Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2567(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

B6-0194/2008

Dibattiti :

PV 24/04/2008 - 12.2
CRE 24/04/2008 - 12.2

Votazzjonijiet :

PV 24/04/2008 - 13.2

Testi adottati :

P6_TA(2008)0185

Testi adottati
DOC 51k
Il-Ħamis, 24 t'April 2008 - Strasburg Verżjoni finali
Id-drittijiet tan-nisa fl-Iran
P6_TA(2008)0185B6-0179, 0182, 0184, 0194, 0200 u 0206/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-24 ta' April 2008 dwar id-drittijiet tan-nisa fl-Iran

Il-Parlament Ewropew ,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-25 ta" Frar 2008 dwar il-proposta leġiżlattiva dwar il-liġi kriminali fl-Iran,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran, partikolarment ir-riżoluzzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u b'mod partikulari dawk adottati fil-25 ta" Ottubru 2007(1) u fil-31 ta" Jannar 2008(2) ,

–   wara li kkunsidra r-rapport(3) mill-Kumitat tiegħu għall-Affarijiet Barranin dwar ir-Rapport Annwali ta" l-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika ta" l-UE dwar il-kwistjoni,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet ta" l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (UNGA), u b'mod partikulari r-Riżoluzzjoni 62/168 tat-18 ta" Diċembru 2007dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika ta" l-Iran u r-Riżoluzzjoni 62/149 tat-18 ta' Diċembru 2007 dwar il-moratorju għall-użu tal-piena tal-mewt,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li l-Iran huwa stat kontraenti tagħhom kollha,

–   wara li kkunsidra t-tieni laqgħa interparlamentari bejn il-Parlament Ewropew u l-Majlis (l-assemblea konsultattiva Iżlamika) tar-Repubblika Iżlamika ta' l-Iran li saret f'Tehran mis-7 sad-9 ta" Diċembru 2007, u r-rapport dwarha,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi mindu tnediet il-Kampanja Miljun Firma għall-ugwaljanza legali bejn l-irġiel u n-nisa fl-Iran fis-27 ta" Awissu 2006, aktar minn 700 attivist ġew arrestati jew inkella qed ikunu ppersegwitati, minħabba l-isforzi paċifiċi tagħhom ta' persważjoni għal bidla leġiżlattiva; billi l-website tal-Kampanja kienet imblukkata kemm-il darba mill-awtoritajiet Iranjani,

B.   billi l-attivisti għad-drittijiet tan-nisa fl-Iran qed jiffaċċjaw repressjoni dejjem akbar, filwaqt li fis-sentejn li għaddew aktar minn mija minnhom ġew arrestati, interrogati, jew ikkundannati, waqt li l-gvern Iranjan daħħal aktar minn EUR miljun mill-kawzjonijiet; billi l-gvern Iranjan għalaq il-gazzetti, rivisti u xandara li jippromwovu d-drittijiet tan-nisa, inkluż ir-rivista l-aktar prominenti favur id-drittijiet tan-nisa – Zanan – li kienet ilha teżisti aktar minn 17-il sena qabel ma ngħalqet fit-28 ta" Jannar 2008,

C.   billi membru prominenti tal-Kampanja, attivista għad-drittijiet tan-nisa u għall-ambjent Khadijeh Moghaddam, kienet arrestata fit-8 ta" April 2008 u nħelset biss reċentement wara li tħallset il-kawzjoni għolja ta" IRR biljun (madwar EUR 50 000),

D.   billi s-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran baqgħet sejra għall-agħar mill-2005, u billi l-eżekuzzjonijiet waħedhom kważi rduppjaw fl-2007, biex b'hekk l-Iran sar il-pajjiż bl-ogħla rata ta" eżekuzzjonijiet per capita wara l-Għarabja Sawdita, filwaqt li l-Iran u l-Għarabja Sawdita, flimkien mal-Yemen huma l-uniċi tliet pajjiżi fejn isiru eżekuzzjonijiet għal reati mwettqa minn persuni taħt 18-il sena,

E.   billi talanqas għaxar nisa – Iran, Khayrieh, Kobra N., Fatemeh, Ashraf Kalhori, Shamameh Ghorbani, Leyla Ghomi, Hajar u l-aħwa Zohreh u Azar Kabiriniat – għadhom fir-riskju li jitħaġġru sal-mewt, u hekk ukoll żewġ irġiel – Abdollah Farivar u ċittadin Afgan li ismu m'huwiex magħruf,

F.   billi Mokarrameh Ebrahimi kienet ikkundannata għall-mewt bit-tħaġġir flimkien ma" seħibha, missier uliedha, għas-sempliċi raġuni li kellha relazzjoni barra miż-żwieġ – imġieba li ma titqiesx bħala reat skond l-istandards legali internazzjonali; billi Mokarrameh Ebrahimi ingħatat maħfra mill-Mexxej Suprem Ayatollah Ali Khamenei wara 11-il sena ħabs u nħelset fis-17 ta" Marzu 2008, flimkien ma" binha ż-żgħir ta' 5 snin, iżda traġikament, dan ġara biss wara li seħibha Ja'Far Kiani tħaġġar sal-mewt f'Lulju 2007,

G.   billi bħala pass importanti mill-kap tal-Ġudikatura, Ayatollah Seyyed Mahmoud Hashemi Shahroudi, reċentement annulla s-sentenza ta" mewt ta" Shahla Jahed, "mara miżżewġa temporanjament", wara li nstabu "nuqqasijiet proċedurali" fl-investigazzjoni oriġinali, liema investigazzjoni kienet sabitha ħatja li qatlet il-mara permanenti ta" żewġha temporanju,

H.   billi fis-snin riċenti kien hemm titjib fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa, partikolarment: l-età minima ta" żwieġ għat-tfajliet żdiedet minn 9 snin għal 13-il sena, in-nisa divorzjati jistgħu jżommu l-kustodja ta' wliedhom sa ma jkollhom seba" snin (qabel kien permess li jsir dan biss sakemm uliedhom kellhom sentejn), u issa n-nisa jistgħu jkunu konsulenti ġudizzjarji, jistgħu jitolbu d-divorzju jew jirrifjutaw li jħallu lil żewġhom jiżżewweġ mara oħra,

I.   billi, madankollu, reċentement tressaq abbozz ta" liġi dwar il-"ħarsien tal-familja" reċentement fil-Majlis Iranjan bil-għan li jkunu leġittimizzati aktar il-poligamija, iż-żwieġ temporanju u d-dritt unilaterali u arbitrarju ta' l-irġiel għad-divorzju u għall-kustodja tat-tfal,

J.   billi l-Iran għad m'huwiex stat kontraenti għall-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta" Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,

1.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-ħelsien ta" Khadijeh Moghaddam u ta" Mokarrameh Ebrahimi, u jinnota l-irwol tal-Mexxej Suprem Iranjan u l-kap tal-Ġudikatura f'dawk il-każijiet; jitlob li tinħeles Shahla Jahed;

2.  Jikkundanna bil-qawwa r-repressjoni ta" movimenti tas-soċjetà ċivili fl-Iran, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa bħal dawk involuti fil-Kampanja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani biex itemmu l-fastidju, l-intimidazzjoni u l-persekuzzjoni ta" persuni li jeżerċitaw b'mod paċifiku d-dritt tiegħhom għal-libertà ta" l-espressjoni, ta" l-assoċjazzjoni u ta' l-assemblea, u biex jeħilsu minnufih u bla kundizzjonijiet lill-priġunieri kollha tal-kuxjenza; ifakkar fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta" Ottubru 2007 u tal-31 ta" Jannar 2008;

3.  Jirrikonoxxi l-irwol attiv u importanti tan-nisa fis-soċjetà Iranjana, minkejja inugwaljanzi legali kbar u persistenti, rwol li jista' jkun sors ta' ispirazzjoni u ta' tama għal nisa f'pajjiżi oħra tar-reġjun;

4.  Jistieden lill-Parlament Iranjan u lill-Gvern Iranjan biex ibiddlu l-leġiżlazzjoni diskriminatorja Iranjana li, inter alia, teskludi lin-nisa mill-karigi l-aktar għolja ta' l-Istat u mill-ħatra bħala mħallfin, iċċaħħadhom minn drittijiet ugwali ma' l-irġiel fiż-żwieġ, fid-divorzju, fil-kustodja tat-tfal u fil-wirt, u li tistipula li kull xhieda li jagħtu quddiem qorti tingħata nofs l-importanza li tingħata xhieda ta' raġel; iqis li f'ċerti ċirkustanzi din l-ugwaljanza tista" tikkontribwixxi għat-twettiq ta" reati vjolenti min-nisa;

5.  Itenni l-kundanna qawwija tiegħu tal-piena tal-mewt b'mod ġenerali, jitlob moratorju immedjat fuq l-eżekuzzjonijiet fl-Iran u huwa mwaħħax li l-Iran għad għandu l-ogħla għadd ta" eżekuzzjonijiet fid-dinja ta' tfal li jwettqu reat u li l-moratorju fuq it-tħaġġir għadu m'huwiex implimentat għal kollox;

6.  Jinnota d-direttivi maħruġa reċentement mill-kap tal-Ġudikatura Sharoudi dwar il-projbizzjoni ta' l-eżekuzzjonijiet pubbliċi mingħarj kunsens bil-quddiem u tad-detenzjonijiet għal perjodi twal mingħajr ma tinġieb akkuża;

7.  Jistieden lill-membri tal-Majlis li għadu kemm ġie elett biex jgħaddu r-riforma pendenti tal-kodiċi penali Iranjan kemm jista" jkun malajr, bil-għan speċifiku li jiġu aboliti t-tħaġġir u l-eżekuzzjonijiet ta" tfal li jwettqu reati, biex idaħħlu moratorju fuq il-piena tal-mewt, biex iġibu l-leġiżlazzjoni Iranjana konformi ma" l-obbligi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u biex jirratifikaw il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa;

8.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jimmoniterjaw sew is-sitwazzjoni tad-drittijiet tan-nisa fl-Iran, biex iqajmu każijiet konkreti ta" abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran ma" l-awtoritajiet u biex fl-aħħar sitt xhur ta' l-2008 jippreżentaw lill-Parlament rapport komprensiv dwar il-kwistjoni, inklużi proposti għal proġetti li jistgħu jkunu ffinanzjati fil-qafas ta" l-Istrument Finanzjarju ta' l-UE għall-Promozzjoni tad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem fid-dinja(4) ;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti ta" l-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU, lill-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kap tal-Ġudikatura ta" l-Iran u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Iżlamika ta" l-Iran.

(1) Testi adottati, P6_TA(2007)0488.
(2) Testi adottati, P6_TA(2008)0031.
(3) A6-0153/2008.
(4) ĠU L 386, 29.12.2006, p.1.

Aġġornata l-aħħar: 25 ta' Novembru 2008Avviż legali