Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0079/2008

Dibattiti :

PV 21/02/2008 - 9.1
CRE 21/02/2008 - 9.1

Votazzjonijiet :

PV 21/02/2008 - 10.1

Testi adottati :


Testi adottati
PDF 219kWORD 59k
Il-Ħamis, 21 ta' Frar 2008 - Strasburgu
Timor Leste
P6_TA(2008)0070RC-B6-0079/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Frar 2008 dwar Timor Leste

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Timor-Leste,

–   wara li kkunsidra il-laqgħa ta' informazzjoni għall-Kunsill tas-Sigurtà (il-5,432 laqgħa) mogħtija mir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU),

–   wara li kkunsidra r-rapport tad-delegazzjoni tiegħu biex josserva l-elezzjonijiet leġislattivi fir-Repubblika Demokratika tat-Timor-Leste mis-27 ta' Ġunju sat-2 ta' Lulju 2007, immexxija minn Ana Gomes,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija mill-Presidenza Portugiża f'isem l-Unjoni Ewropea tal-5 ta' Lulju 2007 dwar l-elezzjonijiet leġiżlattivi fit-Timor-Leste,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Kunsill tas-Sigurta' tan-NU tal-11 ta' Frar 2008 li jikkundanna l-attakk fuq il-President Jose Ramos-Horta tat-Timor-Leste,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija ta' Javier Solana, ir-Rappreżentant Għoli ta' l-UE għall-Politika Barranija u ta' Sigurta' Komuni, tal-11 ta' Frar 2008, li jikkundanna l-attentati ta' qtil fit-Timor-Leste,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi t-tkeċċija, f'April 2006, ta' kważi 600 suldat fit-Timor-Leste, bħala reazzjoni għall-ilmenti tagħhom, wasslet għal kriżi tas-sigurtà serja ħafna fil-pajjiż, ikkaratterizzata minn konfrontazzjoni armata (bejn il-forzi armati u t-truppi mkeċċija u anki mal-forzi tal-pulizija), diżgwid tal-pulizija, rewwixti u vjolenza mifruxa ta' gruppi, li wasslu għall qtil ta' bosta nies, u għal ħafna iżjed midruba u 150,000 persuna ħarbu minn djarhom, u nofshom għadhom spostati f'kampijiet,

B.   billi din il-kriżi tas-sigurtà inkludit ukoll il-waqa' tal-gvern immexxi mill-Prim Ministru Mari Alkatiri f'Ġunju 2006, u l-ħatra ta' gvern ta' tranżizzjoni mmexxi minn José Ramos Horta,

C.   billi l-eks-Prim Ministru u rebbieħ tal-Premju Nobel, José Ramos Horta, ġie elett President tat-Timor-Leste fid-9 ta' Mejju 2007 u, wara l-elezzjonijiet parlamentari tat-30 ta' Ġunju 2007, l-eks-President Kay Rala Xanana Gusmão sar Prim Ministru tal-Pajjiż fis-6 ta' Awwissu 2007, filwaqt li għolew it-tamiet għall-istabilizzazzjoni definittiva tal-pajjiż u r-rispett xieraq għall-istituzzjonijiet demokratiċi,

D.   billi kompliet l-instabilità politika fit-Timor-Leste, minkejja l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari ħielsa u paċifiċi u minkejja involviment iktar b'saħħtu mill-komunità internazzjonali taħt l-awspiċi tan-NU, bħala reazzjoni għall-appelli mill-awtoritajiet tat-Timor-Leste,

E.   billi ħafna minn din l-instabilità kienet konsegwenza tan-nuqqas ta' rispett għall-istat tad-dritt maħluqa mit-tmexxija tas-suldati li ma kienux affetwati li ħa f'idejh l-eks-Sindku Alfredo Reinado, li kien ħarab mill-ħabs fl-2006 u li serva bħala ispirazzjoni għal gruppi ta' żgħażagħ vjolenti fil-kapitali,

F.   billi, fil-11 ta' Frar 2008, dawn il-gruppi ribelli sparaw u darbu b'mod serju lill-President Ramos Horta, li jinsab f'qagħda kritika fi sptar Awstraljan, u fetħu n-nar fuq il-Prim Ministru Xanana Gusmão f'attakki separati iżda kkoordinati kontra t-tmexxija tal-pajjiż u l-istituzzjonijiet ta' l-Istat,

G.   billi l-parlament tat-Timor-Leste ddikjara stat ta' emerġenza li għadu fis-seħħ; billi l-gvern talab rinforzi għall-1,600 gwardjan tal-paċi diġà involuti fit-Timor-Leste,

H.   billi dawn l-attakki vjolenti kontra l-ogħla istituzzjonijiet statali u l-mexxejja eletti demokratikament tat-Timor-Leste huma konsegwenza tal-kriżi ta' April 2006, u dan jagħmilha evidenti li, minkejja l-isforzi ta' l-awtoritajiet nazzjonali, tal-Missjoni Integrata tan-NU fit-Timor-Leste (UNMIT) u tal-forzi internazzjonali, is-sigurtà nazzjonali effettiva u l-istat tad-dritt fit-Timor-Leste għadhom mhux qed jiffunzjonaw,

I.   billi osservaturi kkwalifikati ġibdu l-attenzjoni għan-nuqqas ta' reazzjoni f'waqtha u adegwata mill-Pulizija Internazzjonali tan-NU jew minn forzi internazzjonali oħra għall-attakki tal-11 ta' Frar 2008, bl-eċċezzjoni ta' l-intervent effettiv tal-Gwardja Nazzjonali Repubblikana Portugiża, meta ntalbet tintervjeni,

J.   billi l-attakki seħħew wara li l-President Ramos Horta involva ruħu personalment fl-isforzi biex tinstab soluzzjoni negozjata mar-ribelli; billi s-sekwenza eżatta ta' l-avvenimenti għadha m'hix ċara, u l-irwoli tal-forzi tas-sigurtà nazzjonali u internazzjonali jħalli ħafna mistoqsijiet li għad iridu jingħataw risposta,

K.   billi l-ekonomija tat-Timor-Leste tinsab f'qagħda ħażina, minkejja d-dħul miż-żejt tal-pajjiż, b'40% tal-popolazzjoni li tgħix taħt il-livell tal-faqar u 60% tal-popolazzjoni ta' tmintax-il sena u iżgħar, qgħad kbir, li qiegħed madwar 80%, u rati ta' illiteriżmu għolja, qed toħloq kundizzjonijiet soċjali instabbli ħafna u qed iżżid il-potenzjal għal inkwiet ċivili,

L.   billi kemm l-UE u kif ukoll in-NU huma pubblikament impenjati li jappoġġjaw l-indipendenza, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fit-Timor-Leste, u dan jirrikjedi l-konsolidazzjoni ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Istat, governanza tajba, l-użu tajjeb tal-fondi statali biex tiġi indirizzata l-ġlieda kontra l-faqar u l-qgħad u biex jiġu promossi l-iżvilupp u l-ġustizzja soċjali, u jirrikjedi wkoll imġiba eżemplari min-naħa tal-ġirien tat-Timor-Leste,

M.   billi t-Timor-Leste huwa membru sħiħ tal-grupp ta' Stati ta' l-AKP u għalhekk l-Unjoni Ewropea għandha responsabilita' partikulari biex tikkontribwixxi għall-konsolidazzjoni tal-governanza demokratika tiegħu, billi tgħin lill-istituzzjonijiet tat-Timor-Leste fl-isforz ewlieni meħtieġ għall-bini ta" kapacitajiet;

N.   billi għandu jittieħed kont tad-drittijiet sovrani inaljenabbli tal-poplu tat-Timor-Leste, b'mod partikulari fuq ir-riżorsi naturali tagħhom,

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-attentat ta' qtil tal-President Ramos Horta u jawguralu fejqan sħiħ u ritorn rapidu għat-tmexxija tal-pajjiż;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakk simultanju kontra l-Prim Ministru Xanana Gusmão, li furtunatament ħelisha ħafif, u jispera li l-Gvern Timoriż, flimkien mal-President u l-Parlament tat-Timor-Leste, jirnexxielhom jegħlbu dan it-theddid serju għall-istabilità tat-Timor-Leste u jikkoperaw biex jiġi żgurat ir-rispett għal-liġi u l-ordni u t-tħaddim normali ta' istituzzjonijiet demokratiċi, skond il-Kostituzzjoni;

3.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha fit-Timor-Leste biex ma jwettqux vjolenza, jinvolvu ruħhom fi djalogu u jipparteċipaw fil-proċess demokratiku fi ħdan il-qafas legali u kostituzzjonali, biex b'hekk jikkontribwixxu sabiex terġa' titrawwem stabilità soċjali u politika;

4.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-messaġġ ta' impunità u disrispett għall-istat tad-dritt li seta' twassal, fi sforz biex tiġi promossa rikonċiljazzjoni nazzjonali, mill-attitudni ambigwa ta' l-awtoritajiet Timoriżi, il-UNMIT u l-forzi tas-sigurtà internazzjonali lejn dawk il-persuni msejħa jiffaċjaw il-ġustizzja;

5.  Jikkundanni lil kwalunkwe persuna fit-Timor-Leste li tipprova tieħu vantaġġ mis-sitwazzjoni fraġli ta' wara l-attakki tal-11 ta' Frar 2008 u jħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jirrispettaw u jikkoperaw bis-sħiħ mal-korpi politiċi li rriżultaw mill-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari ta' l-2007;

6.  Jitlob inkjesta bir-reqqa fi ħdan il-qafas legali u kostituzzjonali tar-Repubblika Demokratika tat-Timor-Leste, bil-koperazzjoni u l-appoġġ internazzjonali meħtieġa, bil-għan li jiġi ċċarat kull dettal ta' l-attentat apparenti ta' kolp ta' stat u n-nuqqas min-naħa tas-sistema tas-sigurtà tal-pajjiż, li dawk responsabbli għal dawn l-attakki jitressqu quddiem il-ġustizzja; jilqa' b'sodisfazzjon il-ftuħ ta' investigazzjoni konġunta dwar l-attakki min-Nazzjonijiet Uniti u mill-pulizija tat-Timor-Leste;

7.  Iħeġġeġ lill-forzi politiċi ewlenin fit-Timor-Leste, kemm dawk fil-poter u kif ukoll dawk fl-oppożizzjoni, biex jinvolvu ruħhom fi sforz li jinkludi l-partiti kollha biex jintlaħaq fehim nazzjonali b'urġenza dwar kwistjonijiet fundamentali dwar l-iffunzjonar ta' l-Istat, bħall-irwol tal-forzi armati, il-pulizija u t-tisħiħ tas-sistema ġudizzjarja; joffri l-appoġġ tiegħu għal sforzi ta' dan it-tip fost il-partiti parlamentari tat-Timor-Leste;

8.  Ifakkar li l-irwol tal-komunità internazzjonali, u b'mod partikulari tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Kunsill tas-Sigurtà tagħhom, huwa ta' importanza vitali għall-proċess ta' konsolidazzjoni ta' l-istat tat-Timor-Leste u ta' l-indipendenza u s-sovranità tiegħu, u kif ukoll għat-tisħiħ tad-demokrazija f'dan in-nazzjon żagħżugħ;

9.  Jenfasizza l-importanza ta' l-imġieba tal-pajjiżi ġirien tat-Timor-Leste fir-rispett u l-ivvantaġġjar ta' l-istabilità tas-soċjetà tat-Timor-Leste u l-konsolidazzjoni ta' l-istituzzjonijiet demokratiċi nazzjonali tagħha; jirrikonoxxi l-attitudni pożittiva ta' l-Indoneżja minn meta ġiet rikonoxxuta l-indipendenza tat-Timor-Leste u d-deċiżjonijiet ta' l-Awstralja u oħrajn li jgħinu;

10.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iħeġġu lill-awtoritajiet tat-Timor-Leste u l-UNMIT biex jipprojbixxu, jiżbandaw u jiddiżarmaw il-gruppi paramilitari, il-gruppi armati u ċ-ċivili armati kollha, u biex iqajmu t-tħassib ta' l-Ewropa dwar kapaċità ta' sigurtà u rispett għall-istat tad-dritt bin-Nazzjonijiet Uniti u l-Gvern ta' Timor-Lest fil-laqgħat uffiċċjali kollha, u fl-ogħla livell;

11.  Jistieden lill-istituzzjonijiet internazzjonali biex jipprovdu appoġġ usa' biex jintlaħaq il-bżonn tat-Timor-Leste għal riforma tas-settur ta' sigurtà fraġli u politiċizzat tagħha, kif inhu essenzjali għal Stat demokratiku u sikur li jiffunzjona kompletament, permezz ta' proċess wiesa' ta' konsultazzjoni u approċċ sistematiku u komprensiv, kif rakkomandat mir-Riżoluzzjoni 1704(2006) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u r-rapporti sussegwenti tan-NU; jistieden lill-Gvern tat-Timor-Leste biex jagħti prijorità għolja lil dak il-kompitu; jistiednu biex jieħu vantaġġ tal-kompetenza fl-Unità għall-Appoġġ tas-Settur tas-Sigurtà tan-NU biex iwettaq konsultazzjonijiet nazzjonali dwar riforma tas-settur tas-sigurtà; jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lil donaturi internazzjonali oħra biex jistabbilixxu mekkaniżmu biex titjieb il-koordinazzjoni ta' l-assistenza lis-settur tas-sigurtà; jistieden lill-UNMIT biex tagħti lill-Unità għall-Appoġġ tas-Settur tas-Sigurtà r-riżorsi u l-istaff biex jassistu l-proċess ta' konsultazzjoni u r-reviżjoni komprensiva;

12.  Jirrakkomanda li d-deċiżjonijiet u l-ordnijiet tat-tribunali jiġu rispettati immedjatament u infurzati kompletament mill-awtoritajiet tat-Timor-Leste, bl-appoġġ, kull meta jkun meħtieġ, tal-forzi internazzjonali fil-pajjiż;

13.  Jistieden lill-istituzzjonijiet ta' l-Istat tat-Timor-Leste u lill-UNMIT biex jiddefendu l-istat tad-dritt, jiġġieldu l-impunità ta' reati u jiżguraw konformità ma' l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem minn kulħadd fit-Timor-Leste, b'mod speċjali l-pulizija u l-forzi armati;

14.  Itenni r-rikonoxximent tiegħu tal-bżonn tat-Timor-Leste għal appoġġ politiku, tekniku u finanzjarju fil-bini ta' l-infrastruttura u l-istrutturi amministrattivi li huma essenzjali biex terġa' tibda l-implimentazzjoni tal-pjan ta' żvilupp tagħha, u fit-tisħiħ ta' l-ekonomija tat-Timor-Leste u l-promozzjoni ta' l-impjiegi; jitlob it-tkomplija ta' l-appoġġ mill-komunità internazzjonali biex jittaffa' l-faqar fit-Timor-Leste u tiġi provduta assistenza biex jerġgħu jinbnew l-istrutturi fiżiċi u amministrattiva meħtieġa għall-iżvilupp ekonomiku tat-Timor-Leste;

15.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-komunità internazzjonali, u b'mod partikulari lill-pajjiżi ġirien u ta' l-ASEAN, biex iżommu u jżidu l-appoġġ meħtieġ għall-konsolidazzjoni tad-demokrazija u ta' kultura demokratika fit-Timor-Leste, b'attenzjoni fuq kultura ta' diversi partiti, il-libertà tal-kelma u l-bini ta' l-istituzzjonijiet - speċifikament il-parlament, il-gvern, il-ġudikatura, l-aġenziji tas-sigurtà, tad-difiżi u ta' l-infurzar tal-liġi - u biex jassistu fl-estensjoni urġenti tal-kopertura medjatika għall-pajjiż sħiħ, u kif ukoll fit-tisħiħ tan-netwerks għall-edukazzjoni u s-saħħa u ta' l-infrastruttura tad-djar, tas-sanità u tal-provvista ta' l-ilma;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tħaffef u tikkonkludi l-installazzjoni ta' delegazzjoni li tiffunzjona kompletament f'Dili;

17.  Jirrakkomanda li tinbagħat delegazzjoni parlamentari ad hoc fit-Timor-Leste biex terġa' tevalwa l-qagħda politika, tesprimi solidarjetà mal-forzi u l-istituzzjonijiet demokratiċi u ġġedded l-offerta ta' assistenza mill-Parlament Ewropew għall-iffunzjonar demokratiku tal-Parlament tat-Timor-Leste;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tat-Timor-Leste, lir-Rappreżentant Għoli ta' l-UE għall-Politika Barranija u s-Sigurtà Komuni, lill-gvernijiet tal-pajjiżi ta' l-AKP, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-Gvernijiet ta' l-Awstralja u ta' l-Indoneżja, lis-Segretarju Ġenerali u s-Segretarjat ta' l-ASEAN, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għat-Timor-Leste u lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.

Avviż legali - Politika tal-privatezza