Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2033(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0312/2008

Testi mressqa :

A6-0312/2008

Dibattiti :

PV 01/09/2008 - 24
CRE 01/09/2008 - 24

Votazzjonijiet :

PV 02/09/2008 - 5.19
CRE 02/09/2008 - 5.19
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0387

Testi adottati
DOC 85k
It-Tlieta, 2 ta' Settembru 2008 - Brussel Verżjoni finali
Strateġija koordinata bil-għan li titjieb il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa
P6_TA(2008)0387A6-0312/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Settembru 2008 dwar strateġija koordinata bil-għan li titjieb il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa (2008/2033(INI))

Il-Parlament Ewropew ,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta' Mejju 2006 dwar il-ħtieġa li tiġi żviluppata strateġija koordinata bil-għan li titjieb il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa (COM(2006)0254),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2007 dwar ċerti elementi essenzjali li jikkontribwixxu għat-twaqqif tal-istrateġija kontra l-frodi tal-VAT fi ħdan l-UE (COM(2007)0758),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-16 ta' April 2004 dwar l-użu ta" ftehimiet ta" koperazzjoni amministrattiva fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT (COM(2004)0260),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill wara l-laqgħat tiegħu ta' l-14 ta' Mejju 2008, il-5 ta' Ġunju 2007, it-28 ta' Novembru 2006 u s-7 ta" Ġunju 2006,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 8/2007 tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud(1) ,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ottubru 2005 dwar il-kontribut ta' Politiki ta' tassazzjoni u dwana lill-Istrateġija ta' Liżbona (COM(2005)0532),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-22 ta' Frar 2008 dwar miżuri biex tinbidel is-sistema tal-VAT biex tiġi miġġielda l-frodi (COM(2008)0109),

–   wara li kkunsidra l-proposti mill-Kummissjoni tas-17 ta' Marzu 2008 għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta" taxxa fuq il-valur miżjud biex tiġi miġġielda l-frodi fiskali marbuta mat-tranżazzjonijiet intrakomunitarji kif ukoll għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1798/2003 biex tiġi miġġielda l-evażjoni fiskali marbuta mat-tranżazzjonijiet intrakomunitarji (COM(2008)0147),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta" l-14 ta" Mejju 2008 dwar kwistjonijiet tat-taxxa marbuta ma" ftehimiet li għandhom jiġu ffirmati mill-Komunità u mill-Istati Membri tagħha ma" pajjiżi terzi,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0312/2008),

A.   billi l-frodi fiskali għandha konsegwenzi serji għall-baġits ta' l-Istati Membri u għas-sistema tar-riżorsi tal-Unjoni Ewropea, twassal għal vjolazzjonijiet tal-prinċipju tat-tassazzjoni ġusta u trasparenti u x'aktarx li tikkaġuna tagħwiġ tal-kompetizzjoni, u għalhekk taffettwa l-operat tas-suq intern; billi l-intrapriżi onesti għandhom żvantaġġi għall-kompetittività tagħhom minħabba l-frodi fiskali, u t-telf tad-dħul mit-taxxa fl-aħħar mill-aħħar se jpatti għalih iċ-ċittadin Ewropew permezz ta' forom oħra ta' tassazzjoni;

B.   billi l-frodi fiskali tipperikola l-ekwità u l-ġustizzja fiskali, minħabba li n-nuqqas ta' dħul għall-finanzi pubbliċi ħafna drabi hija kkompensata b'żidiet ta' taxxa li jolqtu lil dawk l-inqas sinjuri u dawk li jħallsu t-taxxa b'mod onest, li m'għandhomx l-għażla jew l-intenzjoni li jaħarbu jew li ma josservawx l-obbligi fiskali tagħhom,

C.   billi t-tkabbir tal-kummerċ transkonfinali kkawżat mit-twaqqif tas-suq intern irriżulta f' għadd li qed jiżdied ta" tranżazzjonijiet fejn il-post ta" tassazzjoni u l-post ta" stabbiliment tal-persuna responsabbli li tħallas il-VAT qegħdin f'żewġ Stati Membri differenti,

D.   billi dawk li qed jużaw forom ġodda ta" frodi fiskali marbuta ma" tranżazzjonijiet transkonfinali, bħall-karussell jew il-frodi intra-Komunitarja minn negozjanti li ma jinstabux, ħadu vantaġġ mill-frammentazzjoni u min-nuqqasijiet tas-sistemi attwali tat-tassazzjoni, u billi jeħtieġ li jsiru bidliet fil-mod li bih topera l-VAT,

E.   billi l-evażjoni tal-VAT u l-frodi għandhom impatt fuq l-iffinanzjar tal-baġit ta" l-Unjoni Ewropea, billi jwasslu għal ħtieġa akbar biex l-Istati Membri jużaw ir-riżorsi proprji tagħhom fuq il-bażi tad-dħul gross nazzjonali,

F.   billi l-ġlieda kontra l-frodi, filwaqt li fil-biċċa l-kbira hija r-responsabiltà ta" l-Istati Membri, mhijiex problema li wieħed jista' jsib tarfha f'livell nazzjonali biss,

G.   billi l-globalizzazzjoni wasslet għal diffikultajiet akbar fil-ġlieda kontra l-frodi fiskali fuq livell internazzjonali, minħabba l-involviment akbar ta" impriżi mwaqqfa f'pajjiżi terzi fil-frodi karusell, l-espansjoni tal-kummerċ elettroniku u l-globalizzazzjoni tas-suq tas-servizzi; billi dawn il-fatturi jagħtu spinta qawwija favur it-titjib tal-koperazzjoni internazzjonali, b'mod partikulari fir-rigward tal-VAT,

H.   billi l-livell għoli ta" frodi fiskali fl-Unjoni Ewropea huwa riżultat tas-sistema tranżizzjonali attwali tal-VAT, li hija kumplessa wisq, u li minħabba fiha huwa diffiċli li t-tranżazzjonijiet intra-Komunitarji jiġu segwiti, jsiru inqas trasparenti u għalhekk aktar miftuħa għall-abbuż,

I.   billi, meta jqisu l-għażliet biex jittrattaw il-frodi fiskali, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom, kemm hu possibbli, jevitaw miżuri li jistgħu jwasslu għal piż amministrattiv sproporzjonat fuq in-negozji u fuq l-amministrazzjonijiet fiskali jew miżuri li jistgħu jkunu diskriminatorji għal xi negozjanti,

J.   billi kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Qorti tal-Awdituri ddikjaraw b'mod konsistenti li s-sistema għall-iskambju ta" informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar fornimenti intrakomunitarji ta" oġġetti ma tagħtix informazzjoni relevanti jew f'waqtha dwar il-ġlieda effiċjenti kontra l-frodi tas-sistema tal-VAT; billi dan jirrikjedi regoli iktar ċari u li jorbtu aktar dwar il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF),

K.   billi l-użu tat-teknoloġiji disponibbli kollha, fosthom il-ħażna u t-trażmissjoni elettronika ta" ċerta dejta rigward il-VAT u tat-taxxi tas-sisa, huwa indispensabbli għall-operat xieraq tas-sistemi fiskali ta" l-Istati Membri; billi għandhom jittejbu l-kundizzjonijiet għall-iskambju ta" dejta maħżuna elettronikament, u għall-aċċess dirett ta" l-Istati Membri għal din id-dejta, f'kull Stat Membru; billi l-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri għandhom jipproċessaw id-dejta persunali b'attenzjoni xierqa għal skopijiet speċifikati u fuq il-bażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew xi bażi leġittima oħra stipulata mil-liġi,

L.   billi bosta drabi n-negozjanti jingħataw biss informazzjoni mhux kompleta dwar l-istejtus tal-VAT tal-klijenti tagħhom,

M.   billi mat-tisħiħ tal-mezzi biex tinstab il-frodi fiskali għandha tissaħħaħ ukoll il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-għajnuna għall-irkuprar tat-taxxi, l-ugwaljanza fit-trattament tat-taxxa u l-prattikabiltà għan-negozji,

L-istrateġija tal-UE rigward il-frodi fiskali

1.  Jinnota li l-iskop ta' strateġija ta' l-UE rigward il-frodi fiskali jrid ikun dak li jinstab tarf tat-telf fiskali minħabba l-frodi fiskali billi jiġu identifikati l-oqsma fejn jista" jsir titjib kemm fil-leġiżlazzjoni tal-UE kif ukoll fil-koperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri, titjib li jippromwovi b'mod effettiv it-tnaqqis tal-frodi fiskali, mingħajr ma jinħolqu piżijiet mhux meħtieġa kemm għall-amministrazzjonijiet fiskali kif ukoll għal min iħallas it-taxxa;

2.  Jistieden lill-Istati Membri biex fl-aħħar jieħdu l-ġlieda kontra l-frodi fiskali b'mod serju;

3.  Ifakkar li t-twaqqif ta" sistema tal-VAT bbażata fuq il-'prinċipju tal-oriġini', li timplika li t-tranżazzjonijiet bejn l-Istati Membri li jaqgħu taħt is-sistema tal-VAT iġorru t-taxxa mħallsa fil-pajjiż tal-oriġini minflok ma jkollhom ir-rata żero, tibqa' soluzzjoni dejjiema li permezz tagħha l-frodi fiskali tista' tiġi miġġielda b'mod effettiv; jinnota li l-'prinċipju tal-oriġini' jevita li l-prodotti kkummerċjalizzati fis-suq intern jiġu eżentati mill-VAT u għalhekk jiġu ntaxxati fil-pajjiż ta" destinazzjoni; ifakkar li sabiex tkun operattiva, sistema tal-VAT bbażata fuq il-'prinċipju tal-oriġini' teħtieġ it-twaqqif ta" sistema ta' rilaxx (clearing system), kif propost oriġinarjament mill-Kummissjoni fl-1987;

4.  Jiddispjaċih għall-attitudni ta' tfixkil ta' xi Stati Membri f'dawn l-aħħar għaxar snin, li fixklet kwalunkwe strateġija effettiva tal-UE biex tiġġieled il-frodi fiskali;

5.  Jiddispjaċih li minkejja analiżi ripetuti, talbiet u oġġezzjonijiet, il-Kunsill għadu ma addottax strateġija effettiva għall-ġlieda kontra l-frodi fiskali;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ma żżommx lura milli tiffaċċja l-problema b'mod determinat, minkejja l-fallimenti ripetuti fl-aħħar għexieren ta' snin;

Kwistjonijiet ġenerali: il-kobor tal-frodi fiskali u l-konsegwenzi tagħha

7.  Jirrikonoxxi li stimi tat-telf fiskali globali (dirett u indirett) minħabba l-frodi fiskali jvarjaw minn 200 għal 250 biljun ewro, li huwa ugwali għal 2 sa 2,25% tal-GDP fl-Unjoni Ewropea; minn dak l-ammont 40 miljun ewro huma dovuti għal frodi tas-sistema tal-VAT u huwa stmat li jinkludu 10% tad-dħul mill-VAT, 8% tad-dħul totali mit-taxxi tas-sisa fuq ix-xorb alkoħoliku fl-1998 u 9% tad-dħul totali mit-taxxa tas-sisa fuq il-prodotti tat-tabakk; jiddispjaċih, madankollu, li m'hemmx ċifri preċiżi disponibbli għaliex l-istandards nazzjonali ta" rappurtaġġ ivarjaw ħafna;

8.  Jitlob biex issir analiżi ta' dejta uniformi fl-Istati Membri kollha bħala bażi għat-trasparenza u l-miżuri nazzjonali kontra l-frodi fiskali;

9.  Jiddispjaċih, li minħabba n-nuqqas ta" dejta miġbura f'livell nazzjonali, li ma jistax ikun evalwat sew la l-kobor veru tal-problema, u lanqas il-monitoraġġ tal-bidliet, kemm jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra sistema armonizzata Ewropea għall-ġbir tad-dejta u li tipproduċi statistika dwar il-frodi fiskali, sabiex ssir evalwazzjoni ta' sa fejn iwassal il-fenominu li jkun korrett kemm jista' jkun;

11.  Ifakkar li l-eliminazzjoni tal-ekonomija informali ma tistax isseħħ mingħajr l-implimentazzjoni ta' inċentivi adattati; jissuġġerixxi, barra minn hekk, li l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw, permezz ta" l-iskorbord ta" Liżbona, sa liema punt irnexxielhom inaqqsu l-ekonomiji informali tagħhom;

Is-sistema attwali tal-VAT u n-nuqqasijiet tagħha

12.  Jinnota li l-frodi fiskali marbuta mal-VAT hija kwistjoni ta" preokkupazzjoni partikulari għat-tħaddim tas-suq intern peress li għandha impatt transkonfinali dirett, tinvolvi ammonti sostanzjali ta" telf ta" dħul u taffettwa l-baġit tal-UE b'mod dirett;

13.  Itenni li s-sistema attwali tal-VAT, imwaqqfa fl-1993, kellha tkun biss sistema tranżitorja u li l-Parlament kien talab lill-Kummissjoni biex tressaq proposti bil-għan li sa l-2010 tittieħed deċiżjoni finali dwar is-sistema definittiva tal-VAT;

14.  Isostni li flimkien, il-moviment ħieles tal-persuni, ta" l-oġġetti, tas-servizzi u tal-kapital fi ħdan is-suq intern mill-1993, kif ukoll l-avvanzi f'teknoloġija ġdida fir-rigward ta" oġġetti żgħar u ta" valur kbir, għamlu l-ġlieda kontra l-frodi tas-sistema tal-VAT aktar diffiċli, aktar u aktar minħabba l-kumplessità u l-istruttura frammentata tas-sistema attwali li tagħmilha diffiċli li t-tranżazzjonijiet jiġu ttraċċjati u għaldaqstant huwa aktar faċli biex wieħed jabbuża mis-sistema;

15.  Jinnota li qed jiżdiedu l-każi ta" frodi minn negozjanti mitlufin kif ukoll l-abbuż intenzjonat tas-sistema tal-VAT minn gruppi kriminali li jfasslu skemi biex japprofittaw min-nuqqasijiet fis-sistema; u jiġbed l-attenzjoni għall-każ ta" frodi karusell tal-VAT imnedija mill-Eurojust, li tinvolvi 18-il Stat Membru u frodi fiskali li jammontaw għal madwar EUR 2.1 biljun;

16.  Jappoġġja lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex iġġib bidla fundamentali fis-sistema attwali tal-VAT; jilqa" l-fatt li issa l-Istati Membri jqisu din il-kwistjoni bħala prijorità u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex ikunu ppreparati li jieħdu miżuri sostantivi f'dan ir-rigward;

17.  Iqis li s-sistema attwali hija antikwata u teħtieġ bidla radikali bla ma jitqiegħed piż żejjed fuq in-negozjanti onesti minħabba l-burokrazija; huwa tal-fehma li ma jistax jinżamm l-istatus quo;

Sistemi alternattivi għas-sistema attwali tal-VAT
Sistema tar-'Reverse Charge'

18.  Jinnota li f'sistema 'reverse-charge', il-VAT taqa' fuq il-klijent taxxabbli minflok fuq il-fornitur; jirrikonoxxi li din is-sistema għandha l-vantaġġ li tneħħi l-possibilità ta" frodi minn negozjanti mitlufin, billi l-persuna taxxabbli li tirċievi l-oġġetti titqies responsabbli għall-VAT;

19.  Jinnota li l-ħolqien ta" sistema ta" VAT doppja jmur kontra l-operat effiċjenti tas-suq intern u jkun is-sors ta" ambjent iktar kumpless li jista" jiskuraġġixxi l-investiment tan-negozji, u dan jista' jingħeleb biss fil-futur imbiegħed permezz ta" sistema 'reverse charge' ġeneralizzata u obbligatorja, u mhux b'sistema mhux obbligatorja jew limitata għal xi fornimenti magħżula;

20.  Jinnota, barra minn hekk, li s-sistema 'reverse charge' ma tippermettix pagamenti frazzjonati u li l-VAT totali titħallas biss fl-aħħar tal-katina ta" forniment, filwaqt li jitneħħa l-mekkaniżmu ta' awtokontroll tal-VAT; iwissi li jistgħu jitfaċċaw forom ġodda ta" frodi inklużi telf fiskali akbar fil-livell tan-negozji bl-imnut u l-użu ħażin tan-numri ta" reġistrazzjoni tal-VAT, u li l-ġlieda kontra frodi bħal din permezz ta" verifika addizzjonali tista" twassal għal piżijiet amministrattivi addizzjonali għan-negozjanti onesti; għaldaqstant iħeġġeġ il-kawtela u l-kunsiderazzjoni serja qabel ma tiddaħħal sistema 'reverse charge'; jinnota, madankollu, li l-applikazzjoni ta' limitu minimu biex ikun illimitat ir-riskju ta' konsum finali mhux taxxat jgħin biex tiġi miġġielda l-frodi u jikkunsidra li l-limitu minimu ta' EUR 5 000 issuġġerit mill-Kunsill bħala raġonevoli;

Proġett pilota

21.  Jinnota, għalkemm jibqa" kawt u kritiku, li proġett pilota jista" jgħin lill-Istati Membri jifhmu aħjar ir-riskji inerenti tas-sistema 'reverse charge', u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu garanziji xierqa ħalli jiżguraw li la l-Istat Membru li qed jipparteċipa u lanqas xi Stat Membru ieħor ma jkun espost għal riskji kbar waqt li jkun fis-seħħ il-proġett pilota;

It-tassazzjoni tal-provvisti intrakomunitarji

22.  Huwa tal-fehma li l-aqwa soluzzjoni biex tingħeleb il-frodi tal-VAT marbuta ma provvisti transkonfinali tkun li tiddaħħal sistema li fiha l-eżenzjoni tal-VAT għall-provvisti intrakomunitarji tkun sostitwita b'rata ta" tassazzjoni ta' 15%; jinnota li dik is-sistema taħdem aħjar jekk il-varjetà u l-kumplessità tar-rati mnaqqsa jkunu ssimplifikati b'mod sostanzjali, filwaqt li jitnaqqas kemm jista" jkun il-piż amministrattiv kemm fuq in-negozji kif ukoll fuq l-awtoritajiet fiskali; jinnota li t-tnaqqis individwali tar-rati tal-VAT li daħal fis-seħħ qabel l-1992 għandu jiġi eżaminat bir-reqqa u evalwat biex isir magħruf jekk il-persistenza tiegħu hijiex ġustifikata fuq bażi ekonomika;

23.  Jirrikonoxxi li minħabba r-rati tal-VAT differenzjali, it-tassazzjoni tal-provvisti intrakomunitarji teħtieġ li jerġgħu jiġu bbilanċjati l-pagamenti bejn l-Istati Membri; iqis li dan l-ibbilanċjar mill-ġdid għandu jsir permezz ta" kamra ta" l-ikklerjar (clearing house)li tiffaċilita t-trasferiment tad-dħul bejn l-Istati Membri; jenfasizza li l-operat ta" kamra ta" l-ikklerjar huwa teknikament fattibbli;

24.  Huwa tal-fehma li sistema deċentralizzata ta' kmamar ta" l-ikklerjar tista' tkun iktar xierqa u tista' tkun żviluppata iktar malajr, sakemm tiftaħ il-possibiltajiet għall-Istati Membri biex jaqblu bilateralment dwar dettalji importanti, filwaqt li jitqiesu l-bilanċ kummerċjali individwali tagħhom, is-similaritajiet fit-tħaddim tas-sistema tal-VAT u l-mekkaniżmi tagħhom ta" kontroll kif ukoll il-fiduċja reċiproka;

25.  Jenfasizza li l-amministrazzjoni fiskali tal-Istat Membru tal-oriġini għandha tkun responsabbli biex tiġbor il-VAT mill-fornitur stabbilit fit-territorju tiegħu u biex tittrasferixxi l-ammont permezz tas-sistema ta' rilaxx lill-amministrazzjoni fiskali tal-pajjiż fejn sar l-akkwist intrakomunitarju; jirrikonoxxi li jeħtieġ li tinbena fiduċja reċiproka bejn l-amministrazzjonijiet fiskali;

Il-koperazzjoni amministrattiva u l-għajnuna reċiproka fil-qasam tal-VAT, tat-taxxi tas-sisa u tat-tassazzjoni diretta

26.  Jenfasizza li l-Istati Membri ma jistgħux jiġġieldu waħedhom kontra l-frodi fiskali transkonfinali; huwa tal-fehma li l-iskambju ta' informazzjoni u l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri u mal-Kummissjoni ma kinux biżżejjed biex il-frodi fiskali tingħeleb b'mod effettiv kemm fir-rigward tal-kwalità kif ukoll fir-rigward tal-ħeffa; iqis li l-kuntatt dirett bejn l-uffiċċji lokali jew nazzjonali kontra l-frodi la hu żviluppat u lanqas implimentat biżżejjed, u dan iwassal għall-ineffiċjenza, għan-nuqqas ta" użu adegwat tal-ftehimiet għall-koperazzjoni amministrattiva u għad-dewmien fil-komunikazzjoni;

27.  Jinsisti li sabiex jitħares id-dħul fiskali tal-Istati Membri kollha fil-qafas tas-Suq Intern, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri komparabbli kontra dawk li jwettqu l-frodi, indipendentement minn fejn ikun sar it-telf ta' dħul; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipproponi mekkaniżmi possibbli biex jippromwovu koperazzjoni ta" dan it-tip bejn l-Istati Membri;

28.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-proposti tal-Kummissjoni għall-emenda tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud(2) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1798/2003 tas-7 ta' Ottubru 2003 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud(3) sabiex mill-2010 "l quddiem jitħaffu l-ġbir u l-iskambju ta" informazzjoni dwar tranżazzjonijiet intrakomunitarji; jirrikonoxxi li r-regoli proposti dwar ir-rappurtaġġ fi żmien xahar se jżidu piż amministrattiv għan-negozji li jagħtu biss servizzi li bħalissa m'humiex suġġetti għal dik ir-regola, iżda jaċċetta li dan huwa meħtieġ minħabba l-possibiltà ta" frodi karużell f'ċerti servizzi;

29.  Iħeġġeġ lill-Kunsill biex jadotta l-miżuri proposti malajr u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tressaq aktar proposti dwar l-aċċess awtomatizzat mill-Istati Membri l-oħra kollha għal xi informazzjoni mhux sensittiva li għandhom l-Istati Membri dwar il-persuni taxxabbli tagħhom stess (bħal fil-qasam tal-kummerċ, xi informazzjoni rigward il-fatturat), u dwar l-armonizzazzjoni tal-proċeduri għar-reġistrazzjoni u d-dereġistrazzjoni tal-persuni li jaqgħu taħt il-VAT biex jiżguraw li l-persuni taxxabbli foloz jinstabu u jiġu dereġistrati malajr; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jieħdu r-responsabilità biex iżommu l-informazzjoni tagħhom aġġornata, b'mod partikulari rigward id-dereġistrazzjoni u s-sejbien ta" reġistrazzjonijiet foloz;

30.  Ifakkar li l-pajjiżi li joffru taxxa preferenzjali fuq id-dħul (tax havens) jistgħu jirrappreżentaw ostakolu għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta" Liżbona, jekk jagħmlu pressjoni eċċessiva biex inaqqsu r-rati tat-taxxa u, b'mod ġenerali, id-dħul mit-taxxa;

31.  Jenfasizza wkoll li fi żminijiet ta" dixxiplina baġitarja kwalunkwe erożjoni tal-bażi fiskali pprovokata mill-pajjiżi li joffru taxxa preferenzjali fuq id-dħul (tax havens) jew kompetizzjoni fiskali bla rażan jistgħu jipperikolaw il-kapaċità tal-Istati Membri biex jikkonformaw mal-Patt tal-Istabilità u t-Tkabbir ;

32.  Jenfasizza li t-tneħħija tal-postijiet li joffru kenn mit-taxxa teħtieġ, inter alia, strateġija fuq tliet punti: l-indirizzar ta" l-evitar tat-taxxa, it-twessigħ tal-ambitu tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE tat-3 ta' Ġunju 2003 dwar it-tassazzjoni ta' riżervi fuq id-dħul fil-forma ta' pagamenti ta' imgħaxx(4) u billi l-OECD tintalab biex, permezz tal-membri tagħha, timponi sanzjonijiet fuq il-postijiet li joffru kenn mit-taxxa li ma jikkoperawx;

L-evażjoni tat-taxxa

33.  Jiddispjaċih li l-Istati Membri qed ifixklu r-riforma tad-Direttiva 2003/48/KE bl-oġġezzjonijiet ġodda kontinwi u tattiki ta' dewmien tagħhom u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq kemm jista' jkun malajr il-proposti tagħha minkejja s-sinjali ta' reżistenza;

34.  Jinnota li r-riforma tad-Direttiva 2003/48/KE għandha titratta l-lakuni u d-defiċjenzi varji tagħha, għax dawn ifixklu s-sejbien tal-evażjoni tat-taxxa u l-operazzjonijiet ta' frodi fiskali;

35.  Jitlob lill-Kummissjoni, fil-kuntest tar-riforma tad-Direttiva 2003/48/KE, biex teżamina l-għażliet għal riforma, kif ukoll tinvestiga t-twessiegħ tal-għan tad-direttiva f'dak li jirrigwarda t-tipi ta' entitajiet legali u s-sorsi ta' dħul finanzjarju;

36.  Iħeġġeġ sabiex l-Unjoni Ewropea iżżomm fl-aġenda t-tneħħija fuq livell globali tal-postijiet li joffru kenn mit-taxxa, wara li jitqiesu l-effetti ta' ħsara tagħhom fuq id-dħul fiskali tal-Istati Membri individwali; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jużaw kemm jistgħu l-qawwa kummerċjali tal-UE meta jinnegozjaw ftehimiet ta' kummerċ u ta' koperazzjoni mal-gvernijiet ta' pajjiżi li joffru taxxa preferenzjali fuq id-dħul (tax havens), sabiex jipperswaduhom ħalli jeliminaw dispożizzjonijiet u prattiki fiskali li jiffavorixxu l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi fiskali; jilqa" b'sodisfazzjon, bħala l-ewwel pass, ir-rakkomandazzjonijiet imniżżla fil-konklużjonijiet tal-Kunsill wara l-laqgħa tiegħu ta' l-14 ta" Mejju 2008 biex fil-ftehimiet kummerċjali tiddaħħal klawżola dwar il-governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali; jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq klawżola ta' dan it-tip b'effett immedjat fin-negozjati tagħha tal-ftehimiet kummerċjali fil-ġejjieni;

o
o   o

37.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 20, 25.1.2008, p. 1.
(2) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(3) ĠU L 264, 15.10.2003, p.1.
(4) ĠU L 157, 26.6.2003, p. 38.

Aġġornata l-aħħar: 29 t'April 2009Avviż legali