Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2024(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0084/2008

Testi mressqa :

A6-0084/2008

Dibattiti :

PV 21/04/2008 - 14
CRE 21/04/2008 - 14

Votazzjonijiet :

PV 24/04/2008 - 7.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0175

Testi adottati
DOC 50k
Il-Ħamis, 24 t'April 2008 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-Baġit ta' l-2009, Taqsima III - Kummissjoni: Qafas baġitarju u prijoritajiet għall- 2009
P6_TA(2008)0175A6-0084/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-24 ta' April 2008 dwar il-qafas baġitarju u l-prijoritajiet għall- 2009 (2008/2024(BUD))

Il-Parlament Ewropew ,

–   wara li kkunsidra l-Ipprogrammar Finanzjarju aġġornat tal-Kummissjoni għall-2007-2013, kif ippreżentat fil-31 ta' Jannar 2008 skond il-Punt 46 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(1) ,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Istrateġija Annwali tagħha tal-Politika għall-2009 (COM(2008)0072) u, b'mod partikolari, il-Parti II tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali (IIA) msemmija aktar 'il fuq tas-17 ta' Mejju 2006,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 272 tat-Trattat KE u l-Artikolu 177 tat-Trattat Euratom,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 112(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A6-0084/2008),

A.   billi l-2008 hija s-sena tar-ratifika tat-Trattat ta' Liżbona, previst li jidħol fis-seħħ fl-2009, li jittrasferixxi oqsma importanti ta' politika mill-isfera intergovernattiva għall-qafas Komunitarju u jagħti kompetenzi ġodda lill-Unjoni Ewropea, li kollha kemm huma se jkollhom impatt importanti fuq il-baġit ta' l-UE,

B.   billi t-Trattat ta' Liżbona, ladarba jkun irratifikat, fl-aħħar se jpoġġi lill-Parlament Ewropew fuq bażi ndaqs mal-Kunsill fil-qasam leġiżlattiv u baġitarju; billi d-distinzjoni bejn l-infiq obbligatorju u mhux obbligatorju se tiġi abbandunata u l-proċedura baġitarja annwali kollha kemm hi se jkollha tgħaddi minn tibdil fundamentali konsegwenza tad-dispożizzjonijiet tat-trattat il-ġdid,

C.   billi l-2009 se ġġib magħha Parlament Ewropew ġdid u Kummissjoni Ewropea ġdida,

1.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni tat-trattat il-ġdid tkun teħtieġ li l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu fuq il-modifikazzjonijiet għall-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji rilevanti u dwar sett ġdid ta" regoli biex jiġi żgurat li l-proċedura baġitarja l-ġdida titħaddem sew filwaqt li jiġi rispettat b'mod sħiħ il-bilanċ interistituzzjonali l-ġdid bejn it-tliet istituzzjonijiet kif stabbilit fit-Trattat ta" Liżbona; huwa konvint dwar il-ħtieġa assoluta li jinbdew it-tħejjijiet malajr kemm jista' jkun b'mod parallel mal-proċedura baġitarja għall-2009 sabiex ikun lest għall-proċedura l-ġdida fir-rigward tal-baġit għall-2010;

2.  Jinnota li, fl-2008, it-tħejjijiet għar-reviżjoni sħiħa u estensiva li tkopri l-aspetti kollha ta" l-infiq ta" l-UE, inkluża l-Politika Agrikola Komuni, u tar-riżorsi, inkluż it-tnaqqis mogħti lir-Renju Unit u l-primjums tal-ġbir tad-dazju miġbura mill-Istati Membri f'isem l-UE, se jkollhom jiġu intensifikati biex jippermettu lill-Kummissjoni li tirrapporta sa l-2009; ifakkar fl-obbligu stipulat fl-IIA tas-17 ta" Mejju 2006 li l-Parlament Ewropew jiġi assoċjat mar-reviżjoni fl-istadji kollha u li l-pożizzjoni tiegħu tiġi meqjusa kif jistħoqq;

3.  Jenfasizza li l-prinċipju tas-solidarjetà jrid jibqa' wieħed mill-prinċipji gwida ta' l-UE u li s-solidarjetà mar-reġjuni hija meqjusa mill-aktar importanti, l-istess bħall-finanzjament indispensabbli tagħha li jesprimi din is-solidarjetà; itenni li se jsegwi mill-qrib il-progress li r-reġjuni qed jagħmlu fl-iżvilupp tagħhom; jirrimarka li l-ħlasijiet pendenti f'dan il-kuntest iqajmu tħassib serju għax jistgħu jikkawżaw problemi baġitarji fil-futur qarib;

4.  Jirrepeti l-konvinzjoni tiegħu li l-sfidi veri li l-UE u ċ-ċittadini tagħha se jiffaċċjaw fil-futur jeħtieġu approċċ flessibbli, u jenfasizza l-ħtieġa ta" trasparenza u koerenza bejn il-prijoritajiet leġiżlattivi u d-deċiżjonijiet baġitarji; għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti analiżi fid-dettal tal-bidliet proposti fil-programmazzjoni finanzjarja miġbura fit-tieni parti tad-dokument dwar l-Istrateġija Annwali tal-Politika, li turi l-linji tal-baġit involuti;

5.  Jieħu nota li l-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Istrateġija Annwali tal-Politika għall-2009, ippreżentat il-prijoritajiet politiċi tagħha li huma ffukati b'mod ċar fuq it-tkabbir u l-impjiegi, fuq il-bidla fil-klima u fuq Ewropa sostenibbli; jenfasizza li dawn il-prijoritajiet politiċi għandhom jiġu appoġġjati mill-prijoritajiet baġitarji ġodda sabiex l-UE jkun jista" jkollha rwol konkret; ifakkar u jiddispjaċih, madankollu, li l-marġni disponibbli taħt il-limiti massimi differenti ta" l-infiq tal-qafas finanzjarju plurijennali (MFF) jillimitaw il-possibilità li jkun hemm manuvrar biex jiġu ffinanzjati prijoritajiet ġodda bħal dawk proposti mill-Kummissjoni mingħajr ma jiġu pperikolati wħud mill-qodma; jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti informazzjoni eżawrjenti fuq dak li għandu x'jaqsam mad-diffikultajiet finanzjarji ta" hawn fuq;

6.  Iqis l-"Att dwar in-Negozji Żgħar" li qed jitħejja mill-Kummissjoni (ara COM (2007)0724) bħala strateġija importanti ħafna ta' appoġġ għall-Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju; jinnota li, sabiex l-SMEs jiġu appoġġjati bl-aktar mod xieraq, jinħtieġu qafas finanzjarju u atti leġiżlattivi;

7.  Huwa mħasseb serjament li, għall-2009, il-Kummissjoni diġà bdiet eżerċizzju ta' prijoritizzazzjoni mill-ġdid, speċjalment f'dawk l-intestaturi ta' l-MFF li għandhom marġni partikolarment żgħir; jirrealizza li, eventwalment, jista' jkun li ma jkunx jista' jiġi evitat li jkun hemm xi evalwazzjoni mill-ġdid ta' l-attivitajiet ta' l-UE fuq il-bażi ta' evalwazzjoni xierqa minħabba li, fi żminijiet meta r-riżorsi huma skarsi, jista' ma jibqax fattibbli li sempliċement jiżdiedu prijoritajiet ġodda mingħajr ma jingħataw aktar approprjazzjonijiet u mingħajr ma ssir evalwazzjoni minn qabel ta' dawk qodma; jenfasizza, madankollu, li kwalunkwe deċiżjonijiet dwar il-prijoritizzazzjoni mill-ġdid għandhom jittieħdu mill-Parlament u mill-Kunsill u ma jiġux esklużi minn qabel mill-Kummissjoni;

8.  Jenfasizza li l-Parlament se juża l-mezzi kollha previsti mill-IIA tas-17 ta" Mejju 2006 inkluż, fost l-oħrajn, l-użu tal-flessibilità leġiżlattiva tal-5% matul il-perjodu 2007-2013 ta' l-MFF sabiex jara li l-prijoritajiet politiċi tiegħu jitwettqu; jitlob lill-Kummissjoni, fit-tħejjija ta' l-abbozz preliminari tal-baġit (PDB) għall-2009, biex tipproduċi dikjarazzjonijiet ta' attività ċari, konsistenti u sodi għal kull qasam ta" politika sabiex il-kumitati kollha rilevanti tal-Parlament Ewropew ikunu jistgħu jiflu sew l-implimentazzjoni u l-progress mistenni tal-programmi u l-politiki differenti ta" l-UE;

9.  Jirrimarka dwar l-importanza tal-prinċipju ta' "bbaġitjar sod" u jfakkar li għadu objettiv li jinkisbu valur għall-flus u baġit għar-riżultati; jitlob lill-Kummissjoni biex tipprepara PDB li jagħti stampa realistika tal-ħtiġijiet baġitarji kollha għall-2009, speċjalment fl-Intestatura 4 ta" l-MFF, u biex tinforma lill-Awtorità Baġitarja dwar il-bżonnijiet finanzjarji għall-futur imbiegħed; jixtieq ifakkar li l-Istrument tal-Flessibilità huwa maħsub għall-iffinanzjar ta" sfidi politiċi mhux previsti u m'għandux jintuża b'mod ħażin matul il-proċedura baġitarja biex jiffinanzja politiki u attivitajiet ta" l-UE li diġà jistgħu jkunu previsti;

10.  Huwa determinat li juża l-ammonti sħaħ ipprovduti għall-proġetti pilota u għall-azzjonijiet preparatorji fl-Anness II, Parti D ta' l-IIA tas-17 ta' Mejju 2006, jekk in-numru u l-volum ta' tali proġetti u azzjonijiet proposti jkunu jeħtieġu hekk; iqis li l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji huma għodda indispensabbli għall-Parlament biex iħejji t-triq għal politiki u attivitajiet ġodda li huma fl-interess taċ-ċittadini Ewropej; jemmen li huwa essenzjali li jenfasizza l-appoġġ għal dawk il-proġetti diġa mibdijin b'suċċess; jenfasizza li jridu jkunu disponibbli marġni suffiċjenti biex jippermettu lill-Parlament li jagħmel użu sħiħ minn din l-għodda fil-qafas ta' l-IIA tas-17 ta' Mejju 2006; jimmira li jinforma lill-Kummissjoni dwar l-intenzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji qabel il-waqfa tal-Parlament għall-vaganzi tas-sajf;

11.  Iqis li huwa assolutament meħtieġ li jkun hemm preżentazzjoni ċara u trasparenti tal-baġit ta' l-Unjoni Ewropea anke fir-rigward tal-bżonn li jiġi kkomunikat liċ-ċittadini Ewropej kif jintnefqu l-flus ta' l-UE; huwa konxju li l-ibbaġitjar ibbażat fuq l-attivitajiet għandu l-għan li jqabbel ir-riżorsi finanzjarji u umani ma" l-objettivi politiċi skond l-oqsma politiċi ta" l-infiq tal-Kummissjoni; huwa mħasseb, madankollu, li sar dejjem aktar diffiċli li ssir distinzjoni bejn l-ispiża operattiva u amministrattiva tal-Kummissjoni, u li ammont li diġà huwa sostanzjali minn dik li hi, fil-verità, l-ispiża amministrattiva, huwa ffinanzjat minn allokazzjonijiet operattivi;

12.  Jinnota bi tħassib li anke fil-qasam tar-riżorsi umani, it-tendenzi tal-Kummissjoni li tagħti kuntratti esterni, flimkien ma' l-aħħar tibdiliet fir-Regolamenti ta' l-Istaff, wasslu għal sitwazzjoni fejn numru dejjem ikbar ta' staff impjegat mill-Unjoni Ewropea la jidher fil-listi ta' l-istaff ta' l-istituzzjonijiet kif adottati mill-awtorità baġitarja u lanqas m'hu mħallas mill-Intestatura 5 ta' l-MFF; jiddispjaċih ħafna dwar dan in-nuqqas ta' trasparenza; jitlob diskussjoni pubblika u komprensiva fost il-partijiet interessati kollha dwar il-futur tat-tmexxija Ewropea;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti ta' l-Awdituri.

(1) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1. Ftehima kif emendat bid-Deċiżjoni 2008/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 6, 10.1.2008, p. 7).

Aġġornata l-aħħar: 25 ta' Novembru 2008Avviż legali