Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Mejju 2008 dwar l-iżvilupp tal-qafas għall-attivitajiet ta' rappreżentanti ta' interessi fl-istituzzjonijiet Ewropej (2007/2115(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 9(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Green Paper bit-titolu 'Inizjattiva Ewropea għat-Trasparenza' mressqa mill-Kummissjoni (COM(2006)0194),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Segwitu tal-Green Paper 'Inizjattiva għat-Trasparenza Ewropea'" (COM(2007)0127),
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kummissjoni dwar il-Kodiċi ta' Kondotta għar-Rappreżentanti ta' Interessi mniedi fl-10 ta' Diċembru 2007,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tas-17 ta' Lulju 1996 dwar l-emendi tar-Regoli ta' Proċedura (rappreżentanza ta' interessi fil-Parlament)(1)
,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-13 ta' Mejju 1997 dwar l-emendi tar-Regoli ta' Proċedura (Il-Kodiċi ta' Kondotta li jirregola r-rappreżentanti ta' interessi)(2)
,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0105/2008),
A. billi r-rappreżentanza ta' interessi fil-Parlament Ewropew kibret sew hekk kif żdiedu wkoll il-kompetenzi tal-Parlament,
B. billi l-għan tar-rappreżentanza ta' interessi huwa li jinfluwenza mhux biss deċiżjonijiet politiċi u leġiżlattivi, iżda anki l-allokazzjoni ta' fondi tal-Komunità kif ukoll il-monitoraġġ u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni,
C. billi, wara r-ratifika mistennija tat-Trattat ta' Liżbona, is-setgħat tal-Parlament se jiżdiedu sabiex isir ko-leġiżlatur kważi fl-oqmsa kollha fil-proċedura leġiżlattiva ordinarja, u b'hekk jattira l-attenzjoni ta' aktar gruppi ta' rappreżentanti ta' interessi,
D. billi r- rappreżentanti ta' interessi jwettqu rwol essenzjali fid-djalogu miftuħ u pluralista u li fuqu tistrieħ is-sistema demokratika, kif ukoll huma sors importanti ta' informazzjoni għall-Membri tagħhom fit-twettiq tal-mandat mogħti lilhom,
E. billi l-gruppi ta' rappreżentanti ta' interessi ma jwettqux rappreżentanza ta' interessi biss mal-Membri tiegħu iżda jippruvaw jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-Parlament billi jagħmlu rappreżentanza ta' interessi wkoll ma' uffiċjali li jaħdmu fis-segretarjati tal-kumitati parlamentari, ma' l-istaff tal-gruppi politiċi u ma' l-assistenti tal-Membri,
F. billi hu stmat li hemm madwar 15,000 rappreżentant individwali ta' interessi u 2,500 organizzazzjoni ta' rappreżentanza ta' interessi fi Brussell,
G. billi l-Kummissjoni pproponiet li jkun introdott reġistru komuni għar-rappreżentanti ta' interessi ta' l-Istituzzjonijiet ta' l-UE bħala parti mill-Inizjattiva għat-Trasparenza Ewropea,
H. billi l-Parlament kellu r-reġistru tar- rappreżentanti ta' interessi(3)
tiegħu sa mill-1996, kif ukoll Kodiċi ta' Kondotta(4)
li jinkludi l-impenn għar- rappreżentanti ta' interessi irreġistrati li jaġixxu skond standards etiċi għolja,
I. billi bħalissa hemm bejn wieħed u ieħor 5,000 rappreżentant ta' interessi irregistrat fil-Parlament,
J. billi l-gruppi ta' rappreżentanti ta' interessi jinkludu organizzazzjonijiet lokali u nazzjonali li l-attivitajiet tagħhom huma responsabbli li jirregolawhom l-Istati Membri,
Titjib fit-trasparenza tal-Parlament
1. Jirrikonoxxi l-influwenza tal-gruppi ta' rappreżentanza ta' interessi fuq it-teħid tad-deċiżjonijiet ta' l-UE u għalhekk iqis li huwa essenzjali li l-Membri tal-Parlament ikunu jafu l-identità ta' l-organizzazzjonijiet rrappreżentati minn gruppi ta' interess; jenfasizza li t-trasparenza u l-aċċess ugwali għall-Istituzzjonijiet Ewropej kollha huma prerekwiżit assolut għal-leġittimità ta' l-Unjoni u għall-fiduċja fost iċ-ċittadini tagħha; jenfasizza li t-trasparenza hi triq b'żewġ direzzjonijiet li hi meħtieġa kemm fix-xogħol ta' l-istituzzjonijiet infushom kif ukoll fost ir- rappreżentanti ta' interessi; jenfasizza li l-aċċess ugwali għall-gruppi ta' interess għall-istituzzjonijiet ta' l-UE jżid l-għarfien disponibbli għat-tmexxija ta' l-Unjoni; jikkunsidra li hu essenzjali li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jkollhom aċċess għall-istituzzjonijiet Ewropej, l-ewwel u qabel kollox għall-Parlament;
2. Jikkunsidra li l-Membri tiegħu għandhom responsabilità min-naħa tagħhom biex jiżguraw li huma jirċievu tagħrif bilanċjat; jenfasizza li l-Membri tal-Parlament għandhom jiġu meqjusa kapaċi li jieħdu deċiżjonijiet politiċi b'mod indipendenti mir- rappreżentanti ta' interessi;
3. Jirrikonoxxi li rapporteur jista', hekk kif jidhirlu xieraq (fuq bażi volontarja) juża "marka leġiżlattiva", jiġifieri lista indikattiva (annessa mar-rapporti tal-Parlament) ta' rappreżentanti interessati reġistrati li kienu kkonsultati, u taw kontribut sinifikanti, matul it-tħejjija tar-rapport; iqis li lista bħal din ta' min tkun inkluża f'rapporti leġiżlattivi; jenfasizza, madankollu, li huwa daqstant importanti għall-Kummissjoni li tehmeż din "il-marka leġiżlattiva" ma' l-iniżjattivi leġiżlattivi tagħha;
4. Isostni li l-Parlament għandu jiddeċiedi b'mod indipendenti għal kollox x'kunsiderazzjoni jagħti lill-opinjonijiet li joħorġu mis-soċjetà ċivili;
5. Jinnota r-regoli attwali li bihom il-Membri tiegħu huma meħtieġa jiddikjaraw l-interessi finanzjarji tagħhom; jistieden il-Bureau tiegħu, fuq il-bażi ta' proposta mill-Kwesturi, biex ifassal pjan biex itejjeb aktar l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tar-regoli tal-Parlament li bihom Membru jrid jiddikjara kull appoġġ li hu jkun irċieva, kemm finanzjarju u kemm f'termini ta' staff jew ta' materjal(5)
;
6. Jinnota r-regoli attwali dwar l-Intergruppi li jeħtieġu żvelar ta' finanzjament; jitlob aktar ċarezza fir-rigward ta' l-Intergruppi, i.e. lista ta' l-Intergruppi kollha eżistenti, reġistrati u mhux, fuq il-websajt tal-Parlament, inkluża dikjarazzjoni sħiħa ta' appoġġ minn barra għall-attivitajiet ta' l-Intergruppi kif ukoll dikjarazzjoni tal-miri wiesgħa ta' l-intergruppi; jenfasizza, madankollu, li l-Intergruppi bl-ebda mod ma għandhom jitqiesu bħala entitajiet tal-Parlament;
7. Jitlob lill-Bureau, fuq il-bażi tal-proposta tal-Kwesturi, sabiex ifittex modi ta' kif jirristrinġi aċċess mhux awtorizzat fis-sulari fejn hemm l-uffiċċji ta" l-MEPs fil-bini tal-Parlament, u billi l-aċċess għall-kmamar tal-kumitati mill-pubbliku għandu jkun limitat biss f'każijiet eċċezzjonali;
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni
8. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal qafas aktar strutturat għall-attivitajiet tar-rappreżentanti interessati bħala parti mill-Inizjattiva għat-Trasparenza Ewropea;
9. Jaqbel mad-definizzjoni tal-Kummissjoni ta' rappreżentanza ta' interessi bħala "attivitajiet imwettqa bil-għan li jiġu influwenzati l-proċessi ta' formulazzjoni tal-politika u tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-istituzzjonijiet Ewropej"; iqis li din id-definizzjoni hi konformi ma' l-Artikolu 9(4) tar-Regoli ta' Proċedura;
10. Jenfasizza li l-partijiet involuti, inklużi r-rappreżentanti ta' interessi pubbliċi u privati, li mhumiex parti mill-istituzzjonijiet ta' l-UE li jaqgħu fi ħdan din id-definizzjoni u regolarment jinfluwenzaw l-istituzzjonijiet għandhom jitqiesu bħala rappreżentanti ta' interessi u għandhom jitqiesu bl-istess mod: rappreżentanti ta' interessi professjonisti, rappreżentanti ta' interessi interni tal-kumpaniji, NGOs, think-tanks, assoċjazzjonijiet tan-negozju, trejdjunjins u organizzazzjonijiet ta' min iħaddem, organizzazzjonijiet li ma jagħmlux profitt u organizzazzjonijiet li jagħmlu profitt kif ukoll avukati meta l-iskop tagħhom ikun li jinfluwenzaw il-politika aktar milli li jipprovdu assistenza u difiża fil-proċeduri legali jew jagħtu pariri legali; jenfasizza wkoll, madankollu, li reġjuni u muniċipalitajiet ta' l-Istati Membri, kif ukoll partiti politiċi fuq livell nazzjonali u Ewropew kif ukoll dawk il-korpi li għandhom status legali skond it-Trattati, ma jaqgħux fi ħdan l-ambitu ta' dawn ir-regoli meta joperaw f'konformità ma' l-irwol, u meta jwettqu l-ħidmiet ta' korpi bħal dawn, kif previst fit-Trattati;
11. Jilqa' b'sodisfazzjon fil-prinċipju l-proposta tal-Kummissjoni għal "one-stop shop" fejn ir- rappreżentanti ta' interessi jistgħu jirreġistraw kemm mal-Kummissjoni kif ukoll mal-Parlament u jitlob ftehima interistituzzjonali bejn il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Parlament dwar reġistru obbligatorju komuni, kif inhu diġà hu de facto fil-Parlament, li jkun applikabbli fl-istituzzjonijiet kollha u li jinkludi l-iżvelar finanzjarju kollu, il-mekkaniżmu komuni ta' tneħħija mir-reġistru u kodiċi komuni ta' mġiba etika; ifakkar, madankollu, id-differenzi essenzjali li hemm bejn il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Parlament bħala istituzzjonijiet; għalhekk iżomm id-dritt li jevalwa l-proposta tal-Kummissjoni meta din tkun iffinalizzata u, hemm biss, ikun jista' jiddeċiedi jekk jagħtihiex appoġġ jew le;
12. Ifakkar li l-għadd ta' rappreżentanti ta' interessi li għandhom aċċess għall-Parlament għandu jibqa' f'limiti raġonevoli; jissuġġerixxi, għalhekk, l-adozzjoni ta' sistema li fiha r- rappreżentanti ta' interessi iridu jirreġistraw darba biss ma' l-istituzzjonijiet kollha u kull istituzzjoni tista' tidedeċiedi jekk tagħtix aċċess għall-binjiet tagħha, b'hekk tippermetti li l-Parlament ikun jista' jkompli jillimita l-għadd ta' badges ipprovduti lil kull organizzazzjoni jew kumpanija għal erbgħa;
13. Jitlob rikonoxximent reċiproku bejn il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Parlament tar-reġistri separati fil-każ li ma jkunx hemm qbil fuq reġistru komuni; jissuġġerixxi li, fin-nuqqas ta' arranġamenti mill-istituzzjonijiet għal reġistru komuni, ir-reġistri individwali tagħhom li jkunu bbażati fuq l-internet għandhom jinkludu links għar-reġistri ta' l-istituzzjonijiet l-oħra sabiex ikun possibbli li jsir tqabbil tar-rappreżentanti ta' interessi; jistieden lis-Segretarju Ġenerali biex iċaqlaq il-lista tar-rappreżentanti ta' gruppi interessati akkreditati tal-Parlament għal post aktar aċċessibli fil-websajt tal-Parlament;
14. Jipproponi li grupp ta' ħidma konġunt ta' rappreżentanti tal-Kunsill, Kummissarji u Membri tal-Parlament Ewropew, maħtura mill-Konferenza tal-Presidenti, jitwaqqaf malajr, bil-għan li jqis, sa tmiem l-2008, l-implikazzjonijiet ta' reġistru komuni għar- rappreżentanti ta' interessi kollha li jixtiequ jkollhom aċċess għall-Kunsill, għall-Kummissjoni jew għall-Parlament u t-tħejjija ta' Kodiċi ta' Mġiba Komuni; jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jieħu l-passi meħtieġa;
15. Iħeġġeġ lill-Kunsill biex jgħaqqad reġistru komuni; huwa ta' l-opinjoni li għandhom jiġu eżaminati bir-reqqa l-attivitajiet tar-rappreżentanti ta' interessi vis-à-vis s-Segretarjat tal-Kunsill fil-kuntest ta' kwistjonijiet marbuta mal-kodeċiżjoni;
16. Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda reġistru volontarju u li tevalwa s-sistema wara sena, iżda huwa mħasseb li sistema li hija purament volontarja tippermetti li rappreżentanti ta' interessi anqas responsabbli jevitaw li jikkonformaw; jistieden lit-tliet istituzzjonijiet sabiex jirrevedu r-regoli li jirregolaw l-attivitajiet tar- rappreżentanti ta' interessi ta" l-anqas tliet snin wara li jiġi stabbilit reġistru komuni, sabiex jevalwaw jekk is-sistem mibdula hix qed tilħaq it-trasparenza meħtieġa dwar l-attivtajiet tar- rappreżentanti ta' interessi; huwa konxju mill-bażi legali għal reġistru obbligatorju pprovduta mit-Trattat ta' Liżbona u sadanittant huwa lest li jikkopera ma' l-istituzzjonijiet permezz ta' ftehima interistituzzjonali fuq il-bażi tar-reġistri eżistenti; iqis li reġistrazzjoni obbligatorja għandha tkun rekwiżit għar-rappreżentanti ta' interessi li jixtiequ li jkollhom aċċess regolari għall-istituzzjonijiet, kif diġà hu de facto fil-Parlament;
17. Jikkunsidra li, peress li l-prattika tar-rappreżentanza ta' interessi għadha qiegħda tevolvi maż-żmien, kull regola li tirregola din il-prattika għandha tkun flessibbli biżżejjed sabiex tadatta malajr għat-tibdil;
18. Jinnota l-abbozz tal-Kodiċi ta' Mġiba tal-Kummissjoni għar-rappreżentanti interessati; ifakkar lill-Kummissjoni li l-Parlament diġà kellu dan it-tip ta' kodiċi għal aktar minn 10 snin u jitlob lill-Kummissjoni biex tinnegozja mal-Parlament għall-ħolqien ta' regoli komuni; huwa ta' l-opinjoni li kull kodiċi għandu jkun fih element ta' monitoraġġ qawwi fir-rigward ta' l-imġiba tar-rappreżentanti ta' interessi; jenfasizza li għandhom japplikaw sanzjonijiet għal dawk ir-rappreżentanti ta' interessi li jiksru l-kodiċi ta' mġiba; jenfasizza li għandhom jitwarrbu biżżejjed riżorsi (staff u finanzjament) biex ikun possibbli li ssir verifika tat-tagħrif fir-reġistru; iqis li mir-reġistru tal-Kummissjoni s-sanzjonijiet jistgħu jinkludu s-sospensjoni mir-reġistru, u f'każijiet aktar serji anki t-tneħħija minnu; jemmen li ladarba jkun stabbilit reġistru komuni, nuqqas ta' konformità min-naħa tar- rappreżentanti ta' interessi għandha twassal għal sanzjonijiet fir-rigward ta' l-aċċess għall-istituzzjonijiet kollha li għalihom japplika r-reġistru;
19. Jenfasizza l-bżonn li r-reġistru jkun faċli biex jintuża u li jkun aċċessibbli faċilment fuq l-Internet: il-pubbliku għandu jkun f' qagħda li jfittex u jsib ir-reġistru faċilment, u għandu jinkludi mhux biss l-ismijiet ta' l-organizzazzjonijiet ta' rappreżentanza ta' interessi iżda anki l-isem tar- rappreżentanti individwali ta' interessi innifishom;
20. Jenfasizza li r-reġistru għandu jkun fih kategoriji separati li fihom ir-rappreżentanti ta' interessi għandhom ikunu rreġistrati skond it-tip ta' interess li jirrappreżentaw (p.e. assoċjazzjonijiet professjonali, rappreżentanti tal-kumpaniji, trejdjunjins, organizzazzjonijiet ta' min iħaddem, ditti ta' avukati, NGOs, eċċ.);
21. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li titlob li r-rekwiżit ta' l-iżvelar finanzjarju minn rappreżentanti ta' interessi, meta dawn jingħaqdu mar-reġistru, japplika għal dan li ġej:
–
il-fatturat ta' konsulenzi professjonali u uffiċċji legali attribwiti għar- rappreżentanza ta' interessi ma' l-Istituzzjonijiet ta' l-UE, kif ukoll il-kontribuzzjonijiet relattivi tal-klijenti importanti tagħhom;
–
stima ta' spejjeż assoċjati ma' rappreżentanza diretta ta' interessi ma' l-istituzzjonijiet ta' l-UE li jsiru minn rappreżentanti ta' interessi interni u assoċjazzjonijiet tan-negozju;
–
il-baġit ġenerali u l-analiżi tas-sorsi ewlenin tal-finanzjament ta' l-NGOs u t-'think-tanks';
22. Jenfasizza li r-rekwiżit ta' l-għoti ta' informazzjoni finanzjarja għandu japplika bl-istess mod għal kull rappreżentant ta' interessi irreġistrat;
23. Jitlob lill-grupp ta' ħidma konġunt fuq imsemmi biex jipproponi kriterji speċifiċi li jinvolvi l-ħtieġa għal żvelar finanzjarju, per eżempju l-indikazzjoni ta' l-ispiża tar- rappreżentanza ta' interessi f' parametri sinifikattivi (ċifri eżatti mhux meħtieġa);
24. Jistieden lill-kumitat responsabbli biex iħejji kwalunkwe emenda meħtieġa għar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament;
o o o
25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.