Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2683(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

B6-0048/2008

Dibattiti :

PV 30/01/2008 - 16
CRE 30/01/2008 - 16

Votazzjonijiet :

PV 31/01/2008 - 8.8
CRE 31/01/2008 - 8.8

Testi adottati :

P6_TA(2008)0031

Testi adottati
DOC 81k
Il-Ħamis, 31 ta' Jannar 2008 - Brussell Verżjoni finali
Is-sitwazzjoni fl-Iran
P6_TA(2008)0031B6-0046, 0048 u 0057/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Jannar 2008 dwar l-Iran

Il-Parlament Ewropew ,

-   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran, b'mod partikulari dawk dwar il-kwistjoni nukleari u d-drittijiet tal-bniedem, u b'mod partikulari dawk ir-riżoluzzjonijiet adottati fit-13 ta' Ottubru 2005(1) , fis-17 ta' Novembru 2005(2) , fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Frar 2006 dwar il-konfrontazzjoni bejn l-Iran u l-komunità internazzjonali(3) u fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2007 dwar l-Iran(4) ,

-   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Iran, b'mod partikulari dawk ta' l-14 ta" Diċembru 2007,

-   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSC) 1696(2006), 1737(2006) u 1747(2007) dwar il-programm nukleari Iranjan,

-   wara li kkunsidra l-Pjan ta' Ħidma miftiehem bejn l-Iran u l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika (AIEA) tal-21 ta' Awissu 2007, immirat biex jiġu ċċarati l-kwistjonijiet marbuta mal-programm nukleari ta' l-Iran (inkluż fid-dokument mehmuż INFCIRC/711 mar-rapport tal-Bord tal-Gvernaturi ta' l-AIEA (GOV/2007/48) tat-30 ta' Awissu 2007 bit-titolu "Implimentazzjoni tal-Ftehim dwar is-Salvagwardji ta' l-NPT fir-Repubblika Islamika ta' l-Iran"),

-   wara li kkunsidra r-rapporti tal-Bord tal-Gvernaturi ta' l-AIEA, u b'mod partikulari ir-rapport (GOV/2007/58) tal-15 ta' Novembru 2007 bit-titolu "Implimentazzjoni tal-Ftehim dwar is-Salvagwardji ta' l-NPT u d-dispożizzjonijiet relevanti tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà 1737(2006) u 1747(2007) fir-Repubblika Islamika ta' l-Iran,

-   wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Estimi tas-Servizzi ta' Intelliġenza ta' l-Istati Uniti dwar l-Intenzjonijiet u l-Kapaċitajiet Nukleari ta' l-Iran (US INE), ippubblikat fit-3 ta' Diċembru 2007 u l-istqarrija (stqarrija għall-istampa 2007/22) mid-Direttur Ġenerali ta' l-AIEA, Mohamed ElBaradei, dwar din il-kwistjoni,

-   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 61/176 tad-19 ta' Diċembru 2006 u 62/168 tat-18 ta' Diċembru 2007, ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Islamika ta' l-Iran,

-   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni ta' l-UNGA 62/149 tat-18 ta' Diċembru 2007 dwar moratorju fuq il-piena tal-mewt,

-   wara li kkunsidra t-tieni laqgħa interparlamentari bejn il-Parlament Ewropew u l-Majlis tar-Repubblika Islamika ta' l-Iran li saret f'Teheran bejn it-8 u d-9 ta' Diċembru 2007,

-   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-Kunsill tal-25 ta' Jannar 2008 f'isem l-UE dwar is-sentenzi tal-mewt fl-Iran,

-   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-Artikolu IV tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni ta' l-Armamenti Nukleari (NPT) jiddikjara li xejn f'dak it-Trattat m'għandu jiġi interpretat li jaffetwa lid-dritt inaljenabbli tal-Partijiet kollha għal dak it-Trattat li jiżviluppaw riċerka, produzzjoni u użu ta' enerġija nukleari għal skopijiet paċifiċi bla diskriminazzjoni u bi qbil ma' l-Artikoli I u II ta' dak it-Trattat,

B.   billi l-Iran s'issa għadu ma ssospendiex l-attivitajiet kollha relatati ma' l-arrikkiment u mar-riproċessar u għadu ma implimentax il-Protokolli Addizzjonali tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni Nukleari, kif mitlub mir-Riżoluzzjonijiet tal-UNSC 1696(2006), 1737(2006) u 1747(2007) sabiex jerġa' jagħti kunfidenza fin-natura kompletament paċifika tal-programm tiegħu,

C.   billi Dr ElBaradei, fir-rapport imsemmi hawn fuq tal-15 ta' Novembru 2007, innota li sar progress fl-implimentazzjoni tas-salvagwardji ta' l-AIEA fl-Iran u li l-Iran ipprovda aktar informazzjoni dwar l-aspetti ta" l-imgħoddi tal-programm nukleari tiegħu; billi, madankollu, hu enfasizza li hemm bżonn ta' aktar koperazzjoni biex tiġi spjegata l-attività attwali, inklużi t-traċċi ta' uranju arrikkit ħafna li sabu l-ispetturi fis-siti nukleari, u billi ħeġġeġ lill-Iran biex jimplimenta l-protokoll addizzjonali malajr kemm jista' jkun,

D.   billi f'taħditiet ma Dr ElBaradei, f'Teheran fit-12 ta' Jannar 2008, il-mexxejja Iranjani qablu li fi żmien erba' ġimgħat iwieġbu għall-bqija tal-mistoqsijiet dwar l-attivitajiet nukleari tal-pajjiż fl-imgħoddi,

E.   billi l-US NIE stabbilixxew li l-Iran, wara li waqqaf il-programm tiegħu għall-armi nukleari fl-2003, kien għadu ma reġax bdieh sa nofs l-2007, minkejja l-preokkupazzjonijiet li jirrigwardaw l-arrikkiment ta' l-uranju u l-użu potenzjali tiegħu fil-ġejjieni għall-armi nukleari; billi, wara l-pubblikazzjoni ta' dan il-US NIE, l-azzjoni militari preventiva kontra l-Iran qabel tmiem it-terminu ta' Bush bħala President ta' l-Istati Uniti ma baqgħetx titqies bħala possibilità,

F.   billi l-mexxejja tal-G8, fis-samit annwali tagħhom li sar mis-6 sat-8 ta' Ġunju 2007 f'Heiligendaam, enfasizzaw l-importanza li jiġi żviluppat u implimentat mekkaniżmu ta' approċċi multilaterali għaċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari bħala alternattiva għall-attivitajiet nazzjonali ta' arrikkiment u riproċessar,

Dwar id-drittijiet tal-bniedem

G.   billi s-sitwazzjoni fir-Repubblika Islamika ta' l-Iran rigward l-eżerċizzju tad-drittijiet ċivili u l-libertajiet politiċi marret għall-agħar f'dawn l-aħħar sentejn, b'mod partikolari mill-elezzjonijiet presidenzjali ta' Ġunju 2005 'l hawn, minkejja l-fatt li l-Iran impenja ruħu biex jippromwovi u jħares id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali skond l-istrumenti internazzjonali varji f'dan il-qasam,

H.   billi l-għadd ta' eżekuzzjonijiet fl-Iran, inklużi dawk ta' minorenni, u spiss billi jiġu mgħallqa pubblikament, żdied b'mod drammatiku f'dawn l-aħħar snin u b'mod partikulari f'dawn l-aħħar xhur,

I.   billi kien hemm każijiet konfermati ta' eżekuzzjonijiet li sikwit saru fil-pubbliku permezz ta' tgħalliq jew tħaġġir, ta' tortura u trattament ħażin ta' ħabsin, ta' użu sistematiku u arbitrarju ta' l-iżolament fit-tul ta' ħabsin, ta' detenzjoni klandestina, ta' applikazzjoni ta' trattament jew ta' kastigi krudili, diżumani u degradanti, fosthom is-swat bil-frosta u l-amputazzjoni, u ta' impunità għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem,

J.   billi żdiedet ir-ripressjoni vjolenti ta" l-oppożizzjoni politika, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ġurnalisti, ta" dawk li jużaw l-internet, ta" l-għalliema, ta" l-intellettwali, tan-nisa, ta" l-istudenti, ta' l-attivisti tat-tradeunions u tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi reliġjużi, etniċi, lingwistiċi jew oħrajn,

K.   billi dejjem qed tiżdied id-diskriminazzjoni kontra l-minoranzi bħal ma huma l-Azeri, is-Sufi u s-Sunni, minħabba l-isfond reliġjuż jew etniku tagħhom, u billi dawn il-gruppi jibqgħu jiffaċċjaw ripressjoni tad-drittijiet kulturali u ċivili tagħhom; billi membri ta" ċerti minoranzi bħall-Ahwazis, il-Kurdi u l-Baluchs jiffaċċjaw saħansitra t-tortura u l-eżekuzzjoni,

L.   billi l-membri tal-komunitajiet reliġjużi tal-Baha'i ma jistgħux jeżerċitaw il-fidi, huma esposti għal persekuzzjoni iebsa u huma mċaħħda minn kważi kull dritt ċivili (eż. dritt għall-propjetà, aċċess għall-edukazzjoni ogħla) u s-siti reliġjużi tagħhom qed ikunu vvandalizzati,

M.   billi bosta attivisti li jiffurmaw parti mill-moviment għad-drittijiet tan-nisa qed ikunu, jew kienu, imħarrka għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-kampanja 'miljun firma' , li għandha l-għan li tikseb ir-revoka ta' liġijiet li jiddiskriminaw kontra n-nisa u li l-pjan tagħha huwa li l-firem jitressqu quddiem il-Parlament Nazzjonali (Majlis), billi l-Iran għadu mhux stat kontraenti tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta" kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,

N.   billi mijiet ta' professuri tneħħew mill-pożizzjonijiet tagħhom ta' għalliema bl-akkuża li kienu wisq sekolari, u billi numru kbir ta' studenti ġew arrestati wara protesti, bħal dawk li pparteċipaw f'dimostrazzjonijiet fil-Jum Nazzjonali ta' l-Istudenti Universitarji fis-7 ta' Diċembru 2007,

O.   billi r-reġistrazzjoni ta' kandidati għall-elezzjonijiet parlamentari tal-Majlis f'Marzu 2008 għalqet fl-10 ta' Jannar 2008, il-Minsteru ta' l-intern se jħabbar id-deċiżjonijiet mit-22 ta' Jannar 2008, u l-Kunsill Gwardjan, li jissorvelja l-validità ta' l-elezzjonijiet skond il-Kostituzzjoni, għandu d-dritt li jiskwalifika l-kandidati,

Dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Iran

P.   billi d-Djalogu Komprensiv bejn l-UE u l-Iran ġie sospiż mill-Iran f'Diċembru 2003 u ma saret l-ebda laqgħa fil-qafas tad-Djalogu bejn l-UE u l-Iran dwar id-Drittijiet tal-Bniedem minn Ġunju 2004,

Q.   billi r-relazzjonijiet ta' l-UE ma' l-Iran f'dawn l-aħħar snin ġew ibbażati fuq approċċ minn tliet naħat, ikkaratterizzat minn negozjati dwar Ftehima ta' Kummerċ u Koperazzjoni, djalogu politiku u djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem, u billi dawn it-tliet aspetti ma jistgħux jitqiesu separatament,

Fuq il-kwistjoni nukleari

1.  Jafferma mill-ġdid li r-riskji tal-proliferazzjoni tal-programm nukleari Iranjan jibqgħu għajn ta" tħassib serju għall-UE u għall-komunità internazzjonali, kif espress b'mod ċar ħafna fir-Riżoluzzjonijiet tal-UNSC 1696(2006), 1737(2006) u 1747(2007); għalhekk jiddispjaċih li l-Iran għadu ma kkonformax ma" l-obbligi internazzjonali tiegħu li jissospendi l-attivitajiet kollha marbuta ma" l-arrikkiment u dawk kollha ta" pproċessar mill-ġdid;

2.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-isforzi ta'l-UE biex issib soluzzjoni negozjata dewwiema dwar il-kwistjoni nukleari ma" l-Iran u jissottolinja l-irwol essenzjali li jrid jintlagħab mill- AIEA;

3.  Jinnota l-progress li sar dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta" ħidma bejn l-AIEA u l-Iran, u jtenni t-talbiet tiegħu lill-Iran biex ireġġa" għal li kienet it-trasparenza tal-programm nukleari tiegħu billi jipprovdi tweġibiet kompluti, ċari u kredibbli lill-AIEA, biex jirriżolvi l-kwistjonijiet u l-punti ta" importanza li għadhom ma ġewx indirizzati dwar dan il-programm, inklużi suġġetti li jista" jkollhom dimensjoni militari, biex jimplimenta għal kollox id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Komprensiv ta" Salvagwardja inklużi l-arranġamenti sussidjarji tiegħu, u biex jirratifika u jimplimenta l-Protokoll Addizzjonali;

4.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għar-riżoluzzjonijiet tal-UNSC adottati skond l-Artikolu 41, Kapitolu VII tal-Karta tan-NU; japprova l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew imsemmija hawn fuq ta" l-14 ta" Diċembru 2007; jilqa" b'sodisfazzjon il-ftehim li ntlaħaq fil-laqgħa tal-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin tal-membri permanenti tal-UNSC u tal-Ġermanja, kif ukoll ir-Rappreżentant Għoli ta" l-UE għall-Politika Barranija u ta" Sigurtà Komuni (CFSP), waqt il-laqgħa tagħhom f'Berlin fit-22 ta" Jannar 2008 dwar abbozz ġdid ta" riżoluzzjoni fuq l-Iran li tipprevedi aktar miżuri u l-fatt li l-komunità internazzjonali ssostni approċċ komuni lejn il-kwistjoni;

5.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li soluzzjoni għall-eskalazzjoni nukleari preżenti hija possibbli u li l-ebda azzjoni militari m'għandha tiġi kkunsidrata; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-isforzi ta' Dr El Baradei biex sa Marzu 2008 jsolvi ma" l-Iran il-kwistjonijiet kollha li għadhom ma ġewx solvuti; jistieden lill-Amministrazzjoni ta" l-Istati Uniti u lill-atturi l-oħra kollha li huma involuti biex jirrinunzjaw għal kull retorika fuq għażliet militari u politiki ta" bidla ta" reġim kontra l-Iran;

6.  Jinnota s-sejbiet riċenti tal-US NIE dwar il-programm nukleari militari u ċivili ta" l-Iran; jidhirlu li dawn is-sejbiet jikkonfermaw il-politika ta" l-UE ta" approċċ fuq żewġ linji biex tikkonvinċi lill-Iran b'mod diplomatiku biex jikkonforma b'mod sħiħ mat-talbiet ta' l-AIEA biex jabbanduna ir-rabta militari potenzjali mall-programm ċivili b'manjiera kredibbli u kontrollabbli;

7.  Iħeġġeġ lill-Iran, għalhekk, biex jidħol, mingħajr dewmien, f'serje ġdida ta" negozjati dwar id-direzzjoni futura tal-programm nukleari tiegħu u biex jissospendi kull attività marbuta ma" l-arrikkiment; jistieden lill-Istati Uniti, wara s-suċċess diplomatiku tagħha fin-negozjati mal-Korea ta" Fuq, biex tipparteċipa b'mod dirett fin-negozjati ma" l-Iran flimkien ma" l-UE, peress li l-Istati Uniti tinsab f'pożizzjoni li toffri garanziji ta" sigurtà addizzjonali, b'mod notevoli f'qafas multilaterali taħt l-awspiċi ta" l-AIEA fi Vjenna;

8.  Jitlob li passi ta" diżarmament nukleari multilaterali kredibbli billi jiġi msaħħaħ l-NPT, u jistieden lill-UE biex tieħu f'idejha r-responsabilità biex toħroġ in-negozjati dwar id-diżamrmamenti nuklear mill-istaġnar li bħalissa jinsabu fih;

9.  Jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm koperazzjoni ma" l-Istati Uniti, ir-Russja, iċ-Ċina u l-pajjiżi mhux allineati sabiex jiġu meqjusa kunċetti kumplementari bit-tama li jintlaħaq ftehim komprensiv ma" l-Iran dwar il-faċilitajiet nukleari tiegħu u l-użu tagħhom li jkun iqis il-preokkupazzjonijiet ta" l-Iran dwar is-sigurtà;

10.  Jidhirlu li ftehim komprensiv bħal dan għandu jgħin biex tinkiseb sistema sostenibbli ta" sigurtà reġjonali li tkun tinkludi lill-Indja, lill-Pakistan u qawwiet oħra nukleari, u jemmen li l-Iran għandu jassumi r-responsabilitajiet tiegħu bħala attur reġjonali;

11.  Jistieden lill-komunità internazzjonali biex taħseb b'mod serju dwar il-ħolqien ta" qafas multilaterali ġdid għall-utilizzazzjoni ta" l-enerġija nukleari u biex tieħu azzjoni b'mod urġenti dwar dan il-qafas li jkun jiggarantixxi provvisti ta" fjuwil nukleari filwaqt li jkun iċekken kemm jista' jkun ir-riskju tal-proliferazzjoni, kif propost mill-AIEA;

Dwar id-drittijiet tal-bniedem

12.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu minħabba d-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran matul dawn l-aħħar snin; jappella lill-awtoritajiet Iranjani biex jonoraw l-obbligi tagħhom skond l-istandards u l-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem irratifikati mill-Iran, billi jippromwovu valuri universali u billi jagħtu lill-persuni kollha d-dritt li jeżerċitaw id-drittijiet ċivili u l-libertajiet politiċi tagħhom, u jfakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar dan imsemmija hawn fuq adottata fil-25 ta" Ottubru 2007;

13.  Jikkundanna bil-qawwa s-sentenzi tal-mewt u l-eżekuzzjonijiet fl-Iran, b'mod partikulari dawk imposti jew imwettqa fuq delinkwenti taħt l-età u fuq minorenni, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani biex jirrispettaw is-salvagwardji legali li huma rrikonoxxuti b'mod internazzjonali rigward il-minorenni, bħal m'hi l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

14.  Jinsab imħasseb serjament dwar iż-żjieda drammatika fir-ripressjoni tal-movimenti tas-soċjetà ċivili fl-Iran matul is-sena li għaddiet; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex iwaqqfu għal kollox ir-ripressjoni ħarxa kontra d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa, l-attivisti tal-kampanja tal-"miljun firma", il-movimenti ta" l-istudenti, id-difensuri tad-drittijiet tal-minoranzi, l-intellettwali, l-għalliema, il-ġurnalisti, il-bloggers u l-attivisti tat-tradeunions l-aktar is-Sur Mansour Osanloo u s-Sur Mahmoud Salehi - u jitlob għall-ħelsien ta' dawk kollha li ntbagħtu l-ħabs talli esprimew il-konvinzjonijiet tagħhom b'mod paċifiku;

15.  Jipprotesta bil-qawwi kontra l-eżekuzzjoni fl-Iran fit-30 ta' Jannar 2008 fl-4.00 ta' filgħodu ħin lokali ta' l-attivist Ahwazi Zamel Bawi, li hu d-19 il-attivist Ahwazi maqtul f'dawn l-aħħar tnax-il xahar u jħeġġeġ lill-gvern Iranjan sabiex ma jkomplix bl-eżekuzzjoni taċ-ċittadin Olandiż u attivist tad-drittijiet tal-bniedem Faleh Abdulah al-Mansouri kif ukoll tar-refuġjati rikonoxxuti mill-UNHCR Rasoul Ali Mazrea u Said Saki, li t-trasferiment tagħhom lejn in-Norveġja hu assigurat, u wkoll sabiex dawn jitħallew imorru lejn il-pajjiż taċ-ċittadinanza tagħhom jew ta' refuġju;;jitlob, bl-istess mod, għall-ħelsien tal-ġurnalisti Kurdi Abdolvahed 'Hiwa' Butimar u Adnan Hassanpour li kienu kkundannati għall-mewt;

16.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani biex jeliminaw, fil-liġi u fil-prattika, kull forma ta" tortura inklużi eżekuzzjonijiet estremament diżumani u trattament jew kastig krudili, inuman u degradanti, u biex isostni l-proċess xieraq tal-liġi u jġib fi tmiemha l-impunità għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex jemendaw b'urġenza l-kodiċi penali sabiex jittrasformaw il-moratorju dwar it-tħaġġir għal projbizzjoni definittiva;

17.  Jilqa" r-riżoluzzjoni imsemmija hawn fuq tal-UNSC 62/149 dwar moratorju fuq il-piena tal-mewt li titlob li jiddaħħal moratorju mad-dinja kollha bħala pass lejn l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt; jistieden lill-Iran biex japplika r-riżoluzzjoni dwar moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet li ġiet adottata dan l-aħħar;

18.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani biex jirrispettaw is-salvagwardji legali li huma rrikonoxxuti b'mod internazzjonali fir-rigward ta" persuni li jappartjenu lil minoranzi reliġjużi, etniċi, lingwistiċi jew xi minoranzi oħra, rikonoxxuti jew mod ieħor; jikkundanna bil-qawwa in-nuqqas ta" rispett għad-dritttijiet tal-minoranzi u jitlob li l-minoranzi jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet kollha mogħtija mill-Kostituzzjoni Iranjana u mil-liġi internazzjonali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani biex jaġixxu b'mod kostituzzjonali u jeliminaw, fil-liġi u fil-prattika, kull forma ta" diskriminazzjoni u ksur ieħr tad-drittijiet tal-bniedem kontra persuni li jappartjenu lil minoranzi reliġjużi, etniċi, lingwistiċi jew minoranzi oħra, inklużi, inter alia, Għarab, Azeris, Baluchs, Kurdi, Baħa'in, Insara, Lhud, Sufijin u l-Musulmani Sunniti; jitlob b'mod partikulari li l-projbizzjoni de facto fuq il-prattika tal-fidi Baħa'i titneħħa;

19.  Jikkundanna r-ripressjoni kontra l-opponenti politiċi, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti, il-bloggers, l-għalliema, l-intellettwali, in-nisa, l-istudenti, l-attivisti tat-tradunions, u persuni li jappartjenu lil minoranzi reliġjużi, etniċi, lingwistiċi u minoranzi oħra; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani biex iwaqqfu l-fastidju, l-intimidazzjoni u l-persekuzzjoni ta" dawn iċ-ċittadini, u biex mingħajr kundizzjonijiet jeħilsu lill-priġunieri tal-kuxjenza;

20.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu bl-eżami tagħhom tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran u biex iressqu quddiem il-Parlament fl-ewwel nofs ta" l-2008 rapport komprensiv dwar is-sitwazzjoni, inklużi proposti għal proġetti li jistgħu jkunu ffinanzjati fil-qafas ta' l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem;

21.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-forzi politiċi demokratiċi kollha u għas-soċjetà ċivili, b'mod speċjali għall-assoċjazzjonijiet tan-nisa u ta" l-istudenti li qed jagħmlu kampanji non-vjolenti fl-Iran, minkejja r-ripressjoni dejjem akbar, għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;

22.  Jistenna li l-awtoritajiet Iranjani jeżerċitaw ir-responsabilità tagħhom għall-proċedura ta" screening tal-kandidati għall-elezzjonijiet nazzjonali li se jsiru dalwaqt b'tali mod li jkun iggarantit li jkunu ħielsa u ġusti;

Dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Iran

23.  Jissottolinja li l-konklużjoni ġejjiena possibbli ta" Ftehim ta" Koperazzjoni u Kummerċ bejn l-Iran u l-UE jiddependi minn titjib sostanzjali fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem ta" l-Iran kif ukoll mill-koperazzjoni sħiħa ta" l-Iran ma" l-AIEA u minn garanziji objettivi rigward in-natura paċifika tal-programm nukleari tiegħu;

24.  Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l-Appell ta' l-Organizzazzjonijiet Proskritti Britanniċi tat-30 ta' Novembru 2007, li tistieden lill-Ministru ta" l-Intern Britanniku biex minnufih ineħħi lill-PMOI mil-lista ta' organizzazzjonijiet proskritti;

25.  Jieħu nota tas-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Prim'istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta' Diċembru 2006(5) ;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq komunikazzjoni fuq is-sitwazzjoni u l-perspettivi tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Iran u jħeġġeġ liż-żewġ naħat biex jibdew mill-ġdid id-djalogu fuq id-drittijiet tal-bniedem, b'mod parallel man-negozjati għal-Ftehim ta' Koperazzjoni u Kummerċ, li jistgħu jiġu konklużi jekk l-Iran jagħmel il-progress meħtieġ fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u dwar il-kwistjoni nukleari;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi delegazzjoni fl-Iran sabiex tippromwovi d-djalogu ma" l-awtoritajiet u mas-soċjetà ċivili u biex tintensifika l-kuntatti li jikkonċernaw, b'mod notevoli, l-għajnuna lir-rifuġjati u l-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi;

o
o   o

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-Presidenti tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tas-CFSP, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti ta" l-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Presidenti tal-UNSC, ta' l-UNGA u tal-Kummissjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,lid-Direttur Ġenerali ta' l-AIEA, lill-Kap tal-Qorti Suprema ta" l-Istat ta" l-Iran, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Iżlamika ta" l-Iran.

(1) ĠU C 233 E, 28.9.2006, p. 111.
(2) ĠU C 280 E, 18.11.2006, p. 468.
(3) ĠU C 290 E, 29.11.2006, p. 145.
(4) Testi Adottati, P6_TA(2007)0488.
(5)1 Każ T-228/02, Rec. 2006, p. II-4665.

Aġġornata l-aħħar: 2 ta' Marzu 2009Avviż legali