Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta Lulju 2008 dwar il-Bangladexx
Il-Parlament Ewropew
,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladexx, b'mod partikolari dawk tas-16 ta' Novembru 2006(1)
u tas-6 ta' Settembru 2007(2)
,
– wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u -Repubblika Popolari tal-Bangladexx dwar Sħubija u Żvilupp(3)
,
– wara li kkunsidra l-istat ta' emerġenza li ġie ddikjarat mill-gvern proviżorju tal-Bangladexx fil-11 ta' Jannar 2007,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,
A. billi l-UE għandha relazzjonijiet tajbin u fit-tul mal-Bangladexx, anke permezz tal-Ftehima ta' Koperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp,
B. billi fil-11 ta' Jannar 2007, fost il-vjolenza fit-tħejjija għall-elezzjoni, il-gvern provviżorju tal-Bangladexx, impona stat ta' emerġenza u ftit wara adotta Regoli ta' Poter ta' Emerġenza, li taw lill-armata u lill-forzi paramilitari l-istess setgħat ta' arrest bħal dawk tal-pulizija; billi l-Missjoni ta' Osservazzjoni ta' l-Elezzjoni ssospendiet l-operazzjonijiet tagħha fit-22 ta' Jannar 2007,
C. billi l-impożizzjoni ta' Regoli ta' Poter ta' Emerġenza kienu akkumpanjati mis-sospensjoni ta' għadd ta' drittijiet ċivili ggarantiti mill-Kostituzzjoni tal-Bangladexx,
D. billi s-sospensjoni ta' dawn id-drittijiet wasslet għal numru allarmanti ta' sentenzi mogħtija reċentement mid-Diviżjoni ta' l-Appell tal-Qorti Suprema b'implikazzjonijiet serji għad-drittijiet individwali u għall-prinċipju tal-legalità,
E. billi fil-11 ta' Ġunju 2008 ġiet adottata Ordinanza ġdida għal Kontra t-Terroriżmu mingħajr parteċipazzjoni tal-pubbliku, li kisret il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet bażiċi għal proċess ġust u introduċiet definizzjoni ta' 'atti terroristiċi' wiesgħa biex tinkludi r-reati tal-proprjetà kif ukoll attakki kontra individwi; billi din id-definizzjoni hi kontra r-rakkommandazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti; billi organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u assoċjazzjonijiet ta' l-avukati esprimew tħassib li din l-ordinanza se tintuża għal skopijiet ta' persekuzzjoni politika,
F. billi skond organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem bħal ma huma l-Human Rights Watch u l-Amnesty International in-numru ta' persuni rrappurtati li ġew arrestati, minn meta beda l-istat ta' emergenza 18-il xahar ilu, kiber għal aktar minn 300,000, ħafna minnhom wara ġew meħlusa; billi, minħabba li d-dritt li tapplika għall-ħelsien fuq pleġġ hu ristrett mir-Regoli ta' Poter ta' Emerġenza, l-arresti tal-massa li għaddejjin jistgħu joħolqu pressjoni serja fuq is-sistema tal-ħabs,
G. billi numru kbir ta' dawk arrestati allegatament kienu ttorturati b'mod sever, u billi ġie rrapurtat minn Odhikar, l-organizzazzjoni nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem tal-Bangladexx, li żdiedu l-inċidenti ta' qtil extra-ġudizzjarju,
H. billi, b'mod konsistenti, hu sejjaħ għal moratorium dwar il-piena tal-mewt fil-pajjiżi kollha u taħt iċ-ċirkustanzi kollha,
I. jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li reċentement kienet rilassata l-projbizzjoni fuq l-attivitajiet politiċi, il-ftehima biex il-Gvern u l-Lega Awami jidħlu f'negozjati dwar l-elezzjonijiet nazzjonali ppjanati għal Diċembru 2008 u l-fatt li partijiet oħra se jkunu involuti f'dan il-proċess,
J. billi waqt il-mewġa ġdida ta' arresti tal-massa, mit-28 ta' Mejju 2008, aktar minn 12,000 persuna kienu arrestati inklużi attivisti tal-partit lokali; billi l-gvern irrifjuta suġġerimenti li l-arresti kienu motivati politikament, waqt li minflok sostna li din kienet tindifa ppjanata kontra l-kriminali,
K. billi, waqt li jirreferi għall-ħtieġa ta' lista komprensiva ta' votanti, il-gvern provviżorju s'issa injora l-appelli tal-partiti politiċi, ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex iħejji t-triq ħalli jsiru elezzjonijiet nazzjonali bikrija u qed jinsisti fuq it-tielet ġimgħa ta' Diċembru 2008,
L. billi t-tbatija li qed jiffaċċja l-poplu tal-Bangladexx kienet aggravata mill-fatt li l-prezzijiet ta' oġġetti bażiċi ta' l-ikel bħal ma hu r-ross żdiedu b'terz jew aktar fix-xhur reċenti, u billi għal biċċa l-kbira tal-popolazzjoni l-ispejjeż ta' l-ikel diġà kienu jieħdu 60% tal-baġit tagħhom qabel ma splodew il-prezzijiet,
M. billi gvern elett jagħmilha aktar faċli li jkunu ffaċċjati l-effetti tal-bidla fil-klima; billi daqs kwart mit-territorju tal-Bangladexx qed jiffaċċja theddida li jispiċċa b'mod permanenti taħt l-ilma minħabba li qed jogħla l-livell tal-baħar fil-bajja ta' Bengal; billi xjentisti tal-klima widdbu li l-Bangladexx jista' jkollu bejn 20 u 25 miljun refuġjat minħabba l-klima sa l-2050,
1. Jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx biex ineħħi l-istat ta' emerġenza bħala l-ewwel pass importanti biex jipprepara ħalli fil-pajjiż isiru l-elezzjonijiet parlamentari li jmiss u sabiex l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali jkunu jistgħu jsiru f'Awissu 2008;
2. Jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx biex jiżgura li l-ordinanza ta' kontra t-terroriżmu l-ġdida ikollha standards legali rikonoxxuti b'mod internazzjonali dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, bħal dawk rakkomandati mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali filwaqt li jkun miġġieled it-terroriżmu;
3. Jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx biex jneħħi l-piena tal-mewt;
4. Jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx biex immedjatament ma jkomplix bil-mewġa reċenti ta' arresti tal-massa u tal-fastidju ta' l-avversarji politiċi jew ta' ġurnalisti taħt l-istat ta' l-emerġenza u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar rapporti ta' tortura mill-awtoritajiet; jistieden lill-gvern biex jiggarantixxi lill-persuni arrestati id-dritt bażiku tagħhom ta' proċess u lil dawk akkużati għal proċess ġust; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jew jakkużaw lill-eluf ta' persuni arrestati fuq il-bażi ta' evidenza kredibbli jew jeħilsuhom;
5. Ifaħħar lill-Gvern tal-Bangladexx talli pprojbixxa persuni li qabel kienu kriminali tal-gwerra milli joħorġu għall-elezzjonijiet u jistiednu biex isegwi dan il-pass pożittiv billi jwaqqaf kumitat ta' inkjesta indipendenti ħalli jibda l-proċess kontra l-kriminali tal-gwerra;
6. Jifraħ lill-gvern provviżorju dwar il-progress li sar fil-preparazzjoni għall-elezzjonijiet parlamentari u li għall-progress essenzjali li għamel bir-riformi tal-proċess elettorali u bit-twaqqif ta' reġistru elettorali preċiż mill-awtoritjiet; jistieden lill-gvern biex jiżgura li l-membri tal-minoritajiet etniċi u reliġjużi tal-Bangladexx ikunu f'pożizzjoni ħielsa li jitfgħu il-vot tagħhom; jsejjaħ għal-libertà ta' l-istampa fil-perjodu ta' qabel l-elezzjoni fil-Bangladexx;
7. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħelsien tal-Prim Ministru ta' qabel Sheikh Hasina għal raġunijiet umanitarji;
8. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni Ewropea sabiex jieħdu rwol aktar proattiv u biex jikkonvinċu lill-Gvern tal-Bangladexx dwar il-ħtieġa li jitneħħa malajr u b'mod komplet l-istat ta' emerġenza u r-regoli kollha adottati taħtu;
9. Isejjaħ għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti li jsiru skond standards internazzjonali, bil-parteċipazzjoni tal-partiti kollha; jistieden lill-missjoni ta' l-UE għall-Osservazzjoni ta' l-Elezzjoni sabiex terġa' tibda l-attivitajiet tagħha malajr kemm jista' jkun għaliex dan hu fattibbli u xieraq; jistieden lill-missjonijiet ta' l-Istati Membri ta' l-UE u lid-Delegazzjoni tal-Kummissjoni fil-Bangladexx biex jissorveljaw sew id-drittijiet tal-bniedem u s-sitwazzjoni politika fil-Bangladexx;
10. Jitlob biex il-forzi armati jirtiraw mill-involviment tagħhom fil-proċess politiku;
11. Jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx biex jipprovdi kamp ta' applikazzjoni massimu għall-mobilitazzjoni fuq skala kbira tas-sezzjonijiet kollha tas-soċjetà, ta' l-organizzazzjonijiet ambjentali u mhux governattivi, tal-ġurnalisti u x-xjentisti sabiex jipprepara l-pajjiż għad-disastri li se jseħħu minħabba l-bidla fil-klima u jqis il-liġi ta' l-emerġenza bħala ostaklu allarmanti biex jintlaħaq dan il-għan;
12. Jemmen li s-Samit tal-G8 għandu responsabilità enormi biex jevita aktar aċċellerazzjoni tal-bidla fil-klima u ż-żieda fin-numru ta' katastrofi li qed jheddu l-ħajjiet ta' miljuni ta' nies fil-Bangladexx u f'postijiet oħra billi jadotta miżuri effettivi u estensivi biex inaqqas l-emissjonijiet tas-CO2;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri ta' l-Assoċjazzjoni tal-Koperazzjoni Reġjonali tja' l-Ażja t'Isfel u lill-Gvern tal-Bangladexx.