Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2103(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0354/2008

Testi mressqa :

A6-0354/2008

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 21/10/2008 - 8.19
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0495

Testi adottati
PDF 413kWORD 81k
It-Tlieta, 21 ta' Ottubru 2008 - Strasburgu
Strateġija għal ftehim fil-ġejjieni dwar l-aspetti istituzzjonali tal-Aġenziji Regolatorji
P6_TA(2008)0495A6-0354/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Ottubru 2008 dwar strateġija favur l-implimentazzjoni futura tal-aspetti istituzzjonali tal-Aġenziji Regolatorji (2008/2103(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2008 bl-isem ta' ''L-aġenziji Ewropej – Il-mixja "l quddiem'' (COM(2008)0135),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Jannar 2004 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: 'Il-qafas operattiv għall-Aġenziji Regolatorji Ewropej'(1),

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta' ftehima interistituzzjonali tal-25 ta' Frar 2005 dwar il-qafas operattiv għal aġenziji regolatorji Ewropej (COM(2005)0059),

–   wara li kkunsidra l-mistoqsija orali mressqa b'mod konġunt lill-Kunsill mill-Kumitat għall-Affarijiet Istituzzjonali u mill-Kumitat għall-Baġits, u t-tweġiba mogħtija mill-Kunsill matul is-sessjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2005 (O-0093/05),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu ta' l-1 ta' Diċembru 2005 dwar il-proġett tal-Kummissjoni dwar il-konklużjoni ta' Ftehima interistituzzjonali għall-ħolqien ta' qafas operattiv għal aġenziji regolatorji Ewropej(2),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni adottata mill-Konferenza tal-Presidenti fis-17 ta' April 2008,

–   wara li kkunsidra l-ittra tas-7 ta' Mejju 2008 indirizzata mill-President tal-Kummissjoni lill-President tal-Parlament Ewropew u lill-President attwali tal-Kunsill favur il-ħolqien ta' grupp ta' ħidma interistituzzjonali fil-livell politiku,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura,

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji kif ukoll il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A6-0354/2008),

A.  Billi l-isforzi magħmula mill-Parlament u mill-Kummissjoni bil-għan li jiġi stabbilit qafas tal-aġenziji regolatorji Ewropej li jorbot legalment, ma wasslu għall-ebda riżultat,

B.  Billi ma sar l-ebda progress sostanzjali fuq l-abbozz ta' ftehima interistituzzjonali ta'l-2005, minħabba l-oppożizzjoni istituzzjonali u politika min-naħa tal-Kunsill, u billi l-Kummissjoni ddeċidiet li tirtira l-proposta tagħha favur ftehima interistituzzjonali u li tibdilha b'invit għal djalogu interistituzzjonali li għandu jwassal għal approċċ komuni,

C.  Billi osserva li, għalkemm għall-ewwel, l-aġenziji regolatorji jistgħu jiġi mqabbla ma' ''mikroistituzzjonijiet'', huma madankollu għandhom ''makroimpatti'' fuq il-livell tal-governanza Ewropea,

D.  Billi għadu neċessarju li jiġu definiti mill-inqas il-karatteristiċi strutturali essenzjali tal-aġenziji regolatorji, peress li dan sar parametru paraistituzzjonali rikonoxxut tal-Unjoni Ewropea,

E.  Billi l-Kummissjoni qed tipproponi li jinħoloq grupp ta' ħidma interistituzzjonali li jkun inkarigat li jfassal qafas komuni għall-aġenziji regolatorji kif ukoll jiddefinixxi l-kompetenzi rispettivi ta' kull wieħed mill-organi tal-Unjoni Ewropea meta mqabbel ma' dawn l-aġenziji,

F.  Billi l-Kummissjoni għandha telabora evalwazzjoni orizzontali tal-aġenziji regolatorji sal-2009-2010 u tressaq, mill-aktar fis, lill-Parlament u lill-Kunsill rapport dwar il-konklużjonijiet ta' din l-evalwazzjoni,

G.  Billi l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tipproponix il-ħolqien ta' aġenziji ġodda sakemm il-grupp ta' ħidma interistituzzjonali ma jkunx temm ix-xogħol tiegħu,

H.  Billi l-Kummissjoni ma għandhiex titbiegħed mil-linji gwida tal-abbozz tal-ftehima interistituzzjonali proposta fl-2005 dwar l-emendi għall-istrumenti bażiċi li jirregolaw l-aġenziji regolatorji eżistenti, sabiex dawn ikunu konformi mal-istrateġija l-ġdida,

I.  Billi diġà jeżisti qafas regolatorju komuni għall-aġenziji regolatorji(3), li ngħatalhom ir-responsabilità tal-immaniġġjar tal-programmi tal-Komunità għal perjodu speċifiku ta' żmien,

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Iqis li l-proposta tal-Kummissjoni tikkostitwixxi inizjattiva li ta' min wieħed ifaħħarha u huwa lest li jipparteċipa, permezz tar-rappreżentanti tiegħu, fix-xogħol tal-grupp ta' ħidma interistituzzjonali, iżda jqis madankollu li l-''approċċ komuni'' ma jilħaqx l-aspettattivi tiegħu fir-rigward tal-konklużjoni ta' Ftehima interistituzzjonali; jinnota li dan ma jeskludix l-iżvilupp ta' forom oħra ta' fehim bħala riżultat tax-xogħol tal-grupp ta' ħidma;

2.  Jappella lill-Kunsill, fil-kapaċità tiegħu bħala parti mill-awtorità baġitarja, biex jagħmel kontribuzzjoni kostruttiva fil-proċedimenti ta' dan il-grupp ta' ħidma;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex, flimkien mal-Parlament Ewropew, iwaqqfu mill-aktar fis il-programm ta' xogħol tal-grupp interistituzzjonali, sabiex ix-xogħol ta' dan il-grupp ikun jista' jinbeda sa mill-ħarifa 2008;

4.  Iqis li l-programm ta' xogħol tal-grupp interistituzzjonali għandu inter alia jinkludi l-punti li ġejjin:

   stqarrija tal-oqsma li fuqhom għandha tiġi kkonċentrata l-evalwazzjoni orizzontali li għandha twettaq il-Kumissjoni sa tmiem is-sena 2009,
   l-iffissar tal-kriterji oġġettivi li se jippermettu li jiġi evalwat il-bżonn ta' l-eżistenza ta' aġenziji, billi jitqiesu soluzzjonijiet eventwali ta' sostituzzjoni,
   evalwazzjoni, regolari u b'mod kordinat u koerenti, tax-xogħol u r-rendiment tal-aġenziji, inkluża l-evalwazzjoni esterna, b'mod partikulari permezz ta' analiżi li tqabbel in-nefqa mal-benefiċċju,
   evalwazzjoni ta' jekk l-għażla tal-aġenzija hijiex aktar effettiva f'sens ta' nfiq milli kieku l-ħidmiet rilevanti jitwettqu mis-servizzi tal-Kummissjoni nnifisha,
   evalwazzjoni tal-benefiċċji possibilment mitlufa minħabba ċerti attivitajiet imwettqa min-naħa ta' aġenziji regolatorji u mhux mis-servizzi tal-Kummissjoni,
   it-teħid ta' miżuri biex tiżdied it-trasparenza tal-aġenziji, b'mod partikulari permezz tal-approssimazzjoni tal-karatteristiċi strutturali fundamentali,
   l-iffissar tal-limiti fir-rigward tal-indipendenza u s-superviżjoni tal-aġenziji, parikularment il-forma u l-firxa tar-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-attivitajiet rispettivi tagħhom, billi naturalment jittieħed kont tal-fatt li l-grad ta' responsabbiltà tal-Kummissjoni ma jistax jeċċedi dak li għalih hija jista' jkollha impatt effettiv fuq l-attivitajiet tal-aġenziji,
   ħatra ta' rappreżentanti għall-korpi ta' superviżjoni għall-aġenziji mill-Kunsill u mill-Kummissjoni u s-smigħ tal-kandidati quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew,
   ħatra tal-entitajiet eżekuttivi tal-aġenziji, u partikularment id-direttur tagħhom, u l-preċiżazzjoni tal-irwol tal-Parlament Ewropew f'dan ir-rigward;
   il-ħtieġa ta" metodu standard fost l-aġenziji fir-rigward tal-preżentazzjoni tal-attivitajiet tagħhom matul is-sena finanzjarja kkonċernata, u tal-kontijiet u r-rapporti tagħhom dwar l-amministrazzjoni baġitarja u finanzjarja;
   rekwiżit standard għad-diretturi tal-aġenziji kollha sabiex ifasslu u jiffirmaw dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni, li tinkludi riżervi fejn meħtieġ;
   mudell armonizzat applikabbli għall-aġenziji u għall-korpi satelliti kollha, li jagħmel distinzjoni ċara bejn:
   - rapport annwali maħsub għall-qarrejja ġenerali dwar l-operat, il-ħidma u l-kisbiet tal-korp;
   - dikjarazzjonijiet finanzjarji u rapport dwar l-implimentazzjoni tal-baġit;
   - rapport dwar l-attività simili għar-rapporti ta' attività tad-Diretturi Ġenerali tal-Kummissjoni;
   - dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni ffirmata mid-direttur tal-korp, flimkien ma' kwalunkwe riżerva jew osservazzjoni oħra li d-direttur iqis xierqa li titwassal għall-attenzjoni tal-awtorità li tagħti l-kwittanza;
   id-definizzjoni tal-prinċipji sabiex jiġi ddeterminat jekk u sa fejn l-imposti u l-ħlasijiet għandhomx ikunu sors ta" finanzjament għall-aġenziji,
   id-dispożizzjoni għal reviżjoni rikorrenti dwar jekk l-aġenziji eżistenti humiex meħtieġa u li jiġu stabbiliti kriterji sabiex ikun stabbilit meta aġenzija regolatorja tkun temmet l-iskop tagħha u tkun tista' tingħalaq;

5.  Jiddispjaċih bin-nuqqas ta' strateġija ġenerali għall-ħolqien ta' aġenziji tal-UE; jinnota li qed jinħolqu aġenziji ġodda skont iċ-ċirkustanzi ta" kull każ individwali, u dan qed iwassal għal mużajk sħiħ u xejn trasparenti ta' aġenziji regolatorji, aġenziji eżekuttivi u entitajiet Komunitarji oħra li kull wieħed jikkostitwixxi struttura sui generis;

6.  Jinnota l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li t-twaqqif tal-aġenziji regolatorji, li kultant jitwettaq bl-għajnuna tal-Parlament Ewropew, hija espressjoni tal-koperazzjoni bejn l-Istati Membri, u t-tħaddim ta' dawn l-aġenziji jinsab fl-interoperabilità u fl-eżerċizzju tal-kompetenzi, li jekk konferiti esklussivament lill-istituzzjonijiet Komunitarji, jagħti lok għal oġġezzjonijiet ta' ċentraliżmu;

7.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex, flimkien mal-Parlament Ewropew, jaħdmu bil-għan li joħolqu qafas ċar, komuni u koerenti li jikkonċerna l-irwol li se jingħata fil-ġejjieni lill-aġenziji fil-kuntest tal-governanza tal-UE;

8.  Huwa tal-fehma li t-trasparenza tal-aġenziji regolatorji għandha tkun assigurata, b'mod partikulari fir-rigward tal-funzjonament tagħhom, tal-iżvelar u l-aċċessibilità tat-tagħrif, u tal-ipprogrammar u r-responsabilità tal-azzjonijiet tagħhom;

9.  Iqis li l-prijorità ta' ''qafas komuni'' imfittex fil-qasam tal-fehim interistituzzjonali għandha tkun li tirrazzjonalizza t-tħaddim tiegħu u jiġi ottimizzat il-valur miżjud tal-aġenziji regolatorji, billi tiżdied it-trasparenza u l-kontroll demokratiku viżibbli kif ukoll tissaħħaħ l-effikaċja;

10.  Jidhirlu li huwa indispensabbli li jiġu stabbiliti regoli u prinċipji minimi komuni fir-rigward tal-istruttura, tat-tħaddim u tal-kontroll tal-aġenziji regolatorji kollha, indipendentement min-natura tagħhom;

11.  Iqis li l-parteċipazzjoni fl-attività tal-aġenziji regolatorji se jkollha tkun żgurata billi jiġu strutturati b'mod formali l-proċessi ta" konsultazzjoni u ta" djalogu mal-partijiet interessati;

12.  Iqis li d-diversità strutturali u funzjonali tal-aġenziji tqajjem dubji serji fir-rigward tal-parametri regolamentari, il-governanza tajba u t-tqarrib istituzzjonali f'termini ta' ċentralizzazzjoni u deċentralizzazzjoni;

13.  Huwa favur li l-prinċipji tal-amministrazzjoni tajba għandhom ikunu żgurati permezz ta" approċċ komuni rigward il-proċessi tal-għazla, l-ibbaġitjar u l-amministrazzjoni tar-riżorsi, l-immaniġġjar effiċjenti u l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni;

14.  Se jeżamina jekk l-impenn tal-Kummissjoni li tipposponi kull proposta biex tistabbilixxi aġenziji regolatorji ġodda għandux ikopri wkoll ż-żewġ proposti attwalment sospiżi fl-oqsma tal-enerġija u t-telekomunikazzjoni;

15.  Jenfasizza l-bżonn li jitwaqqaf kontroll parlamentari dwar l-għamla u t-tħaddim tal-aġenziji regolatorji, li għandu jkun ibbażat essenzjalment fuq:

   il-preżentazzjoni lill-Parlament ta' rapport annwali mill-aġenziji nnifishom,
   il-possibbiltà li d-direttur ta' kull aġenzija jiġi mistieden jidher quddiem il-kumitat parlamentari kompetenti matul il-proċess ta' ħatra u,
   il-kisba min-naħa tal-Parlament Ewropew ta' kwittanza għall-eżekuzzjoni tal-baġits ta' dawk l-aġenziji li jirċievu finanzjament Komunitarju;

16.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tressaq il-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni orizzontali tal-aġenziji regolatorji, qabel it-tmiem tal-perjodu 2009-2010, sabiex il-konklużjonijiet tagħha jkunu jistgħu jitqiesu mill-grupp ta' ħidma interistituzzjonali;

17.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tfassal livelli ta' riferiment sabiex jitqabblu dawk ir-riżultati u jkunu stipulati regoli ċari għat-tmiem tal-mandat tal-aġenziji fil-każ ta' prestazzjoni fqira.

18.  Jistieden lill-President u l-Konferenza tal-Presidenti biex jagħtu prijorità lill-kwistjoni tal-kompożizzjoni tal-grupp ta' ħidma propost mil-Kummissjoni u jqis li jkun xieraq li l-Parlament ikun irrappreżentat f'dak il-grupp mill-presidenti jew ir-rapporteurs tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, il-Kumitat għall-Baġits u żewġ kumitati oħra b'esperjenza prattika ta' analiżi ġenerali tal-ħidma tal-aġenziji regolatorji;

19.  Itenni t-talba kemm tal-Parlament kif ukoll tal-Kummissjoni fl-abbozz tal-Ftehima Inter-Istituzzjonali tal-2005 biex tiddaħħal fl-att bażiku deċiżjoni dwar is-siġġu ta' aġenzija;

Kunsiderazzjonijiet baġitarji

20.  Jixtieq itenni l-importanza li, fuq bażi sistematika fil-livell interistituzzjonali, issir l-applikazzjoni tal-proċedura stabbilita fil-Punt 47 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-immaniġġjar finanzjarju sod(4) (IIA tas-17 ta" Mejju 2006) u jenfasizza l-bżonn li jkun żgurat segwitu xieraq ta' l-Istqarrija Konġunta tat-13 ta' Lulju 2007 mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-aġenziji deċentralizzati;

21.  Hu konvint li proċedura dettaljata għall-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni hija ħtieġa assoluta; iqis li proċedura bħal din tista' tagħti l-opportunità li jinżammu xi aspetti importanti tal-abbozz tal-ftehima interistituzzjonali tal-2005 mblukkat, forsi flimkien ma' xi adattamenti għar-Regolament Finanzjarju ta' Qafas għall-aġenziji(5);

22.  Jikkonkludi li, jekk l-eżerċizzji tal-evalwazzjoni jindikaw li n-nefqa għaqlija u l-effiċjenza tal-amministrazzjoni deċentralizzata ma jkunux iggarantiti, l-Unjoni Ewropea m'għandhiex tibża' li terġa' lura mit-tendenza attwali li l-kompiti tal-Kummissjoni jsiru minn aġenziji esterni u għandha tistabbilixxi regoli ċari biex ittemm il-mandat tal-aġenziji deċentralizzati;

23.  Jagħti l-appoġġ tiegħu għall-intenzjoni tal-Kummissjoni li ma tipproponix li jsiru aġenziji deċentralizzati ġodda sakemm jitlesta l-proċess ta' evalwazzjoni, b'mod speċjali fl-isfond tad-diffikultajiet li jistgħu joħolqu l-marġini tal-Qafas Finanzjarju Plurijennali attwali biex ikunu ffinanzjati entitajiet Komunitarji ġodda bla ma ssir programmazzjoni serja mill-ġdid;

24.  Iqis, mill-aspett baġitarju, il-punti li ġejjin bħala kwistjonijiet ewlenin għall-aġenda tal-grupp ta' ħidma interistituzzjonali dwar il-ġejjieni tal-aġenziji tal-UE:

L-istabbiliment tad-definizzjoni ta' aġenzija

25.  Ifakkar, f'dan ir-rigward, fid-definizzjoni ta' "aġenzija" stabbilita fit-Trijalogu tas-7 ta' Marzu 2007, meta sar qbil li għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tal-Punt 47 tal-IIA tas-17 ta' Mejju 2006, id-definizzjoni ta' "aġenzija" għandha tkun determinata minn jekk l-entità partikulari twaqqfitx b'konformità mal-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta" Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li japplika għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (6)(Regolament Finanzjarju);

26.  Jixtieq jisħaq fuq l-importanza li t-terminoloġija ġenerali għandha tkun ċara u koerenti rigward l-aġenziji u li tkun stabbilita għall-użu komuni; ifakkar li l-"aġenziji regolatorji" mhumiex ħlief subgrupp tal-aġenziji deċentralizzati;

Aġenziji ġodda - Rabta bejn il-proċeduri leġiżlattivi u l-prerogattivi baġitarji

27.  Iqis li hu importanti li jkunu diskussi kemm il-problemi tal-kalendarju kif ukoll l-aspetti leġiżlattivi u proċedurali li jistgħu jinqalgħu fil-każ li ma tintlaħaqx ftehima dwar il-finanzjament ta' aġenzija ġdida, skont il-Punt 47 tal-IIA tas-17 ta' Mejju 2006, b'mod parallel mad-deċiżjonijiet li jkun ħa l-leġiżlatur; iqis li hu daqstant importanti li ssir riflessjoni fuq is-salvagwardji proċedurali sabiex ikun żgurat li jkun hemm involviment sħiħ tal-awtorità baġitarja fil-kwistjonijiet kollha li jkollhom impatt baġitarju bħall-estensjoni tal-listi ta' kompetenzi tal-aġenziji;

28.  Ifakkar li sa mill-2005, il-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu fuq imsemmija talab li jsiru evalwazzjonijiet obbligatorji dwar il-paragun bejn in-nefqa u l-benefiċċji qabel ma tiġi proposta aġenzija ġdida u li dawn għandhom jiffukaw, b'mod partikulari, fuq jekk "jaqbilx li ssir aġenzija (inklużi l-ispejjeż għall-monitoraġġ u l-koordinazzjoni) iktar milli kieku l-kompiti rilevanti kellhom isiru mid-dipartimenti tal-Kummissjoni stess", kif ukoll fuq kwistjonijiet bħall-mandat u l-metodi ta' ħidma tal-aġenzija jew fuq il-grad ta' indipendenza mill-Kummissjoni billi dan sikwit ikun ta' interess partikulari għal-leġiżlatur;

Aġenziji eżistenti - Monitoraġġ

29.  Jisħaq fuq il-bżonn ta' eżerċizzju ta' evalwazzjoni u kontroll regolari u koordinat - sabiex tkun evitata d-duplikazzjoni - biex ikun evalwat il-valur miżjud tal-aġenziji deċentralizzati eżistenti u li m'għadhomx jidħlu fl-ambitu tal-Punt 47 tal-IIA tas-17 ta' Mejju 2006; jara dan bħala segwitu għall-ħidma li saret qabel u li wasslet għal dikjarazzjoni konġunta fuq l-aġenziji Komunitarji li sar qbil dwarha fit-Trijalogu tat-18 ta' April 2007 skond liema saar qbil sabiex issir evalwazzjoni regolari tal-aġenziji Komunitarji eżistenti, li tiffoka b'mod partikulari fuq il-paragun bejn in-nefqa u l-benefiċċji u li tagħti spjegazzjoni dettaljata tal-kriterji użati għall-għażla tal-aġenziji li għandhom ikunu evalwati;

30.  Jinnota li l-analiżi mwettqa għandha twieġeb għal xi domandi bażiċi dwar kwistjonijiet marbuta mar-relazzjoni bejn il-benefiċċji u l-infiq u għandha titwettaq f'konformità, fost l-oħrajn, mal-kriterji li ġejjin:

   Rilevanza: Kemm kienu rilevanti l-għanijiet previsti mir-regolament dwar it-twaqqif ta' aġenzija għal-livell ta' nefqa pubblika awtorizzat mill-baġit?
   Effikaċja: X'effetti (impatt) kisbet l-attività ta' din l-aġenzija?
   Effiċjenza (ġustifikazzjoni tan-nefqa): Kemm kienu ekonomiċi l-produzzjonijiet varji li ssarrfu fi prodotti u riżultati? Ir-riżultati (prevista) inkisbu b'nefqa raġjonevoli, b'mod partikulari rigward il-persunal użat u l-organizzazzjoni interna?

31.  Jiġbed l-attenzjoni li, meta jitqies l-impatt baġitarju ġenerali tal-aġenziji, il-Kummissjoni għandha turi b'mod konvinċenti li l-governanza Ewropea permezz tal-aġenziji hija l-iktar għażla xierqa, l-aktar effiċjenti u l-aktar effettiva f'sens ta' nfiq biex ikunu implimentati l-politiki Ewropej fil-preżent u fil-ġejjieni qrib;

Qafas komuni ġenerali

32.  Jinsisti dwar il-bżonn li jkunu stabbiliti standards minimi komuni li tista' ssir referenza għalihom fir-regolamenti dwar it-twaqqif tal-aġenziji, fost affarijiet oħra, l-irwol u r-responsabilità politika tal-Kummissjoni vis-à-vis l-aġenziji, l-appoġġ li għandu jingħata mill-pajjiżi ospitanti u d-deċiżjoni f'waqtha u trasparenti dwar is-sede ta' aġenzija;

33.  Ifakkar li l-azzjonijiet tal-aġenziji jeħtieġ li jkunu rregolati minn pożizzjonijiet ċari ta' responsabilità diretta, b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju; jenfasizza l-obbligi tal-aġenziji rigward il-proċedura ta' kwittanza;

34.  Iqis, barra minn hekk, li hu ta' importanza kbira li jsir tentattiv li jiġu definiti xi regoli komuni għall-preżentazzjoni tal-baġits tal-aġenziji bil-għan li l-indikaturi baġitarji jsiru aktar trasparenti u komparabbli, bħar-rati ta' implimentazzjoni tal-aġenziji jew l-ishma individwali li jikkostitwixxu d-dħul u l-ispejjeż tagħhom; jemmen li l-preżentazzjoni ġenerali tas-sussidji għall-aġenziji fil-baġit tal-UE tista' teħtiġilha li tkun adattata għall-ħidmiet u l-irwoli tal-ġenerazzjoni l-ġdida tal-aġenziji;

35.  Jiġbed l-attenzjoni li, skont iċ-ċifri mogħtija mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha fuq imsemmija, bħalissa hemm 29 aġenzija regolatorja, li jimpjegaw madwar 3 800 membru tal-persunal, b'baġit annwali ta" madwar EUR 1 100 miljun, inkluża kontribuzzjoni Komunitarja ta" madwar EUR 559 miljun;

36.  Jinsisti li l-proċess ta" verifika/kwittanza għandu jkun proporzjonat mal-baġit ġenerali tal-aġenziji; jinnota b'mod partikulari li r-riżorsi disponibbli għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri ma żdidux b'mod proporzjonat mal-għadd tal-aġenziji fis-snin riċenti;

37.  Itenni x-xewqa msemmija fil-paragrafu 7 tar-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-22 ta' April 2008 dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji li r-rendiment tal-aġenziji jkun regolarment verifikat (u fuq bażi ad hoc) mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri jew minn awditur indipendenti ieħor; iqis li dan m'għandux ikun limitat għal elementi tradizzjonali ta' mmaniġġjar finanzjarju u għall-użu xieraq ta' fondi pubbliċi, imma għandu jkopri wkoll l-effiċjenza u l-effettività ta l-amministrazzjoni u għandu jinkludi klassifikazzjoni tal-immaniġġjar finanzjarju ta' kull aġenzija;

38.  Huwa tal-opinjoni li l-aġenziji kollha għandhom jagħtu, flimkien mal-organigramma tagħhom, tagħrif ġenerali dwar in-numru ta' persunal permanenti u temporanju kif ukoll ta' esperti nazzjonali tagħhom, kif ukoll jindikaw kull bidla fir-rigward tas-sentejn ta' qabel;

39.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rapport speċjali Nru 5/2008 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-immaniġġjar finanzjarju sod tal-aġenziji b'riferenza partikulari għall-verifiki tar-rendiment;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tgħaqqad il-funzjonijiet amministrattivi tal-aġenziji ż-żgħar sabiex toħloq il-massa kritika meħtieġa biex l-aġenziji jkunu jistgħu jikkonformaw b'mod sodisfaċenti mar-regoli attwali tal-akkwist pubbliku u mar-Regolament Finanzjarju u mar-Regolamenti tal-Persunal(7);

41.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tagħmel eżami kritiku tat-talbiet baġitarji tal-aġenziji ladarba l-biċċa l-kbira tal-aġenziji ma jagħmlux użu mill-fondi mitluba;

o
o   o

42.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 92 E, 16.4.2004, p. 119.
(2) ĠU C 285 E, 22.11.2006, p. 123.
(3) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003, tad-19 ta' Diċembru 2002, li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b'ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1).
(4) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju ta' Qafas għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).
(6) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(7) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, ECSC) Nru 259/68 tad-29 ta' Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet ta' Impjieg ta' Persunal ieħor tal-Komunitajiet Ewropej u jistabbilixxi miżuri speċjali applikabbli temporanjament għall-uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).

Avviż legali - Politika tal-privatezza