Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2625(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0387/2008

Dibattiti :

PV 04/09/2008 - 12.3
CRE 04/09/2008 - 12.3

Votazzjonijiet :

PV 04/09/2008 - 13.3
CRE 04/09/2008 - 13.3

Testi adottati :

P6_TA(2008)0413

Testi adottati
PDF 210kWORD 45k
Il-Ħamis, 4 ta' Settembru 2008 - Brussell
Il-qtil tal-albini fit-Tanżanija
P6_TA(2008)0413RC-B6-0387/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-4 ta' Settembru 2008 dwar il-qtil tal-albini fit-Tanżanija

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

–   wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli li ġiet adottata fis-27 ta' Ġunju 1981 u daħlet fis-seħħ fil-21 ta' Ottubru 1986,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li ġiet adottata fl-20 ta' Novembru 1989 u daħlet fis-seħħ fit-2 ta' Setembru 1990, u li torbot u li tiġi applikata mingħajr eċċezzjoni,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-drittijiet ta' persuni li jiffurmaw parti mill-minoranzi nazzjonali, etniċi, reliġjużi jew lingwistiċi tat-18 ta' Diċembru 1992,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

A.   billi skont l-NGOs u r-rapporti tal-media, ikkonfermati mill-Gvern tat-Tanżanija, mill-inqas 25 albin, inklużi tfal, inqatlu u ġew immutilati minn Marzu 2008 'l hawn fiz-zona ta' Lake Victoria, speċjalment fi Mwanza, Shinyanga u Mara, fejn hemm konċentrazzjoni għolja ta' albini,

B.   billi, minbarra l-qtil tal-albini, it-tliet reġjuni hawn fuq imsemmija huma magħrufa wkoll għall-qtil ta' persuni meqjusa li huma sħaħar; billi sempliċi xniegħat ta' spiss huma ġustifikazzjoni biżżejjed biex kotra rrabjata toqtol persuna ssuspettata li hi saħħara;

C.   billi skont l-awtoritajiet tat-Tanżanija, il-qtil tal-albini huwa xogħol klikek organizzati mqabbda minn tobba saħħara,

D.   billi l-media f'Dar es Salaam irrapportaw l-arrest ta' 173 persuna b'rabta mal-qtil tal-albini fit-Tanżanija, inkluż numru konsiderevoli ta' tobba saħħara u l-klijenti tagħhom,

E.   billi skont il-pulizija nazzjonali, it-tobba saħħara jbiegħu partijiet maqtugħa ta' iġsma u demm tal-albinos lill-ħaddiema tal-minjieri u lis-sajjieda li jemmnu li dawn il-partijiet iġibulhom ir-riżq, is-saħħa u l-ġid,

F.   billi dan il-qtil ikkawża apprensjoni u biża' kbira fost il-komunità tal-albinos għax issa ma jħossuhom sikuri xejn u jibżgħu saħansitra joqgħodu, jimxu jew jivvjaġġaw waħidhom biex jevitaw riskji potenzjali,

G.   billi 36% tal-popolazzjoni tat-Tanżanija jgħixu taħt il-livell tal-faqar nazzjonali; billi l-aċċess għas-sistema tal-kura tas-saħħa huwa serjament illimitat, u dan iwassal sabiex tkun xi ħaġa komuni li l-popolazzjoni tirrikorri għat-tobba saħħara jew għall-fejjieqa tradizzjonali,

H.   billi l-albinos huma minoranza u d-diskriminazzjoni kontra l-albinos hija problema serja madwar l-Afrika kollha li tinsab 'l isfel mis-Sahara; billi l-albiniżmu jaffettwa persuna minn kull 20,000 madwar id-dinja kollha,

I.   billi skont studju tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp (UNDP), kważi nofs il-ġenituri tat-tfal albini ħassewhom umiljati fil-waqt tat-twelid tat-tarbija; billi n-nisa albini huma suġġetti għal diskriminazzjoni minn nisa oħrajn u billi n-nisa li jwelldu trabi albini ta' spiss jiġu mwaqqa' għaċ-ċajt jew imwarrba u jbatu minn diskriminazzjoni fil-waqt ix-xogħol; billi xi żewġ terzi tal-ġenituri ġew irrapportati li qalu li interventi speċifiċi tas-saħħa għal tfal albini kienu għalja, u nofshom qalu li t-tfal tagħhom kellhom problemi serji tal-vista; billi, madankollu, 83% qalu li t-tfal tagħhom imorru tajjeb l-iskola daqs tfal oħra,

1.  Jikkundanna b'mod qawwi l-qtil tal-albinos fit-Tanżanija u l-kummerċ spekulattiv fil-partijiet tal-iġsma tagħhom;

2.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-kundanni tal-qtil tal-albini min-naħa tal-President tat-Tanżanija, is-Sur Jakaa Mrisho Kikwete, u l-wegħda tiegħu ta' sforzi intensivi biex jitwaqqfu dawn id-delitti; jenfasizza li dan il-kliem irid jiġi sostnut b'azzjoni;

3.  Jifraħ lill-President Jakaya Mrisho Kikwete għad-deċiżjoni tiegħu li jinnomina lis-Sinjorina Al-Shymaa Kway-Geer bħala l-ewwel Membru Parlamentari albin, minħabba d-determinazzjoni tagħha li tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni li hi u albini oħrajn isofru;

4.  Jappoġġja u jilqa' b'sodisfazzjon il-passi meħuda s'issa mill-Gvern tat-Tanżanija, bħall-ħolqien ta' ċensiment tal-albini u t-twaqqif ta' servizz ta' skorta tal-pulizija għat-tfal albini; japprova t-talba tal-Membri Parlamentari tat-Tanżanija li l-Gvern jieħu aktar miżuri biex jindirizza l-l-problema mill-għeruq tagħha u jtemm id-diskriminazzjoni kollha kontra l-albini;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet, l-awtoritajiet tal-gvernijiet lokali u lis-soċjetà ċivili b'mod ġenerali fit-Tanżanija biex jikkollaboraw sabiex jipproteġu l-albini kollha; iħeġġeġ lill-Gvern tat-Tanżanija biex jieħu azzjoni immedjata, billi jippromwovi l-kuxjenza soċjali u jipprovdi informazzjoni relatata mal-albiniżmu; jikkunsidra li miżuri bħal dawn għandhom jiġu implimentati b'mod partikulari fiz-zoni rurali, fejn in-nies għandhom it-tendenza li jkunu inqas edukati u iktar superstizzjużi;

6.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-arrest ix-xahar li għadda ta' 173 persuna ssuspettata b'rabta mal-qtil ta' albini fit-Tanżanija; iħeġġeġ b'mod qawwi lill-awtoritajiet biex jipproċedu malajr u jressqu lil dawk responsabbli quddiem qorti tal-ġustizzja;

7.  Jinnota b'dispjaċir li ġurnalista investigattiva, Vicky Ntetema, kellha tinħeba wara li rċeviet theddid ta' mewt talli esponiet l-involviment ta' tobba saħħara u tal-pulizija f' dan il-qtil; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tat-Tanżanija biex jibdew investigazzjoni ddettaljata u indipendenti ta' l-akkużi li saru minn Vicky Ntetema ;

8.  Jesprimi l-apprezzament u l-appoġġ tiegħu għall-ħidma tal-Assoċjazzjoni tal-Albini tat-Tanżanija, li tgħin lill-komunità albina; jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja b'mod attiv lil din l-assoċjazzjoni u l-istedina tagħha lill-akkademiċi, il-mexxejja reliġjużi u l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem biex jagħmlu l-pubbliku konxju li l-qtil tal-albini huwa soċjalment u moralment inaċċettabbli;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-isforzi tal-UNDP biex jippromwovi u jipproteġi l-albini fl-Afrika;

10.  Jikkunsidra li l-aħjar mod biex jiġu mħarsa d-drittijiet tal-albini tat-Tanżanija huwa li jiġi garantit lilhom aċċess ugwali għal edukazzjoni u kura tas-saħħa ta' kwalità, fil-qafas tal-politiki tal-inklużjoni, u li jiġu pprovduti b'ħarsien soċjali u legali adegwat;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw l-isforzi tal-Gvern, tal-NGOs u tas-soċjetà ċivili tat-Tanżanija biex jifformulaw politiki biex jindirizzaw il-bżonnijiet u d-drittijiet tal-albini, ibbażati fuq in-nuqqas ta' diskriminazzjoni u fuq l-inklużjoni soċjali, u l-aċċess ugwali għall-impjieg;

12.  Jitlob li jkun hemm taħriġ aħjar tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa u li jsiru laqgħat ta' ħidma għall-għalliema u għall-ġenituri biex jiġu inkoraġġati biex jiżguraw li t-tfal albini jiġu mħarsa mix-xemx, peress li ħafna jmutu minħabba kanċer tal-ġilda qabel ma jagħlqu t-tletin sena;

13.  Jinsisti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jiżguraw li l-fondi tal-kura tas-saħħa jilħqu lill-aktar foqra fit-Tanżanija; jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta' aċċess għall-kura tas-saħħa fiz-zoni rurali u mbiegħda;

14.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jimmoniterjaw mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-albini fit-Tanżanija;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Unjoni Afrikana, lill-Gvern u lill-Parlament tat-Tanżanija, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE u lill-Kunsill tal-ACP.

Avviż legali - Politika tal-privatezza