Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2582(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0297/2008

Testi mressqa :

B6-0297/2008

Dibattiti :

PV 16/06/2008 - 22
CRE 16/06/2008 - 22

Votazzjonijiet :

PV 19/06/2008 - 5.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0305

Testi adottati
DOC 67k
Il-Ħamis, 19 ta' Ġunju 2008 - Strasburg Verżjoni finali
L-erbgħin anniversarju ta" l-Unjoni Doganali
P6_TA(2008)0305B6-0297/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar l-erbgħin anniversarju ta" l-Unjoni Doganali

Il-Parlament Ewropew ,

–   wara li kkunsidra l-adozzjoni reċenti tar-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat)(1) ,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 70/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ(2) ,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 624/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2007 li tistabbilixxi programm ta' azzjoni għad-dwana fil-Komunità (Dwana 2013)(3) ,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija għall-evoluzzjoni ta' l-Unjoni Doganali" (COM(2008)0169),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tal-politika kummerċali permezz ta' regoli u proċeduri effiċjenti ta' importazzjoni u esportazzjoni(4) ,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat ta' Inkjesta tiegħu dwar is-Sistema ta" Tranżitu Komunitarju (Jannar 1996 - Marzu 1997),

   wara li kkunsidra l-Ftehima bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti ta" l-Amerka dwar il-koperazzjoni doganali u l-għajnuna reċiproka fi kwistjonijiet marbuta mad-dwana(5) , iffirmata fit-28 ta' Mejju 1997,

–   wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adeżjoni tal-Komunitajiet Ewropej ma' l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana u l-eżerċizzju tad-drittijiet u l-obbligi li jixbhu s-sħubija ad interim (COM(2007)0252),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta" l-14 ta" Mejju 2008 dwar l-istrateġija għall-evoluzzjoni ta' l-Unjoni Doganali,

–   wara li kkunsidra r-rapport dwar l-attivitajiet doganali Komunitarji dwar l-iffalsifikar u l-piraterija, ippubblikat mill-Kummissjoni fid-19 ta" Mejju 2008,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

A.   billi mill-1968 l-Unjoni Doganali kellha rwol kruċjali fil-preservazzjoni u l-iżvilupp tas-Suq Wieħed, u ħolqot prosperità billi ffaċilitat il-kummerċ leġittimu u kompetittiv ma" l-Unjoni u fi ħdan l-Unjoni filwaqt li ħarset liċ-ċittadini tagħha,

B.   billi l-eżistenza ta" unjoni doganali tfisser in-nuqqas ta" dazji fil-fruntieri interni bejn l-Istati Membri, dazji komuni fuq importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, regoli komuni ta" l-oriġini għal prodotti minn pajjiżi terzi u definizzjoni komuni tal-valur ta" merkanzija fid-dwana,

C.   billi l-għan ta" l-iżvilupp tal-liġi Komunitarja kien li jkun iggarantit li l-istess regoli japplikaw għall-prodotti kollha importati fl-UE,

D.   billi l-awtoritajiet doganali ta" l-UE għandhom rwol doppju, partikolarment li jiġbru t-taxxi u d-dazji fuq l-importazzjonijiet u li jissalvagwardjaw is-saħħa u s-sikurezza taċ-ċittadini fil-fruntieri esterni ta" l-UE,

E.   billi l-ewwel Kumitat ta" Inkjesta tiegħu kkonċentra fuq kwistjonijiet doganali u fil-punt 17.3.1 tar-rapport imsemmi hawn fuq ikkonkluda li "sabiex l-operaturi ekonomiċi u l-biċċa l-kbir tal-pubbliku jingħataw il-fiduċja meħtieġa li l-ambjent kummerċjali tas-Suq Wieħed huwa protett b'mod xieraq, il-ħolqien ta" qafas wieħed ta" l-UE għas-servizzi doganali jrid ikun objettiv għall-futur imbiegħed ta" l-UE",

F.   billi l-globalizzazzjoni wasslet għal żieda enormi fil-kummerċ internazzjonali u għall-iżvilupp ta" tendenzi ġodda ta" produzzjoni u tal-konsumaturi, iżda daħħlet ukoll theddid ġdid bħat-terroriżmu dinji, il-bidla fil-klima u l-kummerċ illeċitu,

G.   billi t-tnaqqis tal-konformità u ta" l-ispejjeż amministrattivi saret kwistjoni ewlenija għall-amministrazzjoni effiċjenti u effettiva fl-UE,

L-evoluzzjoni ta" l-Unjoni Doganali

1.  Iqis li 40 sena ta" l-Unjoni Doganali rrappreżentaw kisba pożittiva sostanzjali u pprovdew benefiċċji għan-negozji u għaċ-ċittadini ta" l-UE;

2.  Jafferma li l-awtoritajiet doganali, li huma responsabbli l-aktar għas-sorveljanza tal-kummerċ internazzjonali ta" l-UE, jikkontribwixxu għal garanzija ta' kummerċ miftuħ u ġust, filwaqt li jiġu implimentati d-dimensjoni esterna tas-suq intern, il-politika kummerċjali komuni u politiki komuni oħra ta" l-UE, kif ukoll biex tkun żgurata s-sigurtà tal-katina kollha tal-forniment;

3.  Jirrikonoxxi li l-għan tal-miżuri li ttieħdu mill-awtoritajiet doganali huwa li jitħarsu l-interessi finanzjarji ta" l-UE u ta" l-Istati Membri tagħha, u li l-UE titħares kontra l-prattiki kummerċjali inġusti u illegali;

4.  Jirrikonoxxi wkoll li l-għan tal-miżuri huwa li jkunu garantiti s-sikurezza u s-sigurtà ta" l-UE u tar-residenti tagħha filwaqt li jitħares l-ambjent, kif ukoll li jinżamm bilanċ ġust bejn il-ħtieġa li jsiru kontrolli doganali u li jkun iffaċilitat il-kummerċ leġittimu bil-għan li tittejjeb il-kompetittività Ewropea;

5.  Jifraħ lill-uffiċjali doganali, f'dan ir-rigward, għall-ħidma effettiva tagħhom fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar, li fl-2007 wasslet għall-qbid ta" 79 miljun oġġett iffalsifikat u kkuppjat illegalment f'madwar 43 000 każ dokumentat; minħabba ż-żieda esponenzjali tal-qbid ta" prodotti ffalsifikati, jappoġġja miżuri doganali prattiċi għall-ġlieda kontra l-iffalsifikar u l-piraterija, bħaż-żieda ta" l-għadd ta" uffiċjali doganali speċjalizzati li huma impenjati f'dan ix-xogħol fil-Kummissjoni u fl-Istati Membri, u riflessjoni dwar il-benefiċċji tat-twaqqif ta" Osservatorju Ewropew ta" l-Iffalsifikar (ECO);

6.  Jilqa" b'sodisfazzjon għalhekk, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni imsemmija hawn fuq li għandha l-għan li titfassal direzzjoni ċara għad-dwana fil-perjodu bejn l-2013 u l-2019;

7.  Jenfasizza li jeħtieġ li l-awtoritajiet doganali ta" l-UE jantiċipaw kontinwament l-isfidi li ġejjin u li jiżviluppaw u jużaw ħiliet, teknoloġiji u metodi l-aktar moderni biex jiffaċilitaw u jikkontrollaw il-kummerċ bil-mod l-aktar effiċjenti u effettiv;

8.  Jenfasizza l-importanza li pajjiżi kandidati jkunu konformi ma' l-istandards ta' l-UE fil-qasam tad-dwana u jirrikonoxxi l-għajnuna teknika lill-pajjiżi kandidati mogħtija mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri;

It-tisħiħ tal-koperazzjoni

9.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-konklużjonijiet ewlenin tad-diversi seminars organizzati bħala parti mill-Programm Customs 2013, partikolarment biex jittejjeb in-netwerk ta' koperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u ta' sorveljanza tas-suq, u sabiex jittejjeb l-immaniġġjar tar-riskju u jiġu skambjati l-esperjenzi, l-għarfien u l-aqwa prattika fir-rigward tal-koperazzjoni u l-kontroll;

10.  Iqis li l-koperazzjoni hija essenzjali biex tkun żgurata l-effikaċja tas-servizzi doganali ta" l-UE fid-dawl tal-ħafna theddid li jridu jikkumbattu;

11.  Jistieden għalhekk lill-Istati Membri biex isaħħu l-koperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet doganali tagħhom u bejn id-dwana u aġenziji governattivi oħra, bħall-awtoritajiet veterinarji u l-entitajiet responsabbli mis-sikurezza tal-prodotti, sabiex ikun żgurat li l-amministrazzjoni tal-fruntieri esterni ta' l-UE tkun responsabiltà komuni u sabiex ikunu garantiti s-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċittadini ta" l-UE;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-koperazzjoni ma" l-imsieħba kummerċjali permezz ta" programmi eżistenti u futuri ta" koperazzjoni bejn id-dwani sabiex ikun iffaċilitat il-kummerċ għal negozjanti affidabbli u sabiex tkun żgurata s-sigurtà tal-katina ta" forniment;

13.  Jisħaq fuq l-importanza li jkun żgurat li l-partijiet interessati ekonomiċi kollha jkunu rappreżentati fil-Kumitat tal-Kodiċi Doganali;

14.  Japprova l-iffirmar tad-diversi ftehimiet iffirmati mill-Komunità Ewropea ma" l-imsieħba kummerċjali ewlenin tagħha madwar id-dinja;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-koperazzjoni internazzjonali fil-qafas ta" l-organizzazzjonijiet internazzjonali (id-WTO l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana) u ma" pajjiżi terzi fil-qasam tad-dwana; jiġbed l-attenzjoni li l-għan ta" dan huwa li jkun hemm kontroll doganali aktar effettiv u li jkunu promossi l-istandards ta" l-UE filwaqt li l-kummerċ ikun jista" jkun ta" benefiċċju għall-UE u għall-imsieħba kummerċjali tagħha; jiġbed l-attenzjoni wkoll li dan jippermetti, b'mod partikulari, li jitwaqqfu operazzjonijiet konġunti u proġetti pilota sabiex tissaħħaħ il-koperazzjoni fil-prattika bejn l-UE u uffiċjali doganali ta" pajjiżi terzi;

Kwistjonijiet ta" sigurtà

16.  Jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu aktar l-irwol tad-dwana fil-ġlieda kontra l-perikli partikulari marbuta mal-prodotti foloz, b'mod partikulari mal-mediċini u l-ġugarelli foloz;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżomm l-oppożizzjoni tagħha għal-leġiżlazzjoni reċenti ta" l-Istati Uniti dwar l-iskannjar ta'100% ta" kontejners marittimi f'portijiet barranin; jiġbed l-attenzjoni li ma ntweriex li din id-deċiżjoni unilaterali mill-Istati Uniti hija meħtieġa u li hija effettiva fis-sens ekonomiku u fir-rigward tas-sigurtà;

18.  Iqis li r-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' April 2005 li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabilixxi l-Kodiċi Komunitarju għad-Dwana(6) ("l-emenda dwar is-sigurtà") diġà jissodisfa l-aspettattivi ta" l-awtoritajiet ta" l-Istati Uniti fir-rigward tal-kontroll tas-sigurtà fl-Ewropa;

It-titjib ta' l-effiċjenza, l-effikaċja u r-rendiment tas-Suq Intern

19.  Jilqa" b'sodisfazzjon iż-żewġ inizjattivi li l-awtoritajiet doganali Komunitarji bi ħsiebhom jiżviluppaw fl-għaxar snin li ġejjin biex jaqdu liċ-ċittadini ta" l-UE bl-aħjar mod possibbli, partikolarment il-proposta dwar is-sistemi doganali elettroniċi, diġà approvata mill-Parlament, u t-twaqqif ta" netwerk Ewropew ta" laboratorji doganali bil-għan ta" interpretazzjoni uniformi ta" l-istandards tekniċi ġodda ta" l-UE, u jappoġġja kull inizjattiva oħra li jkollha l-istess skop;

20.  Jirrikonoxxi li din il-modernizzazzjoni se tippermetti li tiħrax il-ġlieda kontra l-prodotti perikolużi u li jissaħħaħ il-ħarsien tal-konsumatur;

21.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw metodi ta' ħidma u teknoloġija ġodda b'mod sinkronizzat u armonizzat u sabiex tkun żgurata implimentazzjoni koordinata u komuni tal-leġiżlazzjoni doganali; jistieden lill-Kummissjoni biex timmoniterja mill-qrib l-applikazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni doganali fl-Istati Membri u biex tlesti rapport għall-Parlament;

22.  Jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu lill-awtoritajiet doganli b'riżorsi biżżejjed (teknoloġiċi u umani) u investimenti lid-dwani biex jagħmlu xogħolhom, jimplimentaw sistemi ġodda bla karti u jħarrġu l-istaff tagħhom;

23.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw livell għoli ta" koperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u l-komunità kummerċjali biex tittejjeb il-konformità u titnaqqas il-burokrazija, b'mod partikulari billi jintuża approċċ ta" mmaniġġjar tar-riskji u billi jiġu żviluppati servizzi tat-tip "Single Window/One Stop Shop";

24.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni partikulari lill-problemi li jaffaċċjaw l-SMEs, speċifikament permezz ta' ffaċilitar tal-proċess għall-adattament tas-sistemi IT tagħhom għal dawk użati mill-amministrazzjonijiet doganali, bl-inqas spejjeż possibbli, u permezz ta' simplifikar tal-proċeduri biex ikun żgurat l-istatus ta' "operatur ekonomiku awtorizzat";

o
o   o

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri.

(1) ĠU L 145, 4.6.2008, p. 1.
(2) ĠU L 23, 26.1.2008, p21.
(3) ĠU L 154, 14.6.2007, p.25.
(4) Testi adottati P6_TA 2008_0247
(5) ĠU L 222, 12.8.1997, p. 17.
(6) ĠU L 117, 4.5.2005, p.13.

Aġġornata l-aħħar: 20 ta' Jannar 2009Avviż legali