgħin l-iżvilupp f'reġjuni li jsofru minn żvantaġġi ġeografiċi u naturali, inklużi r-reġjuni l-iktar 'il bogħod.

(10)  Minħabba li fil-Komunità hemm metodi differenti għall-istabbiliment u l-ġbir ta' l-ammonti dovuti biex ikopru l-ispejjeż tas-sikurezza, jeħtieġ li jkun hemm armonizzazzjoni tal-bażijiet għall-imposti biex ikopru l-ispejjeż tas-sikurezza fl-ajruporti tal-Komunità fejn l-ispejjeż tas-sigurtà jkunu riflessi fl-imposti ta' l-ajruporti. F'dawn l-ajruporti, l-imposta għandha tkun relatata ma' l-ispiża proprja għall-provvista tas-sikurezza, b'immaniġġjar bir-reqqa ta' kwalunkwe finanzjament pubbliku u għajnuna ta' l-Istat mogħtija biex jintlaħqu l-ispejjeż tas-sikurezza, u s-servizz għandu jingħata bil-prezz li sewa u b'riżultat tiegħu ma jkun qed isir l-ebda profitt. Id-dħul mill-imposti ta' l-ajruporti imdaħħla biex ikopru l-ispejjeż tas-ikurezza għandu jintuża b'mod esklussiv għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta' sikurezza. .

(11)  L-utenti ta' l-ajruporti għandu jkollhom id-dritt għal livell fiss ta' servizz bi tpattija għall-imposti li jħallsu. Biex dan jiżgurawh, il-livell ta' servizz għandu jkun is-suġġett ta' ftehim, li għandhom jiġu konklużi f'intervalli regolari, bejn il-korp tal-ġestjoni ta' l-ajruport u l-assoċjazzjoni jew l-assoċjazzjonijiet li tirrappreżenta/jirrappreżentaw lill-utenti ta' l-ajruport f'dak l-ajruport.

(12)  Din id-Direttiva hija mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, b'mod partikolari l-Artikoli 81 sa 89 tiegħu.

(13)  Minħabba li l-għanijiet ta' din id-Direttiva ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri, peress illi fil-livell nazzjonali s-sistemi ta' l-imposti ta' l-ajruporti ma jistgħux jiġu implimentati b'uniformità fil-Komunità kollha, u li għalhekk minħabba l-iskala u l-effetti tagħha , jistgħu jintlaħqu aħjar fuq il-livell tal-Komunità, din ta' l-aħħar tista' tadotta miżuri, f'konformita' mal -prinċipji tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. B'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f' dak l- Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Is-suġġett

1.  Din id-Direttiva tistabilixxi prinċipji komuni għall-ġbir ta' imposti ta' l-ajruporti tal-Komunità. Dan huwa bla ħsara għal-libertà tal-korpi tal-ġestjoni ta' l-ajruport li jagħżlu sistema ta' single till jew dual till jew sistema mħallta.

2.  Din id-Direttiva tapplika għal kull ajruport f'territorju suġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u miftuħ għal traffiku kummerċjali liema traffiku annwali tiegħu jisboq il-5 miljun moviment ta' passiġġieri jew li kull sena jammonta għal aktar minn 15% tal-movimenti ta' passiġġieri fl-Istat Membru fejn ikun jinsab.

L-Istati Membri jistgħu, wara li titwettaq investigazzjoni bir-reqqa mill-awtorità nazzjonali għall-kompetizzjoni, japplikaw ukoll din id-direttiva għal ajruporti oħra jekk dan jiġi ppruvat li huwa meħtieġ.

Din id-Direttiva tapplika wkoll għal networks ta'-ajruporti u għall-ajruporti kollha organizzati f'networks fi kwalunkwe territorju soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

L-Istati Membri għandhom jippubblikaw lista ta' l-ajruporti fit-territorju tagħhom li għalihom tapplika din id-Direttiva. Din il-lista għandha tkun ibbażata fuq data mill-EUROSTAT u għandha tiġi aġġornata kull sena.

Din id-Direttiva ma tapplikax għall-imposti miġbura bħala ħlas għal servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru tul it-titjira jew fit-terminals skond ir-Regolament (KE) Nru 1794/2006║, jew għall-imposti miġbura bħala ħlas għal servizzi ta' groundhandling imsemmija fl-Anness tad-Direttiva Nru  96/67/KE║, jew għall-imposti miġbura għall-iffinanzjar ta' assistenza għal passiġġieri b'diżabilità u passieġġieri b'mobilità mnaqqsa msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta' persuni b'diżabbiltà u ta' persuni b'mobbiltà mnaqqsa meta jivjaġġaw bl-ajru (6) .

Din id-Direttiva hija bla preġudizzju għad-dritt ta' kull Stat Membru li japplika miżuri regolatorji addizzjonali li ma humiex inkompatibbli ma' din id-Direttiva jew ma' dispożizzjonijiet rilevanti oħra tal-liġi tal-Komunità dwar kwalunkwe korp tal-ġestjoni ta' l-ajruporti mwaqqaf fit-territorju tiegħu. B'mod partikulari, dan jista' jinkludi l-approvazzjoni ta' sistema ta' imposti u/jew il-livell ta' imposti ibbażat fuq liġi tal-kompetizzjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta" din id-Direttiva

   a) "ajruport' tfisser kull medda ta' art speċifikament adattata għall-inżul, tluq u manuvri ta' inġenji ta' l-ajru, inklużi l-istallazzjonijiet anċillarji li dawn l-operazzjonijiet jistgħu jinvolvu għall-ħtiġijiet tat-traffiku u servizzi ta' l-inġenji ta' l-ajru inklużi l-istallazzjonijiet meħtieġa biex jgħinu servizzi kummerċjali ta' l-ajru;
   b) "korp tal-ġestjoni ta' l-ajruport' tfisser korp li, flimkien ma' attivitajiet oħra jew le skond il-każ, għandu bħala l-għanijiet tiegħu skond il-liġijiet jew regolamenti nazzjonali li jamministra u jiġġestixxi l-infrastrutturi ta' l-ajruport, jew tan-network ta' ajruporti , u l-koordinazzjoni u l-kontroll ta' l-attivitjiet ta' l-operaturi differenti preżenti fl-ajruporti jew fin-network ta' ajruporti konċernati;
   c) "utent ta' l-ajruport' tfisser kull persuna naturali jew legali responsabbli għall-ġarr ta' passiġġieri, posta u/jew merkanzija bl-ajru minn jew lejn l-ajruport konċernat;
   d) "imposta ta' l-ajruporti' tfisser imposta miġbura għall-benefiċċju tal-korp tal-ġestjoni ta' l-ajruport u mħallsa minn dak li juża l-ajruport u/jew passiġġieri bl-ajru għall-użu ta' faċiltajiet u servizzi li huma esklussivament provduti mill-korp tal-ġestjoni ta' l-ajruport u li huma relatati ma' nżul, tluq, tidwil u parking ta' inġenji ta' l-ajru u pproċessar tal-passiġġiera u l-merkanzija;
   e) "imposta fuq sikurezza' tfisser imposta li hi ddisinjata speċifikament biex tirkupa parti minn jew l-ispiża ta' miżuri minimi ta' sikurezza maħsuba biex jipproteġu l-avjazzjoni ċivili minn atti ta' interferenza illegali, stipulati fir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili (7) ;
   f) 'network ta' ajruporti' tfisser numru ta' ajruporti fi Stat Membru li huma mħaddma minn korp ta' ġestjoni ta' l-ajruporti maħtur mill-awtorità nazzjonali kompetenti.

Artikolu 3

Nuqqas ta' diskriminazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-imposti ta' l-ajruporti ma jiddiskriminawx bejn utenti ta' l-ajruport jew passiġġieri bl-ajru.

Din id-dispożizzjoni m'għandhiex ixxekkel l-introduzzjoni ta' aġġustamenti ta' imposti minħabba raġunijiet ta' interess ġenerali oġġettivi u trasparenti.

Artikolu 4

Network ta' ajruporti

Sabiex jiġi żgurat li jiġi pprovdut aċċess għall-ajruporti f'network ta' ajruporti bi prezz proporzjonat man-numru ta' passiġġieri bl-ajru, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-operaturi tan-networks ta' ajruporti li jdaħħlu sistema uniformi u trasparenti ta' imposti ta' l-ajruporti għall-ajruporti kollha li jkunu fin-network. Il-permess jista' jingħata biss bil-kundizzjoni li ma tixxekkilx il-kompetizzjoni bejn l-ajruporti fl-Istati Membri differenti, pereżempju fir-riward ta' turiżmu. Fil-każ ta' tilwim, l-attur jista' jikkuntatja lill-Kummissjoni fuq il-bażi tar-regoli ta' kompetizzjoni relevanti tal-KE.

Artikolu 5

Konsultazzjoni u rimedju

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li f'kull ajruport li għalih tapplika din id-Direttiva tiġi stabilita proċedura obbligatorja ▌ għall-konsultazzjoni bejn il-korp tal-ġestjoni ta' l-ajruport u l-utenti ta' l-ajruport jew ir-rappreżentanti ta' l-utenti ta' l-ajruport fir-rigward tat-tħaddim tas-sistema ta' imposti ta' l-ajruporti u l-livell ta' dawn l-imposti, inkluż il-livell tal-kwalità tas-servizz li għandu jiġi pprovdut mill-korp tal-ġestjoni ta' l-ajruport bi tpattija għall-imposta ta' l-ajruporti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li din il-konsultazjoni titwettaq qabel ma l-korpi ta' ġestjoni ta' l-ajruport jew l-utenti ta' l-ajruport jippruvaw idaħħlu jew jagħmlu bidliet sinifikanti fl-istrtuttura jew fil-livell ta' l-imposti ta' l-ajruporti. Fejn ikun hemm ftehim plurijennali bejn il-korp tal-ġestjoni ta' l-ajruport u l-utenti ta' l-ajruport, il-konsultazzjoni għandha sseħħ skond id-dispożizzjonijiet ta' dak il-ftehim.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn possibbli, tibdil fis-sistema ta' l-imposti ta' l-ajruporti jew fil-livell ta' l-impost isir bi ftehim bejn il-korp tal-ġestjoni ta' l-ajruport u utenti ta' l-ajruport. Il-korp tal-ġestjoni ta' l-ajruport għandu, għal dan l-iskop, jissottometti kwalunkwe proposta għal tibdil fis-sistema ta' imposti ta' l-ajruporti jew tal-livell ta' imposti ta' l-ajruporti lill-utenti ta' l-ajruport mhux iktar tard minn 6 xhur qabel ma dawn jidħlu fis-seħħ, flimkien mar-raġunijiet għall-bidliet proposti. Fuq talba ta' kwalunkwe utent ta' l-ajruport, il-korp tal-ġestjoni ta' l-ajruport għandu jagħmel konsultazzjonijiet fuq il-bidliet proposti ma' utenti ta' l-ajruport u jqis il-kontribut tagħhom qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali. Il-korp tal-ġestjoni ta' l-ajruport għandu jippubblika d-deċiżjoni finali tiegħu fi żmien raġjonevoli qabel ma din tidħol fis-seħħ. Il-korp tal-ġestjoni ta' l-ajruport għandu jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu rigward il-kummenti ta' utenti ta' l-ajruport fil-każ li ma jintlaħaqx qbil fuq il-bidliet proposti bejn il-korp tal-ġestjoni ta' l-ajruport u utenti ta' l-ajruport.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-każ ta' nuqqas ta' qbil definittiv fuq deċiżjoni dwar imposti ta' l-ajruporti, il-korp ta' ġestjoni ta' l-ajruport jew l-utenti ta' l-ajruport, sakemm ikunu jirrapreżentaw mhux inqas minn żewġ linji ta' l-ajru mhux relatati jew mhux inqas minn 10% tal-movimenti annwali ta' vetturi ta' l-ajru jew tan-numru ta' passieġġieri annwali fl-ajruport relevanti, jistgħu jirrikorru għall-intervent ta' l-awtorità regolatorja indipendenti li għandha teżamina l-ġustifikazzjonijiet għat-tibdil tas-sistema ta' imposti ta' l-ajruport jew il-livell ta' imposti ta' l-ajruporti.

L-awtorità regolatorja indipendenti nominata jew imwaqqfa skond l-Artikolu 12 għandha:

   a) tistabbilixxi proċedura biex jiġi solvut in-nuqqas ta' ftehim bejn il-korp tal-ġestjoni ta' l-ajruport u l-utenti ta' l-ajruport jew ir-rappreżentanti tagħhom dwar bidliet fil-livell jew fl-istruttura ta' l-imposti ta' l-ajruporti, inklużi bidliet relatati mal-kwalità tas-servizz;
   b) tiddetermina l-kundizzjonijiet skond liema nuqqas ta' ftehim jista' jittieħed quddiemha għal riżoluzzjoni;
   c) tiddetermina l-kriterji li magħhom jiġu evalwati n-nuqqasijiet ta' ftehim.

Dawn il-kundizzjonijiet u l-kriterji għandhom ikunu nondiskriminatorji, trasparenti u b'konformità mal-prinċipji tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-KE u ma' din id-direttiva.

L-eżami ta' tibdil fis-sistema ta' imposti ta' l-ajruporti jew għal-livell ta' imposti ta' l-ajruporti m'għandux ikollu l-effett ta' sospensjoni.

4.  L-utent ta' l-ajruport għandu jipprovdi evidenza prima facie li l-ajruport konċernat ħa miżuri li jiksru l-liġi tal-kompetizzjoni tal-KE.

5.  Dan għandu jkun bla ħsara għal kwalunkwe proċess ta' riżoluzzjoni ta' tilwim jew proċess statutorju ta' appell eżistenti.

Artikolu 6

It-trasparenza

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp tal-ġestjoni ta' l-ajruport jipprovdi lil kull min juża l-ajruport, jew ir-rappreżentanti jew assoċjazzjonijiet ta' utenti ta' l-ajruport, b'tagħrif darba fis-sena dwar il-komponenti tal-bażi li fuqha jkun stipulat il-livell ta' kull imposta miġbura fl-ajruport. Dan it-tagħrif irid jinkludi mill-anqas:

   a) lista tad-diversi servizzi u infrastruttura pprovduta għall-imposta miġbura;
   b) il-metodoloġija użata biex jiġu stabbiliti l-imposti, filwaqt li jiġi ddikjarat jekk intużatx sistema ta' single till jew dual till jew sistema mħallta ;
   c) l-istruttura kumplessiva ta' l-ispiża ta' l-ajruport relatata mal-faċilitajiet u s-servizzi li l-imposti ta' l-ajruporti huma maħsuba li ikopru, sal-punt li tkun relevanti għall-kalkolu ta' l-imposti ta' l-ajruporti u għandha tiġi inkluża fir-rapporti annwali tan-negozju ;
   d) id-dħul u l-ispiża ta' kull kategorija ta' imposta miġbura fl-ajruport;
   e) dħul ta' l-ajruport minn għajnuna statali, sussidji u appoġġ monetarju ieħor fir-rigward tad-dħul mill-imposti;
   f) għajuna Statali u reġjonali mogħtija lill-ajruport u l-ammont ta' riżorsi li joħorġu minn finanzjament pubbliku fir-rigward ta' obbligi ta' servizz pubbliku;
   ( g ) l-għadd totali ta' persunal impjegat fuq servizzi li jikkaġunaw il-ġbir ta' l-imposti;
   ( h ) previżjonijiet tas-sitwazzjoni fl-ajruport rigward ▌, iż-żieda fit-traffiku u kwalunkwe investiment kbir propost;
   ( i ) l-użu reali ta' l-infrastruttura u t-tagħmir ta' l-ajruport matul perijodu stipulat;
   ( j ) ir-riżultat previst ta' kwalunkwe investiment kbir propost f'termini ta' l-effetti tiegħu fuq il-kapaċità ta' l-ajruport u l-kwalità tas-servizz .

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti ta' l-ajruporti jissottomettu tagħrif lill-korp tal-ġestjoni, qabel kwalunkwe bidla mistennija fil-livell ta' l-imposti ta' l-ajruporti jew fis-sistema ta' imposti ta' l-ajruporti jew qabel l-introduzzjoni ta' imposti ġodda , partikolarment dwar:

   a) previżjonijiet dwar traffiku;
   b) previżjonijiet dwar kif inhi magħmula u ser tiġi wżata l-flotta tagħhom;
   c) il-proġetti ta' żvilupp tagħhom fl-ajruport ikkonċernat;
   d) ir-rekwiżiti tagħhom fl-ajruport ikkonċernat.

3.  It-tagħrif ipprovdut skond il-paragrafi 1 u 2 għandu jitqies bħala kunfidenzjali u ttrattat kif xieraq. Dan għandu jkun soġġett għal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kunfidenzjalità tad-data. Fil-każ ta' ajruportielenkati pubblikament, għandhom jitħarsu b'mod partikulari r-regolamenti tal-Borża.

4.  Fi ħdan qafas ta' regoli xierqa dwar kunfidenzjalità, l-awtorità regolatorja indipendenti għandu jkollha aċċess għall-informazzjoni kollha li teħtieġ fir-rigward ta' l-attivitajiet tagħha.

Artikolu 7

L-infrastruttura ġdida

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp tal-ġestjoni ta' l-ajruport jikkonsulta ma' utenti ta' l-ajruport qabel ma jiġu ffinalizzati proġetti infrastrutturali ġodda. Fi żmien massimu ta' ħames snin qabel ma l-investiment isir operazzjonali, il-korp tal-ġestjoni ta' l-ajruport jista' jasserixxi l-interessi tiegħu permezz ta' finanzjar bil-quddiem meta jiġu stabbiliti l-imposti ta' l-ajruporti.

Il-korp tal-ġestjoni ta' l-ajruport jista' jiffinanzja bil-quddiem proġetti għal infrastruttura ġdida billi jżid l-imposti ta' l-ajruporti kif xieraq, bil-kundizzjoni li:

   a) l-utenti ta' l-ajruport jiġu pprovduti b'informazzjoni trasparenti dwar l-ammont u t-tul ta' żmien taż-żieda ta' l-imposta ta' l-ajruporti;
   b) id-dħul addizzjonali kollu jintuża biss għall-bini ta' l-infrastruttura ippjanata;
   c) jkunu nkisbu l-awtorizzazzjonijiet uffiċjali kollha.

Artikolu 8

L-istandards ta' kwalità

1.  Sabiex ikun żgurat it-tħaddim bla xkiel u effiċjenti f'ajruport, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp tal-ġestjoni ta' l-ajruport u l-assoċjazzjoni jew assoċjazzjonijiet li jirrapreżentaw lil utenti ta' l-ajruport f'dak l-ajruport jibdew negozjati bi l-għan li jikkonkludu ftehim dwar kull livell ta' servizz, b'konformità mad-dispożizzjonijiet dwar differenzjar fl-imposti stipulati fl-Artikolu 9, rigward il-kwalità ta' servizz ipprovdut fit-terminal jew terminals ta' l-ajruport, u l-eżattezza u l-puntwalità tat-tagħrif ipprovdut minn utenti ta' l-ajruport fuq il-ħidmiet tagħhom imbassra li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 6(2) , sabiex jippermettu lill-entita` ta' ġestjoni ta' l-ajruport jilħaq l-obbligazzjonijiet tiegħu. Ftehim bħal dan għandu jiġi konkluż ta' lanqas darba kull sentejn u jiġi nnotifikat lill-awtorità regolatorja indipendenti ta' kull Stat Membru.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-eventwalità li ma jintlaħaqx ftehim dwar livelli ta' servizz, kwalunkwe parti tista' tirrikorri għall-intervent ta' l-awtorità regolatorja indipendenti.

Artikolu 9

Differenzi fl-imposti

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu lill-korp tal-ġestjoni ta' l-ajruport li jvarja il-kwalità u l-iskop tas-servizzi partikulari ta' l-ajruport, terminals jew partijiet mit-terminals, bil-għan li jipprovdu servizzi speċjalizzati jew terminal, jew parti minnu, iddedikat. Il-livell ta' imposti ta' l-ajruporti jista' jvarja skond il-kwalità u l-iskop ta' dawk is-servizzi, iżda jista' jvarja wkoll skond ir-rendiment ambjentali, it-tniġġiż ta" l-istorbju jew skond interessi pubbliċi oħra bil-kundizzjoni li dan jiġi determinat fuq il-bażi ta' kriterji relevanti, oġġettivi u trasparenti.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ajruporti jiġbru l-istess imposta għall-istess servizz. Il-korp tal-ġestjoni ta' l-ajruport jista' jagħti konċessjonijiet fuq imposti lil utent ta' l-ajruport ibbażati fuq il-kwalità tas-servizz użat, kemm-il darba il-konċessjoni konċernata tkun disponibbli għall-utenti kollha ta' l-ajruport u skond kundizzjonijiet ippubblikati, trasparenti u oġġettivi. Jista' jagħti konċessjoni lill-utenti li jiftħu rotot ġodda, kemm-il darba bl-istess mod il-konċessjoni tingħata b'mod pubbliku u mhux diskriminatorju u tkun disponibbli għall-utenti kollha ta' l-ajruport bl-istess mod, skond il-liġi tal-kompetizzjoni tal-KE.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe utent ta' l-ajruport li jkun jixtieq jagħmel użu mis-servizzi speċjalizzati jew it-terminal iddedikat jew parti minn terminal, għandu jkollu aċċess għal dawk is-servizzi u t-terminal jew parti minn terminal.

Fejn ikun hemm iktar utenti li jixtiequ li jkollhom aċċess għas-servizzi speċjalizzati jew terminal iddedikat jew parti minn terminal, milli hu possibbli, minħabba restrizzjonijiet ta' kapaċità, li l-aċċess ikun determinat abbażi ta' kriterji rilevanti, oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji.

Artikolu 10

L-imposti fuq sikurezza

L-imposti fuq sikurezza għandhom jintużaw esklussivament biex ikopru l-ispejjeż tas-sikurezza u m'għandhomx jisbqu dawk l-ispejjeż . Ma jista' jsir l-ebda profitt fuq l-imposti fuq sikurezza. Dawn l-ispejjeż għandhom ikunu stabbiliti permezz tal-prinċipji ta' l-effiċjenza ekonomika u operazzjonali u tal-kontabilità u l-evalwazzjoni aċċettati b'mod ġenerali f'kull Stat Membru. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispejjeż jitqassmu b'mod ġust fost il-gruppi ta' utenti differenti f'kull ajruport. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jitqiesu:

   l-ispiża tal-finanzjament tal-faċilitajiet u l-istallazzjonijiet iddedikati għal ħidmiet ta' sikurezza li jinkludu deprezzament ġust fil-valur ta' dawn il-faċilitajiet u l-istallazzjonijiet;
   in-nefqa fuq il-persunal u l-operazzjonijiet tas-sikurezza filwaqt li tiġi eskluża l-ispiża ta' miżuri ta' sikurezza ogħla għal perjodu ta' żmien qasir ; miżuri bħal dawn, imposti skond leġiżlazzjoni nazzjonali fuq evalwazzjonijiet tar-riskju speċjali u li jirriżultaw f'nefqa żejda m'għandhomx ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva;
   l-għotjiet u s-sussidji allokati mill-awtoritajiet għal skopijiet ta' sikurezza.

Id-dħul mill-imposti fuq sikurezza miġbura f'ajruport partikulari jistgħu jintużaw biss biex tiġi koperta l-ispiża għas-sikurezza ta' l-ajruporti mġarrba fil-post fejn l-imposti jkunu nġabru. Fil-każ ta' networks ta' ajruporti, id-dħul minn imposti fuq sikurezza jistgħu jintużaw biss biex tiġi koperta l-ispiża tas-sikurezza li tirriżulta mill-ajruporti li jkunu fin-network.

Artikolu 11

L-ispejjeż ta' l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' sikurezza li huma aktar stretti

L-ispejjeż ta' l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' sikurezza li huma aktar stretti mill-miżuri ta' sikurezza minimi stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 għandhom jinġarru mill-Istati Membri.

Artikolu 12

L-awtorità regolatorja indipendenti

1.  L-Istati Membri għandhom jinnominaw jew iwaqqfu korp indipendenti bħala l-awtorità regolatorja indipendenti nazzjonali tagħhom sabiex tiżgura l-applikazzjoni kif suppost tal-miżuri meħuda b'konformità mad-Direttiva u tiżgura li jitwettqu d-doveri msemmija taħt l-Artikoli 5 u 8 . Dan il-korp jista' jkun l-istess entità li l-Istat Membru taħtar sabiex jħares l-applikazzjoni tal-miżuri regolatorji addizzjonali msemmija fl-Artikolu 1(2), inklużi l-approvazzjoni tas-sistema ta' imposti u/jew tal-livell ta' l-imposti, sakemm tikkonforma mar-rekwiżiti f'paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu. .

2.  L-awtorità regolatorja indipendenti nazzjonali tista' tiddelega, taħt is-superviżjoni tagħha, l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet, jew ta' parti mid-dispożizzjonijiet, ta' din id-direttiva lil awtoritajiet regolatorji indipendenti reġjonali, sakemm l-implimentazzjoni isseħħ b'konformità ma' l-istess standards. L-awtorità regolatorja indipendenti nazzjonali għandha tkompli ġġorr ir-responsabilità biex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva. Id-dispożizzjonijiet tal-pġaragrafu 3 għandhom japplikaw ukoll għall-awtoritajiet regolatorji indipendenti reġjonali.

3 .  L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza ta' l-awtorità regolatorja indipendenti billi jiżguraw li hija distinta legalment minn u tiffunzjona indipendentament minn kwalunke korp tal-ġestjoni ta' l-ajruport u trasportatur bl-ajru. L-Istati Membri li jżommu s-sjieda jew il-kontroll ta' l-ajruporti, korpi li jmexxu l-ajruporti jew trasportaturi bl-ajru għandhom jiżguraw is-separazzjoni strutturali effettiva tal-funzjonijiet regolatorji mill-attivitajiet assoċjati mal-proprjetà jew il-kontroll. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b'mod imparzjali u trasparenti.

4 .  L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-isem u l-indirizz ta' l-awtorità regolatorja indipendenti, bix-xogħol u r-responsabilitajiet mogħtija lilha, u bil-miżuri meħuda biex tkun zġurata konformità mal-paragrafu 3.

5 .  Fit-twettiq ta' investigazzjoni tal-ġustifikazzjoni għat-tibdil tal-livell jew ta' l-istruttura, ta'l-imposti ta' l-ajruporti, kif stipulat fl-Artikolu 5, l-awtorità regolatorja indipendenti għandha tkun tista' titlob l-informazzjoni meħtieġa mill-partijiet konċernati u għandha tiġi meħtieġa li tikkonsulta dawk l-partijiet konċernati u kwalunkwe parti oħra affetwata sabiex tilħaq id-deċiżjoni tagħha. Hija għandha tilħaq id-deċiżjoni tagħha fl-inqas fis possibli u fi żmien tliet xhur minn meta jasal l-ilment u għandha tkun meħtieġa li tippubblika d-deċiżjoni tagħha u r-raġunijiet għalija. Id-deċiżjoni għandu jkollu effett li jorbot.

6 .  L-awtorità regolatorja indipendenti għandha tippubblika rapport annwali dwar l-attivitajiet tagħha.

Artikolu 13

Rapportar u reviżjoni

1.  Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operat ta' din id-Direttiva, li jevalwa l-progress imwettaq fil-kisba ta' l-objettivi ta' din id-Direttiva, mhux aktar tard minn..... (8) u kif ukoll, meta jkun xieraq, proposti xierqa .

2.  L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, partikolarment għall-bżonnijiet tal-ġbir ta' tagħrif għar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 14

L-implimentazzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa ...(9) *. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fil-waqt tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom.

2.  L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bit-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 15

Id-dħul fis-seħħ u l-indirizzati

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1) ĠU C 10, 15.1.2008, p. 35 .
(2) ĠU C 305, 15.12.2007, p. 11 .
(3) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2008 .
(4) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1794/2006 tas-6 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi skema komuni ta' imposti għas-servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru (ĠU L 341, 7.12.2006, p. 3) .
(5) Id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/EC tal-15 ta' Ottubru 1996 dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità (ĠU L 272, 25.10.1996, p. 36). Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).
(6) ĠU L 204, 26.7.2006, p. 1.
(7) ĠU L 355, 30.12.2002, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 849/2004, p.1. (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 1. Verżjoni rettifikata fil-ĠU L 229, 29.6.2004, p. 3) .
(8)* 4 snin wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva.
(9)** 18 il-xahar wara d-data tal-pubblikazzjoni ta' din id-Direttiva.

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Settembru 2008Avviż legali