Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Mejju 2008 dwar it-tensjoni tikber fil-Burundi
Il-Parlament Ewropew
,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Burundi,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta" Dar-es-Salamm dwar waqfien mill-ġlied komprensiv bejn il-gvern tal-Burundi u l-Forzi Nazzjonali għall-Liberazzjoni (FNL), iffirmat fis-7 ta' Settembru 2006,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta" Azzjoni adottat f'Cape Town fit-22 sat-23 ta" Frar 2008 (il-Pjan t' Azzjoni),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Presidenza f'isem l-Unjoni Ewropea dwar l-attakki reċenti fil-Burundi, maħruġa fit-23 ta" April 2008,
– wara li kkunsidra l-istqarrija tal-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-qagħda fil-Burundi, maħruġa fl-24 ta" April 2008,
– wara li kkunsidra r-rapporti ta" tas-Segretarju Generali dwar l-Uffiċċju Integrat tan-NU fil-Burundi (BINUB),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Human Rights Watch ta" l-2008 bit-titolu "Isawtuni kull filgħodu: Abbużi mill-pulizija fil-Burundi"
ta' April 2008,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,
A. billi mis-17 ta" April 2008 reġa" faqqa l-ġlied bejn it-truppi tal-gvern tal-Burundi u l- FNLfil-Burundi, u dan ġiegħel lil eluf ta' persuni ċivili jaħarbu minn djarhom u wassal għall-mewt ta' 50 ġellied ribelli,
B. billi wara 14-il sena ta" gwerra ċivili, il-Burundi għadu jrid jistabbilixxi paċi dejjiema filwaqt li l-kunflitt ħoloq qagħda umanitarja u soċjo-ekonomika kritika li hija ta" periklu għall-istabilità tar-reġjun,
C. billi f'dawn l-aħħar sentejn fallew l-isforzi internazzjonali għat-twaqqif ta" ftehim ta" paċi bejn il-gvern tal-Burundi u l-FNL, fosthom l-Inizjattiva rRġjonali għall-Paċi fil-Burundi,
D. billi n-negozjati bejn il-gvern tal-Burundi u l-FNL fallew f'Lulju 2007 meta l-FNL telaq mill-Mekkaniżmu Konġunt għall-Verifika u għall-Monitoraġġ (JVMM), li nħoloq biex jissorvelja l-implimentazzjoni tal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied komprensiv iffirmat f'Settembru 2006,
E. billi ħafna jikkunsidraw r-ribelljoni kontinwa tal-FNL bħala l-aħħar ostaklu għall-istabilità dejjiema fil-Burundi, u jeħtieġ li tinstab soluzzjoni politika sabiex jiġi żgurat id-diżarm ta' l-FNL,
F. billi fil-bidu ta" Mejju 2008, il-ministri ta" l-affarijiet barranin tat-Tanzanija u ta" l-Uganda, li ltaqgħu taħt il-patroċinju ta" l-Inizjattiva Reġjonali għall-Paċi dwar il-Burundi, ħeġġew lill-FNL u mexxejja ribelli ewlenin oħra biex iħallu t-Tanzanija, fejn għandhom il-bażi tagħhom, u jmorru l-Burundi biex jieħdu sehem f'taħditiet għall-paċi,
G. billi f'Awissu 2007 bdew l-attakki kontra d-djar ta" persunaġġi politiċi li ma kenux jappoġġjaw il-President tal-Burundi, Pierre Nkurunziza, jew li kienu jappoġġjawh qabel,
H. billi 46 Membru tal-Parlament tal-Burundi, minħabba l-biża" dwar is-sikurezza fiżika tagħhom, kitbu lis-Segretarju-Ġenerali tan-NU biex jitolbu l-ħarsien tan-Nazzjonijiet Uniti,
I. billi l-Parlament Ewropew għażel il-Burundi bħala pajjiżi pilota għall-implimentazzjoni ta" Pjan ta' Azzjoni prijoritarju mmirat lejn iż-żieda tal-ħeffa u ta" l-effiċjenza ta" l-għajnuna għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li qegħdin fi stat prekarju,
J. billi jingħad li bħalissa hemm aktar minn 700 familja (madwar 3,500 persuna) li qed jieħdu ħsiebhom l-awtoritajiet, u li qed jistennew provvisti ta" l-ikel u ta" l-emerġenza,
K. billi l-aħħar każijiet ta" ġlied jiffurmaw parti minn sensiela ta" kunflitti li ħallew għadd dejjem akbar ta" familji spustjati (35,000 persuna), u b'hekk l-għadd totali ta" persuni spustjati internament (IDPs) tela" għal 100,000; billi t-Tanzanija trid treġġa" r-rifuġjati tagħha mill-Burundi lura lejn il-Burundi, filwaqt li l-Burundi għadu qed jieħu eluf ta" rifuġjati mill-Irwanda u mill-Kongo,
L. billi huwa allegat li l-forzi tas-sigurtà tal-Burundi żammew illegalment madwar 200 persuna akkużati li jappoġġjaw ir-ribelli tal-FNL,
M. billi fit-2 ta" Mejju 2008 il-gvern tal-Burundi irrapporta li erba" ġellieda ribelli u suldat" Burundjan kienu mietu f'dak li ġie deskritt bħala imbuskata tal-FNL,
N. billi l-klima ta" impunità fil-Burundi ħolqot sitwazzjoni fejn it-tortura mill-pulizija u mill-forzi tas-sigurtà hija komuni, bħal ma hija d-detenzjoni illegali,
O. billi l-forza nazzjonali tal-pulizija tal-Burundi, imwaqqfa taħt gvern tranżizzjonali fl-2004, mhijiex imħarrġa tajjeb u hija magħmula minn persuni li qabel kienu ribelli kif ukoll suldati u uffiċjali tal-pulizija,
P. billi l-UNICEF għenet biex jiġu dimobilizzati aktar minn 3000 tifel u tifla li kienu suldati fil-Burundi bejn l-2004 u l-2006; billi reċentament xi tfal ħarbu minn ċentru ta" dimobilizzazzjoni u għamlu rewwixta vjolenti, u aktar minn 500 tifel u tifla għadhom f'idejn il-FNL,
Q. billi l-Burundi kien it-tielet pajjiż, wara l-Uganda u l-Etjopja, li ta kontribut għall-missjoni taż-żamma tal-paċi fis-Somalja, ibbażata f'Mogadishu u bl-isem ta' AMISOM, billi bagħat 800 suldat minkejja l-qagħda ta' sigurtà prekjarja tal-Burundi,
1. Jesprimi tħassib serju dwar il-konfrontazzjonijiet militari reċenti fil-Burundi bejn il-Forzi Nazzjonali tad-Difiża u l-FNL, li wasslu għat-telf ta" ħajjiet innoċenti;
2. Jitlob lill-partijiet kollha biex jirrispettaw il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied komprensiv, u biex jerġgħu jibdew in-negozjati u jimxu bil-ħeffa lejn l-implimentazzjoni tal-JVMM li twaqqaf wara l-waqfien mill-ġlied;
3. Iħeġġeġ lill-FNL, b'mod partikulari, u lill-mexxej tiegħu Agathon Rwasa, biex jimpenja ruħu b'mod kostruttiv favur il-proċess tal-paċi;
4. Jitlob lill-istati ġirien tal-Burundi biex jiżguraw li ma jservux bħala bażijiet għall-moviment ribelli, u jilqa" d-deċiżjoni tat-Tanzanija biex ma tibqax isservi bħala post ta' kenn għall-mexxeja tal-FNL;
5. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tfassal miżuri biex tiffaċilita l-integrazzjoni mill-ġdid ta" l-ex ribelli ta' l-FNL fis-soċjetà, ladarba tiġi ffirmata ftehim;
6. Jitlob lill-Kummissjoni biex iżżid l-għajnuna umanitarja tagħha, fosthom għar-rifuġjati u għall-persuni spustjati internament, u biex din l-għajnuna titnaqqas biss jekk u meta tiġi sostitwita b'azzjonijiet tanġibbli ta" żvilupp, sabiex tiżgura tranżizzjoni mingħajr problemi bejn l-operazzjonijiet umanitarji u l-politiki ta" l-iżvilupp;
7. Jitlob lid-donaturi biex jirrispettaw l-impenji tagħhom u jiżguraw koordinazzjoni aktar mill-qrib mill-fażi tal-bidu (upstream), sabiex iżidu l-effettività ta' l-għajnuna;
8. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipproponi żieda mgħaġġla u sinifikanti fir-riżorsi finanzjarji li l-Unjoni Ewropea tagħti lill-Burundi, b'mod partikulari fl-okkażjoni tar-reviżjoni intermedjarja ta" l-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp;
9. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex, fid-dawl tal-fraġilità tal-Burundi u fi ħdan il-qafas tal-Pjan ta" Azzjoni li huwa tant meħtieġ, tagħti appoġġ prijoritarju lil:
—
programmi għall-governanza aħjar u għall-immaniġġjar demokratiku statali;
—
politiki tas-saħħa, permezz tat-twaqqif ta" ċentri tas-saħħa u t-tiġdid essenzjali tan-network ta" l-isptarijiet;
—
id-deċiżjoni tal-Gvern tal-Burundi li jipprovdi edukazzjoni primarja bla ħlas;
10. Jinsisti, fid-dawl ta" l-urġenza tas-sitwazzjoni, li l-enfasi għandha titpoġġa fuq azzjonijiet tanġibbli li l-poplu tal-Burundi jkun jista" jara;
11. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-preżenza tagħhom fuq il-post fil-Burundi;
12. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi azzjonijiet mill-NGOs u mill-awtoritajiet lokali fl-UE bil-għan li jgħinu lill-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili fil-Burundi;
13. Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-Faċilitazzjoni ta" l-Afrika ta" Isfel u għall-inizjattivi reġjonali, u jibqa" deċiż, bħala parti mid-direttorat politku, li jkollu rwol attiv fit-tneħħija ta" l-ostakoli għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta" Azzjoni u li jgħin fl-isforzi kollha biex mill-ġdid jiġu attivati n-negozjati u tiġi kkonsolidata l-paċi fil-Burundi; jappoġġja wkoll l-isforzi ta' medjazzjoni tal-Kummissjoni tan-NU għall-Konsolidazzjoni tal-Paċi;
14. Jinnota l-istabilità akbar li feġġet fil-Burundi mid-dħul fis-seħħ ta" kostituzzjoni ġdida segwita mill-elezzjonijiet ġenerali, iżda jitlob li titwaqqaf kummissjoni għall-paċi u għar-rikonċiljazzjoni bħala miżura għall-bini tal-kunfidenza li tgħin biex terġa" trawwem spirtu ta' kunfidenza u ta" stabilità fost il-partijiet interessati varji, u jitlob lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri biex finanzjarjament u loġistikament jappoġġjaw inizjattiva ta" dan it-tip;
15. Jitlob lill-gvern tal-Burundi biex jieħu azzjoni immedjata sabiex jiżgura li jiġi rrispettat l-istat tad-dritt, li tintemm il-klima ta' impunità, li jkun hemm garanzija li dawk li wettqu l-abbużi jittellgħu quddiem il-qorti u jittejjeb it-taħriġ tal-korp tal-pulizija;
16. Jilqa" l-ħelsien reċenti ta" 232 tifel u tifla, wara tmien xhur ta" negozjati ma" grupp dissidenti tal-FNL minn, inter alia, l-gvern tal-Burundi, mis-soċjetà ċivili u mill-aġenziji tan-NU;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ko-Presidenti ta' l-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lill-Unjoni Afrikana u lill-gvernijiet u parlamenti tar-reġjun tal- Lagi l-Kbar u ta" l-Afrika ta" Isfel.