Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2204(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0074/2008

Testi mressqa :

A6-0074/2008

Dibattiti :

PV 09/04/2008 - 22
CRE 09/04/2008 - 22

Votazzjonijiet :

PV 10/04/2008 - 11.2
CRE 10/04/2008 - 11.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0122

Testi adottati
DOC 108k
Il-Ħamis, 10 t'April 2008 - Brussell Verżjoni finali
Analiżi ta' nofs il-perjodu tas-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali Komunitarju
P6_TA(2008)0122A6-0074/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' April 2008 dwar l-analiżi ta' nofs il-perjodu tas-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali Komunitarju (2007/2204(INI))

Il-Parlament Ewropew ,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta" Lulju 2002, li tistabbilixxi s-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali Komunitarju(1) ,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Novembru 2006 dwar Strateġija Tematika dwar il-Protezzjoni u l-Konservazzjoni ta' l-Ambjent Marittimu(2) ,

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari ta' l-14 ta' Novembru 2006 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni tal-Komunità fil-qasam tal-Politika ta" l-Ambjent Marittimu (Direttiva dwar l-Istrateġija Marittima)(3) ,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' April 2007 dwar l-Istrateġija Tematika għall-Użu Sostenibbli tar-Riżorsi Naturali(4) ,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Settembru 2006 dwar l-istrateġija tematika dwar l-ambjent urban(5) ,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2007 dwar l-istrateġija tematika dwar il-protezzjoni tal-ħamrija(6) ,

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Novembru 2007 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għal-protezzjoni tal-ħamrija u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE(7) ,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Settembru 2006 dwar l-istrateġija tematika dwar it-tniġġis ta" l-arja(8) ,

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tas-26 ta' Settembru 2006 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kwalità ta' l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa(9) ,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2007 dwar l-istrateġija tematika għar-riċiklaġġ ta' l-iskart(10) ,

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2007 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskart(11) ,

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb l-użu sostenibbli tal-pestiċidi(12) ,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-24 ta' Ottubru 2007 dwar l-Istrateġija Tematika dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi(13) ,

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jipproteġu l-pjanti(14) ,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Kumitat għall-Biedja u Iżvilupp Rurali (A6-0074/2008),

A.   billi l-Ewropa għadha m'hix qed timxi fid-direzzjoni lejn żvilupp ġenwinament sostenibbli,

B.   billi l-Kummissjoni tirrikonoxxi li sar biss progress limitat fir-rigward tal-kwistjonijiet fundamentali li għandhom x'jaqsmu ma' l-integrazzjoni tat-tħassib ambjentali f'oqsma ta' politika oħrajn u fit-titjib ta' l-infurzar tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE,

C.   billi l-Kummissjoni tirrimarka l-fatt li hemm bosta pressjonijiet ambjentali li fil-preżent qegħdin jikbru: l-emissjonijiet globali tal-gassijiet b'effett ta" serra qed jiżdiedu, it-telf tal-bijodiversità qed jiżdied, it-tniggis għad għandu effett kbir fuq is-saħħa pubblika, l-ammont ta' l-iskart prodott fi ħdan l-UE qed ikompli jiżdied, u l-impatt ekoloġiku tagħna qed jikber b'mod kostanti; billi dan iqajjem mistoqsijiet serji dwar l-effetti kontroproduttivi ambjentali tal-politiki ewlenin l-oħra ta' l-UE,

D.   billi m'huwiex probabbli li l-iżvilupp sostenibbli qatt xi darba se jinkiseb sakemm il-kwistjonijiet ambjentali ma jkunux integrati bis-sħiħ fl-oqsma politiċi ewlenin kollha;

E.   billi ambjent nadif u tajjeb għas-saħħa huwa essenzjali għall-benesseri tal-bniedem u għall-kundizzjonijiet soċjali tajbin.

F.   billi politiki ambjentali mfasslin tajjeb jistgħu wkoll jikkontribwixxu għal għanijiet oħra bħal ma huma ż-żieda fil-kompetittività, l-istimulazzjoni tat-tkabbir ekonomiku, it-titjib fil-ħolqien ta' l-impjiegi u l-innovazzjoni u t-tkattir tal-progress xjentifiku permezz ta' l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda u sikuri,

1.  Iqis li huwa ta' dispjaċir li l-analiżi ta' nofs il-perjodu tas-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali Komunitarju (is-Sitt EAP) ġie ttardjat bi kważi sena , u jikkundanna l-fatt li, kollox ma' kollox, l-Unjoni Ewropea għadha lura fl-implimentazzjoni tal-miżuri pjanati fil-Programm ta' Azzjoni, għall-kuntrarju ta' dak li tgħid il-Kummissjoni fl-analiżi tagħha ta' nofs il-perjodu; ifakkar li, għall-kuntrarju ta' dak ta' qablu, is-Sitt EAP ġie adottat permezz ta' kodeċiżjoni skond l-Artikolu 251 tat-Trattat KE; jistieden lill-UE biex tagħmel kull ma tista' biex tilħaq l-objettivi li sar qbil fuqhom fis-Sitt EAP, minħabba li n-nuqqas ta' dan jagħmel ħsara lill-kredibilità ta' l-UE, inter alia f'għajnejn il-membri tal-pubbliku li huma mħassbin dwar l-istat ta' l-ambjent;

2.  Jinnota li l-użu ta' l-istrateġiji tematiċi bħala għodda ġdida ta' proċedura żied l-importanza tal-proċessi pre-leġiżlattivi u ħoloq opportunitajiet addizzjonali għall-involviment tal-partijiet interessati u approċċ iżjed strateġiku lejn il-politika leġiżlattiva ta' l-UE; madankollu, jiddispjaċih li l-istrateġiji tematiċi tawlu wkoll it-tul tal-proċess tat-tfassil tal-politika ambjentali billi kien hemm dewmien fil-formulazzjoni ta' proposti ta' politika konkreti u l-adozzjoni tal-miżuri li jirriżultaw;

3.  Iqis, minħabba l-importanza tal-politika ambjentali għall-industrija u l-fatt li hi, b'mod ġenerali, implimentata mill-awtoritajiet lokali, li għandha tiġi kkunsidrata meta l-leġiżlazzjoni tkun qed tiġi abbozzata, u li l-opinjonijiet ta' l-industrija, tan-negozji ż-żgħar u ta' l-awtoritajiet lokali għandhom ikunu rrapreżentati fil-korpi konsultattivi rilevanti, u li jinstemgħu minn dawn l-istess korpi;

4.  Iqis li huwa essenzjali li tissaħħaħ il-pożizzjoni tas-Sitt EAP bħala d-dimensjoni ambjentali ta' l-istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli ta' l-UE;

5.  Jemmen li, fl-UE, il-kompetenzi għandhom ikunu allokati u definiti b'mod ċar, u jirrimarka li r-reviżjoni ta' nofs il-perjodu min-naħa tal-Kummissjoni turi konfużjoni u ambigwità interna fir-rigward tal-kompetenzi tal-Kummissjoni u ta' l-Istati Membri; jirrimarka li kemm il-limiti tal-kompetenzi rispettivi tagħhom u kif ukoll ir-responsabilitajiet speċifiċi tagħhom għandhom ikunu stabbiliti u stipulati b'mod ċar sabiex jiġi żgurat li dawk ir-responsabilitajiet ikomplu jitwettqu;

6.  Jirrimarka li l-istrateġiji tematiċi ma humiex utli jekk jaħbtu fl-istess żmien ma' dossiers leġiżlattivi mdaqqsa, dawn huma utli jew qabel ma jidher id-dokument leġiżlattiv rilevanti jew inkella waħedhom;

7.  Jenfasizza l-konnessjoni diretta bejn l-istat ta" l-ambjent tal-bniedem u s-saħħa tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni, bil-ħsieb ta" l-implimentazzjoni ta" l-approċċ "is-saħħa fil-politiki kollha", biex twettaq abbozz ta" studji li jindikaw ir-relazzjoni kawżali bejn il-bidla fil-kwalità ta' l-ambjent u l-bidla fl-istat tas-saħħa tal-persuni;

Strateġiji Tematiċi

8.  Iqis li l-UE aġixxiet b'mod konsistenti biex tilħaq l-objettivi tad-diplomazija tal-klima stipulati fis-Sitt EAP; ifakkar, madankollu, li f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-objettivi u l-azzjonijiet ta' prijorità biex titwaqqaf il-bidla fil-klima, l-UE ma rnexxilhiex twettaq l-impenji kollha tagħha; huwa mħasseb ħafna dwar iż-żieda fl-emissjonijiet mit-trasport u dwar il-pass kajman ta" l-effetti tal-miżuri li ntużaw bi sforz biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika; ifakkar lill-Kummissjoni biex tippubblika komunikazzjoni dwar objettivi ambjentali kwantifikati għal sistema ta' trasport sostenibbli; jistenna li l-Istati Membri jilħqu l-miri tagħhom fit-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta" serra għal pajjiżi individwali stipulati fil-Protokoll ta' Kyoto sa l-2012;

9.  Jiddeplora l-fatt li l-objettiv li jieqaf it-tnaqqis fil-bijodiversità sa l-2010 aktarx m'huwiex se jintlaħaq u l-fatt li l-istrateġiji proposti biex jitħarsu l-ambjent marittimu u l-ħamrija m'humiex se jwasslu għal riżultati ambjentali konkreti sa l-2012; jinnota li jeħtieġ li jsir sforz ikbar biex tiġi mgħejuna l-integrazzjoni tal-politika għall-bijodiversità f'oqsma ta' politika oħrajn; jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li jkun hemm finanzjament xieraq għal Natura 2000 u għal objettivi prijoritarji oħrajn li huma konnessi mill-qrib;

10.  Iqis li, fir-rigward tal-kimiki, ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006(15) tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni tas-Sustanzi Kimiċi (REACH) u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi jirrappreżentaw progress fit-tnaqqis tar-riskji għall-bnedmin u għall-ambjent, iżda jqis ukoll li dan għad irid jagħti prova li se jirnexxilu jagħmel dan b'mod effettiv u sinifikanti, u jiddispjaċih li r-regolament ma jaqbilx f'kull aspett ma" l-objettivi li sar qbil fuqhom fis-Sitt EAP; iqis li huwa ta' dispjaċir li kien hemm dewmien sostanzjali fl-istrateġija tematika dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi, u li l-miżuri li ttieħdu biex jittejbu l-kwalità ta' l-arja u l-ambjent urban u biex jitnaqqas l-istorbju m'humiex tajbin biżżejjed biex jilħqu l-objettivi tal-Programm ta' Azzjoni Ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Limiti ta' l-Emissjonijiet Nazzjonali(16) kemm jista' jkun malajr; jemmen li huwa neċessarju li jiġi żgurat l-infurzar sħiħ tad-Direttiva dwar l-Istorbju Ambjentali(17) ;

11.  Billi l-kwalità ta' l-arja ta" ġewwa għandha effett fuq is-saħħa, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw ix-xogħol ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa fuq il-kwalità ta' l-arja ta" ġewwa u jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri leġiżlattivi konkreti dwar il-kwalità ta' l-arja ta" ġewwa kemm jista' jkun malajr;

12.  Jinnota li m'hemm l-ebda lakunae notevoli fl-għanijiet speċifiċi għall-ħarsien ta' l-ilma stipulati fis-Sitt EAP; madankollu, jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva ta" Qafas għall-Ilma(18) u biex terġa' tevalwa l-integrazzjoni ta' l-impenji ta' l-UE dwar il-protezzjoni ta' l-ilma f'politiki oħrajn; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex malajr kemm jista" jkun tressaq proposta għal direttiva dwar it-tneħħija tal-fosfru fil-biedja u fid-deterġenti skond l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 648/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar id-deterġenti(19) ;

13.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' politika ġdida għall-ilma li tiffoka fuq l-iffrankar ta' l-ilma u fuq il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi ta' l-ilma;

14.  Iqis li huwa ta' dispjaċir li l-istrateġiji tematiċi dwar ir-riżorsi naturali u l-iskart ikkompromettew l-għanijiet tas-Sitt EAP; jiddispjaċih dwar il-fatt li ma tfassal ebda għan konkret fil-livell ta" l-UE biex it-tkabbir ekonomiku jinfired mill-użu tar-riżorsi billi ssir bidla lejn mudell sostenibbli ta' produzzjoni u konsum; jaqbel li jeħtieġ li tittieħed azzjoni ulterjuri dwar l-iskart bijoloġiku biex ikun hemm aktar żvijar mill-użu tal-landfills u biex jiġi żgurat li jiġu segwiti l-aqwa għażliet ta' trattament, bħal dawk imsejsa fuq l-għan li tittaffa l-bidla fil-klima; ikompli jinkuraġġixxi l-appoġġ għall-forom ta' ġestjoni ta' l-iskart li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u għall-miżuri li jiggravaw il-konsegwenzi tar-rimi ta' l-iskart fil-landfills, li jniġġes l-ambjent;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu l-azzjonijiet xierqa kollha sabiex jiżguraw li r-riżorsi naturali jintużaw b'mod razzjonali u effiċjenti u b'tali mod li ma jipperikolax il-bijodiversità;

L-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti

16.  Ifakkar li l-implimentazzjoni sħiħa u korretta tal-leġiżlazzjoni eżistenti hija prijorità ewlenija u jqis li l-leġiżlazzjoni li torbot tibqa' ċentrali fl-iffaċċjar ta' l-isfidi ambjentali; jitlob lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-attivitajiet tagħha bħala għassiesa tat-Trattat; għalhekk jistieden ukoll lill-awtoritajiet baġitarji ta' l-UE biex jipprovdu r-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa kollha lill-Kummissjoni biex tiżgura li ssir l-iżjed sorveljanza effiċjenti fuq l-implimentazzjoni u l-infurzar fl-Istati Membri kollha;

17.  Jenfasizza l-bżonn ta' implimentazzjoni effettiva u preċiża tal-leġiżlazzjoni ambjentali Komunitarja u jirrakkomanda li jiġu adottati miżuri ta' appoġġ speċjali għall-benefiċċju tar-reġjuni li qed jiffaċċjaw diffikultajiet biex jimplimentaw dak l-aspett ta' l-acquis communautaire; iħeġġeġ lill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri sabiex ifasslu strateġiji ta' traspożizzjoni sabiex jiddefinixxu b'mod ċar l-irwoli u r-responsabilitajiet ta' l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali bi traspożizzjoni korretta u bl-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali Komunitarja;

18.  Madankollu huwa mħasseb dwar id-diversi suġġerimenti tal-proponenti li r-regolamenti komuni jridu jitnaqqsu u jiddgħajfu, jew saħansitra li jiġu sostitwiti bi ftehimiet volontarji jew b'miżuri oħrajn li ma jorbtux; għalhekk itenni li regolamentazzjoni aħjar għandha tikkonċentra fuq regoli u standards trasparenti li ma jkunux ambizzjużi, u li jkunu bbażati fuq leġiżlazzjoni marbuta ma' objettivi maqbula, u fuq infurzar aħjar tagħhom;

19.  Ifaħħar il-proposti tal-Kummissjoni biex issaħħaħ l-infurzar tal-leġiżlazzjoni ambjentali fuq livell nazzjonali permezz ta' aċċess imtejjeb għall-ġustizzja u ta' użu armonizzat tal-liġi punittiva; jinnota li l-aspetti preventivi tal-liġi punittiva jikkontribwixxu għal infurzar u protezzjoni aħjar ta' l-ambjent;

20.  Barra minn hekk, jitlob li l-politiki ambjentali ta" l-UE jiġu mfassla u riveduti, sabiex jiffukaw iżjed fuq il-preskrizzjonijiet ta' l-għanijiet milli fuq id-deskrizzjonijiet tal-mezzi, sabiex l-Istati Membri u l-bdiewa jkunu jistgħu jsibu l-iżjed mezzi effettivi u effiċjenti biex jilħqu l-objettivi mixtieqa;

In-natura, il-bijodiversità u l-bidla fil-klima

21.  Iqis li l-Kummissjoni għandha tiżgura li jkun hemm implimentazzjoni sħiħa tad-Direttivi dwar l-Għasafar u dwar il-Habitat jirrakomanda li, b'qies xieraq għall-prinċipju ta' sussidjarjetà, jittieħdu miżuri ta' tassazzjoni li jippromwovu l-aħjar prattika u biex jiskuraġġixxi lin-nies milli jieħdu sehem f'attivitajiet li jiġġeneraw it-tniġġis;

22.  Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni, madankollu, dwar il-fatt li ż-żamma tal-prospett tal-konsegwenzi taħt il-liġi kriminali mhix suffiċjenti f'kull każ biex tipprevjeni imġiba illegali li tniġġes l-ambjent; għalhekk jenfasizza l-importanza tal-pieni sussegwenti skond il-liġi kriminali, b'mod partikulari għar-rimi illegali ta' skart perikoluż fit-territorju ta' pajjiżi oħrajn;

L-inċentivi ambjentali u r-riforma tas-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent

23.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-green paper dwar l-istrumenti bbażati fuq is-suq għal skopijiet ta' politika ambjentali u politiki relatati; jemmen li jeħtieġ isir użu usa' ta'strumenti bbażati fuq is-suq, li jqis l-impatt ambjentali tal-proċessi kollha tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni u x-xejriet fil-konsum;

24.  Huwa tal-fehma li l-Iskema ta' Negozju tad-Dħaħen (ETS) s'issa għadha ma wasslitx għal tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 minħabba l-allokazzjonijiet esaġerati fil-konċessjonijiet ta' l-emissjonijiet; jirrimarka li l-UE impenjat ruħha li sa l-2020 tnaqqas l-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra b'mill-inqas 20% mil-livelli ta' l-1990; jinsisti li l-ETS ta' l-UE għall-perjodu ta' wara l-2012 għandu jinkludi limitu strett biżżejjed, irkantar sħiħ u limitu kwantitattiv u kwalitattiv ta' l-użu tas-CERs u ta" l-ERUs;

25.  Madankollu, jinnota li l-irwol tat-tassazzjoni ekoloġika għadu modest u ma jurix li qed jikber; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu iżjed sforzi fir-riforma tat-taxxi ekoloġiċi, inkluż ċaqliq gradwali tal-piż tat-taxxa minn taxxi soċjalment negattivi (eż. fuq ix-xogħol) lejn taxxi soċjalment pożittivi (eż. fuq attivitajiet li jagħmlu ħsara lill-ambjent, bħall-użu tar-riżorsi jew it-tniġġis); jirrimarka li minkejja fil-qasam tat-tassazzjoni hemm ir-rekwiżit ta' l-unanimità, it-trattati joffru l-possibilità ta' kooperazzjoni msaħħa, u jiġbed l-attenzjoni dwar l-eżistenza tal-metodu tal-koordinazzjoni miftuħa;

26.  Jinnota l-ispinta li ngħatat lit-tneħħija tas-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent; madankollu, isibha inaċċettabbli li għall-futur qarib m'hu mistenni l-ebda pass konkret lejn ir-riforma ta' sussidji li huma ta' ħsara għall-ambjent; u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti konkreti sa l-aħħar ta' l-2008 biex telimina bil-mod il-mod is-sussidji kollha li jagħmlu ħsara lill-ambjent matul il-ħames snin li ġejjin;

L-integrazzjoni tal-politika ambjentali, il-koperazzjoni internazzjonali u l-inċentivi għall-innovazzjoni

27.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu integrazzjoni tal-politika ambjentali fit-tfassil tal-politika ta' l-UE li tkun iżjed b'saħħitha u koerenti; bil-għan li tiġi implimentata l-istrateġija 'is-saħħa fil-politiki kollha' li ġiet iddikjarata fl-Unjoni Ewropea, jitlob għall-integrazzjoni ta' l-aspetti tal-ħarsien ambjentali u tas-saħħa, u li jiġu involuti r-reġjunijiet u l-bliet wkoll f'dan; jiddispjaċih kemm għan-nuqqas ta' integrazzjoni ta" dawn l-aspetti fid-diversi oqfsa legali ambjentali u fit-tħejjijiet ta" leġiżlazzjoni ġdida u kif ukoll għan-nuqqas ta' l-integrazzjoni tagħhom f'leġiżlazzjoni li għandha objettivi ewlenin oħra barra l-ħarsien ambjentali;

28.  Iqis li sabiex jinkisbu riżultati konkreti fl-integrazzjoni ta' kunsiderazzjonijiet ambjentali f'setturi ekonomiċi oħrajn hemm bżonn jitfasslu miri settorjali u skedi li jkunu jorbtu; fl-istess waqt, jenfasizza r-responsabilità tal-parteċipanti ekonomiċi f'setturi individwali ta' l-industrija għall-kisba ta" riżultati fuq medda twila ta" żmien fil-politika dwar il-klima u l-enerġija;

29.  Jenfasizza r-rabta fundamentali li teżisti bejn politika ambjentali effiċjenti u kwalità tal-ħajja mtejba u, b'rabta ma' dan, jisħaq fuq l-importanza tad-dimensjoni reġjonali fl-implimentazzjoni tas-sitt EAP, speċjalment f'azzjonijiet li jikkonċernaw il-mitigazzjoni u l-adattament għall-bidla fil-klima; jisħaq fuq l-importanza ta' kampanji li jqajmu l-kuxjenza pubblika dwar l-objettivi tas-Sitt EAP u l-proċess ta' implimentazzjoni tiegħu;

30.  Jenfasizza l-bżonn li jitqies il-programm Natura 2000 fil-pjanijiet ta' żvilupp reġjonali sabiex jiġu rikonċiljati l-prinċipju tal-protezzjoni tal-bijodiversità Ewropea ma" l-iżvilupp u t-titjib tal-kwalità tal-ħajja; jemmen, fid-dawl ta" dan, li jeħtieġ li tinbeda kampanja kbira ta' informazzjoni, flimkien mal- promozzjoni tal-prattiki tajba, sabiex jiġi indikat il-mod ta" kif dawn l-għanijiet li jidhru kuntradittorji jistgħu jiġu konċiljati;

31.  Jenfasizza l-ħtieġa li n-netwerks tal-parteċipanti lokali u reġjonali jkunu koordinati aħjar sabiex jifirxu u jimplimentaw l-aħjar prattiki għar-reġjuni anqas żviluppati; jappoġġja l-promozzjoni ta' koperazzjoni ambjentali transkonfinali bejn l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea kif ukoll mar-reġjuni u l-pajjiżi li jmissu ma' l-Unjoni Ewropea, bħar-reġjuni tal-Baħar l-Iswed, tal-Baħar Baltiku, u tal-Mediterran, b'mod partikulari sabiex jiġi evitat li jkun hemm tniġġis transkonfinali;

32.  Huwa mħasseb bis-sejbiet ta' diversi studji ambjentali(20) (21) (22) (23) li l-linji gwidi tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjonijiet ta' l-impatt m'humiex rispettati mid-DGs tal-Kummissjoni, li l-evalwazzjoni u l-kwantifikazzjoni ta' l-impatti ekonomiċi ġew enfasizzati askapitu ta' l-impatti ambjentali, soċjali u internazzjonali, li l-ispejjeż tal-leġiżlazzjoni huma evalwati ħafna iżjed mill-benefiċċji, u li l-kunsiderazzjonijiet immedjati tfew lil kunsiderazzjonijiet għat-tul; iqis li evalwazzjoni ta' l-impatt żbilanċjata bħal din hija kontroproduttiva fir-rigward tal-politika ambjentali nnfisha u fir-rigward ta' l-integrazzjoni tagħha f'politiki ta' l-UE oħrajn; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni sabiex tikkoreġi dawn in-nuqqasijiet persistenti;

33.  Ifaħħar lill-Kummissjoni għall-impenn qawwi tagħha biex ittejjeb id-dimensjoni internazzjonali tal-politika ambjentali; jemmen li huwa neċessarju li tiġi żgurata l-integrazzjoni tal-politika ambjentali fl-azzjonijiet esterni kollha ta' l-UE u li tittejjeb it-tmexxija ambjentali internazzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu jippromwovu politiki u rekwiżiti ambjentali ambizzjużi, pereżempju billi jippromwovu t-trasferiment tat-teknoloġija u l-iskambju ta" l-aħjar prattiki mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

34.  Jenfasizza li 'd-diplomazija tal-klima' għandha tiġi promossa b'aktar intensità u konsistenza fir-relazzjonijiet ta' kummerċ ta' l-UE ma' stati li mhumiex marbuta bi ftehimiet multilaterali għall-ħarsien ta' l-ambjent, bħal ma huma l-Istati Uniti, iċ-Ċina u l-Indja, u li għal diversi raġunijiet mhumiex qed jimplimentaw il-Protokol ta' Kyoto; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-użu ta' teknoloġiji sostenibbli u effiċjenti permezz tal-mekkaniżmi kollha disponibbli;

35.  Jirrakkomanda li tiġi miżjuda klawsola ta' sostenibilità mal-GATT, li tistabbilixxi prinċipji ta' politika ambjentali, bħall-prinċipju ta' prekawzjoni u l-prinċipju ta' min iniġġeż iħallas, li magħhom jistgħu jitqabblu l-miżuri tal-kummerċ, sabiex jiġi żgurat li r-regoli tal-kummerċ ma jfixklux il-ħarsien ambjentali u li r-regolazzjoni ambjentali ma tintużax għal skopijiet ta' protezzjoniżmu;

36.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jużaw negozjati bilaterali u reġjonali ħalli jindirizzaw l-impenji kummerċjali li għandhom benefiċċji ambjentali diretti; jikkunsidra li l-UE, flimkien ma' l-Istati Membri, teħtieġ tintensifika d-djalogu ma' l-ekonomiji emerġenti sabiex tbiddel dan id-djalogu f'oqsma ta' tħassib komuni, bħall-bidla fil-klima, l-immaniġġjar ta' l-iskart u l-qtugħ illegali tas-siġar, f'implementazzjoni ta' programmi konġunti; jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi, f'kull ftehima ta' kummerċ, Forum ta' Żvilupp Sostenibbli, miftuħ għall-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, b'element qawwi dwar il-klima, u jitlob sabiex dan jiġi implimentat fin-negozjati attwali;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu sfruttar iżjed pragmatiku u orizzontali ta' l-innovazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda fil-politiki kollha ta' l-UE, sabiex dawk l-elementi jkollhom irwol ċentrali fit-tisħiħ tal-preservazzjoni ta' l-ambjent; jenfasizza l-ħtieġa li fuq il-livell ta' l-UE jiddaħħal bla dewmien approċċ tat-tip 'l-aħjar mudell', li huwa strument iżjed ambizzjuż li jtejjeb b'mod kontinwu t-tendenzi fil-produzzjoni u fil-konsum, biex jiġi żgurat li, fil-futur, il-prodotti kollha tas-suq ta' l-UE jitfasslu, jinħadmu u jintużaw skond kriterji ta' sostenibilità;

38.  Ifakkar li l-investiment f'teknoliġiji innovattivi u favur l-ambjent u fi tfassil favur l-ekoloġija, effikaċja ta' l-enerġija fl-użu finali u rendiment ta' l-enerġija tal-bini huwa fl-aħħar mill-aħħar ta' benefiċċju, minkejja l-possibilità ta' spejjeż kbar fuq perjodu qasir, u jenfasizza l-bżonn li r-reġjuni jħeġġu lill-kumpaniji sabiex jieħdu vantaġġ sħiħ minn dawn l-investimenti;

39.  Jinkuraġġixxi lill-UE u lill-Istati Membri biex jadottaw regoli ta' akkwist pubbliku li jkunu favur l-ambjent b'mod ġenwin sabiex jippromwovu innovazzjoni u tendenzi sostenibbli ta' konsum u produzzjoni;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jissieħbu f'akkwisti sostenibbli konġunti billi jipprovdu qafas ċar li jiffaċilita d-definizzjoni ta' objettivi li jistgħu jitkejlu u kriterji ta' kwalità;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tintensifika l-isforzi tagħha ħalli tilħaq il-mira ta' 20% għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli u l-mira ta' 10% għall-konsum tal-bijofjuwils, waqt li żżomm preżenti li l-uċuh tar-raba' li jintużaw għall-enerġija m'għandhomx jipperikolaw il-provvisti ta' l-ikel fl-Ewropa u fi bnadi oħra; jisħaq li l-mekkaniżmu ta' sostenibilità, li jinsab fi stadju ta' żvilupp, għandu japplika l-aktar kriterji stretti għall-bijofjuwils;

42.  Jinnota li l-agrikoltura fl-UE qiegħda titmexxa dejjem iżjed lejn il-produzzjoni ta' ikel sikur u ta' kwalità għolja, li għandu jipproteġi s-saħħa taċ-ċittadini ta' l-Unjoni;

43.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom sabiex jagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet il-ġodda ta' investiment ipprovduti mill-Fondi Strutturali u mill-Programmi l-Ġodda tal-Politika Ewropea għall-Viċinat u biex jiżguraw li l-Programmi Operazzjonali appoġġjati mill-Fondi Strutturali jikkontribwixxu għat-titjib fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Komunità u għall-għan dejjiemi ta' żvilupp sostenibbli mifrux ma' l-UE kollha b'konsistenza mal-prijoritajiet tematiċi l-oħra;

44.  Iqis li huwa essenzjali li tittejjeb l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sostituzzjoni, li jikkunsidra d-disponibilità, l-aċċessibilità, il-benefiċċji u l-ispejjeż tal-prodotti sostituti; jirrimarka li għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-proċessi tad-disinn, tal-produzzjoni u ta' l-użu, li jagħmluha possibbli li jintużaw prodotti li ma jirrappreżentawx riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, jew li jinvolvu riskju iżgħar;

Prinċipji ta' regolazzjoni mtejba fil-politiki ambjentali

45.  Jirrimarka li, jekk ir-regolamentazzjoni hija fil-fatt għan, għandha ssir reviżjoni tal-leġiżlazzjoni duplikata li toħloq piż burokratiku u ddgħajjef il-kompetittività;;

46.  Jikkunsidra li l-approċċ filosofiku applikat fil-proċess ta' reviżjoni huwa nieqes minn raġunar kritiku u ma fihx analizi tar-raġunijiet u l-bażijiet tad-dewmien; jemmen li jekk għandhom jittieħdu d-deċiżjonijiet tajbin fil-futur, dan jista' jsir biss permezz ta' analiżi u riflessjoni dwar il-kawżi ta' dan id-dewmien;

47.  Jinnota li jekk vera hemm xewqa li tittejjeb il-metodoloġija leġiżlattiva u li jiġu prodotti regoli prattiċi li jkunu jistgħu jiġu applikati faċilment mill-awtoritajiet, mill-intrapriżi u miċ-ċittadini responsabbli, huwa importanti ħafna li titwessa' l-interazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-Komunità u s-soċjetà ċivili sabiex jiġu indirizzati l-mistoqsijiet tagħhom, u biex jitqiesu d-deċiżjonijiet u l-opinjoni tar-reġjuni, tal-kunsilli lokali, ta' l-industriji affettwati u ta' l-assoċjazzjonijiet relatati; jenfasizza wkoll li għandhom jiġu kkunsidrati l-ispejjeż li hemm involuti tul perjodu qasir ta' żmien fil-bidla tat-tagħmir eżistenti;

Inwittu t-triq għal bidla fl-imġiba

48.  Jirrimarka li hemm bżonn ta' modi ġodda biex jitkejjel il-benessri fuq il-bażi ta' valuri realistiċi għas-servizzi ekoloġiċi; iqis li l-GDP, minħabba li ma jistax jirrifletti l-aspetti u l-ħtiġijiet kollha ta' soċjetà moderna, m'għadux għodda adegwata biex jitkejlu l-benessri u l-iżvilupp; jinkuraġġixxi lill-UE biex tiżviluppa iżjed u tagħmel użu politiku minn indikatur ġdid li jintegra l-impatt negattiv tal-progress ekonomiku fuq l-ambjent u fuq is-saħħa u li jikkontribwixxi għall-isforz biex it-tkabbir ekonomiku jinfired mill-pressjoni fuq l-ambjent; iqis li dan l-indikatur il-ġdid għandu jippromwovi l-iżvilupp ta' soċjetà integrata u għandu jagħti spinta għal integrazzjoni aħjar tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali f'politiki oħrajn;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tittratta l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem bħala kwistjoni ta' importanza primarja fost il-prijoritajiet tal-protezzjoni ambjentali;

50.  Iqis li l-Unjoni Ewropa għandu jkollha rwol prinċipali fl-iżvilupp ta' għażliet ta' politika li jwittu t-triq għal bidliet radikali fl-imġiba fit-tendenzi tal-konsum u l-produzzjoni;

51.  Jenfasizza l-importanza li l-konsumaturi jingħataw għajnuna biex ikunu iktar konxji fl-imġieba tagħhom li – lil hinn mill-qafas leġiżlattiv ta" l-Istat - jista' wkoll ikollha effett pożittiv fuq id-daqs u l-intensità ta' l-impenji ambjentali tal-protagonisti fis-suq;

52.  Iqis li l-għoti ta' informazzjoni xierqa liċ-ċittadini għandu jitqies bħala prijorità; jappoġġja bil-qawwa l-iżvilupp ta' sistema ta' tikkettar li tkun komprensiva u ċara minħabba li din tikkontribwixxi bil-kbir f'għajnuna lill-konsumaturi biex "jagħmlu l-għażla t-tajba";

53.  Jinsisti li għandha ssir evalwazzjoni ġenerali tar-riżultati tas-Sitt EAP qabel ma tiġi ffinalizzata l-proposta għas-Seba' EAP;

54.  Huwa tal-fehma li r-reviżjoni finali tas-Sitt EAP għandha titwettaq minn korp barrani li jkun indipendenti mill-Kummissjoni;

o
o   o

55.  Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.

(1) ĠU L 242, 10.9.2002, p 1.
(2) ĠU C 314 E, 21.12.2006, p. 131.
(3) ĠU C 314 E, 21.12.2006, p. 86.
(4) ĠU C 74E, 20.3.2008, p.660.
(5) ĠU C 306 E, 15.12.2006, p. 182.
(6) Testi Adottati , P6_TA(2007)0504.
(7) Testi Adottati, P6_TA(2007)0509.
(8) ĠU C 306 E, 15.12.2006, p. 176.
(9) ĠU C 306 E, 15.12.2006, p. 102.
(10) ĠU C 287 E, 29.11.2007, p. 168.
(11) ĠU C 287 E, 29.11.2007, p. 135.
(12) Testi Adottati , P6_TA(2007)0444.
(13) Testi Adottati , P6_TA(2007)0467.
(14) Testi Adottati , P6_TA(2007)0445.
(15) ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1354/2007 (ĠU L 304, 22.11.2007, p. 1).
(16) Id-Direttiva 2001/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2001 dwar il-livelli nazzjonali massimi ta' l-emissjonijiet ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi (ĠU L 309, 27.11.2001, p. 22).
(17) ĠU L 189, 18.7.2002, p. 12.
(18) ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2008/32/KE (ĠU L 81, 20.3.2008, p. 60).
(19) ĠU L 104, 8.4.2004, p. 1.
(20) Evalwazzjoni ta' l-Impatt tal-Politiki tal-Kummissjoni Ewropea. Suċċessi u Prospetti, Kunsilli Konsultattivi għall-Ambjent Ewropew u l-Iżvilupp Sostenibbli, April 2006.
(21) Niddeduċu l-Proporzjonijiet Sewwa - Sa fejn għandhom jaslu l-evalwazzjonijiet ta' l-impatt ta' l-UE?, Institut for Miljøvurdering, April 2006.
(22) Għall-Aħjar jew għall-Agħar? L-Aġenda 'Regolamentazzjoni Aħjar' ta' l-UE u l-Ambjent, Istitut għall-Politika Ambjentali Ewropea, Novembru 2005.
(23) Żvilupp sostenibbli fl-evalwazzjonijiet ta' l-impatt integrati tal-Kummissjoni Ewropea għall-2003, Istitut għall-Politika Ambjentali Ewropea, April 2004.

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Novembru 2008Avviż legali